Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/006 PL/Fiat Auto Poland S.A. mill-Polonja) (COM(2014)0699 – C8-0243/2014 – 2014/2181(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0699 – C8-0243/2014),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(1) (Regolament tal-FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0062/2014),
A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tgħin ir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;
B. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG),
C. billi l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013(4) tirrifletti l-qbil li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill li jerġa' jiddaħħal il-kriterju dwar il-mobilizzazzjoni f''każ ta' kriżi, li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60 % tal-ispiża totali stmata tal-miżuri proposti, li tiżdied l-effiċjenza fit-trattament tal-applikazzjonijiet FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi iż-żmien għal valutazzjoni u approvazzjoni jitqassar, li l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli jiġu estizi billi jiġu inklużi dawk li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ u li jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' negozju proprju;
D. billi l-Polonja ressqet l-applikazzjoni FEG/2013/006 PL/Fiat għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 1079 sensja, 829 minn Fiat Auto Poland u 250 mill-21 fornitur u produttur fl-istadju aħħari tal-produzzjoni, b'777 persuna mistennija jipparteċipaw fil-miżuri FEG, marbuta ma' tnaqqis fil-produzzjoni fl-impjant Tychy ta' Fiat Auto Poland S.A. ("l-impjant Tychy tal-Fiat") li jinsab fil-provinċja ta' Slaskie, fil-Polonja, matul il-perjodu ta' referenza mill-21 ta' Jannar 2013 sal-21 ta' Mejju 2013;
E. billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG,
1. Jinnota li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament FEG huma sodisfatti u li, għalhekk, jaqbel mal-Kummissjoni li l-Polonja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Pollakki ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fid-29 ta' Lulju 2013, akkumpanjata minn informazzjoni addizzjonali sas-16 ta' Ġunju 2014 u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fl-10 ta' Novembru 2014;
3. Jilqa' l-fatt li, biex il-ħaddiema jingħataw assistenza rapida, l-awtoritajiet Pollakki ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fil-21 ta' Jannar 2013, ferm qabel id-deċiżjoni dwar l-għoti tal-appoġġ tal-FEG għall-pakkett koordinat propost;
4. Jinnota li l-industrija awtomobilistika Ewropea tilfet sehem mis-suq mill-2007 'l hawn, meta l-produzzjoni Ewropea tal-karozzi tal-passiġġieri ammontat għal 32,2 % tal-produzzjoni globali, persentaġġ li waqa' għal 23,2 % fl-2012; barra minn hekk, jenfasizza li l-produzzjoni tal-UE-27 naqset b'7 % mill-2011 għall-2012, filwaqt li l-livelli ta' produzzjoni dinjija żdiedu b'5,3 % fl-istess perjodu; jenfasizza li s-sitwazzjoni kienet saħansitra agħar fil-livell nazzjonali fejn il-volum tal-produzzjoni naqas bi kważi terz fl-2012 meta mqabbel mal-livelli tal-2011;
5. Konsegwentement, jaqbel mal-Kummissjoni li s-sensji fl-impjant Tychy tal-Fiat u l-fornituri u l-produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni tiegħu huma marbuta ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni; jissottolinja li l-impatt tal-globalizzazzjoni mar għall-agħar bl-effett tal-kriżi finanzjarja li naqqas il-bejgħ ta' karozzi ġodda tal-passiġġieri fl-Unjoni għal-livell l-aktar baxx minn mindu bdiet tinżamm l-istatistika;
6. Jinnota li s-sensji fl-impjant Tychy tal-Fiat mistennija jkollhom impatt negattiv fuq ir-reġjun, hekk kif l-ex ħaddiema tal-Fiat Auto Poland, il-fornituri u l-produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni jirrappreżentaw 10 %tal-persuni qiegħda kollha li jgħixu fiż-żona;
7. Jirrimarka li r-rata tal-qgħad fir-reġjun ta' Slaskie żdiedet mill-2011; barra minn hekk, jinnota żieda ta' sensji kollettivi fir-reġjun li kważi rduppjaw bejn l-2011 u l-2012;
8. Jinnota li, sal-lum il-ġurnata, is-settur awtomobilistiku kien suġġett ta' 21 applikazzjoni FEG, li 12 minnhom huma bbażati fuq globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ, filwaqt li d-disgħa l-oħra huma bbażati fuq il-kriterju ta' kriżi;
9. Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li se jiġu kofinanzjati jinkludi l-miżuri li ġejjin għar-riintegrazzjoni fl-impjieg tat-777 ħaddiem li ngħataw is-sensja: taħriġ u spejjeż relatati mat-taħriġ, taħriġ intraprenditorjali, boroż ta' studju għat-taħriġ, boroż ta' studju għall-apprendistat, spejjeż tal-apprendistat, xogħlijiet ta' intervent, għotjiet għal impjieg indipendenti, inċentivi għar-reklutaġġ;
10. Jinnota li l-ħruġ ta' għotjiet għall-impjieg indipendenti (sa EUR 4 995 kull ħaddiem) huwa kondizzjonali u marbut mas-suċċess tal-attività ta' impjieg indipendenti; jirrimarka li din il-kondizzjonalità m'għandhiex tiskoraġġixxi lill-parteċipanti milli japplikaw għal din il-miżura ta' appoġġ;
11. Jinnota li l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati tlestiet fi tmiem l-2013 u li, skont id-data provviżorja, 269 persuna ħadu sehem fi 313-il attività differenti fil-kuntest tal-pakkett, li minnhom 219-il persuna sabu x-xogħol bħala riżultat tal-appoġġ li ngħata;
12. Jinnota li, skont id-data provviżorja, l-ispiża totali għall-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati kienet aktar baxxa, b'mod sinifikanti, minn dik stmata minħabba l-għadd aktar baxx ta' ħaddiema li pparteċipaw fis-servizzi;
13. Jenfasizza li, minkejja li l-għadd ta' ħaddiema li pparteċipaw fl-azzjonijiet kien anqas mill-istima inizjali, skont id-data provviżorja, l-għadd ta' ħaddiema qiegħda koperti bil-pakkett u li għadhom irreġistrati fl-Uffiċċju tax-Xogħol jammonta għal 85, b'tali mod li jagħti prova li l-maġġoranza tal-ħaddiema milquta mis-sensji fil-Fiat Auto Poland sabu x-xogħol;
14. Jilqa' l-fatt li l-Kunsill Reġjonali tal-Impjiegi kien involut fit-tħejjija tal-applikazzjoni FEG u r-rwol tiegħu fid-deċiżjoni tal-pakkett ta' attivitajiet għall-proġett;
15. Ifakkar fl-importanza li l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha tittejjeb permezz ta ' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat ikun adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda wkoll għall-ambjent reali tan-negozju; jemmen li d-disinn tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jantiċipa l-perspettivi tas-suq tax-xogħol għall-ġejjieni u l-ħiliet rikjesti u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi u li tkun sostenibbli;
16. Jenfasizza li, bi qbil mal-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEG, għandu jkun żgurat li l-FEG jappoġġa r-riintegrazzjoni tal-ħaddiema individwali li jkunu ngħataw is-sensja f'impjieg stabbli; jisħaqfuq il-fatt li, barra minn hekk, l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg dejjiemi u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG ma għandha tissostitwixxi la l-azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;
17. Jilqa' l-fatt li, fost miżuri oħra, il-ħidma ta' intervent hija speċifikament immirata lejn il-grupp ta' ħaddiema li għandhom aktar minn 50 sena, grupp li jikkostitwixxi proporzjon sinifikanti tal-benefeċjarji; jinnota li dan il-grupp ta' età huwa f'riskju ogħla ta' qgħad fit-tul u esklużjoni mis-suq tax-xogħol;
18. Jissottolinja l-livell għoli ta' persuni aktar avvanzati fl-età u persuni b'inqas kwalifiki affettwati mis-sensji, li jirrappreżentaw 18,7 % u 62,6 % rispettivament tal-ħaddiema kollha affettwati; jitlob li dawk iż-żewġ gruppi u l-miżuri FEG speċjali mmirati lejhom jingħataw attenzjoni speċjali;
19. Iqis li s-sitt ħaddiema bi problemi tas-saħħa jew diżabilitajiet fit-tul jista' jkollhom ħtiġijiet speċjali f'dak li jirrigwarda approċċ personalizzat;
20. Jilqa' l-fatt li l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll dak tan-nondiskriminazzjoni kien u se jibqa' jiġi applikat matul id-diversi stadji ta' implimentazzjoni tal-miżuri FEG u l-aċċess għalihom;
21. Jinnota li fl-20 ta' Diċembru 2012, Fiat Auto Poland laħqet qbil mat-trade unions, skont liema qbil kienu definiti l-kriterji għall-għażla tal-ħaddiema li kellhom jingħataw is-sensja kif ukoll l-inċentivi li kellhom jingħataw lil dawk il-ħaddiema li jaqblu li jititlqu mill-azjenda volontarjament;
22. Jinnota li l-informazzjoni fornuta dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jenfasizza li l-awtoritajiet Pollakki kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva dwar dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma tkun tista' sseħħ l-ebda duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;
23. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855).
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEG/2013/006 PL/Fiat Auto Poland S.A. mill-Polonja)
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2015/41.)