Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2853(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0253/2014

Testi mressqa :

B8-0253/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 27/11/2014 - 10.9
CRE 27/11/2014 - 10.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0072

Testi adottati
PDF 259kWORD 93k
Il-Ħamis, 27 ta' Novembru 2014 - Strasburgu
Nutrizzjoni ħażina tat-tfal fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw
P8_TA(2014)0072B8-0253/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Novembru 2014 dwar in-nutrizzjoni insuffiċjenti u n-nutrizzjoni ħażina tat-tfal fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (2014/2853(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, u b'mod partikolari l-Artikolu 25 tagħha, li jirrikonoxxi d-dritt għall-ikel bħala parti mid-dritt għal livell ta' għajxien adegwat,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, u b'mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu li jirrikonoxxi d-dritt għal livell ta' għajxien adegwat, inkluż ikel adegwat, kif ukoll id-dritt fundamentali li dak li jkun ma jbatix il-ġuħ,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali adottat fl-2008, li jinforza d-dritt għall-ikel fil-livell internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u b'mod partikolari l-Artikoli 24(2)(c) u 27(3) tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija adottata fis-Summit Dinji dwar l-Ikel tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU li sar f'Ruma fl-1996,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida dwar id-Dritt għall-Ikel, adottati mill-FAO fl-2004, li joffru gwida lill-istati dwar kif jimplimentaw l-obbligi tagħhom fil-qasam tad-dritt għall-ikel,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, b'mod partikolari Għan 1 (biex jinqered il-faqar estrem u l-ġuħ sal-2015) u Għan 4 (biex tonqos il-mortalità fost it-tfal),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna għall-Ikel, adottata fl-2012,

–  wara li kkunsidra r-rapporti globali u ta' sinteżi tal-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Għarfien, Xjenzi u Teknoloġiji Agrikoli għall-Iżvilupp, li ġew ippubblikati fl-2009(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2009 tal-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF) dwar in-nuqqasijiet tal-ikel fil-livell dinji li jaffettwa lit-tfal,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Dritt għall-Ikel bl-isem ''Agroecology and the Right to Food'' (L-agroekoloġija u d-dritt għall-ikel), li ġie ppreżentat matul is-16-il sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fit-8 ta' Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra l-espożizzjoni Milano 2015, li t-tema tagħha se tkun ''Feeding the Planet, Energy for Life'' (Nitimgħu lill-pjaneta, l-enerġija għall-ħajja),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2010, bit-titolu "Għajnuna Umanitarja tal-Ikel" (COM(2010)0126),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2010 bit-titolu, "Qafas ta' politika tal-UE biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel" (COM(2010)0127),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2012 bit-titolu, "L-approċċ tal-UE għar-reżiljenza: Nitgħallmu mill-kriżijiet tas-sigurtà tal-ikel", (COM(2012)0586),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Marzu 2013 bit-titolu, "Intejbu n-Nutrizzjoni Materna u dik tat-Tfal fl-Assistenza Esterna Qafas Politiku tal-UE" (COM(2013)0141),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Settembru 2011 dwar qafas ta' politika tal-UE biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-approċċ tal-UE għar-reżiljenza u t-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw: nitgħallmu mill-kriżijiet tas-sigurtà tal-ikel(3),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija tiegħu lill-Kummissjoni dwar in-nutrizzjoni ħażina tat-tfal fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (O-000083/2014 – B8‑0041/2014),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2)tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi għad hemm kważi biljun ruħ li qed ibatu l-ġuħ u billi tal-anqas 225 miljun tifel u tifla fid-dinja taħt l-età ta' ħames snin qed ibatu minn nutrizzjoni insuffiċjenti akuta u kronika jew minn twaqqif fit-tkabbir minħabba nutrizzjoni insuffiċjenti kronika tat-tfal u materna, u billi kull sena qed imutu madwar 2.6 miljun tifel u tifla li jbatu minn dawn il-kundizzjonijiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

B.  billi skont l-Indiċi u l-Mapep tal-Ġuħ Moħbi fid-Dinja(4), madwar żewġ biljun persuna fid-dinja jew persuna minn kull tlieta fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, qed ibatu minn nuqqas kroniku ta' vitamini u minerali essenzjali (mikronutrijenti), kundizzjoni magħrufa bħala ''ġuħ moħbi'' li żżid is-suxxettibbiltà tagħhom għal difetti fit-twelid, infezzjonijiet u żvilupp kompromess;

