Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 17 ta' Lulju 2014 - Strasburgu
Sudan, il-każ ta' Meriam Yahia Ibrahim
 Il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda fl-Eġittu
 Niġerja, attakki reċenti minn Boko Haram
 Is-sitwazzjoni fl-Ukraina
 L-Impjieg taż-Żgħażagħ
 Is-sitwazzjoni fl-Iraq
 L-eskalazzjoni tal-vjolenza bejn l-Iżrael u l-Palestina
 Delitt ta' aggressjoni

Sudan, il-każ ta' Meriam Yahia Ibrahim
PDF 220kWORD 56k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Lulju 2014 dwar is-Sudan - il-każ ta' Meriam Yahia Ibrahim (2014/2727(RSP))
P8_TA(2014)0006RC-B8-0010/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-10 ta' Ġunju 2014 mill-President tal-Kummissjoni, il-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Parlament, flimkien mal-parteċipanti tal-laqgħa ta' livell għoli mal-mexxejja reliġjużi li saret f'dik id-data,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-15 ta’ Mejju 2014 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-sentenza tal-mewt mogħtija għal apostasija fis-Sudan,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u d-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon jew tat-Twemminn,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra t-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta' Cotonou fl-2010,

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar il-libertà ta' reliġjon jew twemmin tal-2013,

–  wara li kkunsidra l-Ewwel Protokoll għall-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli dwar id-Drittijiet tan-Nisa fl-Afrika,

–  wara li kkunsidra l-Karta Għarbija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra d-drittijiet tat-tfal,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi lejn l-aħħar tal-2013 Meriam Yahia Ibrahim (bint omm Etjopjana Nisranija u missier Sudaniż Musulman), li trabbiet bħala Nisranija, ġiet akkużata b'adulterju min-naħa tal-familja ta' missierha wara li rrapurtawha lill-awtoritajiet minħabba li żżewġet Nisrani; billi l-akkuża ta' apostasija żdiedet f'Diċembru 2013;

B.  billi l-verdett tal-qorti tal-prim' istanza ngħata fit-12 ta' Mejju 2014, meta Meriam Ibrahim, li dak iż-żmien kellha tmien xhur tqala, ġiet ikkundannata għal mitt daqqa ta' frosta fuq l-akkużi ta' adulterju u ġiet ikkundannata għall-mewt bil-forka fuq l-akkużi ta' apostasija, iżda ngħatat tlett ijiem biex tiċħad il-Kristjaneżmu; billi Meriam Ibrahim ġiet ikkundannata skont il-liġi Iżlamika tax-Xarija, fis-seħħ fis-Sudan mill-1983, li tqis il-konverżjonijiet bħala illegali u tikkundannahom bil-piena tal-mewt; billi fil-15 ta' Mejju 2014, il-verdett reġa' ġie kkonfermat, peress li Meriam Ibrahim għażet li ma tikkonvertix għall-Iżlam;

C.  billi fis-27 ta' Mejju 2014 Meriam Ibrahim welldet lil bintha, Maya, fil-ħabs; billi allegatament saqajn Meriam Ibrahim inżammu bil-qajd u l-ktajjen waqt li kienet qed twelled, u b'hekk saħħet l-omm u t-tifla sfaw f'periklu serju; billi dan jikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet tan-nisa u tat-tfal;

D.  billi fil-5 ta' Mejju 2014 il-każ tagħha ġie ttrasferit b'suċċess lill-Qorti tal-Appell;

E.  billi Meriam Ibrahim inħelset mill-Ħabs tan-Nisa ta' Omdurman fit-23 ta' Ġunju 2014 wara li l-Qorti tal-Appel ma sabithiex ħatja taż-żewġ akkużi, iżda billi reġgħet ġiet arrestata fl-ajruport ta' Khartoum meta l-familja kienet se titlaq lejn l-Istati Uniti tal-Amerika, allegatament minħabba li ppruvat titlaq mill-pajjiż b'dokumenti tal-ivvjaġġar iffalsifikati maħruġa mill-Ambaxxata tas-Sudan t’Isfel f'Khartoum;

F.  billi Meriam Ibrahim reġgħet inħelset fis-26 ta' Ġunju 2014 u sabet kenn fl-ambaxxata tal-Istati Uniti mal-familja tagħha, u billi hemm negozjati għaddejjin biex tkun tista' titlaq mis-Sudan, fejn qed taffaċċja theddid ta' mewt minn Musulmani from Muslulmani estremisti;

G.  biili l-libertà tal-ħsieb, tar-reliġjon u tat-twemmin hija dritt tal-bniedem universali li jeħtieġ li jitħares kullimkien u għal kulħadd; billi s-Sudan irratifika l-konvenzjonijiet relevanti tan-NU u tal-Unjoni Afrikana u għalhekk għandu obbligu internazzjonali li jiddefendi u jippromwovi l-libertà tar-reliġjon jew it-twemmin, li tinkludi d-dritt li persuna tadotta, tbiddel jew tabbanduna r-reliġjon jew it-twemmin tar-rieda ħielsa tagħha;

H.  billi l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, ratifikata mir-Repubblika tas-Sudan, tinkludi l-protezzjoni tad-dritt għall-ħajja u l-projbizzjoni ta' tortura u kastigi u trattamenti krudili, inumani jew degradanti, iżda billi l-piena tal-mewt, is-swat bil-frosta, l-amputazzjoni u forom oħra ta' kastigi korporali oħra għadhom qed jitwettqu f'dak il-pajjiż għal numru ta' reati;

I.  billi l-awtoritajiet Sudaniżi jikkundannaw lin-nisa u l-bniet b'mod sproporzjonat għal delitti definiti ħażin ta' deċiżjonijiet privati, personali li qatt ma kellhom jiġu kriminalizzati, u billi n-nisa, b'mod sproporzjonat, jaffaċċjaw kastigi krudili bħalma huma d-daqqiet ta' frosta, bi ksur tad-drittijiet umani tagħhom għad-dinjità, il-privatezza u l-ugwaljanza;

J.  billi s-Sudan aderixxa għall-Karta Għarbija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li l-Artikolu 27 tagħha jipprevedi li l-persuni mir-reliġjonijiet kollha għandhom id-dritt li jipprattikaw it-twemmin tagħhom;

K.  billi r-Repubblika tas-Sudan hija marbuta bil-klawżola tad-drittijiet tal-bniedem tal-Ftehima ta' Cotonou(1) u bil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi(2);

L.  billi, minkejja d-dikjarazzjoni ta' djalogu nazzjonali mill-President Omar al-Bashir f'Jannar 2014, id-detenzjoni u t-trattament inuman ta' Meriam Ibrahim huma emblematiċi ta' ripressjoni preokkupanti mill-awtoritajiet Sudaniżi kontra l-minoritajiet, l-attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem, l-istudenti li jipprotestaw, il-ġurnalisti, l-avversarji politiċi u l-organizzazzjonijiet li jiġġieldu għad-drittijiet, b'mod partikolari dawk li jippromwovu d-drittijiet tan-nisa u l-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ;

1.  Jikkundanna d-detenzjoni inġusta ta' Meriam Ibrahim; jistieden lill-Gvern tas-Sudan biex iħassar il-leġiżlazzjoni kollha li tiddiskrimina abbażi tal-ġeneru jew ir-reliġjon u biex jipproteġi l-identità reiġjuża tal-gruppi ta' minoranzi;

2.  Jenfasizza li huwa degradanti u inuman li mara tqila twelled waqt li tkun miżmuma fiżikament u bil-ktajjen; jistieden lill-awtoritajiet Sudaniżi jiżguraw li n-nisa tqal u dawk li jkunu qed iwelldu kollha li jkunu l-ħabs jirċievu kura tas-saħħa maternali u għat-tfal tat-twelid xierqa u sikura;

3.  Itenni li l-libertà ta' reliġjon, kuxjenza jew twemmin hija dritt tal-bniedem universali li jeħtieġ li jitħares kullimkien u għal kulħadd; jikkundanna bil-qawwa l-forom kollha ta' vjolenza u intimidazzjoni li jxekklu d-dritt li persuna jkollha jew ma jkollhiex, jew li tadotta, reliġjon tal-għażla tagħha, inkluż l-użu ta' theddid, forza fiżika jew sanzjonjiet penali biex min jemmen jew ma jemminx jinġiegħel jiċħad ir-reliġjon tiegħu jew jikkonverti; jenfasizza l-fatt li l-adulterju u l-apostsija huma atti li żgur li m'għandhomx jitqiesu bħala delitti;

4.  Ifakkar li s-Sudan irratifika l-konvenzjonijiet relevanti tan-NU u tal-Unjoni Afrikana u għalhekk għandu obbligu internazzjonali li jiddefendi u jippromwovi l-libertà tar-reliġjon jew it-twemmin, li tinkludi d-dritt li persuna tadotta, tbiddel jew tabbanduna r-reliġjon jew it-twemmin tar-rieda ħielsa tagħha;

5.  Jesiġi li l-Gven Sudaniż - b'konformità mad-drittijiet tal-bniedem universali - jirrevoka kwalunkwe dispożizzjoni ġuridika li tippenalizza jew tiddiskrimina kontra individwi minħabba t-twemmin reliġjuż tagħhom, minħabba li jkunu biddlu r-reliġjon jew it-twemmin tagħhom, jew minħabba li jkunu wasslu nies oħra biex ibiddlu r-reliġjon jew it-twemmin tagħhom, speċjalment meta l-każijiet ta' apostasija, eterodossija jew konverżjoni jkunu punibbli bil-mewt;

6.  Jenfasizza li tali liġijiet mhumiex konsistenti mal-Kostituzzjoni Interim tal-2005 tas-Sudan, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u jħeġġeġ klis-Sudan jirratifika t-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li għandu l-għan li jabolixxi l-piena tal-mewt(3);

7.  Jistieden lis-Sudan biex jippubblika moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjonijiet kollha bl-għan li jabolixxi l-piena tal-mewt u l-forom kollha ta' kastigi korporali;

8.  Jinnota bi tħassib il-ksur kontinwu u frekwenti tad-drittijiet tan-nisa fis-Sudan, speċjalment l-Artikolu 152 tal-Kodiċi Kriminali tas-Sudan; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sudaniżi biex jiffirmaw u jirratifikaw malajr il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa;

9.  Jinnota bi tħassib li l-impunità għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem tibqa' problema mifruxa u serja fis-Sudan, kif inhu fil-każ tal-kunflitt ta' Darfur, fejn l-awtoritajiet ma ħarrkux il-maġġoranza vasta ta' delitti serji li twettqu, inklużi delitti ta' vjolenza sesswali; jistieden lill-Gvern Sudaniż jinvestiga u jħarrek lil dawk responsabbli għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu qtil, tortura u trattament ħażin tad-detenuti, u l-istupru u vjolenza sesswali oħra;

10.  Itenni l-importanza kbira li għandha għalih id-distinzjoni stretta bejn ir-reliġjon jew it-twemmin, minn naħa, u l-istat, min-naħa l-oħra, li timplika r-rifjut ta' kwalunkwe interferenza reliġjuża fil-funzjonament tal-gvern, kif ukoll in-nondiskriminazzjoni fir-rigward tar-reliġjon jew it-twemmin;

11.  Jistieden lill-Gvern tas-Sudan biex jaderixxi mal-Ewwel Protokoll tal-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli dwar id-Drittijiet tan-Nisa fl-Afrika u mal-Protokoll tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Afrikana, li t-tnejn li huma ġew adottati f'Maputo, il-Możambik, fil-11 ta' Lulju 2003;

12.  Jistieden lill-gvern Sudaniż biex iwettaq, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali, riforma ġuridika urġenti sabiex jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem ta' kull individwu u tiġi indirizzata, b'mod partikolari, id-diskriminazzjoni kontra n-nisa, il-minoranzi u l-gruppi żvantaġġati;

13.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi favur il-kisba ta' soluzzjoni negozjata inklużiva għas-sitwazzjoni fis-Sudan, u jappoġġa l-isforzi tas-soċjetà ċivili u l-partiti tal-oppożizzjoni biex jippromwovu l-proċess tal-paċi;

14.  Jistieden lill-UE tieħu rwol ta' tmexxija biex timbotta favur riżoluzzjoni b'saħħitha dwar is-Sudan fis-sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Settembru 2014, li tindirizza l-ksur serju u mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali fil-pajjiż;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Gvern tas-Sudan, lill-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan.

(1) Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000.
(2) Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 2200A (XXI) tas-16 ta' Diċembru 1966.
(3) Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 44/128 tal-15 ta' Diċembru 1989.


