Indiċi 
Testi adottati
L-Erbgħa, 16 ta' Lulju 2014 - Strasburgu
Ħatra ta' 4 Membri tal-Kummissjoni Ewropea
 Adozzjoni tal-euro fil-Litwanja fl-1 ta' Jannar 2015 *
 Kompożizzjoni numerika tad-delegazzjonijiet interparlamentari

Ħatra ta' 4 Membri tal-Kummissjoni Ewropea
PDF 204kWORD 37k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Lulju 2014 li tapprova l-ħatra ta' Jyrki Katainen, Jacek Dominik, Ferdinando Nelli Feroci u Martine Reicherts bħala membri tal-Kummissjoni (C8-0030/2014 - 2014/0803(NLE), C8-0083/2014 - 2014/0804(NLE), C8-0084/2014 - 2014/0805(NLE), C8-0085/2014 - 2014/0806(NLE))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-tieni paragrafu tal-Artikolu 246 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra l-punt 6 tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-riżenja ta' Olli Rehn, Janusz Lewandowski, Antonio Tajani u Viviane Reding minn Membri tal-Kummissjoni, b'effett mit-30 ta’ Ġunju 2014,

–  wara li kkunsidra l-ittri tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju u t-2 ta' Lulju 2014, li permezz tagħhom il-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament dwar id-deċiżjoni, li tittieħed bi qbil komuni mal-President tal-Kummissjoni, dwar il-ħatra ta' erba' Membri tal-Kummissjoni (C8-0030/2014, C8-0083/2014, C8-0084/2014, C8-0085/2014),

–  wara li kkunsidra s-seduta ta’ smigħ tal-Kummissarji nnominati fl-14 ta' Lulju 2014, li kienet immexxija mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, il-Kumitat għall-Baġits bl-assoċjazzjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern bl-assoċjazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u Ugwaljanza tas-Sessi, u d-dikjarazzjonijiet ta’ evalwazzjoni mfassla wara dak is-smigħ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 118, u l-Anness XVII tar-Regoli ta’ Procedura tiegħu,

1.  Japprova l-ħatra ta' Jyrki Katainen, Jacek Dominik, Ferdinando Nelli Feroci and Martine Reicherts bħala Membri tal-Kummissjoni għall-bqija taż-żmien tal-kariga tal-Kummissjoni sal-31 ta’ Ottubru 2014;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.


Adozzjoni tal-euro fil-Litwanja fl-1 ta' Jannar 2015 *
PDF 223kWORD 45k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Lulju 2014 dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tal-euro fil-Litwanja fl-1 ta' Jannar 2015 (COM(2014)0324 – C8-0026/2014 – 2014/0170(NLE))
P8_TA(2014)0004A8-0001/2014

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2014)0324),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0026/2014),

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Konverġenza 2014 tal-Kummissjoni (COM(2014)0326) u r-Rapport ta' Konverġenza tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' Ġunju 2014,

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Ġunju 2006 dwar it-tkabbir taż-żona tal-euro(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar it-titjib tal-proċess ta' konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-proċeduri ta' tkabbir ulterjuri taż-żona euro(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0001/2014),

A.  billi l-ewwel tentattiv tal-Litwanja li tintroduċi l-euro kien fl-2006, u l-Gvern Litwan fil-25 ta' Frar 2013 iddeċieda li jiskeda l-introduzzjoni tal-euro għall-1 ta' Jannar 2015, u billi fis-17 ta' April 2014 l-Parlament Litwan (Seimas) adotta l-liġi dwar l-adozzjoni mil-Litwanja tal-euro b'maġġoranza kbira;

B.  billi r-rekwiżiti ġuridiċi għall-introduzzjoni tal-euro huma stabbiliti fl-Artikolu 140 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u fil-Protokoll Nru 13 dwar il-kriterji ta' konverġenza; billi jridu jkunu ssodisfati l-erba' kriterji ta' konverġenza li ġejjin: il-ksib ta' livell għoli ta' stabbiltà tal-prezzijiet, qagħda finanzjarja tal-gvern sostenibbli, osservanza tal-marġnijiet ta' fluttwazzjoni normali previsti fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea, kif ukoll id-durabbiltà tal-konverġenza miksuba mill-Istat Membru u l-parteċipazzjoni tiegħu fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju kif jidher fil-livelli tar-rati ta' mgħax f'perjodi fit-tul;