C.  billi skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), in-nutrizzjoni insuffiċjenti hija fil-wisa' l-kawża ewlenija ta' mortalità fost it-tfal u tikkaġuna 35 % tal-karga tal-mard tat-tfal taħt l-età ta' ħames snin;

D.  billi kważi 20 miljun tifel u tifla għadhom qed isofru minn nutrizzjoni insuffiċjenti severa u akuta f'kuntesti kemm ta' emerġenza u kemm dawk mhux ta' emerġenza; billi 10 % minnhom biss għandhom aċċess għat-trattament;

E.  billi n-nutrizzjoni tat-tfal tal-età ta' ħames snin jew inqas tiddependi fil-maġġorparti mil-livell ta' nutrizzjoni ta' ommijiethom matul it-tqala u l-perjodu meta jkunu qed ireddgħu;

F.  billi n-nutrizzjoni insuffiċjenti tikkawża wkoll morbożità u telf ta' produttività u tostakola l-iżvilupp soċjali u ekonomiku fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

G.  billi dawk li jirnexxielhom jibqgħu jgħixu b'nutrizzjoni insuffiċjenti jbatu minn defiċjenzi fiżiċi u mentali tul ħajjithom kollha li jillimitaw l-abbiltà tagħhom li jitgħallmu u jidħlu fid-dinja tax-xogħol, u dan iżommhom maqbudin f'ċiklu interġenerazzjonali ta' mard u faqar;

H.  billi minħabba l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq il-produzzjoni agrikola u b'hekk fuq in-nutrizzjoni, l-għadd ta' tfal vittmi ta' nutrizzjoni insuffiċjenti mistenni jogħla;

I.  billi kawża importanti tal-ġuħ fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw hija l-faqar rurali u urban enormi aggravat mill-migrazzjoni rurali, li hija kkawżata mill-fatt li għal bosta persuni l-biedja fuq skala żgħira mhijiex għażla vijabbli;

J.  billi 25 sena wara l-adozzjoni tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, ċerti Stati Partijiet ma rnexxilhomx joħolqu ambjent favorevoli li jiggarantixxi l-aċċess tat-tfal għal ikel adegwat;

K.  billi fis-Summit Dinji dwar l-Ikel tal-1996, il-gvernijiet reġgħu affermaw id-dritt għall-ikel u impenjaw ruħhom li jnaqqsu bin-nofs l-għadd ta' nies bil-ġuħ jew vittmi ta' nutrizzjoni ħażina minn 840 miljun għal 420 miljun sal-2015; billi minkejja dan, l-għadd ta' nies bil-ġuħ jew vittmi ta' nutrizzjoni ħażina, partikolarment it-tfal, żdied matul dawn l-aħħar snin, primarjament minħabba l-kriżijiet alimentari tal-2008 u tal-2011;

L.  billi bosta strumenti ġuridiċi internazzjonali jorbtu d-dritt għall-ikel ma' drittijiet tal-bniedem oħrajn, inklużi d-dritt għall-ħajja, għal għajxien, is-saħħa, il-proprjetà, l-edukazzjoni u l-ilma;

M.  billi d-dritt għall-ikel u għal nutrizzjoni tajba għal kulħadd huwa importantissmu biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs); billi n-nutrizzjoni hija marbuta mal-maġġorparti tal-MDGs, jekk mhux kollha, u li dawn, min-naħa tagħhom, huma marbutin mill-qrib ma' xulxin;

N.  billi l-organizzazzjonijiet internazzjonali jikkonfermaw li l-produzzjoni alimentari hija biżżejjed biex titma' l-popolazzjoni kollha tad-dinja u li n-nutrizzjoni insuffiċjenti tat-tfal hija marbuta man-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel u mal-faqar tal-unitajiet domestiċi, l-esklużjoni, kuri u prattiki ta' alimentazzjoni inadegwati, ambjenti domestiċi li mhumiex tajbin għas-saħħa u ma' servizzi tas-saħħa inadegwati;

O.  billi d-dritt għall-ikel u għal nutrizzjoni tajba huwa essenzjali biex jinbnew familji u komunitajiet reżiljenti u għat-tisħiħ tal-kapaċità tagħhom li jnaqqsu t-tul tal-perjodi ta' rkupru wara emerġenza, f'kuntest ikkaratterizzat minn żieda fl-għadd u l-kobor tad-diżastri;