Il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda fl-Eġittu
PDF 242kWORD 79k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Lulju 2014 dwar il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda fl-Eġittu (2014/2728(RSP))
P8_TA(2014)0007RC-B8-0007/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, partikolarment dik tas-6 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar strateġija dwar il-libertà diġitali fil-politika barranija tal-UE(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar il-libertà tal-istampa u tal-midja fid-dinja(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar "il-Politika Ewropea tal-Viċinat: ħidma favur sħubija aktar b'saħħitha. Il-pożizzjoni tal-PE dwar ir-rapporti ta’ progress 2012"(4),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Libertà ta' Espressjoni Online u Offline tat-12 ta' Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra l-Linji ta' Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Catherine Ashton, dwar l-Eġittu, u b'mod partikolari l-kummenti tagħha wara l-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-23 ta' Ġunju 2014 dwar is-sentenzi għall-ġurnalisti ta' Al Jazeera u s-sentenzi tal-mewt għal aktar minn 180 persuna f'Minya,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni preliminari tad-29 ta' Mejju 2014 tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE għall-elezzjonijiet presidenzjali fl-Eġittu,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta' Mejju 2014 mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE għall-elezzjonijiet presidenzjali fl-Eġittu,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-23 ta' Ġunju 2014 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, u l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, dwar is-sentenzi ta' ħabs għal diversi ġurnalisti u l-konferma tas-sentenzi tal-mewt għal diversi membri tal-Aħwa Musulmani u persuni li jappoġġawhom,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-2001, li daħal fis-seħħ fl-2004, imsaħħaħ mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-2007, u r-rapport ta’ progress tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Marzu 2013 dwar l-implimentazzjoni tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Eġittu adottata permezz ta' referendum fl-14-15 ta' Jannar 2014, speċjalment l-Artikoli 65, 70, 73, 75 u 155 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Liġi 107 tal-Eġittu dwar id-Dritt ta' Laqgħat Pubbliċi, Purċissjonijiet u Dimostrazzjonijiet Paċifiċi tal-24 ta' Novembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li tiegħu l-Eġittu huwa parti,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-għaqda huma pilastri indispensabbli ta' soċjetà demokratika u pluralista; billi l-libertà tal-istampa u tal-midja huma elementi vitali għad-demokrazija u soċjetà miftuħa; billi fil-Kostituzzjoni tal-Eġittu adottata fl-2014 hemm minquxa l-libertajiet fundamentali, fosthom il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda;

B.  billi l-ksur tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem – fosthom vjolenza, inċitament, diskors ta' mibegħda, fastidju, intimidazzjoni u ċensura, kontra avversarji politiċi, dawk li jipprotestaw b'mod paċifiku, ġurnalisti, bloggers, sindikalisti, attivisti tas-soċjetà ċivili u minoritajiet min-naħa ta' awtoritajiet tal-istat, forzi tas-sigurtà u servizzi u gruppi oħra – għadu mifrux fl-Eġittu; billi l-libertajiet tal-assoċjazzjoni, l-għaqda u l-espressjoni ilhom oqsma ta' tħassib partikolari minn Lulju 2013; billi l-Eġittu huwa kklassifikat bħala "mhux liberu" mir-rapport tal-2014 Freedom in the World ippubblikat minn Freedom House;

C.  billi l-istampa, il-midja u l-libertajiet diġitali kienu qed jiġu attakkati b'mod ripetut u dejjem aktar ta' sikwit mill-Gvern Eġizzjan; billi l-ġurnalisti u s-sorsi tal-aħbarijiet, il-midja soċjali u l-internet ġew attakkati jew iċċensurati; billi hemm polarizzazzjoni estrema tal-midja Eġizzjana f'fazzjonijiet favur u kontra Morsi, li qed issaħħaħ il-polarizzazzjoni Eġizzjana; billi, skont Reporters without Borders, tal-anqas 65 ġurnalist ġew arrestati u 17 minnhom għadhom detenuti; billi minn Lulju 2013 s'issa nqatlu tal-inqas sitt ġurnalisti fl-Eġittu;

D.  billi fit-23 ta' Ġunju 2014, 20 ġurnalist Eġizzjan u barrani, fosthom tliet ġurnalisti ta' Al Jazeera – l-Awstraljan Peter Greste, il-Kanadiż-Eġizzjan Mohamed Fahmy u l-Eġizzjan Baher Mohamed – u, in absentia, iċ-ċittadina Olandiża Rena Netjes, ingħataw sentenzi ta' ħabs ta' bejn 7 u 10 snin; billi ġew akkużati li "ffalsifikaw l-aħbarijiet" u li jappartjenu fi grupp terrorista jew li qed jgħinuh; billi l-ġurnalisti qed jintbagħtu l-ħabs u jiġu akkużati li huma kriminali jew "terroristi" sempliċiment għax qed jagħmlu xogħolhom; billi Rena Netjes ġiet akkużata b'mod falz li qed taħdem għal Al Jazeera;

E.  billi, skont ħafna xhud, ġew osservati diversi irregolaritajiet u eżempji ta' nuqqas ta' abilità matul il-proċedimenti ta' proċess; billi osservaturi internazzjonali, fosthom ambaxxati ta' ċerti Stati Membri, attendew dan il-proċess; billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, iddenunzjat dawn il-proċedimenti legali għaliex kienu "kkaratterizzati minn irregolaritajiet proċedurali u kienu jiksru d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem"; billi l-President Eġizzjan Abdul Fattah al-Sisi riċentement irrikonoxxa li dawn is-sentenzi kellhom konsegwenzi negattivi u qal li xtaq li l-akkużati ġew deportati minnufih wara l-arrest tagħhom minflok ma tressqu l-qorti; billi jista' jsir appell kontra dawn is-sentenzi, fi proċess li jista' jdum ix-xhur;

F.  billi eluf ta' persuni li pprotestaw u priġunieri ta' kuxjenza ġew detenuti fl-Eġittu minn mindu l-armata Eġizzjana ħadet il-poter f'Ġunju 2013; billi arresti u każijiet ta' detenzjoni arbitrarja tkomplew sa mill-elezzjoni tal-President al-Sisi f'Mejju 2014; billi fil-11 ta' Ġunju 2014 qorti kkundannat lil Alaa Abdul Fattah, attivist prominenti li kellu rwol ewlieni fir-rivoluzzjoni tal-2011, u oħrajn għal 15-il sena ħabs fuq akkużi li kiser il-Liġi 107 tal-2013 dwar id-Dritt ta' Laqgħat Pubbliċi, Purċissjonijiet u Dimostrazzjonijiet Paċifiċi (Liġi dwar il-Protesti); billi attivisti prominenti oħra, fosthom Mohamed Adel, Ahmed Douma, Mahienour El-Massry u Ahmed Maher, kif ukoll difensuri ewlenin tad-drittijiet tan-nisa, bħal pereżempju Yara Sallam u Sana Seif, għadhom detenuti; billi fit-28 ta' April 2014, il-Qorti tal-Kajr għall-Kwistjonijiet Urġenti ddeċidiet favur il-projbizzjoni tal-Moviment taż-Żgħażagħ tas-6 ta' April;

G.  billi uffiċjali tal-gvern irrikonoxxu li minn Jannar 2014 l-awtoritajiet żammew f'detenzjoni tal-inqas 16 000 individwu, fosthom 1 000 persuna li pprotestat, u li ħafna minn dawk detenuti ġew arrestati talli eżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-libertà tal-għaqda, l-assoċjazzjoni u l-espressjoni, jew għal allegata affiljazzjoni mal-Aħwa Musulmani; billi mijiet ta' studenti ġew arrestati wkoll waqt protesti u taqbidiet;

H.  billi minn Lulju 2013 s'issa nqatlu madwar 1 400 persuna li pprotestat minħabba użu eċċessiv u arbitrarju tal-forza mill-forzi tas-sigurtà; billi ma nżamm responsabbli l-ebda uffiċjal tas-sigurtà għal dawn l-atti jew abbużi oħra kontra persuni li pprotestaw matul din l-aħħar sena; billi l-kumitat għas-sejbien tal-fatti stabbilit f'Diċembru 2013 tqies b'mod ġenerali li s'issa naqas milli jipprovdi investigazzjoni bir-reqqa, kredibbli u imparzjali tal-inċidenti vjolenti li ġraw minn Lulju 2013 s'issa;

I.  billi l-Artikolu 65 tal-Kostituzzjoni tal-Eġittu jiddikjara li l-libertà tal-ħsieb u tal-opinjoni hija garantita, u li kull persuna għandu jkollha d-dritt li tesprimi l-opinjoni tagħha verbalment, bil-miktub, permezz ta' imaġini, jew permezz ta' kull mod ieħor ta' espressjoni u pubblikazzjoni; billi, fid-dikjarazzjoni preliminari tagħha, il-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE għall-elezzjonijiet presidenzjali fl-Eġittu ta' Mejju 2014 qalet li minkejja li l-kostituzzjoni ġdida stabbilixxiet lista estensiva ta' drittijiet fundamentali, ir-rispett għal dawn id-drittijiet ma ssodisfax il-prinċipji ġenerali, u li klima ġenerali ta' liberta limitata ta' espressjoni, li wasslet għal awtoċensura mill-ġurnalisti, setgħet tiġi osservata fil-pajjiż;

J.  billi l-Artikolu 73 tal-Kostituzzjoni tal-Eġittu jiddikjara li ċ-ċittadini għandu jkollhom id-dritt li jorganizzaw laqgħat pubbliċi, parati, dimostrazzjonijiet u l-forom kollha ta' protesti paċifiċi, mingħajr ma jġorru armi ta' kwalunkwe tip, billi jservu notifika kif tkun irregolata mil-liġi, u li d-dritt għal għaqda paċifika u privata hija garantita mingħajr il-ħtieġa ta' notifika minn qabel, filwaqt li l-forzi tas-sigurtà ma jkollhomx il-permess li jattendu, jissorveljaw jew jissemmgħu tali laqgħat; billi l-adozzjoni f'Novembru 2013 tal-Liġi 107 dwar id-Dritt ta' Laqgħat Pubbliċi, Purċissjonijiet u Dimostrazzjonijiet Paċifiċi (Liġi dwar il-Protesti), li timponi restrizzjonijiet fuq laqqħat pubbliċi u dimostrazzjonijiet u tagħti l-liċenzja lill-forzi tas-sigurtà biex jużaw forza eċċessiva kontra l-persuni li jipprotestaw, tirrappreżenta theddida serja għal-libertà tal-għaqda;

K.  billi protesti paċifiċi ġew sfrattati u ħafna persuni li kienu qed jipprotestaw ġew arrestati u detenuti skont il-Liġi dwar il-Protesti matul dawn l-aħħar xhur; billi fil-21 ta' Ġunju 2014, il-pulizija sfrattaw parata paċifika f'Heliopolis fejn kien qed jintalab it-tħassir tal-Liġi dwar il-Protesti u r-rilaxx ta' dawk detenuti taħtha, u arrestaw aktar minn 50 persuna b'rabta ma' dan l-avveniment fl-istess ġurnata; billi aktar minn 20 minn dawk arrestati baqgħu detenuti u qed jiffaċċjaw proċess;

L.  billi l-Artikolu 75 tal-Kostituzzjoni tal-Eġittu jiddikjara li ċ-ċittadini kollha għandu jkollhom id-dritt li jiffurmaw assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet mhux governattivi fuq bażi demokratika; billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Eġizzjani riċentement esprimew it-tħassib profond tagħhom dwar l-aħħar abbozz tal-liġi dwar l-NGOs, li jimponi kontroll sħiħ fuq gruppi ċiviċi u li jkunu subordinati għal korpi ta' sigurtà u amministrattivi, kif ukoll jippermetti li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jingħataw kundanna;

M.  billi f'Settembru 2013, l-awtoritajiet interim Eġizzjani pprojbixxu l-Aħwa Musulmani, xeħtu lill-mexxejja tagħhom il-ħabs, ħatfu l-beni tagħhom, għalqulhom il-mezzi tal-midja, u kkriminalizzaw is-sħubija magħhom; billi fil-21 ta' Ġunju 2014, qorti Eġizzjana kkonfermat is-sentenzi tal-mewt għal 183 membru tal-Aħwa Musulmani u persuni li jappoġġawhom, li ġew ikkundanati fi proċess tal-massa aktar qabel; billi dawn is-sentenzi huma l-aktar riċenti f'sensiela ta' prosekuzzjonijiet u proċeduri tal-qorti li kienu karatterizzati minn irregolaritajiet proċedurali u li kienu jiksru d-dritt internazzjonali;

N.  billi prattiki ġudizzjarji riċenti jpoġġu f'dubju serju l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja u l-abilità tagħha li tiżgura r-responsabilità; billi, b'mod partikolari, dawn is-sentenzi li jwasslu għal piena tal-mewt għandhom ir-riskju li jdgħajfu l-prospetti għal stabilità fit-tul fl-Eġittu;

O.  billi l-Artikolu 155 tal-Kostituzzjoni tal-Eġittu jiddikjara li, wara konsultazzjoni mal-Kabinett, il-President tar-Repubblika jista' jagħti maħfra jew inaqqas sentenza;

P.  billi l-istat tad-dritt, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-ġustizzja soċjali u standard ogħla tal-ħajja għaċ-ċittadini, huma dimensjonijiet kruċjali tat-tranżizzjoni lejn soċjetà Eġizzjana miftuħa, ħielsa, demokratika u prospera; billi t-trejdjunjins indipendenti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol kruċjali f'dan il-proċess, u l-midja ħielsa tifforma parti kruċjali mis-soċjetà fi kwalunkwe demokrazija; billi n-nisa Eġizzjani għadhom f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli fiż-żmien attwali ta' tranżizzjoni politika u soċjali fil-pajjiż;

Q.  billi, f'konformità mal-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta tagħha u speċjalment l-approċċ "aktar għal aktar", il-livell u l-ambitu tal-impenn tal-UE mal-Eġittu għandhom ikunu bbażati fuq inċentivi u għalhekk dipendenti fuq il-progress tal-pajjiż fir-rigward tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

1.  Jikkundanna bil-qawwa, u jappella li jieqfu minnufih l-atti kollha ta' vjolenza, inċitament, diskors ta' mibegħda, fastidju, intimidazzjoni jew ċensura kontra avversarji politiċi, dawk li jipprotestaw b'mod paċifiku, ġurnalisti, bloggers, sindakalisti, attivisti tad-drittijiet tan-nisa, atturi tas-soċjetà ċivili u minoranzi min-naħa tal-awtoritajiet tal-istat, il-forzi u s-servizzi tas-sigurtà u gruppi oħra fl-Eġittu; ifakkar lill-Gvern Eġizzjan fir-responsabbiltà tiegħu li jiżgura s-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini kollha irrispettivament mill-fehmiet politiċi, l-affiljazzjoni politika jew it-twemmin politiku tagħhom, u li jiggarantixxi li l-libertajiet tal-għaqda, tal-assoċjazzjoni, tal-espressjoni u tal-istampa jkunu jistgħu jiġu eżerċitati mingħajr limitazzjonijiet arbitrarji u ċensura fil-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jieħdu impenn favur id-djalogu u n-nonvjolenza kif ukoll favur il-governanza inklużiva;

2.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar sensiela ta' deċiżjonijiet reċenti tal-qrati fl-Eġittu, inklużi s-sentenzi twal ta' priġunerija mogħtija fit-23 ta' Ġunju 2014 lil tliet ġurnalisti ta' Al Jazeera u lil 11-il imputat ieħor li l-proċess tagħhom sar in absentia, kif ukoll il-konferma tal-piena ta' mewt għal 183 persuna;

3.  Jesprimi l-allarm tiegħu dwar it-trażżin u l-attakki fiżiċi li qed isiru aktar ħorox kemm fuq il-midja kif ukoll fuq is-soċjetà ċivili fl-Eġittu, li qed ixekklu l-abbiltà tagħhom li joperaw liberament; jikkundanna l-fastidju, id-detenzjoni u l-prosekuzzjoni ta' ġurnalisti nazzjonali u internazzjonali u ta' atturi tas-soċjetà ċivili, inklużi bloggers, sempliċement talli għamlu xogħolhom; itenni l-appell tiegħu għal investigazzjonijiet minnufih, indipendenti, serji u imparzjali dwar każijiet ta' użu sproporzjonat ta' forza, jew ta' detenzjoni arbitrarja min-naħa tal-forzi tas-sigurtà u l-awtoritajiet tal-istat, u biex dawk responsabbli jwieġbu ta' għemilhom;