C.  billi fil-laqgħa tiegħu tas-7 ta' April 2014 il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tas-seba' Parlament Ewropew adotta r-rapport dwar l-adozzjoni mil-Litwanja tal-euro b'maġġoranza kbira, u b'hekk approva l-adozzjoni mil-Litwanja tal-euro;

D.  billi l-Litwanja, skont ir-Rapport ta' Konverġenza ppubblikat mill-Bank Ċentrali Ewropew fl-4 ta' Ġunju 2014, issodisfat il-kriterji ta' konverġenza kollha;

E.  billi l-euro hija l-munita tal-Unjoni; bħala prinċipju, l-Istati Membri kollha li jissodisfaw il-kriterji ta' konverġenza għandhom l-obbligu li jadottawha; u huma biss id-Danimarka u r-Renju Unit li huma eżenti minn dan l-obbligu;

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;

2.  Huwa favur l-adozzjoni mil-Litwanja tal-euro fl-1 ta' Jannar 2015;

3.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jilqa' l-fatt li l-Litwanja, skont ir-Rapport ta' Konverġenza tal-Kummissjoni, tul il-perjodu ta' sena sa April 2014 kellha medja tar-rata ta' inflazzjoni ta' 0,6 % u b'hekk issodisfat il-kriterju ta' konverġenza dwar stabbiltà tal-prezzijiet;

5.  Jilqa' l-fatt li l-Litwanja, skont ir-Rapport ta' Konverġenza tal-Kummissjoni, fis-sena ta' referenza 2013 kellha defiċit baġitarju ta' 2,1 % u dejn ta' 39,4 % tal-prodott domestiku gross, u b'hekk issodisfat il-kriterju ta' konverġenza dwar sostenibbiltà tal-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern;

6.  Jilqa' l-fatt li, skont ir-Rapport ta' Konverġenza tal-Kummissjoni, ma kienx hemm tensjonijiet fir-rata tal-kambju bejn il-litas u l-euro matul il-perjodu ta' valutazzjoni ta' sentejn, u l-Litwanja b'hekk issodisfat il-kriterju ta' konverġenza dwar osservanza tal-marġini normali ta' varjazzjoni previsti mill-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea;

7.  Jilqa' l-fatt li l-imgħaxijiet fit-tul, skont ir-Rapport ta' Konverġenza tal-Kummissjoni, fil-perjodu ta' referenza minn Mejju 2013 sa April 2014 irreġistraw medja ta' 3,6 %, u l-Litwanja b'hekk issodisfat il-kriterju ta' konverġenza dwar durabilità ta' konverġenza;

8.  Jilqa' l-fatt li, skont ir-Rapport ta' Konverġenza tal-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni fil-Litwanja hi kompletament kompatibbli mad-dmir ta' konverġenza skont l-Artikolu 131 TFUE;

9.  Jilqa', b'mod partikolari, f'dan ir-rigward il-kompatibbiltà tad-dritt dwar il-Lietuvos bankas mal-prinċipju tal-indipendenza tal-bank ċentrali kif stabbilit mill-Artikolu 130 TFUE u kif rifless fl-Artikolu 7 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew;

10.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sostanzjali;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din il-pożizzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Grupp tal-euro u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 298E, 8.12.2006, p. 249.
(2) ĠU C 146E, 12.6.2008, p. 251.


Kompożizzjoni numerika tad-delegazzjonijiet interparlamentari
PDF 214kWORD 43k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Lulju 2014 dwar l-għadd tal-membri ta' delegazzjonijiet interparlamentari (2014/2704(RSO))
P8_TA(2014)0005B8-0003/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar in-numru tad-delegazzjonijiet interparlamentari, tad-delegazzjonijiet għall-kumitati parlamentari konġunti u tal-assemblej parlamentari multilaterali(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 212 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jiddeċiedi li jistabbilixxi kif ġej is-saħħa numerika tad-delegazzjonijiet interparlamentari li ġejjin:

   (a) L-Ewropa, il-Balkani tal-Punent u t-Turkija
     Delegazzjoni għall-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja: 13-il Membru
     Delegazzjoni għall-Kumitat għall-Kooperazzjoni Parlamentari bejn l-UE u t-Turkija: 25 Membru
     Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Isvizzera, l-Islanda u n-Norveġja u għall-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE): 17-il Membru
     Delegazzjoni għall-Kumitat Parlamentari għall-Istabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Serbja: 15-il Membru
     Delegazzjoni għall-Kumitat Parlamentari għall-Istabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Albanija: 14-il Membru
     Delegazzjoni għall-Kumitat Parlamentari għall-Istabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Montenegro: 14-il Membru
     Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Bosnja-Ħerzegovina u mal-Kosovo: 13-il Membru
   (b) Ir-Russja u l-istati tas-Sħubija tal-Lvant
     Delegazzjoni għall-Kumitat għall-Kooperazzjoni Parlamentari bejn l-UE u r-Russja: 31 Membru
     Delegazzjoni għall-Kumitat għall-Kooperazzjoni Parlamentari bejn l-UE u l-Ukrajna: 16-il Membru
     Delegazzjoni għall-Kumitat għall-Kooperazzjoni Parlamentari bejn l-UE u l-Moldova: 14-il Membru
     Delagazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Belarus: 12-il Membru
     Delegazzjoni għall-Kumitati ta' Kooperazzjoni Parlamentari UE-Armenja, UE-Ażerbajġan, u UE-Ġorġja: 18-il Membru
   (c) Il-Magreb, Il-Maxreq, l-Iżrael u l-Palestina
     Delegazzjoni għar-relazzjonijiet ma':
   L-Iżrael: 18-il Membru
   il-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan: 18-il Membru
   il-pajjiżi tal-Magreb u l-Unjoni Għarbija tal-Magreb: 18-il Membru
   il-pajjiżi tal-Maxreq: 18-il Membru
   (d) Il-Peniżola Għarbija, l-Iraq u l-Iran
     Delegazzjoni għar-relazzjonijiet ma':
   il-Peniżola Għarbija: 15-il Membru
   L-Iraq: 8 Membri
   L-Iran: 12-il Membru
   (e) Il-Kontinent Amerikan
     Delegazzjoni għar-relazzjonijiet ma':
   l-Istati Uniti: 58 Membru
   il-Kanada: 16-il Membru
   ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil: 14-il Membru
   il-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali: 15-il Membru
   il-pajjiżi tal-Komunità Andina: 12-il Membru
   il-Mercosur: 19-il Membru
     Delegazzjoni għall-Kumitat għall-Kooperazzjoni Parlamentari bejn l-UE u l-Messiku: 14-il Membru
     Delegazzjoni għall-Kumitat għall-Kooperazzjoni Parlamentari bejn l-UE u ċ-Ċile: 15-il Membru
     Delegazzjoni għall-Kumitat Parlamentari Cariforum-UE: 15-il Membru
   (f) l-Ażja/Paċifiku
     Delegazzjoni għar-relazzjonijiet ma':
   il-Ġappun: 24 Membru
   ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina: 37 Membru
   l-Indja: 24 Membru
   l-Afganistan: 8 Membri
   il-pajjiżi tal-Ażja tan-Nofsinhar: 15-il Membru
   il-pajjiżi tax-Xlokk tal-Ażja u l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Ażja (ASEAN): 26 Membru
   il-Peniżola Koreana: 12-il Membru
   l-Awstralja u New Zealand: 12-il Membru
     Delegazzjoni għall-Kumitati ta' Kooperazzjoni Parlamentari UE-Kazakistan, UE-Kirgiżistan, UE-Uzbekistan u UE-Taġikistan, u għar-relazzjonijiet mat-Turkmenistan u l-Mongolja: 19-il Membru
   (g) l-Afrika
     Delegazzjoni għar-relazzjonijiet ma':
   l-Afrika t'Isfel: 16-il Membru
   il-Parlament Pan-Afrikan: 12-il Membru
   (h) L-Assemblej Multilaterali
     Delegazzjoni għall-Kumitat għall-Kooperazzjoni Parlamentari bejn l-UE u l-ACP: 78 Membru
     Delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran: 49 Membru
     Delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino Amerikana: 75 Membru
     Delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari Euronest: 60 Membru
     Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Assemblea Parlamentari tan-NATO: 10 Membri

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal skopijiet ta' informazzjoni.

(1) Testi adottati ta' dik id-data, P7_TA(2014)0217.

Avviż legali - Politika tal-privatezza