P.  billi l-aqwa status nutrizzjonali jinkiseb meta t-tfal ikollhom aċċess għal ikel bi prezz raġonevoli, varjat u għani fin-nutrijenti, kif ukoll għal prattiki xierqa materni u tal-kura tat-tfal, servizzi tas-saħħa adegwati u ambjent tajjeb għas-saħħa inklużi ilma sikur, sanità u prattiki ta' iġjene tajbin;

1.  Jindika li l-kawżi tan-nutrizzjoni insuffiċjenti tat-tfal huma bosta, li fil-biċċa l-kbira tagħhom jinġiebu mill-bniedem u għalhekk jistgħu jiġu evitati, u li dawn jinkludu strutturi ekonomiċi ineffiċjenti, distribuzzjoni inugwali tar-riżorsi u/jew l-użu mhux sostenibbli tagħhom, governanza ħażina, dipendenza kbira fuq prodotti tar-raba' individwali u prattiki agrikoli monokulturali, diskriminazzjoni kontra n-nisa u t-tfal u saħħa ħażina kkaġunata minn sistemi sanitarji b'defiċjenzi flimkien ma' nuqqas ta' edukazzjoni speċjalment għall-ommijiet;

2.  Jinsisti li l-awtoritajiet pubbliċi jeħtieġ jiggarantixxu t-tliet dimensjonijiet tad-dritt għall-ikel u għal nutrizzjoni tajba: id-disponibbiltà, jiġifieri l-possibbiltà li dak li jkun jitma' lilu nnifsu direttament mill-art produttiva jew minn riżorsi naturali oħra, jew li jistabbilixxi sistemi tad-distribuzzjoni, l-ipproċessar u tas-suq li jaħdmu sewwa; l-aċċessibbiltà, jiġifieri li jkun garantit kemm l-aċċess ekonomiku u kemm dak fiżiku għall-ikel; u l-adegwatezza, jiġifieri li l-ikel irid ikun sikur u jissodisfa l-bżonnijiet nutrizzjonali ta' kull individwu, b'kont meħud ta' fatturi bħall-età, il-kundizzjonijiet tal-ħajja, is-saħħa, l-impjieg, is-sess, il-kultura u r-reliġjon;

3.  Jenfasizza l-fatt li, minn perspettiva ta' ċiklu tal-ħajja, l-aktar żmien kruċjali biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti nutrizzjonali ta' tifel jew tifla huma l-ewwel 1 000 jum tal-ħajja, inkluż il-perjodu tat-tqala, peress li matul dan iż-żmien it-tfal ikollhom ħtiġijiet nutrizzjonali akbar biex isostnu t-tkabbir u l-iżvilupp rapidi tagħhom, ikunu aktar suxxettibbli għall-infezzjonijiet u jkunu jiddependu għalkollox fuq ħaddieħor għan-nutrizzjoni, il-kura u l-interazzjonijiet soċjali;

4.  Jerġa' jafferma li l-indirizzar tan-nutrizzjoni insuffiċjenti tat-tfal u dik materna jeħtieġ approċċ integrat u azzjoni koordinata f'għadd setturi li jinfluwenzaw in-nutrizzjoni insuffiċjenti, bħas-saħħa, l-edukazzjoni, l-agrikoltura, l-ilma, l-aċċess għall-enerġija u s-sanità, flimkien mal-parteċipazzjoni responsabbli tal-partijiet interessati kollha, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw strateġiji tal-iżvilupp konsistenti u fit-tul u biex jagħmlu sforzi sabiex inaqqsu n-nutrizzjoni insuffiċjenti, anki fil-kuntest ta' sitwazzjonijiet ta' emerġenza u interventi umanitarji;

5.  Jappella lill-UE żżid is-sostenn ipprovdut mill-programmi tagħha għall-għajnuna għall-iżvilupp favur produzzjoni agrikola sostenibbli min-naħa ta' azjendi agrikoli żgħar, tal-bdiewa u ta' daqs medju, u dan prinċipalment għall-konsum lokali; jitlobha wkoll tinvesti fi pjanijiet parteċipattivi mmexxija fil-livell nazzjonali li għandhom jiġu implimentati fil-livell lokali, b’kooperazzjoni mal-bdiewa u r-rappreżentanti tagħhom, mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

