Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela (2014/2998(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, inklużi dik tal-24 ta' Mejju 2007 dwar il-każ tal-istazzjon televiżiv Radio Caracas(1), dik tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar l-iskwalifiki politiċi fil-Venezwela(2), dik tas-7 ta' Mejju 2009 dwar il-każ ta' Manuel Rosales(3), dik tal-11 ta' Frar 2010 dwar il-Venezwela(4), dik tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-każ ta' Maria Lourdes Afiuni(5), dik tal-24 ta' Mejju 2012 dwar l-irtirar eventwali tal-Venezwela mill-Kummissjoni Inter-Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem(6) u dik tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni politika fil-Venezwela(7),
– wara li kkunsidra l-istqarrijiet għall-istampa tal-kelliem tar-Rappreżentant Għoli / Viċi President tal-UE Catherine Ashton tat-28 ta' Marzu 2014 u tal-15 ta' April 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma dwar id-Detenzjonijiet Arbitrarji tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-26 ta' Awwissu 2014,
– wara li kkunsidra l-Istqarrija tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-20 ta' Ottubru 2014 dwar id-detenzjoni ta' dimostranti u politiċi fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Venezwela hi firmatarja tiegħu,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-kriżi ekonomika, rati għoljin ta' korruzzjoni, l-iskarsezza kronika ta' prodotti bażiċi, il-vjolenza u l-firdiet politiċi ġabu magħhom protesti paċifiċi konta l-gvern tal-President Nicolás Maduro li bdew fi Frar 2014 u għadhom għaddejjin; billi d-dimostranti sabu ma wiċċhom użu sproporzjonat ta' forza u vjolenza min-naħa tal-pulizija, membri tal-Gwardja Nazzjonali u gruppi armati, vjolenti u mhux kontrollati, li jiffavorixxu l-Gvern; billi skont l-organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali aktar minn 1700 dimostrant qed jistennew biex jiġu proċessati, aktar minn 69 għadhom qed jinżammu arrestati, u mill-inqas 40 persuna nqatlu fil-protesti waqt li min qatilhom għadu mhux qed jiġi miżmum responsabbli; billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem jikkonferma li rċieva rapporti ta' aktar minn 150 każ ta' trattament ħażin ta' persuni detenuti, u fosthom każijiet ta' torturi; billi skont diversi sorsi għadha għaddejja il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika min-naħa tal-forzi tas-sigurtà;
B. billi l-libertà tal-espressjoni u d-dritt ta' parteċipazzjoni f'dimostrazzjonijiet paċifiċi huma l-pilastri tad-demokrazija u huma rikonoxxuti fil-Kostituzzjoni tal-Venezwela; billi l-ugwaljanza u l-ġustizzja għal kulħadd mhumiex possibbli mingħajr rispett lejn il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali ta' kull ċittadin; billi hemm diversi rapporti li jikkonfermaw li l-mezzi tax-xandir qed jiġu soġġetti għal livell dejjem akbar ta' ċensura u intimidazzjoni; billi waqt is-70 Assemblea Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Istampa Inter-Amerikana (Inter American Press Association (IAPA)) f'Santjago, fiċ-Ċilì, din l-organizzazzjoni ddikjarat li l-Venezwela qed tpoġġi lill-mezzi tax-xandir indipendenti taħt aktar pressjoni u ħeġġet lill-Venezwela tirrispetta l-libertà tal-espressjoni u wissiet kontra t-telf ulterjuri tal-libertà demokratika;
C. billi l-mexxej tal-oppożizzjoni Leopoldo López ġie arrestat arbitrarjament fit-18 ta' Frar 2014 u jinsab akkużat b'komplott, bl-instigar ta' dimostrazzjonijiet vjolenti, ħruq u ħsara lill-proprjetà; billi minn meta ġie arrestat ġarrab tortura fiżika u psikoloġika, kif ukoll reklużjoni; billi s-sindki tal-oppożizzjoni Daniel Ceballos u Vicencio Scarano, kif ukoll l-uffiċjal tal-pulizija Salvatore Lucchese ġew arrestati għax naqsu milli jtemmu l-protesti u r-rewwixti ċivili fil-bliet tagħhom, u lkoll ingħataw sentenza ta' diversi snin priġunerija; billi l-membri tal-oppożizzjoni fil-Kungress Juan Carlos Caldera, Ismael García u Richard Mardo qed jiġu investigati u proċessati fil-qorti bl-għan li jiġu sospiżi u skwalifikati mill-Kungress;
D. billi mexxejja tal-istudenti bħal Sairam Rivas, President taċ-Ċentru tal-Istudenti tal-Iskola tal-Ħidma Soċjali fl-Università Ċentrali tal-Venezwela, Cristian Gil u Manuel Cotiz ilhom miżmuma inġustament f'bini li jappartjeni lis-Servizz tal-Intelligence Bolivarjan għal aktar minn 120 jum u ġew soġġetti għal tortura u trattament ħażin f'konnessjoni mal-protesti li seħħew bejn Frar u Mejju 2014, wara li ġew akkużati bir-reat li instigaw delitti u li użaw minorenni biex iwettqu delitti;
