Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2816(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0042/2014

Testi mressqa :

A8-0042/2014

Dibattiti :

PV 17/12/2014 - 17
CRE 17/12/2014 - 17

Votazzjonijiet :

PV 18/12/2014 - 10.1
CRE 18/12/2014 - 10.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0110

Testi adottati
PDF 289kWORD 120k
Il-Ħamis, 18 ta' Diċembru 2014 - Strasburgu
Konklużjoni ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Ġeorġja
P8_TA(2014)0110A8-0042/2014

Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (09827/2014 – C8-0129/2014 – 2014/0086(NLE)2014/2816(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (09827/2014),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (il-"Ftehim") tas-27 ta' Ġunju 2014 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (17901/2013),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 217 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), u l-paragrafi 7 u 8, it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0129/2014),

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008, b'medjazzjoni mill-UE u ffirmat mill-Ġeorġja u mill-Federazzjoni Russa, u l-ftehim ta' implimentazzjoni tat-8 ta' Settembru 2008,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga tas-7 ta' Mejju 2009, is-Samit tas-Sħubija tal-Lvant f'Varsavja tat-30 ta' Settembru 2011 u s-Samit tas-Sħubija tal-Lvant f'Vilnjus tat-28-29 ta' Novembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ftehimiet bejn l-UE u l-Ġeorġja dwar l-iffaċilitar tal-viżi u r-riammissjoni li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2011 li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE rigward in-negozjati bejn l-UE u l-Ġeorġja dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni(1),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal Konġunt dwar l-Implimentazzjoni tal-Politika tal-Viċinat Ewropew fil-Ġeorġja – Progress fl-2013 u rakkomandazzjonijiet għal azzjoni (Rapport ta' Progress annwali) tas-27 ta' Marzu 2014 (SWD(2014)0072),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument Ewropew ta' Viċinat(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2014 dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u, b'mod partikolari, d-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-valutazzjoni u l-istabbiliment ta' prijoritajiet għar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi tas-sħubija tal-Lvant(4),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tal-5 ta' Settembru 2014 dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fil-Ġeorġja,

–  wara li kkunsidra l-ħidma ta' Thomas Hammarberg bħala l-Konsulent Speċjali tal-UE għar-Riforma Kostituzzjonali u Ġuridika u għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Ġeorġja, u r-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu bl-isem ''Georgia in Transition. Report on the human rights dimension: background, steps taken and remaining challenges'' (Il-Ġeorġja fi Tranżizzjoni. Rapport dwar id-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem: il-kuntest, il-passi meħuda u l-isfidi li fadal), ta' Settembru 2013 u r-rapport tal-10 ta' Lulju 2014 dwar il-missjoni ta' segwitu,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Protokoll tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ġeorġja fil-programmi tal-Unjoni(5),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni (l-"Aġenda") li se tissostitwixxi l-Pjan ta' Azzjoni PEV,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0042/2014),

A.  billi fil-Ġeorġja jeżisti kunsens qawwi fil-livell nazzjonali u bejn il-partiti favur l-integrazzjoni mal-Punent, inkluż mal-UE u man-NATO; billi skont studju reċenti tal-Istitut Demokratiku Nazzjonali għall-Affarijiet Internazzjonali, 69 % tal-popolazzjoni tal-Ġeorġja hija favur l-iffirmar ta' ftehim ta' assoċjazzjoni mal-Unjoni Ewropea; billi kunsens bħal dan għandu jwitti t-triq sabiex tittaffa l-polarizzazzjoni attwali tax-xena politika u jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal djalogu kostruttiv bejn il-forzi ta' maġġoranza u dawk ta' minoranza;

B.  billi l-elezzjonijiet parlamentari tal-2012 u dawk presidenzjali tal-2013 fil-Ġeorġja twettqu mingħajr intoppi u f'konformità mal-istandards Ewropej; billi għall-ewwel darba fl-istorja reċenti tal-Ġeorġja t-trasferiment tas-setgħa wara dawn l-elezzjonijiet seħħ b'mod paċifiku u demokratiku, u jista' jservi ta' eżempju għar-reġjun kollu;

C.  billi l-Ewropa għandha turi s-solidarjetà tagħha mal-pajjiżi li reġgħu kisbu l-indipendenza wara l-waqgħa tal-Unjoni Sovjetika kif ukoll appoġġ għas-sovranità tagħhom;

D.  billi r-Russja għadha tokkupa r-reġjuni Ġeorġjani tal-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar, bi ksur tan-normi u tal-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali; billi seħħew tindif etniku u tibdil demografiku furzat f'żoni li jinsabu taħt kontroll effettiv tal-forzi ta' okkupazzjoni, li huma responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn iż-żoni, inkluż il-ksur tad-dritt għal moviment liberu kif ukoll id-dritt għal kuntatti interpersonali u edukazzjoni fil-lingwa materna tal-individwu;