6.  Ifaħħar it-titjib li sar matul dawn l-aħħar snin fil-ġlieda kontra n-nutrizzjoni insuffiċjenti tat-tfal, kif juru l-indikaturi dwar il-progress lejn l-ilħuq tal-MDG nru 1; iqis madankollu li l-għadd ta' tfal li qegħdin imutu jew ibatu min-nutrizzjoni insuffiċjenti għadu għoli u li dan huwa inaċċettabbli, u li dan jikkontribwixxi għaż-żamma taċ-ċirku vizzjuż tal-faqar u tal-ġuħ;

7.  Jenfasizza għalhekk li l-ġlieda kontra n-nutrizzjoni insuffiċjenti tat-tfal u l-għoti ta' aċċess universali għal ikel sustanzjuż u adegwat għandhom jibqgħu fost il-miri l-aktar importanti tal-aġenda għal wara l-2015 fl-ambitu tal-għan li jinġieb fi tmiem il-ġuħ, b'appell speċifiku sabiex jintemmu l-forom kollha ta' nutrizzjoni ħażina sal-2030 u li sal-2025 jinkisbu l-miri miftiehma fil-livell internazzjonali dwar it-twaqqif fit-tkabbir u żbilanċi fil-proporzjon bejn it-tul u l-piż għal tfal taħt il-ħames snin;

8.  Iqis li t-tnaqqis fil-fondi għall-agrikoltura fl-ambitu tal-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) meta mqabbel mad-9 FEŻ kien żball; jeżorta għalhekk lill-Kunsill jerġa' jeżamina l-kwistjoni u jieħu azzjoni korrettiva fir-rigward tal-11-il FEŻ;

9.  Jenfasizza l-importanza tar-rieda politika biex tiġi indirizzata n-nutrizzjoni insuffiċjenti; jilqa' l-Pjan Direzzjonali għaż-Żieda fin-Nutrizzjoni (Road Map for Scaling-Up Nutrition (SUN)) żviluppat mill-Kumitat Permanenti tan-NU għan-Nutrizzjoni, bil-għan li jaċċelera t-titjib fin-nutrizzjoni, partikolarment fil-pajjiżi li qed ibatu l-aktar b'dan, bil-parteċipazzjoni tad-diversi partijiet interessati fosthom l-aġenziji tan-NU b'kompetenza fil-qasam tan-nutrizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw il-prinċipji deskritti fl-inizjattiva SUN; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi u tikkoordina l-parteċipazzjoni fl-inizjattiva SUN min-naħa tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet fil-livell lokali b'rabtiet diretti mal-bdiewa fuq skala żgħira u l-familji tagħhom;

10.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tinvesti EUR 3,5 biljuni bejn l-2014 u l-2020 fuq it-titjib tan-nutrizzjoni f'xi wħud mill-ifqar pajjiżi fid-dinja, u jistieden lill-Kummissjoni żżid l-impenji tagħha fuq interventi speċifiċi għan-nutrizzjoni sabiex tilħaq l-objettiv tagħha li sal-2025 tnaqqas b'7 miljuni l-għadd ta' tfal ta' taħt il-ħames snin li waqfu jikbru;

11.  Jenfasizza l-fatt li n-nisa għandhom rwol kruċjali fin-nutrizzjoni tat-tfal u s-sigurtà tal-ikel billi dawn ireddgħu, jipproduċu, jixtru, iħejju u jqassmu l-ikel tal-familja, jieħdu ħsieb it-tfal u l-morda u jiżguraw iġjene adegwata; jindika li għalkemm 60 % tal-ġuħ kroniku jaffettwa lin-nisa u l-bniet, in-nisa jipproduċu bejn 60 % u 80 % tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

12.  Jenfasizza l-fatt li n-nisa, għalkemm huma responsabbli għal madwar 80 % tal-biedja fl-Afrika, formalment huma s-sidien ta' 2 % biss tal-art; jindika wkoll li programmi reċenti fl-Indja, il-Kenja, il-Ħonduras, il-Gana, in-Nikaragwa u n-Nepal sabu li l-unitajiet domestiċi mmexxija min-nisa għandhom iktar sigurtà tal-ikel, kura tas-saħħa aħjar u enfasi iktar qawwija fuq l-edukazzjoni milli unitajiet domestiċi mmexxija mill-irġiel;

13.  Jenfasizza li hemm rabta mill-qrib bejn il-livell edukattiv tan-nisa u l-istatus nutrizzjonali ta' familtha; iħeġġeġ għaldaqstant li jitneħħew l-ostakoli tal-ġeneru fir-rigward tal-edukazzjoni u l-litteriżmu, bil-ħsieb li n-nisa jkollhom aċċess akbar għall-edukazzjoni;