E. billi fl-20 ta' Ottubru 2014, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Zeid Ra’ad Al Hussein wera tħassib dwar l-arrest tad-dimostranti u talab għall-ħelsien ta' dawk kollha li ġew arrestati għax eżerċitaw id-dritt tagħhom li jipprotestaw paċifikament; billi fit-8 ta' Ottubru 2014 il-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarjai ddeskrivew l-arrest ta' Leopoldo López bħala illegali, arbitrarju u politikament motivat, u talab għall-ħelsien tiegħu u ta' dawk kollha li għadhom miżmuma arrestati arbitrarjament;
F. billi l-Gvern tal-Venezwela għandu responsabilità partikolari li jikkonforma mal-istat tad-dritt u mad-dritt internazzjonali, meta jitqies li fis-16 ta' Ottubru 2014 sar membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;
G. billi r-rimarki magħmula fir-rapport riċenti tal-Kumitat kontra t-Tortura tan-NU dwar ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela jesprimu tħassib espliċitu dwar l-impunità, it-tortura u t-trattament ħażin tal-priġunieri politiċi, użu ta' forza eċċessiva, kunsens u kompliċità mal-azzjonijiet ta' gruppi armati li jiffavorixxu l-gvern, l-arresti arbitrarji u n-nuqqas ta' garanziji proċedurali fundamentali; billi dan ir-rapport jitlob il-ħelsien immedjat tal-persuni kollha miżmuma arrestati arbitrarjament, fosthom Leopoldo López u Daniel Ceballos, li kienu arrestati għax eżerċitaw id-dritt tagħhom li jesprimu rwieħhom u jipprotestaw paċifikament, u barra minn hekk jesprimi tħassib dwar l-attakki kontra ġurnalisti u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji u nuqqas totali ta' ġudikatura indipendenti;
H. billi José Miguel Insulza, Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) talab għall-ħelsien tal-persuni miżmuma fil-ħabsijiet minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-protesti; billi l-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem esprimiet tħassib kbir dwar is-sitwazzjoni fir-rigward tal-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà tal-espressjoni fil-Venezwela;
I. billi d-deċiżjoni tal-Venezwela li tirtira mill-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem daħlet fis-seħħ fl-10 ta' Settembru 2013; billi minħabba din l-azzjoni, iċ-ċittadini u r-residenti tal-Venezwela ma jistgħu jressqu ebda lment quddiem il-Qorti Inter-Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem;
J. billi, f'Marzu 2014, María Corina Machado, il-Membru tal-Assemblea Nazzjonali li kienet ġabet l-akbar ammont ta' voti fil-Venezwela, tneħħiet mill-kariga b'mod illegali u arbitrarju, ittiħdilha l-mandat u tkeċċiet mill-Parlament mill-President tal-Assemblea Nazzjonali, Diosdado Cabello, li akkużaha bi tradiment għaliex kienet tkellmet kontra l-ksur vast u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela quddiem il-Kunsill Permanenti tal-OAS;
K. billi, matul l-attività politika u parlamentari tagħha, María Corina Machado kellha tiffaċċja sensiela ta' proċeduri kriminali, persekuzzjoni politika, theddid, intimidazzjoni, fastidju u saħansitra vjolenza fiżika mis-sostenituri tal-gvern fis-Sala tal-Assemblea Nazzjonali; billi reċentement ġiet akkużata b'attentat ta' qtil fuq il-President Maduro u tista' teħel sa 16-il sena ħabs;
L. billi l-ġudikatura naqset milli tiffunzjona bħala fergħa indipendenti tal-gvern; billi din is-sistema ġudizzjarja ma tistax tiġi mistennija twettaq investigazzjonijiet imparzjali jew tgħaddi ġudizzji ġusti dwar allegazzjonijiet fil-konfront tal-oppożizzjoni;
M. billi huma biss ir-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u d-djalogu kostruttiv u rispettuż fi spirtu ta' tolleranza li jistgħu jgħinu lill-pajjiż joħroġ minn din il-kriżi serja u jegħleb id-diffikultajiet tal-ġejjieni;
N. billi f'April 2014 inbdew negozjati dwar il-protesti bejn il-gvern u l-oppożizzjoni, imsejħa "Mesa de Diálogo", li sfortunatament waqfu ħesrem xahar wara mingħajr ma kienu kisbu ebda suċċess;
O. billi l-Venezwela huwa l-pajjiż li għandu l-akbar riżervi tal-enerġija fl-Amerika Latina; billi l-poplu tal-Venezwela qed ibati minn nuqqas serju ta' prodotti bażiċi, il-prezzijiet tal-ikel irduppjaw u beda r-razzjonar tal-ikel; billi l-prezz taż-żejt qed ikompli jonqos b'mod sinifikanti u dan qed ikabbar il-kriżi ekonomika u qed jhedded l-ekonomija fraġli tal-pajjiż, li tiddependi fuq iż-żejt;