E.  billi l-Ġeorġja għamlet progress sinifikanti fir-riformi u fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-UE mir-''Rivoluzzjoni tal-Ward'' 'l hawn; billi b'riżultat tal-progress li sar fir-riformi li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, il-Ġeorġja bbenefikat minn allokazzjoni finanzjarja addizzjonali fil-ambitu tal-programm ta' Integrazzjoni u ta' Kooperazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant; billi l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jikkostitwixxi wkoll rikonoxximent qawwi ta' dan il-progress, filwaqt li jirrikonoxxi wkoll l-ambizzjoni u l-impenn li għandha l-Ġeorġja sabiex taqbad triq Ewropea;

F.  billi l-iffirmar tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina saru fis-27 ta' Ġunju 2014, fl-okkażjoni tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Brussell; billi bir-ratifika min-naħa tal-Parlament Ewropew tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Ġeorġja, wara r-ratifika tal-ftehimiet mar-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina, ġie fi tmiemu proċess sħiħ, filwaqt li nfetaħ kapitolu ġdid fir-rigward tax-xewqa u d-determinazzjoni ta' dawn il-pajjiżi li jersqu eqreb tal-Unjoni Ewropea;

G.  billi fil-kuntest tal-PEV is-Sħubija tal-Lvant ħolqot qafas politiku sinifikattiv għall-approfondiment tar-relazzjonijiet, l-aċċelerazzjoni tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika ulterjuri bejn l-UE u l-Ġeorġja, li bejniethom hemm rabtiet ġeografiċi, storiċi u kulturali qawwijin; billi dan sar permezz tal-appoġġ tar-riformi politiċi u soċjoekonomiċi u billi ġie ffaċilitat it-tqarrib lejn l-UE;

H.  billi l-oqfsa reġjonali, inkluża l-Assemblea Parlamentari Euronest, u s-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed tal-UE, jikkostitwixxu fora addizzjonali fejn jiġu kondiviżi l-esperjenzi, l-informazzjoni u l-aħjar prattiki dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni;

I.  billi l-UE tenfasizza d-dritt tal-Ġeorġja li tingħaqad ma' kwalunkwe organizzazzjoni jew alleanza internazzjonali, filwaqt li tirrispetta d-dritt internazzjonali, u ttenni l-konvinzjoni soda tagħha fil-prinċipju li l-ebda pajjiż terz m'għandu veto fuq id-deċiżjoni sovrana ta' pajjiż ieħor fi kwistjonijiet bħal dawn;

J.  billi l-Parlament jappoġġa bis-sħiħ il-liberalizzazzjoni tal-viżi għall-Ġeorġja bħala sinjal immedjat ta' relazzjonijiet eqreb bejn l-UE u l-Ġeorġja u bħala vantaġġ dirett għall-popolazzjoni;

K.  billi l-konklużjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mhijiex minnha nnifisha l-iskop aħħari, iżda hija parti minn proċess usa' li jdaħħal lill-pajjiż fin-norma Ewropea mil-lat ġuridiku, ekonomiku, politiku u soċjali, u għaldaqstant l-implimentazzjoni hija essenzjali;

L.  billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja, speċjalment it-taqsima dwar il-kummerċ li ġiet innegozjata fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant fl-2012 u fl-2013 huwa, fost l-oħrajn, wieħed mill-aktar ftehimiet ta' kummerċ ħieles ambizzjużi li l-UE qatt innegozjat ma' pajjiż terz;

M.  billi l-ħolqien ta' Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) bejn l-UE u l-Ġeorġja jirrappreżenta wieħed mill-aktar vantaġġi reċiproċi sinifikanti tal-Ftehim; billi m'hemmx dubju dwar l-importanza tal-kummerċ għat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi, il-prosperità u l-istabbiltà;

N.  billi l-istabbiliment ta' DCFTA mal-UE se jfisser għall-Ġeorġja li se jkollha tieħu impenji vinkolanti biex tadatta l-liġijiet u l-istandards tagħha sabiex tirrispetta n-normi u l-valuri komuni, u b'hekk iżżid l-aċċess tagħha għas-suq tal-UE;

O.  billi l-UE se tibbenefika minn flussi kummerċjali b'inqas intoppi u kundizzjonijiet ta' investiment aħjar fil-Ġeorġja;

P.  billi d-DCFTA tinkludi bosta dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jirriformaw il-leġiżlazzjoni kummerċjali u l-politiki relatati mal-kummerċ tal-Ġeorġja abbażi tal-acquis tal-UE u f'konformità miegħu, u billi dan se jwassal għall-modernizzazzjoni tal-ekonomija tal-pajjiż u għal ambjent ta' negozju mtejjeb u aktar prevedibbli, inkluż għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs);

