Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2225(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0079/2014

Testi mressqa :

A8-0079/2014

Dibattiti :

PV 16/12/2014 - 14
CRE 16/12/2014 - 14

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2014 - 10.11

Testi adottati :

P8_TA(2014)0096

Testi adottati
PDF 302kWORD 59k
L-Erbgħa, 17 ta' Diċembru 2014 - Strasburgu
Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 8/2014 : bilanċ pożittiv li jirriżulta mill-implimentazzjoni tas-sena finanzjarja 2013
P8_TA(2014)0096A8-0079/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 8/2014 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima III – Il-Kummissjoni (16745/2014 – C8-0293/2014 – 2014/2225(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), u b’mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, adottat b'mod definittiv fl-20 ta' Novembru 2013(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4) ,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit emendatorju Nru 2/2014, adottat mill-Kummissjoni fis-15 ta' April 2014 (COM(2014)0234),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit emendatorju Nru 8/2014, adottat mill-Kummissjoni fil-27 ta' Novembru 2014 (COM(2014)0722),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet konġunti approvati mill-Parlament u mill-Kunsill fit-8 ta' Diċembru 2014;

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 8/2014 adottata mill-Kunsill fit-12 ta' Diċembru 2014 u li ntbagħtet lill-Parlament dakinhar stess (16745/2014 – C8-0293/2014),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0079/2014),

A.  billi l-abbozz ta' baġit emendatorju (ABE) Nru 8/2014 ġie ppreżentat mill-Kummissjoni għax il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ma setax jilħaq qbil dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2014, li kellu skop u kontenut identiċi bħal tal-ABE 8/2014;

B.  billi l-ABE Nru 8/2014 jimmira li jdaħħal fil-baġit 2014 is-surplus li jirriżulta mis-sena finanzjarja 2013, li jammonta għal EUR 1 005 miljun;

C.  billi l-komponenti ewlenin ta' dan is-surplus jikkostitwixxu eżitu pożittiv għall-introjtu ta' EUR 771 miljun, sottoeżekuzzjoni tan-nefqa ta' EUR 276 miljun u differenza ta' kambju pożittiva ta' EUR 42 miljun;

D.  billi min-naħa tal-introjtu ż-żieda tiġi prinċipalment mill-multi u mill-interessi moratorji (EUR 1 331 miljun), filwaqt li l-ammont tar-riżorsi proprji effettivament miġbur meta mqabbel ma' dak imniżżel fil-baġit naqas (- EUR 226 miljun) u d-dħul mis-surplus, mill-bilanċi u mill-aġġustamenti qiegħed jonqos ukoll (- EUR 360 miljun);

E.  billi fin-naħa tan-nefqa s-sottoimplimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet għall-2013 (EUR 107 miljun) u għall-2012 (EUR 54 miljun) ma rriżultatx mill-kapaċità mnaqqsa ta' assorbiment i żda fir-realtà l-indikaturi disponibbli kollha jippuntaw lejn il-fatt li kien hemm skarsezza ta' approprjazzjonijiet ta' pagament kemm fil-baġit tal-2012 kif ukoll f'dak tal-2013;

F.  billi l-Artikolu 18 tar-Regolament Finanzjarju jiddisponi li dan il-baġit emendatorju għandu jkun iddedikat esklużivament lil kwalunkwe diskrepanza bejn il-kontijiet provviżorji u l-estimi u li kwalunkwe ammont żejjed se jiddaħħal fil-baġit tal-Unjoni permezz ta' dan il-baġit emendatorju;

1.  Jieħu nota li l-ABE Nru 8/2014 iddedikat esklużivament għall-inklużjoni fil-baġit tas-surplus tal-2013, għal ammont ta' EUR 1 005 miljun, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Finanzjarju, kif ippreżentat mill-Kummissjoni u tal-pożizzjoni tal-Kunsill;

2.  Josserva li l-ABE Nru 8/2014 ġie ppreżentat mill-Kummissjoni għax il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ma setax jilħaq qbil dwar l-ABE Nru 2/2014, li kellu skop u kontenut identiċi, u li l-Kunsill kien approva fil-qari tiegħu ddatat is-17 ta' Lulju 2014, filwaqt li l-Parlament kien introduċielu emenda fil-pożizzjoni tiegħu adottata fit-22 ta' Ottubru 2014 bil-għan li jżomm ir-rabta politika u proċedurali mal-abbozzi ta' baġits emendatorju Nri 3, 4, 5, 6 u 7/2014;

3.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ma setax jilħaq qbil dwar l-adozzjoni tal-ABE Nru 2/2014 minħabba d-differenzi fil-pożizzjonijiet bejn il-Parlament u l-Kunsill f'dawk li huma l-bżonnijiet ta' pagamenti pendenti għall-2014 u l-pakkett tal-ABE Nri 2-7/2014, u mhux dwar il-kontenut tal-ABE Nru 2/2014 insè;

4.  Ifakkar li l-adozzjoni ta' dan l-ABE Nru 8/2014 se tnaqqas is-sehem tal-kontribuzzjoni ING mill-Istati Membri lill-baġit tal-Unjoni b'EUR 1 005 miljun u għalhekk se tikkumpensa parzjalment għall-kontribuzzjoni tagħhom lill-finanzjament tal-abbozzi tal-baġits emendatorji Nri 3, 5 u 7/2014;

5.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 8/2014;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiddikjara li l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2014 ġie adottat b'mod definittiv u jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 51, 20.2.2014, p. 1.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(4) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(5) ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.

Avviż legali - Politika tal-privatezza