4.  Jiddispjaċih għall-eżistenza ta' ċensura tal-midja u l-internet u għall-fatt li l-aċċess għal xi blogs u netwerks soċjali huwa limitat; jikkundanna l-fastidju mġarrab minn għadd ta' gazzetti u kumpaniji tal-midja awdjoviżiva;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jirrilaxxaw minufih u bla kundizzjonijiet lil dawk kollha detenuti, misjubin ħatja u/jew li ngħataw sentenza ta' ħabs talli eżerċitaw paċifikament id-drittijiet tagħhom ta' libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni, kif ukoll lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-ġudikatura Eġizzjan tiżgura li l-proċedimenti kollha tal-qrati fil-pajjiż jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' proċess liberu u ġust u jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-imputati; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jikkummissjonaw investigazzjonijiet indipendenti u imparzjali dwar l-allegazzjonijiet kollha ta' trattament ħażin u jiżguraw li d-detenuti kollha jkollhom aċċess għal kull kura medika li jista' jkollhom bżonn;

6.  Jenfasizza li l-liġi kontra t-terroriżmu tal-Eġittu ntużat ukoll biex l-imputati jinstabu ħatja f'għadd ta' proċessi; iħeġġeġ lill-President jaġixxi bla dewmien, anke permezz tad-dritt kostituzzjonali tiegħu li jagħti l-maħfriet, biex ikun żgurat li ma titwettaq l-ebda sentenza tal-mewt u li ħadd ma jkun jista' jiġi detenut fl-Eġittu b'verdett mogħti fi proċess fil-qorti li ma jissodisfax ir-rekwiżiti msemmija hawn fuq; jistieden lill-awtoritajiet jistabbilixxu minnufih moratorju uffiċjali fuq l-eżekuzzjonijiet bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti Eġizzjani biex jirrevokaw jew jemendaw il-Liġi dwar il-Protesti u biex jirrieżaminaw l-abbozz ta' liġi l-ġdid dwar l-NGOs imressaq mill-Ministeru tas-Solidarjetà Soċjali, b'konformità mal-Artikoli 65, 73 u 75 tal-Kostituzzjoni Eġizzjana, l-istandards internazzjonali u l-obbligi internazzjonali tal-pajjiż, u biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni eżistenti u futura kollha fil-pajjiż tkun konformi mal-kostituzzjoni u ma' dawk l-istandards u l-obbligi;

8.  Ifakkar li l-Kostituzzjoni Eġizzjana li għadha kif ġiet adottata wittiet it-triq biex jinbena pajjiż li jirrispetta l-libertà u d-demokrazija u li fih id-drittijiet u l-ġustizzja jkunu parti integrali mill-ħajja ta' kuljum; ifakkar lill-Gvern Eġizzjan li l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-istampa u l-libertà diġitali, kif ukoll id-dritt tal-parteċipazzjoni f'dimostrazzjonijiet paċifiċi, huma drittijiet tal-bniedem fundamentali f'demokrazija, kif rikonnoxuti fil-Kostituzzjoni Eġizzjana l-ġdida;

9.  Ifakkar lill-awtoritajiet kompetenti Eġizzjani fl-obbligi ġuridiċi nazzjonali u internazzjonali tagħhom, u jistieden lill-President al-Sisi u lill-Gvern Eġizzjan jagħtu prijorità lill-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u jiżguraw ir-responsabbiltà f'każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

10.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti Eġizzjani jdawru r-rotta u jieħdu passi konkreti biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni l-ġdida dwar id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, inklużi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-għaqda, jiġu implimentati bis-sħiħ, biex b'hekk juru li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u għandhom jibdew billi jirrilaxxaw minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lill-priġunieri tal-kuxjenza;

11.  Jisħaq fuq l-importanza tas-separazzjoni tal-poteri bħala prinċipju fundamentali tad-demokrazija, u tal-fatt li l-ġudikatura ma tistax tintuża bħala strument ta' persekuzzjoni politika u trażżin politiku, u jissuġġerixxi li l-liġi dwar l-awtoritajiet ġudizzjarji tiġi riformata biex tiġi żgurata separazzjoni tal-poteri ġenwina li twassal għall-amministrazzjoni indipendenti u imparzjali tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja;

12.  Iħeġġeġ lir-rappreżentanti tad-Delegazzjoni tal-UE u l-ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE fil-Kajr biex ikunu preżenti waqt il-proċessi legali politikament sensittivi ta' ġurnalisti, bloggers, trejdunjonisti u attivisti tas-soċjetà ċivili, Eġizzjani u barranin.

13.  Jiddispjaċih għall-fatt li, minkejja l-liġi ġdida dwar il-fastidju sesswali, il-vjolenza kontra n-nisa kompliet tmur għall-agħar, speċjalment fl-isfera pubblika, fejn għexieren ta' każijiet ta' stupru u vjolenza sesswali qegħdin iseħħu waqt il-protesti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jieqfu jikkriminalizzaw persuni LGBT minħabba li esprimew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom u d-dritt għal assemblea paċifika, abbażi 'tal-liġi debauchery', u biex jeħilsu l-persuni LGBT kollha li ġew arrestati u li ntbagħtu l-ħabs skont dik il-liġi; iħeġġeġ lill-Gvern Eġizzjan jadotta strateġiji nazzjonali għall-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u persuni LGBT u biex jelimina kull forma ta' diskriminazzjoni, u jiżgura l-konsultazzjoni u l-involviment effettiv tan-nisa u ta' gruppi għad-drittijiet LGBT u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili matul il-proċess;

14.  Jafferma mill-ġdid li l-libertà tal-istampa u l-midja huma elementi essenzjali għal demokrazija u soċjetà miftuħa, u li bħala tali għandhom ikunu fost il-punti fokali ta' azzjoni tal-UE dwar l-Eġittu, bħala parti minn strateġija aktar wiesgħa u koerenti tal-UE li għandha tiffoka fuq it-titjib tad-drittijiet, tal-libertajiet u tal-opportunitajiet tal-Eġizzjani hekk kif l-UE qed tiżviluppa relazzjonijiet mal-pajjiż;

15.  Jesprimi, għal darba oħra, is-solidarjetà qawwija tiegħu mal-poplu Eġizzjan f'dan il-mument ta' tranżizzjoni f'pajjiżhom; jitlob strateġija komuni fost l-Istati Membri fir-rigward tal-Eġittu; iħeġġeġ, għal darba oħra, lill-Kunsill, lill-VP/HR u lill-Kummissjoni biex jaħdmu b'mod attiv fuq il-bażi tal-prinċipju tal-kundizzjonalità ("aktar għal aktar"), u b'kunsiderazzjoni għall-isfidi ekonomiċi serji li qed jaffaċċja l-Eġittu, fir-relazzjonijiet bilaterali tal-Unjoni u l-appoġġ finanzjarju għall-pajjiż; itenni, f'dan ir-rigward, it-talba tiegħu għal punti referenzjarji ċari u miftehma konġuntament; jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jgħin lill-poplu Eġizzjan fil-proċess ta' tranżizzjoni lejn riforma demokratika u ekonomika;

16.  Jistieden lill-VP/HR jiċċara l-miżuri speċifiċi li ttieħdu bħala rispons għad-deċiżjoni tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin biex jeżamina mill-ġdid l-assistenza tal-UE lill-Eġittu; jitlob, b'mod partikolari, kjarifika tal-istatus ta': (i) il-programm ippjanat dwar ir-Riforma tal-ġustizzja; (ii) il-programmi għall-appoġġ tal-baġit tal-UE; (iii) il-programm għat-tisħiħ domestiku u kummerċjali; u (iv) il-parteċipazzjoni tal-Eġittu fi programmi reġjonali tal-UE bħall-Euromed Pulizija u Euromed Ġustizzja;

17.  Jitlob projbizzjoni fl-UE kollha fuq l-esportazzjoni lejn l-Eġittu ta' teknoloġiji ta' intrużjoni u sorveljanza li jistgħu jintużaw għal skopijiet ta' spjunaġġ u għar-ripressjoni taċ-ċittadini, u għal projbizzjoni, f'konformità mal-Arranġament Wassenaar, fuq l-esportazzjoni ta' tagħmir ta' sigurtà jew għajnuna militari li jistgħu jintużaw għas-soppressjoni ta' protesti paċifiċi;

18.  Iħeġġeġ lill-VP/HR jiġġenera appoġġ għall-UE favur riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu fis-sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li se, fost affarijiet oħra, tagħti bidu għal investigazzjoni internazzjonali dwar il-qtil ta' dimostranti u allegazzjonijiet ta' tortura u trattament ħażin mill-forzi tas-sigurtà matul is-sena li għaddiet;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, u lill-President tar-Reppubblika Għarbija tal-Eġittu u lill-gvern interim tiegħu.

(1) Testi Adottati, P7_TA(2014)0100.
(2) Testi Adottati, P7_TA(2013)0470.
(3) Testi Adottati, P7_TA(2013)0274.
(4) Testi Adottati, P7_TA(2013)0446.


Niġerja, attakki reċenti minn Boko Haram
PDF 226kWORD 60k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Lulju 2014 dwar in-Niġerja – attakki reċenti mill-Boko Haram (2014/2729(RSP))
P8_TA(2014)0008RC-B8-0016/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Niġerja, inklużi dawk tal-4 ta' Lulju 2013(1) u tal-15 ta' Marzu 2012(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà Catherine Ashton dwar in-Niġerja inklużi dawk tas-26 ta’ Ġunju 2014 u tal-15 ta’ April 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-sekwestri fin-Niġerja tat-12 ta' Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliema tas-SEAE dwar in-Niġerja tas-26 ta' Ġunju 2014,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill li Boko Haram jiżdied mal-lista tal-UE ta' organizzazzjonijiet terroristiċi nominati li daħlet fis-seħħ fid-29 ta' Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliema tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-30 ta' Ġunju 2014,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar it-Tfal Affettwati mill-Konflitti Armati (CAAC) ippubblikat fl-1 ta' Lulju 2014,

–  wara li kkunsidra l-messaġġ tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tas-17 ta' Ġunju 2014 fid-diskussjoni tal-panel li mmarkat Jum it-Tfal Afrikani (Day of the African Child),

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Attivitajiet ta' Eżami Preliminari tal-2013 mill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, ratifikat min-Niġerja fid-29 ta' Ottubru 1993,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tal-1979,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, irratifikata min-Niġerja fit-22 ta' Ġunju 1983,

–  wara li kkunsidra t-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta' Cotonou 2007-2013, irratifikat min-Niġerja fis-27 ta' Settembru 2010,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tan-Niġerja, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha dwar il-protezzjoni tal-libertà reliġjuża fil-Kapitolu IV tagħha – Id-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Boko Haram huwa theddida dejjem tikber għall-istabilità tan-Niġerja, l-Afrika tal-Punent u r-reġjun tas-Saħel; billi l-vjolenza instigata minn din l-organizzazzjoni estremista jihadista Islamika kkawżat eluf ta' mwiet f'dawn l-aħħar għaxar snin; billi l-organizzazzjoni, b'mod indiskriminat, għandha fil-mira tagħha l-Insara, il-Musulmani moderati, il-persunal tal-gvern u l-istituzzjonijiet u filfatt kull min ma jaqbilx mat-twemmin dommatiku u estrem tagħha;

B.  billi fil-lejl tal-14-15 ta' April 2014, 276 studenta femminili nħatfu mill-Boko Haram mill-Iskola Sekondarja tal-Gvern fil-belt ta' Chibok fl-Istat ta' Borno; billi s'issa iktar minn 200 student għadhom neqsin; billi hemm rapporti li l-forzi tas-sigurtà tan-Niġerja ma aġixxewx għal twissija minn qabel; billi kien hemm iktar ħtif ta' tfal tal-iskola wara l-attakk ta' Chibok;

C.  billi t-tfajliet li nħatfu qed jaffaċċaw theddid serju ta' vjolenza sesswali, skjavitù u żwieġ furzata;

D.  billi dawn is-sekwestri wasslu għal rispons qawwi mis-soċjetà ċivili fin-Niġerja u madwar id-dinja, fejn il-Gvern Niġerjan intalab jieħu azzjoni effikaċi biex 'iġib lura l-bniet tagħna', jiżgura l-protezzjoni tat-tfal tal-iskola u jimmaniġġja l-firxa tal-Boko Haram;

E.  billi kien hemm rapporti allarmanti, inkluż mis-SEAE u sorsi tal-gvern, dwar il-vjolenza indiskriminata bħala parti mir-rispons mill-gvern, inkluż mit-Task Force Konġunta Niġerjana tal-unitajiet militari u tal-pulizija, imwaqqfa f'Mejju 2013 biex tiġġieled lill-Boko Haram;

F.  billi f'dawn l-aħħar xhur, ir-rata tal-attakki mill-Boko Haram żdiedet b'mod drammatiku u qed isiru dejjem iktar vjolenti, b'iktar minn 4 000 midruba fis-sena s'issa f'attakki fuq knejjes, skejjel, swieq u rħula kif ukoll istallazzjonijiet tas-sigurtà; billi l-Boko Haram bħalissa qed jestendi ż-żona ta' operazzjonijiet tiegħu biex ikopri n-nofs tat-Tramuntana tan-Niġerja kollu kif ukoll iż-żoni li jmissu ma din iż-żona fil-pajjiżi ġirien;

G.  billi l-Boko Haram kien responsabbli għal tal-inqas 18-il attakk fuq il-popolazzjoni ċivili fit-Tramuntana tan-Niġerja f'dawn l-aħħar ġimagħtejn, flimkien ma' tensjonijiet politiċi dejjem jikbru qabel l-elezzjonijiet ġenerali ppjanati għall-2015;

H.  billi l-attakki tal-Boko Haram u r-rispons tal-gvern taw bidu għal kriżi ta' rifuġjati, b'iktar minn 10 000 persuni jfittxu r-rifuġju barra pajjiżhom, l-iktar fin-Niġer u l-Kamerun, u ħafna iktar Persuni Spostati f'Pajjiżhom, skont l-UNHCR; billi dan jikkawża iktar tensjoni għar-riżorsi lokali limitati ħafna tal-ikel u tal-ilma, speċjalment fin-Niġer, li huwa stess qed jiġġieled ma' insigurtà tal-ikel wara snin ta' nixfa;

I.  billi s-sitwazzjoni umanitarja ta' parti kbira mill-popolazzjoni għadha kritika, fejn 70 % tal-popolazzjoni tgħix b'inqas minn USD 1.25 kuljum;

J.  billi l-libertajiet tal-espressjoni u tal-istampa qed jiddgħajfu minħabba t-theddid ta' arrest, intimidazzjoni, vjolenza u saħansitra mewt kontra dawk li jirrapportaw dwar l-awtoritajiet Niġerjani b'mod kritiku; billi l-Boko Haram hedded ripetutament li jattakka l-faċilitajiet tal-midja li rrapportaw b'mod negattiv dwaru;

