Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar is-Sudan: il-każ ta’ Dr. Amin Mekki Medani (2014/3000(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan,
– wara li kkunsidra r-rapport tat-18 ta’ Settembru 2013 mill-Espert Indipendenti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE tal-15 ta’ Lulju 2014 dwar ir-rilaxx ta’ detenuti politiċi fis-Sudan,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE dwar is-Sudan tal-11 ta’ Novembru 2014,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-4 ta’ Settembru 2014 mill-Espert Indipendenti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan,
– wara li kkunsidra l-Ftehimiet dwar id-Djalogu Nazzjonali u l-Proċess Kostituzzjonali ffirmat f’Addis Ababa fl-4 ta' Settembru 2014,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-'Sejħa tas-Sudan' dwar 'L-istabbiliment ta’ Stat ta’ Ċittadinanza u Demokrazija',
– wara li kkunsidra l-pjan nazzjonali tas-Sudan għad-drittijiet tal-bniedem adottat fl-2013, ibbażat fuq il-prinċipji tal-universalità u l-ugwaljanza tal-persuni kollha,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015(1),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979,
– wara li kkunsidra l-Prinċipji ta’ Johannesburg dwar is-Sigurtà Nazzjonali, il-Libertà tal-Espressjoni u l-Aċċess għall-Informazzjoni, Dokument tan-NU E/CN.4/1996/39 (1996),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Komprensiv ta’ Paċi (CPA) tas-Sudan tal-2005,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Cotonou,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, fis-6 ta’ Diċembru 2014, is-Servizzi Nazzjonali tal-Intelligence u s-Sigurtà (NISS) arrestaw lil Dr. Amin Mekki Medani, attivist magħruf tad-drittijiet tal-bniedem u ex President tas-Sudan Human Rights Monitor (SHRM), minn daru f’Kartum;
B. billi hemm preokkupazzjonijiet serji dwar is-sikurezza ta’ Dr. Medani, li għandu 76 sena u problemi tas-saħħa; billi n-NISS allegatament irrifjutaw li jippermettulu jieħu l-mediċina miegħu meta arrestawh;
C. billi Dr. Medani huwa simbolu ta' impenn qawwi favur id-drittijiet tal-bniedem, l-umanitariżmu u l-istat tad-dritt, minħabba li okkupa pożizzjonijiet ta’ livell għoli ma’ għadd ta’ istituzzjonijiet nazzjonali u internazzjonali differenti, fosthom il-ġudikatura tas-Sudan, il-gvern demokratiku tranżizzjonali tas-Sudan (bħala Ministru tal-Kabinett għall-Paċi), kif ukoll in-NU; billi Dr. Medani rrappreżenta vittmi ta’ vjolazzjonijiet u semma' leħnu b’mod persistenti kontra l-abbuż tal-poter u ngħata l-'Premju Eroj għad-Drittijiet tal-Bniedem 2013' mid-Delegazzjoni tal-UE fis-Sudan għall-isforzi lokali u internazzjonali tiegħu fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;
D. billi Dr. Medani safa arrestat ftit wara li rritorna minn Addis Ababa, wara li kien iffirma s-'Sejħa tas-Sudan' f’isem organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili — impenn ta' ħidma favur tmiem il-kunflitti li għaddejjin f’reġjuni differenti tas-Sudan u favur riformi legali, istituzzjonali u ekonomiċi; billi Farouk Abu Issa, mexxej tal-Forum ta' Kunsens Nazzjonali tal-oppożizzjoni, u Dr. Farah Ibrahim Mohamed Alagar ġew arrestati b’mod simili fis-6 u s-7 ta' Diċembru 2014 rispettivament, wara l-involviment tagħhom mas-'Sejħa tas-Sudan';
E. billi d-dikjarazzjoni, li timpenja lill-firmatarji jtemmu l-gwerer u l-kunflitti, ġiet ffirmata mir-rappreżentanti ta’ gruppi politiċi u tal-oppożizzjoni, inkluż il-Partit tal-Umma Nazzjonali, il-Forzi ta' Konsensus Nazzjonali u l-Front Rivoluzzjonarju tas-Sudan (SRF); billi d-dikjarazzjoni hija estensjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tat-8 ta' Awwissu 2014, li ffirmawha l-SRF u l-Partit tal-Umma Nazzjonali, b'dan tal-aħħar rappreżentat minn Sadiq Al Mahdi;
