Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2014 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima III – Il-Kummissjoni (16744/2014 – C8-0292/2014 – 2014/2163(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, adottat b'mod definittiv fl-20 ta' Novembru 2013(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2014, adottat mill-Kummissjoni fis-17 ta' Ottubru 2014 (COM(2014)0650),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet konġunti approvati mill-Parlament u mill-Kunsill fit-8 ta' Diċembru 2014;
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2014 adottata mill-Kunsill fit-12 ta' Diċembru 2014 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew dakinhar stess (16744/2014 – C8-0292/2014),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0072/2014),
A. billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2014 huwa relatat mal-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE (EUSF) għal ammont ta’ EUR 79 726 440 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta' ħlas fir-rigward tal-għarar fis-Serbja u l-Kroazja f'Mejju 2014 u tal-għarar fil-Bulgarija f'Ġunju 2014;
B. billi l-għan tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2014 huwa li dan l-aġġustament baġitarju jiddaħħal b'mod formali fil-baġit tal-2014,
1. Jieħu nota tal-abbozz ta' baġit emendatorju (ABE) Nru 7/2014, kif imressaq mill-Kummissjoni;
2. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tiġi rilaxxata l-assistenza finanzjarja mill-EUSF għall-pajjiżi affettwati minn dawn id-diżastri naturali;
3. Jenfasizza li n-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' ħlas għall-2014, li kien r-raġuni għat-tressiq tal-ABE Nru 3/2014 u l-proposta ta' akkumpanjament mill-Kummissjoni għall-mobilizzazzjoni tal-Marġini ta' Kontinġenza, jeskludi a priori l-possibilità li jinstabu r-riżorsi għall-ABE Nru 7/2014 permezz ta' riallokazzjoni;
4. Japprova l-konklużjonijiet konġunti li sar qbil dwarhom mill-Parlament u mill-Kunsill fit-8 ta' Diċembru 2014 bl-għan li jiġu approvati l-approprjazzjonijiet ta’ impenn addizzjonali li jammontaw għal EUR 80 miljun fil-baġit 2014 u l-ħtiġijiet tal-ħlasijiet korrispondenti jiġu trasferiti għall-baġit 2015;
5. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2014;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiddikjara li l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2014 ġie adottat b'mod definittiv u jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.