K.  billi, minħabba d-dikjarazzjoni tal-istat ta' emerġenza li ilha fis-seħħ mill-14 ta' Mejju 2013 fl-istati ta' Borno, Yobe u Adamawa, il-biċċa l-kbira ta' dawn l-istati saru inaċċessibbli għall-aġenziji tal-għajnuna, il-ġurnalisti u l-korrispondenti; billi l-gvern imblokka s-servizzi ta' telefonija mobbli f'diversi żoni biex iwaqqaf il-komunikazzjoni tal-militanti;

L.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha ripetutement offrew l-appoġġ tagħhom lin-Niġerja fl-isforzi tagħha għaddejjin bħalissa biex tipproteġi liċ-ċittadini u tegħleb it-terroriżmu f'kull forma tiegħu, kif ukoll biex tintemm il-kultura tal-impunità għall-użu ta' vjolenza sesswali;

M.  billi fit-28 ta' Mejju 2014, l-UE qiegħdet lill-Boko Haram u lill-mexxej tiegħu, Abubaker Shekau, fuq il-lista tagħha ta' organizzazzjonijiet terroristiċi nominati. wara deċiżjoni tan-NU li Boko Haram jiġi nominat bħala organizzazzjoni terroristika u l-eżempju ta' sħab internazzjonali oħrajn;

N.  billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, kien wissa li l-attakki tal-Boko Haram jistgħu jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità; billi inkjesta preliminari tal-QKI kkonfermat din it-twissija, li kkonkludiet li hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jifhem li l-Boko Haram qiegħed iwettaq delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra;

1.  Jikkundanna bil-qawwa il-fluss li qed ikompli ta' attakki bil-pistoli u l-bombi, l-attakki suwiċida bil-bombi, il-ħtif u atti vjolenti oħra mwettqa mis-setta terroristika Boko Haram kontra l-popolazzjoni ċivili, il-gvern u l-militanti fin-Niġerja, fit-Tramuntana, kif ukoll f'Abuja u Lagos; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-bniet tal-iskola ta' Chibok;

2.  Jesprimi l-ikbar simpatija tiegħu lejn il-familji tal-vittmi u jappoġġa l-isforzi tal-Gvern Niġerjan biex iwaqqaf il-vjolenza u jressaq il-persuni responsabbli quddiem il-qorti;

3.  Jistieden lill-Gvern u l-awtoritajiet Niġerjani jaħdmu flimkien biex jiżguraw li l-bniet jiġu lura mingħajr periklu, biex itejbu t-trasparenza dwar l-isforzi ta' salvataġġ u biex jipprovdu informazzjoni adegwata kif ukoll appoġġ mediku u psikoloġiku għall-familji tal-bniet sekwestrati sabiex tintemm il-klima ta' suspetti;

4.  Jinsab imħasseb sew dwar il-mod attiv li bih l-Boko Haram qed jitfa' fil-mira n-nisa u t-tfal bħala parti mill-kampanja mdemmija ta' gwerilla tiegħu u jikkundanna l-ksur assolut tad-drittijiet fundamentali peress li l-Boko Haram qiegħed jipprojbixxi lit-tfal milli jkollhom aċċess għall-edukazzjoni;

5.  Huwa tal-opinjoni li l-Mekkaniżmu ta' Monitoraġġ u Rappurtar dwar il-ksur gravi tad-drittijiet tat-tfal f'sitwazzjonijiet ta' kunflitti armati għandu jiġi attivat fin-Niġerja u li l-UNICEF għandha żżid il-kapaċità tagħha f'din iż-żona, bi qbil mal-mandat tagħha;

6.  Jesprimi, barra minn hekk, it-tħassib serju tiegħu dwar rapporti ta' konverżjonijiet furzati għall-Iżlam u t-twaqqif tal-Liġi Sharia bħala parti mill-għan iddikjarat tal-grupp li jinħoloq kalifat Iżlamiku fit-Tramuntana tan-Niġerja;

7.  Iħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan u l-forzi tiegħu biex ma jesaġerawx meta jiġġieldu l-vjolenza mir-ribelli u jiżgura li kwalunkwe sforz biex tiġi ttrattata din il-vjolenza jitwettaq bi qbil mal-obbligi tal-Gvern Niġerjan skont il-liġi internazzjonali; jitlob lill-awtoritajiet Niġerjani biex jinvestigaw rapporti ta' vjolenza indiskriminata u sproporzjonata mill-forzi tal-gvern, inkluż il-ħruq ta' djar u l-eżekuzzjoni ta' persuni ssuspettati tal-Boko Haram jew anki ċittadini bl-ebda rabta ċara mal-organizzazzjoni, u biex iressqu l-persuni li jagħmlu dawn id-delitti quddiem il-qorti;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan biex mhux biss jiġġieled ir-rewwixta tal-Boko Haram imma wkoll ftit mill-kawżi primarji tagħha, inklużi s-sottożviluppar, il-korruzzjoni mifruxa, it-tbagħbis tal-flus miż-żejt, ir-radikalizzazzjoni u n-nuqqas ta' prospettivi u jitlob lill-Istati Membri biex jgħinu lin-Niġerja ħalli tindirizza dawn il-kwistjonijiet;

9.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Niġerjani, barra minn hekk, biex jeliminaw id-differenzi ekonomiċi bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-pajjiż, inkluż billi jiġu provduti edukazzjoni aħjar u servizzi tal-kura tas-saħħa fit-Tramuntana u biex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-benefiċċji mill-ġid taż-żejt permezz tal-baġit tal-istat ħalli jiġi żgurat żvilupp reġjonali xieraq;

10.  Jenfasizza, b'mod partikolari, l-importanza ta' sistema ġudizzjarja indipendenti, imparzjali u aċċessibbli biex tintemm l-impunità u jittejjeb ir-rispett għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet fundamentali tal-popolazzjoni; għalhekk, jitlob li jittieħdu passi lejn it-titjib fl-effiċjenza u l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja tan-Niġerja bħala mezz ta' użu effikaċi tal-ġustizzja kriminali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

11.  Iħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan biex jirrikonoxxi u jirrispetta l-libertà tal-istampa u l-midja u biex jippermetti l-ġurnalisti u l-korrispondenti aċċess għal-linji fuq quddiem tal-kunflitti, peress li l-istampa u l-midja jista' jkollhom rwol importanti fit-tisħiħ tar-rendikont u fir-reġistrazzjoni tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

12.  Itenni s-sejħa tiegħu għall-abolizzjoni tal-Liġi dwar (il-Projbizzjoni ta') iż-Żwieġ bejn Persuni tal-Istess Sess, flimkien mat-taqsimiet 214, 215 u 217 tal-Kodiċi Penali Niġerjan, li jqiegħdu lill-persuni LGBT – kemm Niġerjani kif ukoll barranin – f'riskju serju ta' vjolenza u arrest;

13.  Jesprimi tħassib dwar iż-żieda ta' traffikar tal-bnedmin u kuntrabandu tal-armi u tad-drogi fir-reġjun u r-rabta tagħhom mat-terroriżmu Iżlamiku; jinnota, barra minn hekk, il-konnessjonijiet bejn il-gruppi militanti ta' Boko Haram, AQIM u Al Shabab f'din l-attività illegali; jistieden lill-Gvern Niġerjan, f'kollaborazzjoni mal-gvernijiet tal-ECOWAS, gvernijiet oħra u aġenziji internazzjonali, biex jeqirdu dan il-kummerċ bħala parti mill-isforzi tagħhom biex jiġġieldu l-firxa tat-terroriżmu internazzjonali u s-sorsi li jiffinanzjawh;

14.  Iħeġġeġ lis-SEAE, il-Kunsill u l-Kummissjoni biex jaħdmu man-NU u sħab internazzjonali oħrajn sabiex jaqtgħu l-iffinanzjar għal, u jillimitaw il-movimenti ta', Boko Haram u, b'mod partikolari t-tmexxija tiegħu;

15.  Jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-sħab internazzjonali biex ikomplu jikkooperaw man-Niġerja, inkluż dwar il-każ tal-bniet tal-iskola f'Chibok, b'mod bilaterali u permezz tal-istrutturi reġjonali u tan-NU, fi sforzi ta' rimedju, taħriġ ta' forzi tas-sigurtà u kondiviżjoni tal-intelliġenza;

16.  Jistieden lis-SEAE u l-Kummissjoni biex jikkonkludu ta' malajr l-istrateġija tal-pajjiż tal-2014-2020 għan-Niġerja u biex jinkludu l-għajnuna u l-assistenza mmirati biex jeliminaw il-kawżi primarji tal-ħolqien ta' Boko Haram;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern Federali tan-Niġerja, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, is-Segretarju Ġenerali tan-NU, l-Assemblea Ġenerali tan-NU, il-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE u l-Parlament Pan-Afrikan.

(1) Testi Adottati, P7_TA(2013)0335.
(2) ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 97.


Is-sitwazzjoni fl-Ukraina
PDF 241kWORD 80k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Lulju 2014 dwar l-Ukraina (2014/2717(RSP))
P8_TA(2014)0009RC-B8-0025/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, dwar is-Sħubija tal-Lvant (SL) u dwar l-Ukraina, b'riferiment partikolari għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2014 dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-SL u b'mod partikolari d-destabilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-mexxejja tal-G7 wara l-laqgħa tagħhom fl-Aja fl-24 ta' Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-17 ta' Marzu, tal-14 ta' April, tat-12 ta' Mejju u tat-23 ta'Ġunju 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Marzu u tas-27 ta’ Ġunju 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali dwar l-elezzjonijiet presidenzjali bikrija fl-Ukraina tal-Missjoni Internazzjonali ta' Osservazzjoni Elettorali tal-OSKE/ODIHR,

–  wara li kkunsidra l-iffirmar tal-partijiet finali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina, inkluż Żona ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv, fis-27 ta' Ġunju 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapporti mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina tal-15 ta' Mejju u tal-15 ta' Ġunju 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni NATO–Ukraina tal-1 ta' April 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Ukraina għada taffaċċja sfidi tas-sigurtà, politiċi u soċjoekonomiċi serji; billi l-kunflitt fil-Lvant tal-Ukraina jirrappreżenta impediment serju għall-iżvilupp u l-prosperità tal-pajjiż;

B.  billi l-okkupazzjoni Russa u l-annessjoni tal-Krimea jiksru d-dritt internazzjonali u l-obbligi internazzjonali li għandha r-Russja skont il-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Ħelsinki, l-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Memorandum ta' Budapest tal-1994 dwar il-Garanziji ta' Sigurtà, kif ukoll obbligi bilaterali li jirriżultaw mit-Trattat Bilaterali tal-1997 dwar il-Ħbiberija, il-Kooperazzjoni u s-Sħubija;

C.  billi fil-25 ta' Mejju 2014 Petro Poroshenko ġie elett bħala l-President il-ġdid tal-Ukraina; billi l-elezzjoni kienet issorveljata minn missjoni internazzjonali ta' osservazzjoni elettorali mmexxija mill-OSKE/ODIHR u, minkejja l-ambjent ta' sigurtà ostili fil-Lvant tal-Ukraina u l-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja, hija meqjusa li fil-biċċa l-kbira kienet f'konformità mal-impenji internazzjonali u tirrispetta l-libertajiet fundamentali fil-parti l-kbira tal-pajjiż;

D.  billi l-President il-ġdid ressaq pjan ta' 15-il punt għal soluzzjoni paċifika għas-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Ukraina li jħares is-sovranità, l-integrità u l-unità nazzjonali tal-Ukraina abbażi ta' amnestija għal dawk li ċedew u li ma wettqux reati gravi, l-istabbiliment ta' passaġġi kkontrollati għall-irtirar tal-merċenarji Russi u t-tnedija ta' djalogu inklussiv;

E.  billi, bħala l-ewwel pass, il-President Poroshenko ħabbar waqfien mill-ġlied unilaterali bejn l-20 u t-30 ta' Ġunju 2014 sabiex ikun possibbli li jsiru konsultazzjonijiet bejn l-Ukraina, ir-Russja u l-forzi tas-separatisti; billi l-waqfien mill-ġlied unilaterali ddikjarat mill-gvern tal-Ukraina nkiser ripetutament, b'mod speċjali mis-separatisti, u wassal għal imwiet fuq iż-żewġ naħat;

F.  billi fil-25 ta' Ġunju 2014 il-Kunsill tal-Federazzjoni Russa approva deċiżjoni mill-President Putin biex jirrinunzja d-dritt li jibgħat forzi armati Russi fit-territorju tal-Ukraina;

G.  billi fis-27 ta' Ġunju 2014, il-Kunsill Affarijiet Barranin ikkonferma l-analiżi tal-Kummissjoni li l-Ukraina ssodisfat il-punti ta' riferiment taħt l-ewwel fażi tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Liberalizzazzjoni tal-Viża u għaddiet għat-tieni fażi tal-proċess tal-liberalizzazzjoni tal-viża;

H.  billi fis-27 ta' Ġunju 2014 l-UE u l-Ukraina ffirmaw id-dispożizzjonijiet li kien fadal tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni / Żona ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv; billi dan il-ftehim jirrikonoxxi l-aspirazzjonijiet tal-poplu tal-Ukraina li jgħix f'pajjiż immexxi minn valuri Ewropej, bid-demokrazija u bl-istat tad-dritt;

I.  billi l-President Poroshenko ddeċieda li jġedded l-operazzjoni kontra t-terroriżmu biex jegħleb l-irvell tas-separatisti fil-Lvant wara l-falliment tal-waqfien mill-ġlied unilaterali; billi l-armata tal-Ukraina reġgħet ħadet kontroll fuq diversi bliet fil-Lvant tal-Ukraina, u ġegħlet lir-ribelli u lill-merċenarji jirtiraw lejn Donetsk; billi, madanakollu, il-vjolenza għadha għaddejja;

J.  billi fit-2 ta' Lulju 2014 il-Ministri Barranin tal-Ġermanja, ta' Franza, tar-Russja u tal-Ukraina ltaqgħu f'Berlin u qablu dwar sett ta' miżuri bl-għan li jwasslu għal waqfien mill-ġlied reċiproku sostenibbli fil-Lvant tal-Ukraina;

K.  billi l-President Poroshenko esprima r-rieda tiegħu li jħabbar waqfien mill-ġlied ieħor fuq tliet kundizzjonijiet, b'mod speċjali li l-waqfien mill-ġlied ikun osservat b'mod bilaterali, li jinħelsu l-ostaġġi kollha u li l-kontroll effikaċi tal-fruntiera jkun osservat mill-OSKE;

