Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2162(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0074/2014

Testi mressqa :

A8-0074/2014

Dibattiti :

PV 16/12/2014 - 14
CRE 16/12/2014 - 14

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2014 - 10.8

Testi adottati :

P8_TA(2014)0093

Testi adottati
PDF 227kWORD 57k
L-Erbgħa, 17 ta' Diċembru 2014 - Strasburgu
Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2014: Reviżjoni tal-previżjonijiet tar-riżorsi proprji tradizzjonali, tal-kontribuzzjonijiet tal-VAT u d-DGN
P8_TA(2014)0093A8-0074/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2014 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima III – Il-Kummissjoni (16743/2014 – C8-0288/2014 – 2014/2162(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, adottat b'mod definittiv fl-20 ta' Novembru 2013(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit emendatorju Nru 6/2014 adottat mill-Kummissjoni fis-17 ta' Ottubru 2014 (COM(2014)0649),

–  wara li kkunsidra l-Ittra emendatorja Nru 1/2014 tal-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2014, adottata mill-Kummissjoni fit-3 ta' Diċembru 2014 (COM(2014)0730),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet konġunti miftiehma mill-Parlament u l-Kunsill fit-8 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2014, adottata mill-Kunsill fit-12 ta' Diċembru 2014 u li ntbagħtet lill-Parlament dakinhar stess (16743/2014 – C8-0288/2014),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0074/2014),

A.  billi l-abbozz ta' baġit emendatorju (ABE) Nru 6/2014 għandu x'jaqsam mar-reviżjoni tal-previżjoni tar-Riżorsi Proprji Tradizzjonali, il-kontribuzzjonijiet tal-VAT u l-DGN, it-tnaqqis fl-approprjazzjonijiet baġitarji għall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd kif ukoll ir-riżerva għal Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli, kif ukoll iż-żieda fl-approprjazzjonijiet baġitarji għall-Ombudsman Ewropew,

B.  billi l-impatt ġenerali ta' dan l-ABE fuq id-dħul, wara l-adozzjoni tal-Ittra emendatorja 1/2014 għall-ABE Nru 6/2014, huwa tnaqqis fir-rekwiżiti għar-riżorsi proprji ta' ammont ġenerali ta' EUR 4 095,5 miljun, inkluż tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tal-DGN mill-Istati Membri ta' EUR 4 515,5 u żieda fl-ammont ta' Riżorsi Proprji Tradizzjonali ta' EUR 420 miljun,

C.  billi l-għan tal-ABE Nru 6/2014 huwa li jdaħħal dawn l-aġġustamenti baġitarji b'mod formali fil-baġit 2014,

1.  Jieħu nota tal-ABE Nru 6/2014 kif imressaq mill-Kummissjoni u kif emendat mill-Ittra emendatorja Nru 1/2014;

2.  Jinnota li t-tnaqqis fl-approprjazzjonijiet baġitarji relatat mal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd kif ukoll ir-riżerva għal Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli jammonta għal tnaqqis totali ta' EUR 76,3 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' EUR 6,2 miljun f'approprjazzjonijiet ta' ħlas li jirriżultaw primarjament mill-adozzjoni, li saret wara, tal-bażi legali għall-Fond u l-valutazzjoni aġġornata tal-istatus tan-negozjati marbuta mal-Ftehimiet dwar is-Sajd imsemmija qabel;

3.  Jilqa' l-proposta li jintużaw EUR 6,2 miljun mill-iffrankar f'approprjazzjonijiet ta' ħlas msemmi fil-paragrafu 2, biex jgħinu jiffinanzjaw kriżijiet ta' għajnuna umanitarja possibbli sa tmiem is-sena;

4.  Jenfasizza li l-impatt ġenerali tal-ABE Nru 6/2014 fuq il-kontribuzzjonijiet tal-DGN huwa t-tnaqqis ta' EUR 4 515,5 miljun u ż-żieda ta' EUR 420 miljun fil-previżjonijiet għar-Riżorsi Proprji Tradizzjonali;

5.  Iħaddan il-Konklużjonijiet konġunti miftiehma mill-Parlament u mill-Kunsill fit-8 ta' Diċembru 2014 bil-għan li jiġi aċċettat l-ABE Nru 6/2014 kif emendat bl-Ittra emendatorja tiegħu, inkluż ċaqlieq tal-parti tan-nefqa għall-ABE Nru 3/2014 u l-ABE Nru 4/2014;

6.  Ifakkar li l-adozzjoni ta' l-ABE Nru 6/2014 se tnaqqas il-bżonn ta' kontribuzzjonijiet tal-DGN tal-Istati Membri b'EUR 4 515,5 miljun u għalhekk, flimkien mat-tnaqqis tas-sehem tal-kontribuzzjoni tal-DGN mill-Istati Membri għall-Baġit tal-Unjoni li jirriżulta mill-ABE Nru 3/2014, l-ABE Nru 4/2014 u l-ABE Nru 8/2014, se tikkumpensa bis-sħiħ għall-bżonnijiet ta' ħlasijiet addizzjonali rikjesti fl-ABE Nru 3/2014 kif miftiehem fil-konklużjonijiet konġunti tat-8 ta' Diċembru 2014;

7.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2014;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiddikjara li l-Baġit Emendatorju Nru 5/2014 ġie adottat b'mod definittiv u jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 51, 20.2.2014, p. 1.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(4) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza