Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2170(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0064/2014

Testi mressqa :

A8-0064/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 16/12/2014 - 5.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0080

Testi adottati
PDF 327kWORD 75k
It-Tlieta, 16 ta' Diċembru 2014 - Strasburgu
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2014/010 IT/Whirlpool - Italja
P8_TA(2014)0080A8-0064/2014
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f’konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2014/010 IT/Whirpool, ippreżentata mill-Italja) (COM(2014)0672 – C8-0231/2014 – 2014/2170(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0672 – C8‑0231/2014),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1), (Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikulari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta ' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8‑0064/2014),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għal ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjin u biex tgħin fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol,

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-FII tat-2 ta ' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG),

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, biex tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu finanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji,

D.  billi l-awtoritajiet Taljani ressqu l-applikazzjoni EGF/2014/010 IT/Whirlpool fit-18 ta’ Ġunju 2014 wara li ngħataw is-sensja 608 ħaddiem tal-Whirlpool Europe S.r.l, impriża li kienet topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-diviżjoni 27 ta’ NACE Rev. 2 ("Manifattura ta’ tagħmir elettriku"), u ħames fornituri u produtturi aktar 'l isfel fil-katina ta' produzzjoni,

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eleġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG,

1.  L-awtoritajiet Taljani ressqu l-aplikazzjoni skont il-kriterju ta’ intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG, li jeħtieġ li tal-inqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja jew li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet, fuq perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur, f’impriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li jingħataw is-sensja fost il-fornituri u l-produtturi aktar 'l isfel fil-katina ta' produzzjoni; jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament huma ssodisfati u li, għalhekk, l-Italja għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-regolament;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Taljani ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja tal-FEG fit-18 ta' Ġunju 2014 u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fil-28 ta' Ottubru 2014; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni osservat l-iskadenza stretta ta' 12-il ġimgħa stabbilita fir-Regolament dwar il-FEG;

3.  Jinnota li l-awtoritajiet Taljani jargumentaw li l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali kellha effett profond fuq l-għażliet tal-konsum tal-unitajiet domestiċi Taljani li qiesu mill-ġdid id-deċiżjonijiet tagħhom dwar ix-xiri, b’mod partikolari dawk relatati ma’ xiri ta’ oġġetti li jservu għal ħafna żmien, inklużi apparati domestiċi;

4.  Jenfasizza li, minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika li wasslet għal tnaqqis sinifikanti tal-konsum tal-unitajiet domestiċi, is-suq Taljan għal apparati domestiċi kbar naqas minn EUR 3 174 biljuni fl-2010 għal EUR 2 649 biljun fl-2013, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 16,5 %;

5.  Jaqbel li t-tnaqqis qawwi fil-produzzjoni tat-tagħmir elettriku matul il-perjodu 2008-2012 huwa marbut mal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali li ġiet indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4) u li l-Italja għaldaqstant hi intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja tal-FEG;

6.  Jinnota li sal-lum, is-settur tal-"Manifattura ta' tagħmir elettriku" kien is-suġġett ta' żewġ applikazzjonijiet oħra tal-FEG(5), ibbażati wkoll fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali;

7.  Jinnota li dawn is-sensji se jkomplu jiggravaw aktar is-sitwazzjoni tal-qgħad fil-provinċja ta’ Trento, fejn ir-rata tal-qgħad irduppjat minn mindu bdiet il-kriżi, u telgħet minn 2,9 % fl-2007 għal 6,1 % fl-2013; jenfasizza li t-tnaqqis fl-impjieg affettwa kemm is-settur tal-kostruzzjoni (-10,3 %) kif ukoll dak tal-industrija (-2,4 %) u li fi Trentino n-numru ta' persuni qiegħda, li sar stħarriġ dwarhom mill-ISTAT fl-ewwel trimestru tal-2014, huwa madwar 18 700, filwaqt li n-numru ta’ dawk irreġistrati fl-uffiċċji tal-impjiegi tal-Provinċja hu madwar 41 800;

8.  Jinnota li minbarra l-502 sensji fil-Whirpool, ikkunsidrata bħala l-impriża primarja, fi ħdan il-perjodu ta’ referenza, 106 ħaddiema li ngħataw is-sensja f’ħames fornituri u produtturi aktar 'l isfel fil-katina ta' produzzjoni huma inklużi wkoll fl-għadd ta’ benefiċjarji eliġibbli, li jammonta għal 608 persuna b’kollox, li kollha kemm huma meqjusa bħala benefiċjarji fil-mira tal-miżuri tal-FEG;

9.  Jinnota li l-ispiża totali ta’ din l-applikazzjoni hi ta' EUR 3 150 000, li minnhom EUR 126 000 huma ddedikati għall-implimentazzjoni, u li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG tammonta għal EUR 1 890 000, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali;

10.  Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Taljani ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fl-4 ta' Frar 2014, qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ tal-FEG għall-pakkett ikkoordinat propost u saħansitra qabel l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG;

11.  Jilqa' l-fatt li s-sħab soċjali kienu involuti fin-negozjar ta' miżuri li għandhom jiġu appoġġjati; japprezza barra minn hekk il-fatt li t-trejdjunjins huma involuti fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u tat-tfassil mill-ġdid possibbli tal-miżuri, kif ukoll il-fatt li huma assoċjati mal-evalwazzjoni tar-riżultati; jilqa’ ukoll il-fatt li l-miżuri ppjanati, il-kontenut tagħhom u l-aspetti rilevanti tal-implimentazzjoni tagħhom (inkluża l-iskeda taż-żmien) ġew ippreżentati u diskussi mal-eks ħaddiema tal-impjant ta’ Whirpool ta’ Spini di Gargarolo matul għadd ta' laqgħat (15 b'kollox) li saru bejn Frar u Marzu 2014 u li, minn numru totali ta' ħaddiema li pparteċipaw f'dawn il-laqgħat, 393 irreġistraw bħala parteċipanti f’dawn il-miżuri;

12.  Jinnota li s-servizzi personalizzati li jridu jiġu pprovduti jinkludu: sessjonijiet ta’ informazzjoni, parteċipazzjoni u reġistrazzjoni, l-għoti ta’ pariri u gwida, valutazzjoni tal-ħiliet, taħriġ ġenerali u taħriġ mill-ġdid, taħriġ vokazzjonali, gwida personalizzata (coaching), akkumpanjament wara l-integrazzjoni mill-ġdid fl-impjieg u akkumpanjament lejn l-intraprenditorija, benefiċċju għal meta wieħed ikun qed ifittex impjieg, benefiċċju għall-parteċipazzjoni u kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u benefiċċju għal għoti ta’ impjieg;

13.  Jinnota li 16,78 % tal-benefiċjarji fil-mira mhumiex ċittadini tal-UE; iqis li ċerti elementi tal-attività tal-gwida personalizzata jistgħu jkunu partikolarment utli biex jgħinu lil dawn il-benefiċjarji jintegraw mill-ġdid fis-suq tax-xogħol;

14.  Huwa favur il-valutazzjoni tar-riżultati konkreti tal-attivitajiet ta' taħriġ, taħriġ mill-ġdid u dawk vokazzjonali pprovduti lill-parteċipanti sabiex tittieħed ħarsa aħjar lejn l-effiċjenza tal-miżuri pprovduti;

15.  Jilqa' l-miżuri ta' akkumpanjament wara l-integrazzjoni mill-ġdid fl-impjieg u ta' akkumpanjament lejn l-intraprenditorija;

16.  Iqis li l-benefiċċju ta' għoti ta' impjieg iservi bħala inċentiv għal impjegaturi ġodda biex jimpjegaw mill-ġdid il-parteċipanti b'kuntratti permanenti jew ta' mhux inqas minn 12-il xahar; jinnota li inqas minn nofs (250) il-benefiċarji kollha huma stmati li jipparteċipaw f'din il-miżura;

17.  Jilqa' pożittivament il-fatt li se jkunu rrispettati l-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u fl-implimentazzjoni tagħhom;

18.  Ifakkar li, f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG, it-tfassil tal-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati għandu jantiċipa perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-kapaċitajiet meħtieġa u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

19.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (ĠU L 167, 29.6.2009, p. 26).
(5)FEG/2009/010 LT AB Snaige COM(2010)0008, FEG/2011/023 IT Antonio Merloni COM(2013)0090.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f’konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2014/010 IT/Whirpool, ippreżentata mill-Italja)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE)2015/42.)

Avviż legali - Politika tal-privatezza