F. billi l-arrest ta' Dr. Medani huwa rappreżentattiv tal-politiki ripressivi eżerċitati mill-awtoritajiet Sudaniżi biex jipprevjenu dibattitu politiku leġittimu u paċifiku, li l-awtoritajiet użawhom biex jirrestrinġu l-libertajiet tal-opinjoni, tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni, u huwa eżempju ieħor ta’ detenzjoni illegali u arbitrarja min-naħa tan-NISS;
G. billi l-gvernijiet għandhom ir-responsabbiltà ewlenija li jindirizzaw il-preokkupazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali taċ-ċittadini tagħhom; billi l-kunflitt bejn il-gvern u ċ-ċittadini jrid jiġu solvut b’mezzi politiċi permezz ta’ negozjati;
H. billi s-Sudan għaddej minn perjodu kritiku ta’ djalogu politiku, li fih persunaġġi bħal Dr. Medani huma tant meħtieġa biex iħaddmu l-għarfien espert tagħhom fil-proċess ta’ riforma;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-arrest u d-detenzjoni arbitrarji ta’ Dr. Medani u ta' attivisti paċifiċi oħra bħala ksur illegali tal-attivitajiet paċifiċi u leġittimi tagħhom rigward il-politika u d-drittijiet tal-bniedem; jitlob li jinħelsu minnufih u bla kundizzjonijiet;
2. Għadu mħasseb dwar id-detenzjoni kurrenti u l-kundizzjoni ta’ membri tal-partiti tal-oppożizzjoni, attivisti żgħażagħ, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti fis-Sudan; iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sudan biex jiggarantixxi l-eżerċizzju paċifiku tal-libertajiet tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda; jitlob li l-awtoritajiet Sudaniżi jtemmu l-atti kollha ta’ fastidju u intimidazzjoni kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti politiċi, u jottemperaw ruħhom man-normi u l-istandards internazzjonali rilevanti;
3. Jitlob lill-awtoritajiet Sudaniżi jirrestawraw u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali skont id-dritt internazzjonali, inklużi l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-għaqda, il-libertà tar-reliġjon, id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza l-importanza ta’ sistema ġudizzjarja indipendenti, imparzjali u aċċessibbli biex isseddaq ir-rispett tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali tal-popolazzjoni;
4. Jitlob lill-Gvern tas-Sudan jirrevedi l-Att dwar is-Sigurtà Nazzjonali, li jippermetti d-detenzjoni ta’ persuni suspetti sa erba’ xhur u nofs mingħajr ebda forma ta’ skrutinju ġudizzjarju, u barra minn hekk jitlob li l-Gvern tas-Sudan jirriforma s-sistema legali tiegħu bi qbil ma' standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;
5. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-iffirmar tal-Ftehimiet dwar id-Djalogu Nazzjonali u l-Proċess Kostituzzjonali li jħeġġu lill-gruppi kollha biex jirrinunzjaw għall-vjolenza bħala mezz ta' bidla politika u li jimpenjawhom favur djalogu u negozjar nazzjonali mingħajr dewmien; jenfasizza l-importanza tal-proċess ta’ Djalogu Nazzjonali, li huwa l-aħjar opportunità għal progress lejn paċi u rikonċiljazzjoni nazzjonali u lejn governanza demokratika fis-Sudan;
6. Għadu mħasseb ħafna, madankollu, dwar il-kunflitti li għaddejjin fis-Sudan, b’mod partikolari f’Darfur, fil-Kordofan t'Isfel u fil-Blue Nile, kif ukoll dwar il-vjolazzjonijiet li jmorru magħhom kontra d-dritt umanitarju u d-drittijiet tal-bniedem, flimkien ma' emerġenza umanitarja gravi, li qed ikomplu jikkawżaw tbatija enormi lill-bnedmin u spostamenti interni, u li jirrappreżentaw riskju għall-istabbiltà reġjonali;
7. Itenni, bi qbil mad-Djalogu Nazzjonali, li għandu jkun hemm djalogu sinifikattiv bil-parteċipazzjoni tal-partiti tal-oppożizzjoni kif ukoll tas-soċjetà ċivili, inklużi l-gruppi tan-nisa; jenfasizza li d-djalogu għandu jinkludi partijiet interessati minn kull reġjun tas-Sudan u jirrifletti d-diversità etnika, reliġjuża u kulturali sħiħa tas-Sudan;
8. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jindirizzaw il-kunflitti interni tas-Sudan, kwistjonijiet bħalma huma l-emarġinazzjoni soċjoekonomika, it-tqassim inugwali tar-riżorsi, l-esklużjoni politika u n-nuqqas ta’ aċċess għas-servizzi pubbliċi, permezz ta’ Djalogu Nazzjonali li jħaddan l-identità u l-ugwaljanza soċjali tal-gruppi kollha; jappoġġja, f'dan il-kuntest, arranġamenti ta’ governanza ġodda u inklussivi, kostituzzjoni definittiva u pjan direzzjonali biex isiru elezzjonijiet nazzjonali;
9. Jissottolinja l-fatt li d-Djalogu Nazzjonali jirnexxi biss jekk jitwettaq f’atmosfera fejn il-libertajiet tal-espressjoni, tal-midja, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda jkunu garantiti; għaldaqstant, jitlob li l-priġunieri politiċi kollha jinħelsu, u li l-prattiki ta' detenzjoni arbitrarja jintemmu minnufih; jitlob li l-Gvern Sudaniż jirrevoka l-piena tal-mewt, li għadha fis-seħħ, u jikkommuta s-sentenzi tal-mewt f'sanzjonijiet alternattivi xierqa;
10. Jitlob li l-Kummissjoni u s-SEAE jkomplu jagħtu l-appoġġ tagħhom favur djalogu bejn is-Sudan, is-Sudan t’Isfel u l-pajjiżi ġirien, biex jimplimentaw bis-sħiħ il-Ftehim ta’ Paċi Komprensiv tal-2005, kif ukoll il-Ftehimiet ta’ Addis Ababa tal-2012, u jindirizzaw kwalunkwe kwistjoni pendenti;
11. Jitlob li l-Kummissjoni u s-SEAE jappoġġjaw id-Djalogu Nazzjonali, il-Panel ta' Livell Għoli tal-Unjoni Afrikana għall-Implimentazzjoni (AUHIP) u r-Rappreżentant Speċjali Konġunt tan-NU u l-Unjoni Afrikana f'Darfur, u jfaħħar lill-President Mbeki għall-isforzi tiegħu biex jippromwovi Djalogu Nazzjonali ġenwin;
12. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-vjolazzjonjiet, li għadhom għaddejjin u li huma frekwenti, tad-drittijiet tan-nisa fis-Sudan, b'mod partikolari skont l-Artikolu 152 tal-Kodiċi Penali; jitlob bil-ħerqa lill-awtoritajiet Sudaniżi biex jiffirmaw u jirratifikaw bla dewmien il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa;
13. Jitlob lill-Gvern tas-Sudan, l-oppożizzjoni u l-movimenti armati biex jutilizzaw il-momentum tad-Djalogu Nazzjonali biex juru s-sens ta' tmexxija li huwa meħtieġ ħalli s-Sudan jaqbad triqtu lejn il-paċi, il-prosperità u l-ġustizzja; jissottolinja, għal darb' oħra, l-importanza tal-ġlieda kontra l-impunità;
14. Jesprimi tħassib dwar il-fatt li s-sitwazzjoni umanitarja sejra għall-agħar f’bosta reġjuni tas-Sudan, u b’mod partikolari dwar ir-restrizzjonijiet ta' aċċess li għadhom imposti fuq aġenziji u organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali; jitlob, għal darb' oħra, lill-Gvern tas-Sudan, kif ukoll il-movimenti armati, biex jiggarantixxu lill-aġenziji umanitarji aċċess sikur, f'waqtu u bla xkiel għaż-żoni kollha, b’mod partikolari fiż-żoni milquta mill-ġlied, skont prinċipji umanitarji internazzjonali;
15. Jiddenunzja l-abbozz tal-gvern dwar l-NGOs, li jirrestrinġi l-kapaċità tal-NGOs li jipprovdu l-għajnuna umanitarja tant meħtieġa lis-Sudan u li jkompli jgħarraq iċ-ċirkostanzi diġà diffiċli li l-NGOs iħabbtu wiċċhom magħhom fil-pajjiż — xejra dejjem tikber ta' intimidazzjoni u interferenza mmirati lejn ħaddiema umanitarji, kif ukoll it-trażżin tas-soċjetà ċivili u tal-libertajiet demokratiċi;
16. Jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha jissoktaw fl-impenn tagħhom favur is-sostenn lis-Sudan u lill-poplu tas-Sudan fit-tranżizzjoni tagħhom lejn demokrazija riformata internament;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tas-Sudan, lill-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan (PAP).