P. billi n-nuqqas tal-Istat li jżomm l-ordni pubbliku wassal biex il-Venezwela jsir wieħed mill-aktar pajjiżi vjolenti fid-dinja; billi, skont l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità, il-kriżi politika u ekonomika li għaddejja bħalissa fil-Venezwela kkontribwiet għal żieda qawwija f'salt fir-rata ta' qtil u nuqqas ta' sigurtà għaċ-ċittadini;
1. Jinsab imħasseb profondament dwar il-qagħda fil-Venezwela, li qiegħda dejjem tiħżien, u jikkundanna l-arrest ta' dimostranti paċifiċi, studenti u mexxejja tal-oppożizzjoni; jappella biex jinħelsu minnufih dawk il-priġunieri miżmuma b'mod arbitrarju, bi qbil mat-talbiet li għamlu diversi korpi tan-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-persekuzzjoni politika u r-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika, il-ksur tal-libertà ta' espressjoni u ta' dimostrazzjoni, u l-eżistenza taċ-ċensura fuq il-midja u fuq l-internet;
3. Jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-vjolenza fil-konfront tad-dimostranti; jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jinvestigaw dawn id-delitti u jżommu lil dawk ħatja responsabbli ta' għemilhom mingħajr ebda marġni ta' impunità;
4. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jidħlu fi djalogu paċifiku, bl-involviment tas-setturi kollha tas-soċjetà fil-Venezwela, sabiex jiġu definiti punti ta' konverġenza u tingħata l-opportunità lill-atturi politiċi biex jiddiskutu l-aktar problemi serji li għandu quddiemu l-pajjiż; jistieden lill-partijiet kollha kkonċernati biex jevitaw li l-vjolenza tkompli teskala u jfakkar lill-Gvern tal-Venezwela li ma jistax ikun hemm djalogu kostruttiv sakemm il-mexxejja tal-oppożizzjoni jibqgħu jinżammu l-ħabs b'mod arbitrarju;
5. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela biex immedjatament jikkonfiskaw l-armi tal-assoċjazzjonijiet u l-gruppi armati mhux ikkontrollati li jiffavorixxu lill-gvern, u b'hekk itemmu l-impunità tagħhom;
6. Ifakkar lill-Gvern tal-Venezwela fir-responsabbiltà tiegħu li jiżgura li l-proċeduri ġudizzjarji kollha jkunu konformi mal-istandards internazzjonali; ifakkar li r-rispett għall-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri huwa fundamentali għad-demokrazija u li s-sistema ġudizzjarja ma tistax tintuża mill-awtoritajiet bħala mezz ta' persekuzzjoni u ripressjoni politika fil-konfront tal-oppożizzjoni demokratika; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jirtiraw l-akkużi infondati u l-mandati ta' arrest kontra l-politiċi tal-oppożizzjoni u jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini kollha fil-pajjiż, irrispettivament mill-fehmiet jew l-affiljazzjonijiet politiċi tagħhom;
7. Jistieden lill-Gvern tal-Venezwela josserva l-obbligi kostituzzjonali u internazzjonali tiegħu stess fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura, id-dritt għal-libertà ta' espressjoni, assoċjazzjoni u għaqda paċifika, kif ukoll il-pluraliżmu politiku, li huma pilastri tad-demokrazija, u jiżgura li ħadd ma jiġi ppenalizzat talli jeżerċita d-drittijiet tiegħu ta' għaqda paċifika u libertà ta' espressjoni;
8. Jistieden lill-Gvern tal-Venezwela jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, iwettaq investigazzjonijiet effikaċi dwar l-allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u jippermetti l-ħolqien ta' ambjent li fih id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi indipendenti jkunu jistgħu jwettqu l-ħidma leġittima tagħhom għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;
9. Jistieden lill-SEAE u lid-Delegazzjoni tal-UE, kif ukoll id-delegazzjonijiet tal-Istati Membri, ikomplu josservaw l-investigazzjonijiet u s-seduti tal-qorti tal-mexxejja tal-oppożizzjoni;
10. Jistieden lill-Gvern tal-Venezwela jidħol fi djalogu b'saħħtu u miftuħ mal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem;
11. Jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli Federica Mogherini jitolbu l-ħelsien immedjat tad-dimostranti li ġew arrestati arbitrarjament sa mill-bidu tal-protesti;
12. Ifakkar fit-talba tiegħu li delegazzjoni ad hoc tal-Parlament Ewropew tintbagħat biex tivvaluta s-sitwazzjoni fil-Venezwela u torganizza djalogu mas-setturi kollha involuti fil-kunflitt mill-aktar fis possibbli;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u l-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.