14.  Jappella għaldaqstant għall-inklużjoni tad-dimensjoni tal-ġeneru u l-promozzjoni tal-għoti tas-setgħa lin-nisa fil-politiki kollha mmirati lejn il-ġlieda kontra n-nutrizzjoni insuffiċjenti tat-tfal;

15.  Jenfasizza li n-nutrizzjoni insuffiċjenti fost in-nisa tqal għandha konsegwenzi devastanti għat-trabi tat-twelid, effetti li hemm ċans li jikkompromettu b'mod irreversibbli l-iżvilupp futur tat-tifel jew tat-tifla; jappella għalhekk sabiex tingħata attenzjoni partikolari lill-ħarsien tas-saħħa u d-drittijiet tan-nisa u sabiex it-taħriġ nutrizzjonali jsir parti prinċipali mill-programmi edukattivi u l-kurrikulum skolastiku tal-bniet;

16.  Jafferma mill-ġdid l-importanza tal-litteriżmu bħala għodda b'saħħitha għall-ġlieda kontra l-faqar u t-tisħiħ tal-iżvilupp ekonomiku; jenfasizza għalhekk l-importanza li tiġi appoġġata l-edukazzjoni tal-bniet, billi l-investiment fihom itejjeb iċ-ċans li kemm huma u kemm it-tfal futuri tagħhom ikollhom ħajja aktar b'saħħitha u produttiva;

17.  Jenfasizza li n-nutrizzjoni insuffiċjenti tat-tfal tiġri l-aktar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, mhux biss fost il-popolazzjonijiet rurali iżda anki f'ambjenti urbani; huwa tal-fehma għaldaqstant li waħda mid-direzzjonijiet ewlenin li twassal għall-qerda tal-ġuħ fost it-tfal hija l-ħolqien ta' politiki u riformi agrikoli intiżi biex il-bdiewa ż-żgħar ikunu jistgħu jipproduċu b'mod aktar effikaċi u aktar sostenibbli bil-għan li jiggarantixxu biżżejjed ikel għalihom stess u għal familthom;

18.  Jenfasizza li jekk ma tiġix ittrattata fil-pront in-nutrizzjoni insuffiċjenti tat-tfal kemm fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp u kemm fl-interventi umanitarji, hemm riskju li dan jipperikola d-dimensjonijiet kollha tal-iżvilupp tal-bniedem, jimmina l-programmi edukattivi nazzjonali, titgħabba aktar in-nefqa nazzjonali għas-saħħa u jiġi ostakolat l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jwassal għal telf ekonomiku bi stima ta' bejn 2 % u 8 % tal-PDG ta' dawn il-pajjiżi;

19.  Ifakkar li n-nuqqas ta' mikronutrijenti, li jikkostitwixxi madwar 7 % tal-piż tal-mard fil-livell globali, għandu konsegwenzi serji fuq l-iżvilupp fiżiku u mentali fit-trabi u t-tfal żgħar; jenfasizza l-fatt li fl-20 pajjiż fl-ogħla Indiċi ta' Ġuħ Moħbi (li 18 minnhom huma fl-Afrika sub-Saħarjana u tnejn fl-Asja - l-Indja u l-Afganistan), it-twaqqif fit-tkabbir, l-anemija tan-nuqqas ta' ħadid u n-nuqqas ta' vitamina A huma prevalenti bil-kbir fost it-tfal tal-età ta' qabel l-iskola;

20.  Jindika li n-nutrizzjoni insuffiċjenti tat-tfal ma tinbitx biss min-nuqqas ta' ikel u ta' infrastrutturi, iżda anki minn problemi ta' distribuzzjoni tal-ikel, minn aċċess inadegwat għall-ikel u min-nuqqas ta' kapaċità tal-akkwist, partikolarment fid-dawl ta' prezzijiet tal-ikel għoljin li jkomplu jiżdiedu bl-ispekulazzjoni fuq il-prodotti bażiċi; jinnota li n-nuqqas ta' kapaċità tal-akkwist taffettwa partikolarment lill-foqra urbani, li ma jistgħux jipproduċu l-ikel tagħhom stess; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza li jitħarsu l-bdiewa fuq skala żgħira u l-metodi agrikoli tradizzjonali;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-Istati Membri li aċċedew għall-Expo 2015 biex ivaraw inizjattiva konġunta li l-punt ta' tluq tagħha jkun it-tema ''Nitimgħu lill-pjaneta, l-enerġija għall-ħajja'', bil-ħsieb li jiġu żgurati l-impenji u l-miri vinkolanti għall-ġlieda kontra l-ġuħ u n-nutrizzjoni insuffiċjenti flimkien ma' strateġiji diversifikati f'oqsma li jvarjaw mill-agrikoltura għall-kooperazzjoni;