Q.  billi bl-għoti tal-preferenzi SĠP+ lill-Ġeorġja, l-UE forniet lill-ekonomija tal-Ġeorġja b'benefiċċji sostanzjali;

R.  billi l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, li bdiet fl-1 ta' Settembru 2014, tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni aktar rapida tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni;

S.  billi l-parteċipazzjoni attiva tal-Ġeorġja u impenn favur il-valuri u l-prinċipji komuni, inklużi l-libertà, l-ugwaljanza, id-demokrazija, il-pluraliżmu, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, imnebbħa minn viżjoni komuni fejn kull persuna għandha valur uniku, huma essenzjali biex il-proċess ikompli miexi 'l quddiem u l-Ftehim jiġi implimentat b'suċċess, u biex jiżguraw li dan ikollu impatt sostenibbli fuq l-iżvilupp tal-pajjiż;

T.  billi rabtiet politiċi u ekonomiċi aktar b'saħħithom ser iġibu aktar stabbiltà, sigurtà u prosperità lill-kontinent Ewropew kollu; billi rabtiet aktar b'saħħithom mal-UE m'għandhomx ifissru l-esklużjoni mir-rabtiet tradizzjonali, storiċi, politiċi u ekonomiċi li għandha l-Ġeorġja ma' pajjiżi oħrajn fir-reġjun, u lanqas it-tmiem ta' dawn ir-rabtiet, iżda għall-kuntrarju, għandhom joħolqu l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-pajjiż jibbenefika bis-sħiħ mill-potenzjal kollu tiegħu;

U.  billi l-Ġeorġja hija parti importanti mill-katina tal-provvista tas-suq komuni tal-enerġija u twassal ir-riżorsi enerġetiċi mir-reġjun tal-Baħar Kaspju lejn l-UE;

1.  Jilqa' favorevolment ħafna l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, li jikkostitwixxi pass sinifikanti 'l quddiem fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġeorġja u juri impenn fit-triq lejn l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika; jilqa' l-assistenza finanzjarja mogħtija lill-Ġeorġja fl-2014 skont il-prinċipju ta' ''aktar fondi għal aktar riforma''; jenfasizza li r-ratifika tal-Ftehim mhijiex l-għan aħħari minnha nnifisha, u li huwa kruċjali li jiġi implimentat bis-sħiħ fl-iqsar żmien possibbli;

2.  Jilqa' r-ratifika rapida u unanima tal-Ftehim min-naħa tal-Parlament tal-Ġeorġja, u jistieden lill-Istati Membri jipproċedu malajr bir-ratifika tiegħu;

3.  Jinnota li, skont l-Artikolu 49 tat-TUE, il-Ġeorġja, bħal kull Stat Ewropew ieħor, għandha perspettiva Ewropea u tista' tapplika sabiex issir membru tal-Unjoni dment li żżomm mal-prinċipji tad-demokrazija, tirrispetta l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem u dawk tal-minoranzi, u tiżgura l-istat tad-dritt;

4.  Jenfasizza li l-Ftehim ikopri t-territorju rikonoxxut internazzjonalment kollu tal-Ġeorġja u li huwa ta' benefiċċju għall-popolazzjoni kollha u jservi ta' qafas għall-iżvilupp sostenibbli u d-demokrazija fil-Ġeorġja;

5.  Jistieden lill-Ġeorġja tiżgura li r-riformi jkunu ankrati u stabbiliti fermement fil-qafas istituzzjonali, biex b'hekk tibni soċjetà kkaratterizzata mill-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa;

6.  Jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza ta' djalogu kostruttiv bejn il-partiti għall-adozzjoni ta' riformi bażiċi u obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, u dan fi spirtu ta' għażla kunsenswali Ewropea; jistieden lill-forzi politiki tal-Ġeorġja jevitaw approċċ li fih ''ir-rebbieħ ikaxkar kollox'', jiġifieri l-approċċ li kien jikkaratterizza l-gvernijiet preċedenti, u dan sabiex tingħeleb il-polarizzazzjoni li ilha teżisti fis-soċjetà tal-Ġeorġja;

7.  Jilqa' l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni li toħloq qafas prattiku biex jinkisbu l-objettivi urġenti tal-Ftehim u li għandu jkun dak li jiggwida l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġeorġja;