L.  billi l-President Poroshenko fl-14 ta' Lulju 2014 ddikjara li uffiċjali tal-persunal militari Russi kienu qed jiġġieldu kontra l-forzi tal-Ukraina flimkien ma' ribelli separatisti u li ġiet stabbilita sistema Russa għall-gwida tal-missili; billi, skont sorsi tan-NATO, ir-Russja qegħda allegatament tibgħat it-tankijiet kbar tal-gwerra, artillerija u armi oħrajn lir-ribelli, u qegħda tippermetti merċenarji mir-Russja jaqsmu l-fruntiera biex jissieħbu mal-milizzji tar-ribelli;

M.  billi laqgħa ta' konsultazzjoni bejn tliet partijiet bejn l-UE, l-Ukraina u r-Russja saret fi Brussell fil-11 ta' Lulju 2014 dwar l-impliemtazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni / Żona ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv; billi dan huwa proċess utli li jista' jgħin itemm in-nuqqas ta' ftehim dejjiemi, billi jispjega l-benefiċċji tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni / Żona ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv u jqis it-tħassib leġittimu tal-partiti kollha;

1.  Jilqa' l-iffirmar tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni li fadal, inkluża taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv , u jinsab konvint li se jservi ta' mutur għar-riforma politika u ekonomika, u se jwassal għall-modernizzazzjoni, it-tisħiħ tal-istat tad-dritt u jistimula t-tkabbir ekonomiku; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-Ukraina li pproċediet bl-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim; jiddikjara li l-Parlament Ewropew se jlesti l-proċedura tiegħu għar-ratifika tal-Ftehim kemm jista' jkun malajr; jistieden lill-Istati Membri u lill-Ukraina jirratifikawh fil-pront bil-ħsieb li jiġi implimentat bis-sħiħ mill-aktar fis possibbli; jenfasizza li l-AA/DCFTA bl-ebda mod ma huwa konness mal-integrazzjoni man-NATO;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjoni, wkoll, l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Ġeorġja u mal-Moldova, li jimmarkaw il-bidu ta' era ġdida fir-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi ta' dawn il-pajjiżi mal-UE; jitlob għar-ratifika rapida tagħhom u jilqa' l-fatt li l-parlament tal-Moldova diġà għamel dan; jiċħad l-adozzjoni ta' miżuri ta' kummerċ 'punittivi' mir-Russja kontra dawk il-pajjiżi li ffirmaw il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-UE, peress li dawn il-ftehimiet mhumiex ta' theddida għar-Russja; jenfasizza l-fatt li dawn l-azzjonijiet jikkontradixxu r-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, huma motivati politikament u għalhekk mhumiex aċċettabbli;

3.  Jilqa' l-elezzjoni ta' Petro Poroshenko fl-ewwel rawnd għall-ħatra ta' President tal-Ukraina, f'elezzjoni ġusta u demokratika; jinnota li r-riżultat tal-elezzjoni juri appoġġ b'saħħtu fost il-popolazzjoni għal perspettiva Ewropea u demokratika tal-pajjiż;

4.  Jappoġġa l-pjan ta' paċi bħala opportunità kbira biex tittaffa l-eskalazzjoni u għall-paċi; jappoġġa l-azzjonijiet deċiżivi tal-President Poroshenko biex jiggarantixxi l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina; jilqa' l-impenn tiegħu li jindirizza l-problema tal-korruzzjoni sistemika u l-użu ħażin tal-fondi pubbliċi; itenni li r-Russja hija involuta f' azzjoni u provvista militari; iħeġġeġ lir-Russja twettaq l-obbligi internazzjonali tagħha, sabiex ġenwinament timpenja ruħha f'negozjati għal soluzzjoni paċifika u biex tuża l-influwenza reali tagħha biex twaqqaf kwalunkwe vjolenza;

5.  Jitlob għal laqgħa ġdida tal-Grupp ta' Kuntatt Trilaterali dwar is-soluzzjoni fix-Xlokk tal-Ukraina, u jappoġġa forom ġodda ta' komunikazzjoni bejn il-partijiet;

6.  Jenfasizza d-dritt fundamentali tan-nies tal-Ukraina biex jiddeterminaw b'mod liberu l-ġejjieni ekonomiku u politiku ta' pajjiżhom u jafferma mill-ġdid id-dritt tal-Ukraina biex tiddefendi lilha nnifisha, skont l-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU; itenni li l-komunità internazzjonali tappoġġa l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina; iħeġġeġ lill-forzi tas-sigurtà tal-Ukraina biex jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt umanitarju internazzjonali (IHL) u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem (IHRL) meta jwettqu l-hekk imsejħa operazzjonijiet kontra t-terroriżmu, u jenfasizza l-ħtieġa li l-popolazzjoni ċivili tiġi protetta; u jitlob lir-ribelli u l-merċenarji jagħmlu l-istess u ma jużawx iċ-ċivili bħala tarka umana; jenfasizza l-ħtieġa għal soluzzjoni politika għall-kriżi; u jħeġġeġ lill-parteċipanti kollha joqogħdu lura u jirrispettaw il-waqfien mill-ġlied, li għandu jiġi ddikkjarat u implimentat mill-aktar fis possibbli;

7.  Jikkundanna l-aggressjoni Russa fuq il-Krimea bħala ksur gravi fl-ambitu tad-dritt internazzjonali tas-sovranità tal-Ukraina u l-integrità territorjali u jirrifjuta l-politika Russa ta' fait accompli fir-relazzjonijiet barranin; iqis l-annessjoni tal-Krimea illegali u jirrifjuta li jirrikonoxxi t-tmexxija de facto Russa fuq il-peniżola; jilqa' d-deċiżjoni li tiġi pprojbita l-importazzjoni ta' prodotti mill-Krimea u Sevastopol li ma jkollhomx ċertifikat tal-Ukraina, u jħeġġeġ lil pajjiżi oħra jintroduċu miżuri simili skont ir-Riżoluzzjoni 68/262 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU;

8.  Jikkundanna l-vjolenza li għaddejja u t-telf kuljum ta' ħajjiet fil-Lvant tal-Ukraina, il-qerda ta' djar u proprjetajiet u l-ħarba ta' bosta eluf ta' persuni ċivili minn żoni ta' kunflitt lejn postijiet ta' kenn; jilqa' r-rieda tajba li wriet in-naħa Ukraina fl-adozzjoni ta' waqfien mill-ġlied unilaterali u jiddispjaċih li r-ribelli u l-merċenarji naqsu milli jieħdu dak l-eżempju; jinsab ferm imħassab dwar is-sikurezza tan-nies ordinarji li nqabdu fiż-żoni ta' Donetsk u Luhansk; jiddeplora t-telf ta' ħajjiet u l-fatt li fost il-vittmi ġew reġistrati tfal; jesprimi l-kondoljanzi profondi tiegħu lill-qraba tagħhom; jikkundanna kwalunkwe attakki fuq il-popolazzjoni ċivili u jappella għal rispett strett tad-dritt umanitarju internazzjonali;

9.  Jistieden lir-Russja tappoġġa l-pjan ta' paċi b'determinazzjoni ġenwina, tadotta miżuri għall-kontroll effettiv tal-fruntiera tagħha mal-Ukraina u twaqqaf l-inkursjoni kontinwa ta' rġiel armati, armi u tagħmir illegali, azzjonijiet ostili u l-infiltrazzjoni, tnaqqas immedjatament u tirtira t-truppi tagħha mill-fruntiera tagħha mal-Ukraina, u tuża s-setgħa li għandha fuq ir-ribelli u l-merċenarji biex iġġegħlhom jirrispettaw il-waqfien mill-ġlied, iċedu l-armi tagħhom u jirtiraw lura lejn ir-Russja minn kuritur tal-irtirar, kif previst fil-pjan ta' paċi ta' Poroshenko - dawn bħala l-ewwel passi konkreti u tant mistennija li juru li r-Russja hija serja dwar it-taffija tal-eskalazzjoni tal-kriżi;

10.  Jiddeplora d-detenzjoni illegali tan-navigatur tal-forzi tal-ajru tal-Ukraina, Nadija Savchenko, fir-Russja u jitlob li tinħeles fil-pront, kif ukoll li jiġu rilaxxati l-ostaġġi kollha miżmuma fl-Ukraina jew fir-Russja;

11.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ikollhom preżenza aktar qawwija u viżibilità akbar fil-mekkaniżmi ta' djalogu stabbiliti bil-għan li tissolva l-kriżi, inkluż il-Grupp ta' Kuntatt;

12.  Jilqa' l-estensjoni tas-sanzjonijiet attwali għal 11-il persuna oħra, ħafna minnhom uffiċjali tal-hekk imsejħa awtoritajiet separatisti; jilqa' l-ħidma preparatorja mwettqa mill-Kunsill, mis-SEAE u mill-Istati Membri bil-ħsieb li jiġu estiżi s-sanzjonijiet kontra r-Russja, li għandhom jinkludu s-settur ekonomiku, finanzjarju u tal-enerġija, u embargo fuq l-armi u fuq it-teknoloġija b'użu doppju; jitlob projbizzjoni kollettiva fuq il-bejgħ ta' armi lir-Russja u jħeġġeġ l-implimentazzjoni tagħha sa ma tinnormalizza ruħha s-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Ukraina; iwissi li kull pass ieħor mir-Russja biex tiddestabbilizza l-Ukraina se jwassal għal konsegwenzi addizzjonali u estensivi għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja;

13.  Jitlob li l-Kunsill jappella lir-Russja tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-liġi internazzjonali, u li tapplika it-tielet fażi ta' sanzjonijiet jekk is-sitwazzjoni tesiġi dan;

14.  Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew jadotta strateġija aktar koerenti u stretta u li jitkellem b'vuċi waħda b'rabta mal-kriżi tal-Ukraina u l-imġiba tal-gvern Russu, inkluż dwar kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-enerġija tal-UE; jiddeplora l-fatt li xi Stati Membri qed juru nuqqas ta' għaqda f'dan ir-rigward u nuqqas ta' solidarjetà tal-UE;

15.  Jappoġġa waqfien mill-ġlied imġedded u bbażat fuq qbil reċiproku biex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni tas-sigurtà, ikun hemm taffija ġenwina tal-eskalazzjoni u jinħoloq momentum għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' paċi tal-President Poroshenko, li jiddependi fuq ir-rispett bilaterali tal-waqfien mill-ġlied, ir-rilaxx tal-ostaġġi u l-monitoraġġ effettiv tal-fruntiera min-naħa tal-OSKE; jilqa' l-aħħar suċċessi tal-forzi tal-Ukraina fil-Lvant tal-pajjiż u l-fatt li huma reġgħu ħadu f'idejhom il-kontroll ta' diversi bliet kbar;

16.  Jemmen bis-sħiħ li r-rwol tal-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE għandu jissaħħaħ, permezz ta' aktar mezzi materjali u finanzjarji, biex b'hekk l-Ukraina tiġi appoġġata tagħmel sikuri r-reġjuni tul il-fruntiera tagħha u timmonitorjahom;

17.  Ifakkar lill-Gvern tal-Ukraina li jinħtieġu b'urġenza riformi ekonomiċi u politiċi fil-livell nazzjonali; jindika li r-riformi nazzjonali ma jistgħux jinbdew biss minħabba pressjoni esterna, iżda għandhom ikunu bbażati fuq appoġġ popolari solidu għall-ħolqien ta' opportunitajiet ekonomiċi u soċjali sostenibbli billi jiġi mmodernizzat il-pajjiż;

18.  Jappella sabiex ikun hemm investigazzjoni indipendenti u imparzjali tal-avvenimenti mdemmija u r-reati kollha kontra l-umanità li seħħew fil-partijiet kollha tal-Ukraina minn Novembru 2013 'l hawn, bl-inklużjoni ta' komponent internazzjonali b'saħħtu u taħt is-superviżjoni tal-Kunsill tal-Ewropa u sabiex dawk responsabbli jittellgħu l-qorti; jinsab konvint li hija biss l-investigazzjoni effettiva ta' dawn ir-reati li tista' tgħin lis-soċjetà tal-Ukraina u lill-familji u l-ħbieb tal-vittmi jerġgħu jiksbu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet;

19.  Ifakkar fil-ħtieġa li jintemm it-tnaqqis sistematiku u strutturali tad-drittijiet tal-bniedem, il-governanza ħażina, il-korruzzjoni mifruxa u l-ekonomija sewda kolossali; jenfasizza l-importanza tal-proċess li għaddej ta' riforma kostituzzjonali, u l-importanza li jitħeġġeġ l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili sabiex tinkiseb demokrazija verament parteċipattiva li tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem, tiżgura ġustizzja u governanza tajba għall-persuni kollha fir-reġjuni kollha tal-pajjiż u b'hekk tikkontribwixxi għas-sigurtà u l-istabbiltà tiegħu; jappella għall-adozzjoni ta' liġi kontra d-diskriminazzjoni li hija konformi mal-istandards Ewropej;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa li titkattar il-fiduċja bejn diversi komunitajiet fis-soċjetà u jitlob għal proċess ta' rikonċiljazzjoni sostenibbli; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jiġi stabbilit djalogu nazzjonali inklussiv u li jiġu evitati l-propaganda, kwalunkwe diskors li jinstiga l-mibegħda u retorika inkluż mir-Russja li jistgħu jkomplu jaggravaw il-kunflitt;

21.  Iqis, barra minn hekk, li huwa ta' importanza kbira li jinbeda proċess gradwali ta' deċentralizzazzjoni tas-setgħat ċentrali favur l-amministrazzjonijiet reġjonali u muniċipali, mingħajr ma jimmina l-bilanċ intern tas-setgħat u l-funzjonament effettiv tal-istat;

22.  Jilqa' l-adozzjoni tad-dritt dwar l-akkwist pubbliku u jitlob l-implimentazzjoni diliġenti tiegħu; jistenna l-istabbiliment fil-pront ta' aġenzija politikament independenti kontra l-korruzzjoni b'setgħat biex tinvestiga l-imġiba korrotta;

23.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ l-istat tad-dritt, anke permezz ta' riforma ġudizzjarja li tikkontribwixxi sabiex iċ-ċittadini jerġgħu jiksbu l-fiduċja fil-ġudikatura, u l-ħtieġa li l-istruttura tal-korpi tal-infurzar tal-liġi ma jibqgħux politiċizzati u militarizzati;

24.  Jilqa' d-deċiżjoni li tiġi stabbilita missjoni ċivili u robusta fl-ambitu tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni lejn l-Ukraina; jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri jħaffu l-mobilizzazzjoni tagħha; jinsab konvint li din il-missjoni jeħtiġilha mandat ambizzjuż biex tappoġġa lill-Ukraini b'mod effettiv fl-isforzi profondi meħtieġa biex is-sitwazzjoni fil-pajjiż tiġi stabilizzata;

25.  Itenni l-appoġġ tiegħu għar-rieda tal-President Poroshenko li jorganizza elezzjonijiet parlamentari bikrin; jenfasizza l-fatt li l-elezzjonijiet għandhom jitwettqu skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja;