22.  Jirrikonoxxi li t-titjib fin-nutrizzjoni tat-tfal u dik materna u fis-sigurtà tal-ikel b'mod ġenerali, se jirrikjedi azzjoni effettiva u koordinata fir-rigward ta' għadd ta' politiki u setturi, inklużi: politiki dwar l-iżvilupp rurali u l-użu tal-ilma u l-art effikaċi u sostenibbli; servizzi tas-saħħa, ilma sikur u sanitarji adegwati; prattiki materni u tal-kura tat-tfal adegwati; il-ħarsien tal-ħajja tal-baħar u ta' ekosistemi oħra u tal-bijodiversità; id-deforestazzjoni u t-taffija tat-tibdil fil-klima; l-adattament u t-tnaqqis fir-riskju ta' diżastri; il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli; l-aċċess sikur u sostenibbli għall-enerġija; il-kummerċ; is-sajd; l-inklużjoni soċjali; u l-impjieg deċenti;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw in-nutrizzjoni, is-sikurezza tal-ikel u l-agrikoltura sostenibbli fil-politiki ta' żvilupp kollha tagħhom, bil-għan li tiġi protetta u promossa n-nutrizzjoni u jkun żgurat approċċ olistiku mil-livell lokali għal dak dinji; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif xieraq, jagħtu prijorità lin-nutrizzjoni bħala għan kruċjali għall-iżvilupp fl-ambitu tal-istrumenti ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, b'mod partikolari l-11-il FEŻ u l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp il-ġdid;

24.  Jenfasizza li, biex ikunu aktar effikaċi, il-programmi ta' żvilupp u ta' emerġenza jeħtieġu jkunu marbutin mill-qrib bil-għan li jantiċipaw u jipprevjenu l-kriżijiet alimentari, jgħinu jnaqqsu d-danni kkawżati u jiffaċilitaw l-irkupru;

25.  Jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw joħolqu ambjent favorevoli għal nutrizzjoni tat-tfal aħjar permezz ta' titjib fil-politiki, koordinazzjoni bejn il-pjanijiet u l-istrateġiji nazzjonali fil-qasam tan-nutrizzjoni u l-programmi tad-donaturi, il-governanza u r-responsabbiltà fil-konfront taċ-ċittadini; iħeġġeġ sabiex ikun hemm aktar trasparenza fil-baġits tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw pereżempju permezz tal-monitoraġġ tal-baġits, biex b'hekk ikunu jistgħu jiġu vvalutati aħjar l-għadd u l-kwalità tal-proġetti li jindirizzaw in-nutrizzjoni ħażina;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa li d-data dwar in-nutrizzjoni insuffiċjenti u dwar in-nuqqas ta' mikronutrijenti titjieb u ssir aktar koordinata biex b'hekk ikunu jistgħu jiġu megħjuna aħjar il-programmi ta' intervent u biex il-pajjiżi kkonċernati jingħataw appoġġ immirat u bbażat fuq l-informazzjoni;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmobilizzaw riżorsi u investimenti finanzjarji fit-tul għan-nutrizzjoni, b'kooperazzjoni ma' atturi bħall-aġenziji tan-NU, il-G8/G20, il-pajjiżi emerġenti, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u mhux governattivi, l-istituzzjonijiet akkademiċi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-settur privat, kif ukoll jidentifikaw in-nutrizzjoni bħala prijorità tal-finanzjament innovattiv;

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kumitat Permanenti tan-Nazzjonijiet Uniti għan-Nutrizzjoni.

(1) http://www.unep.org/dewa/Assessments/Ecosystems/IAASTD/tabid/105853/Default.aspx
(2) ĠU C 56 E, 26.2.2013, p. 75.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0578.
(4) Indiċi u Mapep tal-Ġuħ Moħbi fid-Dinja: Għodda ta' Appoġġ għal Azzjoni

Avviż legali - Politika tal-privatezza