8.  Jenfasizza li kemm il-Ġeorġja u kemm l-UE għandhom ikunu involuti fl-implimentazzjoni tal-Aġenda, u li l-prijoritajiet stabbiliti fiha għandhom jingħataw l-appoġġ tekniku u finanzjarju xieraq biex b'hekk il-Ġeorġja tkun tista' tkompli bir-riformi demokratiċi u ekonomiċi tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkoordinaw l-assistenza tagħhom u li fil-programmazzjoni tal-finanzjament għall-Ġeorġja jużaw il-prijoritajiet tal-Aġenda bħala l-prinċipji li jmexxuhom;

9.  Jistieden lill-partijiet jidentifikaw il-bżonnijiet ta' taħriġ biex jiġi żgurat li l-Ġeorġja tkun kapaċi twettaq l-obbligi tal-Ftehim u l-Aġenda;

10.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ġeorġja u jappella sabiex jiġu żgurati l-applikabbiltà u l-benefiċċji tal-Ftehim għat-territorju rikonoxxut internazzjonalment kollu tal-Ġeorġja; jappella f'dan ir-rigward lill-UE tkompli timpenja ruħha b'mod attiv fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt, permezz tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-Kriżi fil-Ġeorġja, il-viċi presidenza fit-Taħdidiet ta' Ġinevra, u l-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea (EUMM); iħeġġeġ sabiex ikun hemm aktar sforzi deċiżivi għal dak li jirrigwarda r-reviżjoni tal-aspetti restrittivi tal-liġi dwar it-territorji okkupati, biex b'hekk jiġu massimizzati l-benefiċċji tal-Ftehim u tad-DCFTA;

11.  Jistieden lir-Russja tirrispetta bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ġeorġja, kif ukoll l-invjolabbiltà tal-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment, treġġa' lura r-rikonoxximent tagħha tas-separazzjoni tal-Abkażja u tar-reġjun ta' Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar u ttemm l-okkupazzjoni tagħhom, u tirreċiproka l-impenn dwar in-nuqqas ta' użu tal-forza fir-rigward tal-Ġeorġja; jikkundanna, f'dan ir-rigward, il-konklużjoni tat-trattat ta' "alleanza u sħubija strateġika" bejn it-territorju okkupat tal-Abkażja u r-Russja; jikkunsidra dan bħala azzjoni li ħadet ir-Russja bil-għan li tikkonkludi l-annessjoni totali tal-Abkażja; jesprimi tħassib ukoll li "trattat" analogu jista' jiġi konkluż mat-territorju okkupat ta' Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar ukoll; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Federazzjoni Russa tirtira mill-hekk imsejjaħ "trattat" u tottempera mal-obbligi tagħha skont il-Ftehim dwar il-Waqfien mill-Ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008;

12.  Jilqa' r-riformi reċenti min-naħa tal-awtoritajiet tal-Ġeorġja mfassla sabiex tissaħħaħ aktar l-istabbiltà, l-indipendenza u l-effikaċja tal-istituzzjonijiet responsabbli milli jiggarantixxu d-demokrazija (partikolarment dik tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji), l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, u li tiġi kkonsolidata s-sistema ta' ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali; itenni l-importanza li jiġi żgurat li t-tliet fergħat kollha tas-setgħa jibqgħu separati; jappella sabiex is-sistema tal-kontrolli u tal-bilanċi tintuża b'mod effettiv, flimkien ma' mekkaniżmi ta' sorveljanza;

13.  Jinnota l-isforzi tal-awtoritajiet tal-Ġeorġja fil-qasam tar-riformi demokratiċi, inklużi fl-indirizzar tar-riforma tal-ġudikatura, u l-ħtieġa li jiġu investigati bis-sħiħ u b'mod adegwat l-allegazzjonijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; itenni li r-riforma tas-settur tal-ġustizzja tibqa' prijorità kemm għall-Ġeorġja u kemm għall-Unjoni Ewropea; jirrikonoxxi l-prinċipju fundamentali tal-ugwaljanza f'għajnejn il-liġi u l-garanzija tad-drittijiet proċedurali; jenfasizza l-ħtieġa li jinħoloq reġistru tal-infurzar għall-każijiet ta' prosekuzzjoni u kundanni u li permezz tiegħu jkun jista' jitkejjel il-progress; jitlob l-unifikazzjoni tal-ġurisprudenza, biex tiġi żgurata sistema ġudizzjarja prevedibbli u l-fiduċja tal-pubbliku; ifakkar li għandha titkompla l-implimentazzjoni effikaċi tal-istrateġija ta' riforma tas-settur tal-ġustizzja;