26.  Jesprimi tħassib serju dwar l-aggravament tas-sitwazzjoni umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina tal-Lvant u l-Krimea, ikkaġunata minn ribelli u merċenarji instigati mir-Russja, b'mod partikolari fir-rigward ta' tortura, qtil, għajbien ta' ġurnalisti u attivisti, u t-teħid ta' ostaġġi, inklużi każijiet ta' ħtif tat-tfal; jitlob protezzjoni aħjar tal-persuni ċivili u biex l-awtoritajiet tal-Ukraina jagħtu għajnuna umanitarja fir-reġjuni kkonċernati;

27.  Jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għar-rapport riċenti tal-Amnesty International u jesprimi l-kundanna qawwija tiegħu għal ħtif, swat salvaġġ, tortura, qtil, qtil extraġudizzjarju u abbuż serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt umanitarju kontra attivisti, dawk li jipprotestaw, ġurnalisti u ħafna ċittadini oħra li mhumiex attivi fil-kunflitt fil-Lvant tal-Ukraina li ġraw f'dawn l-aħħar tliet xhur, li ġew ikkawżati prinċipalment minn separatisti armati u f'ċerti każijiet anke mill-forzi tal-gvern; jappoġġa t-talba lill-Gvern tal-Ukraina biex joħloq reġistru uniku u aġġornat regolarment tal-inċidenti ta' ħtif irrappurtat, u biex jinvestiga bir-reqqa u b'mod imparzjali l-allegazzjonijiet kollha ta' użu abbużiv ta' forza, trattament ħażin jew tortura;

28.  Jenfasizza l-importanza li tinstab soluzzjoni ċara, ġusta u stabbli biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-gass mir-Russja lejn l-Ukraina, billi dan huwa prerekwiżit neċessarju għall-iżvilupp ekonomiku u l-istabbiltà tal-Ukraina; jemmen li l-UE għandha tkompli bir-rwol tagħha li tiffaċilita ftehim li jippermetti lill-Ukraina tħallas prezz kompetittiv, mhux minħabba motivazzjonijiet politiċi, għax-xiri tal-gass tagħha; jenfasizza li l-użu tar-riżorsi tal-enerġija bħala strument tal-politika għall-affarijiet barranin jimmina l-kredibilità fuq perjodu ta' żmien twil tar-Russja bħala sħab kummerċjali ta' min jorbot fuqu għall-UE, u li bħala kwistjoni ta' prijorità għandu jkun hemm aktar miżuri sabiex tonqos id-dipendenza tal-UE fuq il-gass tar-Russja;

29.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw provvista suffiċjenti tal-gass permezz ta' fluss tal-gass invers minn stati ġirien fl-UE; jilqa', għal dan il-għan, il-memorandum ta' qbil dwar flussi inversi bejn ir-Repubblika Slovakka u l-Ukraina, li għandu jinkoraġġixxi lill-Ukraina tistabbilixxi sistema għat-trasportazzjoni tal-gass trasparenti u affidabbli; ifakkar f'dan ir-rigward fir-rwol strateġiku tal-Komunità tal-Enerġija, li l-Ukraina qed tippresiedi fl-2014; jilqa' l-fatt li l-kooperazzjoni mal-Ukraina tifforma parti integrali tal-Istrateġija tal-Kummissjoni għas-Sigurtà tal-Enerġija Ewropea ppreżentata f'Ġunju 2014;

30.  Jilqa' l-fatt li l-Ukraina reċentement imxiet għat-tieni fażi tal-Pjan ta' Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viżi, u b'hekk ikkonfermat mill-ġdid id-determinazzjoni tagħha li tistabbilixxi l-qafas leġiżlattiv, politiku u istituzzjonali meħtieġ; jesprimi l-konvinzjoni sħiħa tiegħu li l-għan aħħari għandu jkun l-introduzzjoni rapida ta' reġim mingħajr viża; jappella, sadanittant, biex jiġu introdotti minnufih proċeduri sempliċi ħafna u rħas fuq bażi temporanja fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri;

31.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li toħloq Grupp ta' Appoġġ għall-Ukraina, li se jipprovdi lill-awtoritajiet tal-Ukraina bl-għajnuna kollha neċessarja għat-twettiq ta' riformi politiċi u ekonomiċi u li se jaħdem għall-implimentazzjoni ta' 'Aġenda Ewropea għar-Riforma';

32.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu difiżi l-interessi u l-valuri Ewropej u li jiġu promossi l-istabbiltà, il-prosperità u d-demokrazija fil-pajjiżi tal-kontinent Ewropew;

33.  Itenni l-fehma tiegħu li l-AAs mal-Ukraina u mal-pajjiżi l-oħra tas-Sħubija tal-Lvant mhumiex l-għan aħħari fir-relazzjonijiet tagħhom mal-UE; jirrimarka, f'dan ir-rigward, li, skont l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina – bħal kwalunkwe Stat Ewropew ieħor – għandhom perspettiva Ewropea u jistgħu japplikaw sabiex isiru membri tal-Unjoni, dment li jaderixxu mal-prinċipji tad-demokrazija, jirrispettaw il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem u dawk tal-minoranzi u jiżguraw l-istat tad-dritt;

34.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa;

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0457.


L-Impjieg taż-Żgħażagħ
PDF 349kWORD 91k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Lulju 2014 dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ (2014/2713(RSP))
P8_TA(2014)0010RC-B8-0027/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2010 dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għal politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri: It-Tieni Parti tal-Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020 (COM(2010)0193 – C7-0111/2010 – 2010/0115(NLE))(1),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2011 intitolata ‘Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ’ (COM(2011)0933),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill, adottati fil-Lussemburgu fis-17 ta' Ġunju 2011, dwar il-promozzjoni tal-impjiegi taż-żgħażagħ għall-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ (COM(2012)0727),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2012 għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ (COM(2012)0729),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 ta' Frar 2013 dwar Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar it-Twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar l-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ: soluzzjonijiet possibbli(2),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2014 dwar ir-rispett tad-dritt fundamentali tal-moviment liberu fl-UE(3),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-16 ta' April 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) (COM(2013)0430 – C7-0177/2013 – 2013/0202(COD))(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istejtus ta’ min jitħarreġ, tal-internship u l-apprendistat(5),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ (COM(2012)0727),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2013 dwar Garanzija għaż-Żgħażagħ(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-qgħad huwa kawża ewlenija ta' inugwaljanza, b'rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ li laħqu livelli storiċi, b'medja ta' 23 % għall-UE inġenerali, u billi l-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa distribwit b'mod inekwu fl-UE kollha, b'rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ fl-età ta' bejn 16 u 25 sena li jaqbżu l-50 % f'xi Stati Membri;

B.  billi f'Marzu 2014, 5,340 miljun żagħżugħ (taħt il-25 sena) kienu bla xogħol fit-28 Stat Membru tal-UE, li minnhom 3,426 miljun kienu fiż-żona tal-euro;

C.  billi l-kawżi tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE jvarjaw minn pajjiż għal ieħor, u jistgħu jinkludu problemi strutturali tal-ekonomiji tagħna li jaffettwaw is-swieq tax-xogħol; billi s-sitwazzjoni u l-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom iż-żgħażagħ mhumiex uniformi, u ċerti gruppi huma milquta b'mod sproporzjonat u jeħtieġu soluzzjonijiet speċifiċi;

D.  billi s-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol hija partikolarment kritika għaż-żgħażagħ, indipendentement mil-livell ta' edukazzjoni tagħhom, peress li spiss jispiċċaw bla impjieg jew b'kuntratti ta' impjieg limitati filwaqt li jirċievu pagi aktar baxxi u livell aktar baxx ta' protezzjoni soċjali jew huma sfurzati jaċċettaw kuntratti ta' impjieg prekarji jew traineeships bla ħlas;

E.  billi Garanzija għaż-Żgħażagħ tikkontribwixxi biex tissodisfa tlieta mill-miri tal-istrateġija Ewropa 2020, jiġifieri li 75 % tal-popolazzjoni ta' età bejn 20 u 64 sena jrid ikollhom xogħol, li r-rati ta' tluq bikri mill-iskola għandhom ikunu taħt l-10 %, u li mill-inqas 20 miljun persuna għandhom jinħarġu mill-faqar u mill-esklużjoni soċjali.

F.  billi 7,5 miljun żgħażagħ Ewropej bejn 15 u 24 sena jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) u billi, fl-UE 28 fl-2012, 29,7 % taż-żgħażagħ fl-età bejn 15 u 29 sena kienu f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali(7);

G.  billi, minħabba l-enfasi tagħha fuq ħiliet prattiċi, is-sistema doppja tat-taħriġ vokazzjonali u wkoll il-korsijiet tal-lawrja li jikkombinaw lati akkademiċi u vokazzjonali mħaddma f’uħud mill-Istati Membri tat prova tas-siwi tagħha, b'mod partikolari tul il-kriżi, billi żammet il-livelli tal-qgħad fost iż-żgħażagħ aktar baxxi filwaqt li ż-żgħażagħ ħejjiethom aħjar għax-xogħol;

H.  billi l-limitazzjoni attwali tal-garanzija għaż-żgħażagħ sal-età ta' 25 sena hija insuffiċjenti peress li ma tikkunsidrax is-6,8 miljun NEET li huma fl-età ta' bejn 25 u 30 sena;

I.  billi l-SMEs għandhom potenzjal notevoli li joħolqu l-impjiegi u jiżvolġu rwol kruċjali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli ġdida;

J.  billi, minkejja li n-numru ta' ħaddiema li jiċċaqilqu minn Stat Membru għal ieħor żdied minn 4,7 miljun fl-2005 għal 8 miljuni fl-2008, f'termini ta' percentwali din hija żieda minn 2,1 % għal 3,3 % tal-forza tax-xogħol kollha;

K.  billi l-Istati Membri għandhom rwol kruċjali fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, anki permezz tal-appoġġ finanzjarju ta' strumenti ffinanzjati mill-UE bħall-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, il-Programm Ewropew għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020;

L.  billi l-Unjoni Ewropea allokat EUR 6 biljun biex tappoġġa l-impjiegi ta' persuni taħt l-età ta' 25 sena;

M.  billi l-kawżi tal-qgħad fost iż-żgħażagħ ma jistgħux jiġu ridotti għal nuqqas ta' spariġġ fil-ħiliet, għax huma konnessi ma' kwistjonijiet bħan-nuqqas ta' impjiegi ġodda minħabba d-deindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa, l-outsourcing u l-ispekulazzjoni, u din is-sitwazzjoni ġiet aggravata mill-kriżi u mill-politiki ta' awsterità; billi l-edukazzjoni u t-taħriġ waħedhom ma jistgħux isolvu l-problema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ;

N.  billi kwalunkwe miżura jew programm introdotti biex jagħtu spinta lill-impjieg fost iż-żgħażagħ għandhom jinkludu l-konsultazzjoni u/jew il-kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha fil-livelli rispettivi, speċjalment tas-Sħab Soċjali u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;

O.  billi 20,7 miljun SME jirrappreżentaw aktar minn 67 % tal-impjiegi fis-settur privat fl-UE, bi 30 % attribwibbli għall-mikrointrapriżi;

P.  billi l-SMEs u l-mikrointrapriżi għandhom potenzjal enormi fejn jidħol il-ħolqien tax-xogħol, meta wieħed iqis li huma responsabbli għal 85 % tal-impjiegi ġodda kollha li jinħolqu;

Garanzija għaż-Żgħażagħ - Impjiegi taż-żgħażagħ

1.  Iwissi li mhuwiex se jkun hemm tkabbir ekonomiku sostenibbli sinifikanti fl-UE sakemm ma jitnaqqsux l-inugwaljanzi, u jfakkar li dan jibda billi jitnaqqas il-qgħad, speċjalment il-qgħad fost iż-żgħażagħ u jitnaqqas il-faqar;

2.  Jitlob monitoraġġ effiċjenti tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ; jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-isfidi li ġew identifikati fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż tal-2014 (CSRs) dwar il-kwalità tal-offerti u n-nuqqas ta' komunikazzjoni attiva għan-NEETs, kif ukoll il-kapaċità amministrattiva tas-servizzi pubbliċi tal-impjieg u n-nuqqas ta' impenn effikaċi mas-sħab relevanti kollha, filwaqt li fl-istess ħin tidentifika l-aħjar prattiki li jistgħu jiffunzjonaw bħala referenza għal titjib ta' programmi; jitlob għal aktar trasparenza fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni u għal aktar ambizzjoni meta jiġu indirizzati l-Istati Membri li ma juru l-ebda progress f'dan ir-rigward;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas ġuridiku Ewropew, li jintroduċi standards minimi għall-implimentazzjoni tal-garanziji għaż-żgħażagħ, inklużi l-kwalità tal-apprendistati, pagi deċenti għaż-żgħażagħ u aċċess għal servizzi ta' impjieg, u li jkopri wkoll liż-żgħażagħ fl-età ta' bejn 25 u 30 sena, meta r-rakkomandazzjoni eżistenti dwar il-garanziji għaż-żgħażagħ ma jiġux rispettati mill-Istati Membri;

4.  Jitlob biex it-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ ikun introdott bħala għan separat fil-qasam tas-Semestru Ewropew; jitlob ukoll li jiġu inklużi miżuri li jiġġieldu l-qgħad fost iż-żgħażagħ fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma (PNR); jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja u tirrevedi b’mod preċiż l-introduzzjoni ta’ dawn il-miżuri; jitlob l-involviment komprensiv tal-Parlament f'dan ir-rigward skont il-proċess tas-Semestru Ewropew;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tħaffef it-twaqqif tal-Inizjattiva favur l-Imjiegi taż-żgħżagħ u tippubblika komunikazzjoni dwar kif ġiet stabbilita qabel tmiem l-2014;

6.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkunsidraw l-estensjoni ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ għall-persuni żgħażagħ taħt l-età ta' 30 sena;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa ta’ politika dwar is-suq tax-xogħol attiva, komprensiva u integrata b’miżuri speċjali għaż-żgħażagħ;

8.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu miżuri b'saħħithom biex jiġġieldu l-qgħad fost iż-żgħażagħ, partikolarment permezz ta' azzjoni preventiva kontra t-tluq bikri mill-iskola jew billi jippromovu skemi ta' taħriġ jew apprendistat (pereżempju billi jwaqqfu sistema doppja ta' edukazzjoni jew forom oħra ta' oqfsa ugwalment effiċjenti), biex jiżviluppaw strateġiji komprensivi għaż-żgħażagħ li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) u biex jimplimentaw Skema nazzjonali ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ b'mod sħiħ;

9.  Jisħaq fuq il-fatt li l-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ m'għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jużaw il-Fond Soċjali Ewropew ħalli jiffinanzjaw proġetti aktar wiesgħa relatati maż-żgħażagħ, speċjalment dwar il-faqar u l-inklużjoni soċjali; jappella lill-Kummissjoni biex tissorvelja l-użu tal-fondi tal-FSE għal proġetti relatati maż-żgħażagħ;

10.  Jemmen bis-sħiħ li l-fondi tal-UE, b'mod partikolari dawk fil-qafas tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), m'għandhomx jintużaw biex jissostitwixxu approċċi nazzjonali iżda biex jipprovdu appoġġ addizzjonali għaż-żgħażagħ b'mod li jikkumplimentaw u jsaħħu l-programmi nazzjonali skont kif jiddeċiedu l-Istati Membri;

11.  Jemmen li l-programmi tal-UE għandhom jippermettu flessibilità xierqa biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jimplimentaw appoġġ individwalizzat skont il-ħtiġijiet lokali, biex jiġi żgurat li l-fondi jintużaw fl-oqsma fejn il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa l-ogħla u fejn huma l-aktar bżonnjużi, mingħajr kompromessi fuq l-awditjar u l-kontroll;

12.  Jisħaq fuq il-fatt li l-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ m'għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jużaw programmi oħra tal-UE, pereżempju skont il-Fond Soċjali Ewropew jew ERASMUS +, ħalli jiffinanzjaw proġetti aktar wiesgħa relatati maż-żgħażagħ, speċjalment dwar l-intraprenditorija, il-faqar u l-inklużjoni soċjali; jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri jallokaw il-kofinanzjament xieraq f'dan ir-rigward; jappella lill-Kummissjoni biex tissorvelja l-użu tal-fondi tal-FSE għal proġetti relatati maż-żgħażagħ;

Edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ

13.  Ifakkar li EUR 6 biljun allokati lill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ mhumiex biżżejjed biex ikun miġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ b'mod dejjiemi; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħmlu l-Garanzija għaż-Żgħażagħ prijorità u jżidu l-allokazzjoni tal-baġit tagħhom għall-perjodu kollu 2014-2020 meta jiddeċiedu dwar reviżjoni post-elettorali tal-QFP 2014-2020, li għandu jseħħ mhux aktar tard minn tmiem l-2016;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu jew itejbu sistemi ta' edukazzjoni vokazzjonali u ta' taħriġ; jenfasizza li sabiex titjieb it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol, għandu jitwaqqaf qafas Ewropew għal sistema ta' edukazzjoni doppja bbażata fuq l-aħjar prattiki Ewropej f'dan il-qasam; jissuġġerixxi wkoll l-użu ta' Ice-Breaker Schemes’ fl-UE kollha li jkun fihom esperjenza prattika tax-xogħol għal gradwati u dawk li diġà kellhom taħriġ vokazzjonali, ma' kumpaniji li jħaddmuhom għal bejn sitta u tnax-il xahar biex isolvu problema speċifika li tikkonċerna l-innovazzjoni u l-iżvilupp;

15.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri b'saħħithom biex jiġġieldu l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-esklużjoni bikrija mis-suq tax-xogħol, partikolarment permezz ta' azzjoni preventiva kontra t-tluq bikri mill-iskola jew minn skemi ta' taħriġ jew apprendistat (pereżempju billi jwaqqfu sistema doppja ta' edukazzjoni jew forom oħra ta' oqfsa ugwalment effiċjenti);

16.  Jistieden lill-Istati Membri biex iwettqu riformi, b’mod partikolari standards tal-edukazzjoni u tat-taħriġ għaż-żgħażagħ, sabiex iżidu b’mod sinifikanti l-opportunitajiet tagħhom ta’ impjieg u tal-ħajja;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jtejbu t-trasparenza u r-rikonoxximent tal-kwalifiki fl-Unjoni, partikolarment permezz tas-Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, l-Europass u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki;

18.  Jenfasizza l-importanza għaż-żgħażagħ li jiksbu ħiliet trasversali bħal pereżempju ħiliet fl-ICT, ħiliet ta' tmexxija, ħiliet fil-ħsieb kritiku u fil-lingwi, kif ukoll bl-istudju barra mill-pajjiż, biex jitjiebu l-prospetti tagħhom fis-suq tax-xogħol u l-adattabilità tagħhom għal żviluppi futuri fis-suq tax-xogħol kif ukoll il-parteċipazzjoni attiva tagħhom fis-soċjetà;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jikkonċentraw fuq setturi b'potenzjal ta' rata għolja ta' tkabbir u ta' ħolqien ta' impjiegi u jieħdu miżuri biex jagħtu prijorità lill-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika fil-programmi edukattivi tagħhom, sabiex jissodisfaw l-iżviluppi mistennija fil-ġejjieni fis-suq tax-xogħol, konformement mal-ħtieġa ta' bidla lejn ekonomija effiċjenti fir-riżorsi;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw tipi ġodda ta' ekonomija, speċjalment l-intraprenditorija soċjali, co-working, crowdsourcing u jipprovdu miżuri ta' appoġġ għall-kooperattivi taż-żgħażagħ u l-bidu ta' intrapriżi soċjali;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu politiki li jippromovu t-tkabbir u jitlob għal azzjoni fil-livell tal-UE f'termini ta' strateġija ta' tkabbir Ewropew fejn l-investiment u l-iżvilupp ta' setturi ewlenin bħas-suq diġitali, is-suq tat-telekom u ta' komunità ta' enerġija komuni se jipprovdu impjiegi sostenibbli;

22.  Jiddispjaċih li l-prijoritajiet tal-Kunsill Ewropew, kif ġew ippubblikati mill-Kunsill Ewropew fis-27 ta' Ġunju 2014, bħala aġenda strateġika għall-UE u l-Kummissjoni l-ġdida, ma jinkludux miżuri mmirati u investiment biex jgħinu l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għaż-żgħażagħ;

23.  Jenfasizza l-fatt li l-kisba ta' riżultati rigward l-objettivi ta' garanzija għaż-żgħażagħ teħtieġ riformi strateġiċi biex tinkiseb tranżizzjoni aktar pożittiva mill-iskola għas-suq tax-xogħol;

24.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex rispettivament jibnu u jirriformaw l-aġenziji tas-suq tax-xogħol tagħhom;

25.  Jenfasizza li, minħabba bidliet rapidi fis-suq tax-xogħol, illum aktar minn qabel hemm il-ħtieġa ta' investimenti qawwija fl-edukazzjoni u fit-taħriġ; jenfasizza li l-politiki dwar il-ħiliet għandhom jidhru mhux biss bħala mezzi li jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, imma għandhom jirrikonoxxu wkoll il-kompetenzi li jinkisbu permezz ta' edukazzjoni mhux formali u informali, jappoġġaw l-implimentazzjoni ta' politiki ta' tagħlim tul il-ħajja u finalment ikunu parti minn approċċ olistiku għall-edukazzjoni;

26.  Jappella lill-Kummissjoni u lil aġenziji bħal Eurofound u Cedefop biex janalizzaw is-sistemi eżistenti ta' edukazzjoni professjonali doppja sabiex jipprovdu din l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra li huma interessati f'dawn is-sistemi fuq bażi volontarja, mingħajr ma jitnaqqsu l-istandards ta' edukazzjoni li diġà jeżistu;

27.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-familja bħala sistema ta' appoġġ effettiva għaż-żgħażagħ li jħabbtu wiċċhom mal-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali;

28.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu t-taħriġ, l-orjentazzjoni u l-apprendistati, it-traineeships vokazzjonali u l-internships, u jneħħu l-ostakli eżistenti għalihom, u biex jikkombinaw aħjar il-provvista u d-domanda ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ ibbażat fuq ix-xogħol għaż-żgħażagħ, u b'hekk itejbu l-mobilità u l-kapaċità ta' impjieg, b’mod partikolari f’reġjuni tal-fruntiera;

29.  Jilqa' r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships, adottat fl-10 ta' Marzu 2014, u jistieden lill-Istati Membri jimplimentawh mingħajr dewmien għall-ġid ta' min jibbenefika minnu, u jenfasizza l-fatt li l-programmi tal-Istati Membri li jippromwovu u joffru traineeships jistgħu jiġu appoġġati finanzjarjament minn fondi Ewropej;

Ambjent ġdid għall-impjiegi

30.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Ewropa toħloq ambjent favorevoli għall-SMEs, li jinkludi l-provvista tal-aħjar kundizzjonijiet finanzjarji u legali għan-negozji l-ġodda, peress li b'mod ġenerali l-SMEs koprew 66,5 % tal-impjiegi kollha Ewropej fl-2012(8);

31.  Itenni l-bżonn li jiġu żgurati taħriġ u aċċess wiesgħa u sempliċi għall-internet u l-informazzjoni onlajn u għall-ħiliet diġitali; konformement mal-objettivi tal-Aġenda Diġitali, jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw id-diġitalizzazzjoni ta' servizzi u opportunitjiet ta' edukazzjoni għaż-żgħażagħ, sabiex ikun jista' jkollhom aċċess għal impjiegi diġitali;

32.  Jenfasizza t-tendenza reċenti li l-kumpaniji jreġġgħu lura l-produzzjoni u s-servizzi lejn l-Ewropa u l-opportunitajiet li dan iġib miegħu għall-ħolqien tal-impjiegi, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ; jemmen li l-ekonomiji tal-UE għandhom opportunità unika biex jaċċeleraw din it-tendenza li l-impjiegi jiġu rilokalizzati;

33.  Jinsisti li hemm ħtieġa tar-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa abbażi ta' strateġija koerenti u l-implimentazzjoni tagħha, li tippromwovi u tiffaċilita politiki favorevoli għat-tkabbir u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda;

34.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jassoċjaw il-politiki tal-impjieg taż-żgħażagħ b'kuntratti tax-xogħol ta' kwalità u sostenibbli sabiex jindirizzaw iż-żieda fil-prekarjetà strutturali u r-rata baxxa tal-impjiegi;

35.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li ż-żgħażagħ ikollhom aċċess għal impjiegi ta' kwalità li jirrispettaw id-drittijiet tagħhom, inkluż id-dritt għall-istabbiltà u s-sigurtà permezz ta' impjieg li jagħti paga li tiggarantixxi l-għajxien u protezzjoni soċjali u li jippermetti ħajja sikura ta' dinjità u ta' awtonomija, sabiex iż-żgħażagħ ikunu protetti mid-diskriminazzjoni u l-isfruttar;

36.  Jemmen li l-imprendituri żgħażagħ u l-SMEs orjentati lejn it-tkabbir huma neċessarji sabiex jingħata lok għall-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi;

37.  Jemmen li n-negozji jistgħu biss joħolqu aktar impjiegi u jimpjegaw aktar persuni jekk l-ambjent ekonomiku jinkoraġġixxi t-tkabbir u jekk huma jistgħu jserrħu fuq forza tax-xogħol kwalifikata;

38.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw approċċ ibbażat fuq id-drittijiet fir-rigward taż-żgħażagħ u l-impjiegi; jenfasizza li, partikolarment fi żminijiet ta' kriżi, il-kwalità ta’ xogħol għaż-żgħażagħ m’għandhiex tkun kompromessa u l-istandards ewlenin tax-xogħol u standards oħra marbuta mal-kwalità tax-xogħol, bħall-ħin tax-xogħol, is-sigurtà soċjali, u s-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol, għandhom ikunu kunsiderazzjonijiet ċentrali fl-isforzi li qed isiru; jenfasizza li d-diskriminazzjoni abbażi tal-età għandha tieqaf;

39.  Jisħaq fuq l-importanza li wieħed jirrikonoxxi u jirrispetta s-sistemi soċjali u ekonomiċi differenti li jeżistu fl-Istati Membri;

40.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġaw u jippromwovu mekkaniżmi ta' mobilità, partikolarment il-EURES, li jiffaċilitaw it-tiftix tal-impjiegi fi Stati Membri oħra;

41.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mis-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi (PES), sabiex jibbilanċjaw l-offerta u t-talba għal postijiet vakanti tax-xogħol u l-kwalifiki meħtieġa mill-Istati Membri;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tappoġġa inizjattivi kif ukoll forom oħra ta' kooperazzjoni mas-settur privat fl-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tassumi rwol fuq quddiem b'inizjattiva għar-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa, billi ssaħħaħ il-kompetittività industrijali mingħajr ma tpoġġi piż regolatorju eċċessiv fuq in-negozji, u billi tiffaċilita l-ħolqien ta' impjiegi, tindirizza l-qgħad u twessa' l-ambitu tal-possibilitajiet għaż-żagħżagħ biex jibdew in-negozji tagħhom stess jew biex isibu impjieg;

44.  Jirrakkomanda li kull evalwazzjoni li tagħmel il-Kummissjoni Ewropea fil-futur dwar l-iskemi rilevanti tal-FSE fil-qasam tal-impjieg taż-żgħażagħ tħares lil hinn mill-ispiża u l-għadd ta' parteċipanti u tqis l-impatt fuq is-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ f'termini reali fuq perjodu twil ta' żmien, u bħala prijorità tara kif u għaliex l-azzjonijiet ikunu suċċess;

45.  Jistieden lill-Istati Membri jeliminaw piżijiet amministrattivi żejda u burokrazija żejda għall-persuni li jaħdmu għal rashom, għall-mikrointrapriżi u l-SMEs u biex jintroduċu politiki tat-taxxa favorevoli, jistabbilixxu klima aktar favorevoli għall-investiment privat u jindirizzaw liġijiet sproporzjonatament punittivi dwar il-fallimenti; l-SMEs jikkostitwixxu sehem kbir mill-ekonomija Ewropea u r-rwol tagħhom jista' jkun fattur determinanti ewlieni biex jiġi żgurat irkupru rapidu u sostenibbli mill-kriżi ekonomika u biex jinħolqu impjiegi ġodda, inkluż għaż-żgħażagħ;

46.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni bejn in-negozji u s-settur tal-edukazzjoni fil-livelli kollha, bil-għan li l-kurrikula jkunu marbuta aħjar mad-domanda tas-suq tax-xogħol;

47.  Jenfasizza li l-ekonomija Ewropea teħtieġ sforzi sabiex issaħħaħ, pjutost milli tillimita, il-moviment liberu u l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol fl-UE, u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw il-moviment liberu għaċ-ċittadini u l-ħaddiema kollha ħalli jkun hemm żvilupp ta' suq tax-xogħol ġenwin tal-Unjoni, jitneħħew il-konġestjonijiet u l-ħaddiema tal-UE jkunu jistgħu jiċċaqalqu lejn żoni fejn hemm domanda għall-ħiliet tagħhom; jenfasizza li l-libertà ta' moviment hi dritt ewlieni; jenfasizza, wkoll, li ż-żgħażagħ għandhom ukoll ikollhom l-opportunità li jaċċessaw opportunitajiet ta' impjieg fil-komunità tagħhom stess;