14.  Jenfasizza li l-prosekuzzjonijiet kollha għandhom ikunu trasparenti, proporzjonati u ħielsa minn motivazzjoni politika, u għandhom jimxu strettament mal-proċeduri ta' investigazzjoni u ta' proċess ġust u jitwettqu b'rispett sħiħ tal-prinċipji ta' smigħ ġust, kif stabbilit fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jibqa' mħasseb dwar in-nuqqas ta' responsabbiltà tal-uffiċċju tal-prosekutur u l-kriterji vagi li skonthom jinħatru l-prosekuturi u l-investigaturi; ifakkar li l-integrità u l-professjonalità għandhom ikunu l-kriterji ewlenin għall-mili ta' dawn il-karigi;

15.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet tal-Ġeorġja jfittxu li joħolqu r-rikonċiljazzjoni nazzjonali; jesprimi tħassib dwar il-fatt li bosta uffiċjali li servew taħt il-gvern preċedenti u wħud mill-membri tal-oppożizzjoni attwali ġew akkużati b'reati u jinsabu l-ħabs jew qegħdin taħt arrest preventiv qabel is-smigħ tal-kawża; jesprimi tħassib ukoll dwar l-użu potenzjali tas-sistema ġudizzjarja fil-ġlieda kontra l-avversarji politiċi, fatt li jista' jdgħajjef il-perkors Ewropew tal-Ġeorġja kif ukoll l-isforzi li saru mill-awtoritajiet tal-Ġeorġja fil-qasam tar-riforma demokratika; ifakkar li l-eżistenza ta' oppożizzjoni politika sinifikanti hija indispensabbli għall-ħolqien ta' sistema politika bilanċjata u matura li qed taspira għaliha l-Ġeorġja;

16.  Jirrikonoxxi li l-akkużi ta' każijiet tal-hekk imsejħa ġustizzja selettiva kellhom impatt negattiv; jappella lill-awtoritajiet tal-Ġeorġja jevitaw milli jużaw is-sistema ġudizzjarja bħala mezz ta' vendetta politika; jistieden lill-forzi politiċi kollha fil-Ġeorġja joqogħdu attenti ħafna li jevitaw akkużi fil-futur, filwaqt li jkomplu bil-ġlieda serja sabiex titneħħa l-korruzzjoni u l-abbuż tal-kariga pubblika;

17.  Jilqa r-"Rapport ta' monitoraġġ bi prova" tal-OSCE/ODIHR maħruġ fid-9 ta Diċembru 2014 u jistieden lill-gvern Ġeorġjan biex iwettaq sforzi serji biex jitranġaw in-nuqqasijiet fih identifikati;

18.  Jilqa' l-ħidma li saret minn Thomas Hammarberg bħala l-Konsulent Speċjali tal-UE u r-rapport tiegħu ''Georgia in Transition'' (Il-Ġeorġja fi Tranżizzjoni), kif ukoll ir-rapport tal-10 ta' Lulju 2014 dwar iż-żjara ta' segwitu; jistieden lill-awtoritajiet tal-Ġeorġja jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapporti;

19.  Jenfasizza l-fatt li l-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (OSKE/ODIHR) b'mod ġenerali kkunsidrat l-elezzjonijiet presidenzjali ta' Ottubru 2013 bħala pożittivi kif ukoll bħala l-aħjar elezzjonijiet minn wara l-indipendenza tal-Ġeorġja 'l hawn, u li dawn komplew jibnu fuq il-passi inkoraġġanti tal-elezzjonijiet parlamentari tal-2012; jinnota f'dan ir-rigward il-parteċipazzjoni tad-Delegazzjoni tal-Osservazzjoni Elettorali tal-Parlament;

20.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tiżgura sinerġiji bejn l-opportunitajiet diversi ta' sostenn li jagħtu l-Fond Ewropew għad-Demokrazija, l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Istrument għall-Istabbiltà u l-Faċilità għas-Soċjetà Ċivili biex b'hekk jiġi appoġġat il-proċess demokratiku fil-Ġeorġja;

21.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Ġeorġja jkomplu bil-ġlieda tagħhom kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni, il-frodi u l-ħasil ta' flus fil-livelli kollha u fl-isferi kollha tal-ħajja, u jiżviluppaw ġudikatura li tiffunzjona kompletament, li għandha biżżejjed persunal u li hija indipendenti sabiex fost l-oħrajn, tiżdied il-fiduċja tal-pubbliku fil-ġudikatura u tiġi difiża l-ekonomija leċita; jenfasizza barra minn hekk l-importanza li l-amministrazzjoni pubblika ma tibqax ta' dominju politiku biex b'hekk issir aktar effiċjenti u ħielsa mill-indħil politiku;

22.  Jirrikonoxxi d-determinazzjoni tal-Ġeorġja u l-kisbiet li għamlet fil-bini ta' soċjetà ħielsa bbażata fuq l-istat tad-dritt, id-demokrazija u l-pluraliżmu soċjali; jiġbed l-attenzjoni lejn l-appoġġ qawwi li qed igawdi minnu dan il-proċess fis-soċjetà tal-Ġeorġja; jenfasizza l-importanza ta' leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni sabiex jiġu żgurati d-drittijiet ugwali u l-ħarsien tal-minoranzi, b'mod partikolari għall-minoranzi etniċi, reliġjużi u LGBT; jilqa' l-adozzjoni min-naħa tal-Parlament tal-Ġeorġja tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni, u jappella sabiex din tiġi implimentata u osservata bis-sħiħ skont u fl-ispirtu tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jinnota li dan jikkostitwixxi pass importanti lejn il-proċess ta' liberalizzazzjoni tal-viżi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ġeorġja jwettqu kampanji ta' informazzjoni dwar is-suġġett;

23.  Jieħu nota tal-passi li ħadet il-Ġeorġja kontra l-Iżlamofobija u l-omofobija, fir-rispett tal-impenji internazzjonali tagħha; jisħaq, madankollu, il-bżonn li jitressqu b'mod effikaċi quddiem il-ġustizzja l-persuni responsabbli tal-atti ta' vjolenza;

24.  Jilqa' l-ħidma li saret mill-Ġeorġja fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar l-iffaċilitar tal-viżi u r-riammissjoni; jilqa' wkoll il-progress sinifikanti li sar fid-djalogu dwar il-viżi; jappoġġa l-introduzzjoni f'waqtha ta' reġim ta' eżenzjoni mill-viżi għall-Ġeorġja bħala żvilupp pożittiv tanġibbli għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tal-Ġeorġja, ladarba jkunu ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha;

25.  Jistieden lill-Gvern tal-Ġeorġja joħloq ambjent favorevoli għall-midja ħielsa li jippromwovi l-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-midja, u li jippermetti lill-midja tirrapporta b'mod indipendenti u oġġettiv mingħajr pressjoni politika jew ekonomika; jappella f'dan ir-rigward għall-implimentazzjoni sħiħa tal-liġi dwar it-trasparenza tas-sjieda tal-midja;

26.  Iħeġġeġ lill-gvern ikompli jagħmel progress fir-rigward tal-istat tad-dritt u l-aċċess għall-ġustizzja billi jadotta l-Kodiċi tal-Ġustizzja għall-Minorenni l-ġdid f'konformità mal-istandards internazzjonali biex b'hekk jippromwovi l-aċċess għall-ġustizzja għat-tfal kollha; jenfasizza l-ħtieġa li jsiru riformi urġenti fis-sistema tal-ħarsien soċjali biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali dejjem jiżdiedu li jaffettwaw partikolarment lit-tfal, kif jidher mill-perċentwal dejjem jiżdied ta' tfal li issa qed jgħixu taħt il-livell nazzjonali tal-faqar (27 % fl-2013 meta mqabbel ma' 25 % fl-2011) u f'faqar estrem (6 % meta mqabbel ma' 3,9 % fost il-popolazzjoni ġenerali), u li qed jgħixu b'anqas minn USD 1,25 kuljum;

27.  Jinnota b'mod pożittiv l-adozzjoni tal-kodiċi l-ġdid dwar ix-xogħol u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi implimentat u li jibqa' jkun hemm titjib fl-istandards tax-xogħol u d-djalogu soċjali, biex b'hekk ikun hemm konformità mad-drittijiet u l-istandards tax-xogħol stabbiliti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol;

28.  Ifaħħar id-determinazzjoni tal-Ġeorġja li tfittex li jkollha rabtiet ekonomiċi eqreb mal-UE permezz ta' riformi ekonomiċi profondi u diffiċli;

29.  Jifraħ lill-Ġeorġja talli kienet kapaċi tirreżisti għall-pressjoni esterna, fost oħrajn mir-Russja, u tidderieġi l-esportazzjonijiet tagħha lejn swieq ġodda, u jħeġġeġ lill-Ġeorġja tkompli f'din id-direzzjoni anke fil-futur; jikkundanna l-politika ta' pressjoni ekonomika li utilizzat ir-Russja kontra l-Ġeorġja qabel u wara l-iffirmar tad-DCFTA f'Ġunju 2014;

30.  Jemmen bis-sħiħ li d-DCFTA se jkollha impatt pożittiv fuq perjodu twil fuq l-ekonomija tal-Ġeorġja u għaldaqstant se tgħin biex tiżdied il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-pajjiż;

31.  Jinnota b'sodisfazzjon ir-ratifika tal-ftehim fit-18 ta' Lulju 2014 min-naħa tal-parlament tal-Ġeorġja, li wasslet għall-applikazzjoni provviżorja tad-DCFTA mill-1 ta' Settembru 2014;

32.  Jistieden lill-parlamenti tal-Istati Membri jirratifikaw kemm jista' jkun malajr il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluża d-DCFTA, biex b'hekk id-dispożizzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali kollha tal-Ftehim ikunu jistgħu jidħlu fis-seħħ bis-sħiħ mingħajr dewmien;

33.  Jenfasizza l-fatt li s-suċċess tad-DCFTA jiddependi fuq kemm iż-żewġ partijiet jimplimentaw bir-reqqa l-impenji stabbiliti fil-Ftehim; jappella f'dan ir-rigward lill-UE sabiex lill-Ġeorġja tagħtiha l-għajnuna meħtieġa kollha, anke sabiex ittaffi l-ispejjeż fuq perjodu qasir għall-Ġeorġja; jistieden lill-Istati Membri jaqsmu mal-Ġeorġja l-għarfien li għandhom fil-qasam tar-riformi ekonomiċi u tal-approssimazzjoni;

34.  Jemmen li l-iskrutinju parlamentari huwa kundizzjoni fundamentali għall-appoġġ demokratiku tal-politiki tal-UE; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiffaċilita mingħajr dewmien il-monitoraġġ regolari u dettaljat tal-implimentazzjoni tad-DCFTA mill-Parlament Ewropew.

35.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tad-DCFTA sabiex tipprevjeni d-dumping soċjali u ambjentali, speċjalment matul il-perjodu ta' tranżizzjoni fil-każ ta' ċerti setturi;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tħaffef il-forniment ta' assistenza u ta' għarfien espert lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Ġeorġja, biex b'hekk tippermettilhom jipprovdu monitoraġġ intern u għoti ta' rendikont akbar fir-rigward tar-riformi u l-impenji li ħa fuqu l-gvern, l-aktar fl-ambitu tal-Ftehim u l-Aġenda;

37.  Jistieden lill-Gvern tal-Ġeorġja jikkoopera mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-NGOs permezz ta' djalogu konsistenti;

38.  Jilqa' l-parteċipazzjoni attiva tal-Ġeorġja fl-operazzjonijiet tal-ġestjoni tal-kriżi fl-ambitu tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni tal-UE, u jappella lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jistieden lill-Ġeorġja għall-eżerċizzji rilevanti u s-sessjonijiet ta' taħriġ;

39.  Jenfasizza r-rwol fundamentali li għandhom ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-Kriżi fil-Ġeorġja u l-EUMM fil-kontribut li jagħtu għas-sigurtà u l-istabbiltà fiż-żoni li jinsabu maġenb ir-reġjuni ta' Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar, u jappella għall-proroga tal-mandat tal-missjoni lil hinn mill-2016; jitlob ukoll lill-UE tiżgura li din tingħata baġit adegwat biex twettaq il-mandat tagħha;

40.  Iqis deplorevoli, b'rabta ma' dan, in-nuqqas ta' progress sostanzjali li sar fit-taħdidiet ta' Ġinevra, minkejja l-isforzi tal-awtoritajiet tal-Ġeorġja li juru impenn kostruttiv biex jindirizzaw it-tħassib umanitarju u tas-sigurtà kollu fiż-żoni ta' kunflitt; jitlob sabiex l-UE jkollha rwol aktar effikaċi fil-proċess; jikkundanna l-proċess ta' stabbiliment ta' fruntieri tul il-linji ta' demarkazzjoni amministrattivi mal-Abkażja u mar-reġjun ta' Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar, li wassal għall-espansjoni taż-żona ta' territorji okkupati b'detriment għall-Ġeorġja, proċess li kellu konsegwenzi umanitarji devastanti għall-popolazzjoni lokali u li qed ixekkel il-bini tal-fiduċja;

41.  Jappoġġja l-passi pożittivi li ħa l-Gvern tal-Ġeorġja sabiex jitjiebu r-relazzjonijiet mar-Russja; jistieden lir-Russja, bħala attur importanti fir-reġjun, timpenja ruħha b'mod kostruttiv sabiex tinstab soluzzjoni paċifika għall-kunflitti u b'mod partikolari fit-Taħdidiet ta' Ġinevra, li kellhom il-mandat li jimmonitorjaw il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008 bejn ir-Russja u l-Ġeorġja; jemmen li d-dispożizzjonijiet kollha tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ miż-żewġ naħat, b'mod partikolari l-impenn tar-Russja li tirtira l-forzi militari kollha tagħha u d-dispożizzjoni li tiddikjara li r-Russja għandha tiggarantixxi lill-EUMM aċċess sħiħ u illimitat lejn it-territorji separatisti tal-Abkażja u tar-reġjun ta' Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar; jenfasizza l-ħtieġa li r-rifuġjati u l-persuni spostati f'pajjiżhom jkunu jistgħu jirritornaw lura b'mod sikur u dinjituż fil-postijiet ta' residenza permanenti tagħhom;

42.  Jisħaq fuq l-importanza li jissaħħu l-kuntatti interpersonali fil-livelli kollha fiż-żoni ta' kunflitt ħalli jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji għal djalogu sostnut u jitrawwem ulterjorment il-bini tal-fiduċja bil-għan li jiġi intensifikat il-proċess ta' paċi u tinkiseb ir-rikonċiljazzjoni bejn il-partijiet;

43.  Itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-proċess ta' assoċjazzjoni mhuwiex ta' theddida għall-interessi politiċi u ekonomiċi tar-Russja, u jiddispjaċih li t-tmexxija Russa tikkunsidrah b'dan il-mod; jirrimarka li kull pajjiż għandu kull dritt jagħmel l-għażliet politiċi tiegħu, iżda li l-impenn tal-UE mas-sħab tal-Lvant għandu l-għan li jxerred il-ġid u jqawwi l-istabbiltà politika u soċjali, ħaġa li l-pajjiżi tar-reġjun ilkoll se jgawdu minnha;

44.  Jindika li d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja, l-inklużjoni mistennija tal-Armenja fl-Unjoni Doganali, u l-fatt li l-Azerbajġan għadu barra mill-blokok ekonomiċi ewlenin, inkluż id-WTO, jistgħu jfixklu r-relazzjonijiet ekonomiċi tradizzjonali fir-reġjun; jappoġġa bis-sħiħ id-divrenzjar progressiv previst fil-qafas ta' Sħubija tal-Lvant, hekk kif dan jilħaq il-livelli differenti ta' ambizzjoni u ta' kapaċità tas-sħab, madankollu jemmen li l-UE teħtieġ approċċ reġjonali biex tkun tista' tikkontribwixxi b'mod effettiv għall-istabbiltà u l-iżvilupp ekonomiku tal-Kawkasu tan-Nofsinhar; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tassisti lill-pajjiżi fir-reġjun jindirizzaw il-problemi possibbli li jistgħu jinqalgħu minn sitwazzjoni bħal din, u tgħin lill-Ġeorġja tagħmel sforzi ġodda biex tippromwovi forom ġodda ta' kooperazzjoni fil-Kawkasu tan-Nofsinhar;

45.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-pożizzjoni kruċjali tal-Ġeorġja għal dak li jirrigwarda l-iżvilupp tal-Kuritur tan-Nofsinhar u t-tranżitu tal-pajpijiet taż-żejt u tal-gass li jistgħu jkunu ta' importanza strateġika għas-sigurtà tal-enerġija Ewropea; jappella f'dan ir-rigward għar-rispett sħiħ tal-istandards ambjentali tal-UE fil-kostruzzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija; jenfasizza barra minn hekk l-importanza li jkun hemm diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, l-aktar fir-rigward tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u li l-politiki u l-objettivi dwar it-tibdil fil-klima jkunu allinjati ma' dawk tal-UE;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tgħin u timmonitorja mill-qrib lill-awtoritajiet tal-Ġeorġja fil-programm ta' investiment tagħhom għall-kostruzzjoni, ir-rijabilitazzjoni u r-rikostruzzjoni ta' impjanti idroelettriċi, filwaqt li tħeġġiġhom jikkonformaw bis-sħiħ mal-istandards u n-normi tal-UE għal dak li jirrigwarda partikolarment il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali ta' impjanti akbar;

47.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni tiegħu mal-Parlament tal-Ġeorġja bħala mezz kif tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-Ftehim u l-Aġenda; jemmen li d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim u l-ħolqien ta' qafas istituzzjonali ġdid għall-kooperazzjoni, li jinkludi l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, jitlob titjib simili fis-sitwazzjoni fil-livell parlamentari; jemmen għalhekk li, meta tqis l-ambitu differenti tar-relazzjonijiet mal-Armenja u l-Azerbajġan, huwa neċessarju li jinħoloq kumitat ta' assoċjazzjoni parlamentari speċifiku bejn l-UE u l-Ġeorġja;

48.  Jistieden lill-Ġeorġja tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, lis-soċjetà tal-Ġeorġja, inklużi lit-territorji tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar, u dan b'kooperazzjoni mar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-Kriżi fil-Ġeorġja u l-EUMM;

49.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ġeorġja.

(1) ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 137.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0567.
(3) Testi adottati, P7_TA(2014)0457.
(4) Testi adottati, P7_TA(2014)0229.
(5) Testi adottati, P7_TA(2014)0404.
(6) Testi adottati, P8_TA(2014)0111.

Avviż legali - Politika tal-privatezza