48.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-qgħad għoli fost il-gruppi żvantaġġati billi jagħtu prijorità lill-aċċess u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-mainstreaming tal-politiki ta' aċċess u integrazzjoni, minħabba li x-xogħol huwa s-sigriet għall-integrazzjoni effettiva;

49.  Jemmen li l-Istati Membri jeħtieġ jindirizzaw il-bżonnijiet speċifiċi taż-żgħażagħ b'diżabilità billi jagħtihom l-għodda u s-servizzi ta' appoġġ xierqa, sabiex jinħoloq ambjent ta' ugwaljanza u tiżdied b'mod attiv l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ b'diżabilità fis-suq tax-xogħol, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ;

50.  Jisħaq fuq l-importanza li tiġi stimulata l-intraprenditorija, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ u l-gradwati, billi jiġu promossi l-perjodi ta' prattika u t-tiroċinji f'negozji żgħar u mikrointrapriżi biex iż-żgħażagħ jiksbu esperjenza fid-dinja tan-negozju u jiżdied l-għarfien tagħhom dwar l-opportunitajiet u l-kapaċità biex jibdew negozju huma stess;

51.  Jenfasizza li, minħabba l-konsegwenzi li l-kriżi għandha fuq iż-żgħażagħ, huma meħtieġa impenn aktar b'saħħtu u monitoraġġ imtejjeb mill-Istati Membri biex titjieb is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ; jitlob, f'dan il-kuntest lill-Istati Membri jindirizzaw il-kwistjoni tal-qgħad fost iż-żgħażagħ matul il-Kunsill EPSCO informali tas-17 u t-18 ta' Lulju f'Milan u biex iwettqu azzjonijiet u politiki minflok dikjarazzjonijiet;

o
o   o

52.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

(1) ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 116.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)00365.
(3) Testi adottati, P7_TA(2014)0037.
(4) Testi adottati, P7_TA(2014)0435.
(5) ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 29.
(6) Testi Adottati, P7_TA(2013)0016.
(7) Eurostat: http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/show.do?dataset=yth_incl_010&lang=en
(8) http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/facts-figures-analysis/performance-review/files/supporting-documents/2013/annual-report-smes-2013_en.pdf report


Is-sitwazzjoni fl-Iraq
PDF 227kWORD 62k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Lulju 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq (2014/2716(RSP))
P8_TA(2014)0011RC-B8-0059/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq, b’mod partikolari dik tas-27 ta’ Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-Iraq, b'mod partikolari dawk tal-23 ta' Ġunju 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iraq,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Iraq hu parti tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew twemmin adottati fl-24 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, dwar l-Iraq,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar l-Arabja Sawdija, ir-relazzjonijiet tagħha mal-UE u r-rwol tagħha fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta’ Fuq(3), ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Marzu 2011 dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf(4) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ April 2014 dwar l-istrateġija tal-UE rigward l-Iran(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Iraq għadu jħabbat wiċċu ma' sfidi gravi fl-ambitu politiku, tas-sigurtà u soċjoekonomiku u billi x-xena politika tiegħu hija estremament frammentata u kkaratterizzata mill-vjolenza u mill-politika settarja, fatt li jmur askapitu tal-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu tal-Iraq għall-paċi, prosperità u tranżizzjoni ġenwina lejn id-demokrazija; billi l-Iraq qiegħed jaffronta l-aktar mewġa gravi ta' vjolenza mill-2008;

B.  billi s-sottogrupp dissidenti ġiħadista tal-al-Qaeda bl-isem ta' Stat Iżlamiku (IS) – dak li qabel kien l-Istat Iżlamiku tal-Iraq u tal-Levant (ISIL) – ħakem partijiet tal-Majjistral tal-Iraq, inkluża t-tieni l-ikbar belt fl-Iraq, Mosul, u kompla bl-eżekuzzjoni sommarja ta' ċittadini Iraqini, bl-impożizzjoni ta' interpretazzjoni ħarxa tal-liġi tax-Sharia, il-qerda ta' postijiet ta' qima u ta' santwarji Xiiti, Sufi, Sunniti u Kristjani, u atroċitajiet oħra kontra l-popolazzjoni ċivili;

C.  billi d-diżintegrazzjoni tal-fruntieri bejn l-Iraq u s-Sirja pprovdiet lill-IS b'opportunitajiet biex itejjeb il-preżenza tiegħu fiż-żewġ pajjiżi; billi l-kisbiet tal-IS ġew tollerati jew saħansitra appoġġjati minn partijiet tal-popolazzjoni Sunnita diżilluża u mis-sostenituri ta' dak li kien il-partit Ba’ath; billi fid-29 ta' Ġunju 2014 ġie rappurtat li l-IS ħabbar it-twaqqif ta' "kalifat" jew "stat Iżlamiku" fit-territorji li jikkontrolla fl-Iraq u s-Sirja, u li l-mexxej tiegħu, Abdu Bakr al-Baghdadi, iddikjara lilu nnifsu bħala l-kaliff tiegħu;

D.  billi l-IS irnexxielu jikseb sorsi ta' dħul sinifikanti minn sakkeġġi ta' banek u negozji fit-territorji li jikkontrolla, waqt li ħa f'idejh sitt bjar taż-żejt fis-Sirja, fosthom l-ikbar faċilità taż-żejt tas-Sirja, al-Omar, qrib il-fruntiera mal-Iraq. L-IS jirċievi wkoll fondi mingħand donaturi għonja, b'mod partikolari mill-Arabja Sawdija, il-Qatar, il-Kuwajt u l-Emirati Għarab Magħquda;

E.  billi l-ispinta rapida li ħa l-IS uriet il-fraġilità tal-armata u l-istituzzjonijiet Iraqini, li huma kkaratterizzati mill-korruzzjoni, settarjaniżmu u l-politiki ta' esklużjoni tal-gvern tal-Prim Ministru, Nuri al-Maliki, li wasslu għall-aljenazzjoni sostanzjali tas-Sunniti u ta' minoranzi oħra fl-Iraq;

F.  billi f’nofs Ġunju 2014 unitajiet militari tal-Gvern Reġjonali Kurd ħadu f’idejhom il-kontroll tal-belt multietnika ta’ Kirkuk, u b’hekk integraw fil-provinċja Kurda lil dan it-territorju li għandu ħafna żejt, li kien il-kawża ta’ deċenju ta’ tilwim, u billi l-Gvern Kurd ħabbar pjanijiet għal referendum fost il-popolazzjoni Kurda biex tinkiseb l-indipendenza mill-Iraq;

G.  billi l-UE rrikonoxxiet il-piż li qed iġorr ir-reġjun tal-Kurdistan u l-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, li qed jospita numru kbir ta' persuni spustati internament;

H.  billi l-elezzjonijiet parlamentari tat-30 ta' April 2014 fl-Iraq taw il-maġġoranza lill-blokk tal-"Istat tad-Dritt" tal-Prim Ministru Nuri al-Maliki; billi l-gvern attwali ma rnexxilux jibni soċjetà aktar inklużiva fl-Iraq; billi qed ikompli jiżdiedu t-talbiet biex al-Maliki ma joħroġx għal prim ministru għat-tielet darba u biex minflok jiġi ffurmat gvern li huwa ġenwinament inklużiv; billi l-mexxej reliġjuż tax-Xiiti, Ayatollah Sistani, talab lill-partijiet Iraqini kollha biex b'mod urġenti jilħqu kunsens dwar gvern ta' dan it-tip, iżda l-parlament ġdid Iraqi s'issa naqas milli jagħmel dan;

I.  billi l-Istati Uniti tal-Amerika, ir-Russja u r-Repubblika Iżlamika tal-Iran ipprovdew appoġġ lill-gvern tal-Iraq; billi l-President tal-Iran Hassan Rouhani indika li lest jikkoopera mal-Istati Uniti fil-ġlieda kontra t-theddida tal-IS fl-Iraq, waqt li gruppi armati Sunni estremisti fir-reġjun, inkluż l-IS, matul is-snin li għaddew irċevew appoġġ ideoloġiku mill-Arabja Sawdija u ċerti pajjiżi tal-Golf;

J.  billi mijiet ta' ġellieda barranin, inklużi ħafna mill-Istati Membri tal-UE, ġew irrappurtati li ssieħbu fil-ġlied man-naħa tal-IS; billi dawn iċ-ċittadini tal-UE huma identifikati bħala riskju għas-sigurtà mill-gvernijiet tal-Istati Membri;

K.  billi skont l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti (OCHA), hemm madwar 1.2 miljun persuna spustata internament fl-Iraq ċentrali u tat-tramuntana u madwar 1.5 miljun persuna għandhom bżonn assistenza umanitarja; billi l-ispinta li ħa l-IS ipproduċiet kriżi umanitarja, notevolment spustament taċ-ċivili fuq skala kbira; billi l-UE ddeċidiet li żżid l-assistenza umanitarja tagħha lill-Iraq b' EUR 5 miljun sabiex tingħata assistenza bażika lill-persuni spustati, b'hekk il-finanzjament umanitarju tal-2014 għall-Iraq s'issa jammonta għal EUR 12-il miljun;

L.  billi l-kostituzzjoni tal-Iraq tiggarantixxi bil-liġi l-ugwaljanza għaċ-ċittadini kollha, flimkien mad-"drittijiet amministrattivi, politiċi, kulturali u edukattivi tad-diversi nazzjonalitajiet"; billi l-Gvern Iraqin għandu r-responsabilità għall-iżgurar tad-drittijiet, il-benessri u s-sigurtà tal-popolazzjoni sħiħa;

M.  billi hemm rapporti li n-nisa u l-bniet fl-Iraq qed jiġu attakkatti deliberatament u hemm rapporti ta' ħtif, stupru u żwieġ sfurzat mill-militanti tal-IS u gruppi armati oħra; billi skont ir-rapport tat-12 ta’ Lulju 2014 tal-organizzazzjoni Human Rights Watch, jidher li l-forzi tas-sigurtá Iraqini u milizzji affiljati tal-gvern qatlu illegalment tal-anqas 255 priġunier matul ix-xahar li għadda, aktarx bħala tpattija għal każijiet ta' qtil min-naħa ta’ ġellieda tal-Istat Iżlamiku;

N.  billi sa 10 000 persuna mill-komunitajiet predominantament Insara ta' Qaraqosh (magħrufa ukoll bħala Al-Hamdaniya), belt storika Assirjana, ħarbu minn djarhom fil-25 ta' Ġunju 2014 wara li ġew sparati balal li jisplodu li waqgħu ħdejn il-belt; billi hu mifhum li mill-2003 mill-inqas nofs l-Insara tal-Iraq ħallew il-pajjiż; billi skont l-Open Doors International, in-numru ta' Insara fl-Iraq naqas b'mod sinifikanti: minn 1.2 miljuni fil-bidu tal-1990 għal bejn 330 000 u 350 000 fil-preżent;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni ta' sigurtà fl-Iraq li qed tiddeterjora b'mod rapidu; jikkundanna bil-qawwi l-attakki mwettqa mill-IS kontra ċ-ċittadini Iraqini u l-istat tal-Iraq, li wasslu għal eżekuzzjonijiet sommarji, l-impożizzjoni ta' interpretazzjoni ħarxa tal-liġi tax-Sharia, il-qerda ta' postijiet ta' qima u tal-wirt storiku, kulturali u artistiku fir-reġjun, u atroċitajiet oħra; iwissi li l-opinjonijiet estremi anti-Xia u anti-Nsara tal-IS qed iżidu r-riskju ta' qtil settarju fuq skala massiva, jekk l-IS jitħalla jżomm it-territorji li ħakem u jkompli jespandi;

2.  Jikkundanna bis-saħħa l-attakki mmirati lejn iċ-ċivili, inklużi l-isptarijiet, l-iskejjel u postijiet ta' talb, u l-użu tal-eżekuzzjonijiet u l-vjolenza sesswali fil-kunflitt; jenfasizza l-fatt li m'għandu jkun hemm l-ebda impunità għan-nies li jagħmlu dawn l-atti; jinsab imħasseb sew dwar il-kriżi umanitarja u l-ispustament ta' ċivili fuq skala kbira;

3.  Jappoġġja l-awtoritajiet Iraqini fil-ġlieda kontra t-terroriżmu tal-IS u gruppi armati/terroristiċi oħra, iżda jenfasizza li r-rispons ta' sigurtà jeħtieġ li jimxi id f'id ma' soluzzjoni politika sostenibbli li tinvolvi l-komponenti kollha tas-soċjetà Iraqina u li tindirizza l-ilmenti leġittimi tagħhom; ikompli jenfasizza li fil-ġlieda kontra t-terroriżmu għandhom jiġu rrispettatti d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; iħeġġeġ lill-Forzi tas-Sigurtà tal-Iraq biex jaġixxu b'mod konformi mad-dritt internazzjonali u nazzjonali u b'rispett lejn l-impenji tal-Iraq favur il-ftehimiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; jistieden lill-Gvern Iraqin u lill-mexxejja politiċi kollha biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprovdu sigurtà u protezzjoni liċ-ċittadini Iraqini kollha, b'mod partikolari lil membri ta' gruppi u komunitajiet reliġjużi vulnerabbli;

4.  Jirrifjuta mingħajr riżervi, u jqis bħala illeġitima, id-dikjarazzjoni mill-mexxejja tal-IS li waqqfu kalifat fiż-żoni kkontrollati minnu, u jirrifjuta l-kunċett ta' kwalunkwe bdil unilaterali permezz tal-forza fil-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment, filwaqt li għandhom jiġu rrispettati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tan-nies fit-territorji kkontrollati mill-IS;

5.  Jenfasizza li l-IS hi suġġetta għall-embargo fuq l-armi u l-iffriżar tal-assi imposti permezz tar-riżoluzzjonijiet 1267 (1999) u 1989 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, u jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni fil-pront u effikaċi ta' dawk il-miżuri;

6.  Jemmen li l-elezzjonijiet parlamentari reċenti fl-Iraq fit-30 ta' April 2014 jippreżentaw opportunità biex jinħoloq gvern verament rappreżentattiv b'aġenda inklużiva; jilqa' l-ħatra tal-ispeaker il-ġdid tal-Parlament tal-Iraq fil-15 ta' Lulju 2014; iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi kollha, speċjalment il-Prim Ministru Nouri al-Maliki, jiżguraw li jifformaw gvern inklużiv bħala kwistjoni ta’ urġenza; jenfasizza li l-gvern għandu jirrappreżenta kif xieraq id-diversità politika, reliġjuża u etnika tas-soċjetà tal-Iraq, biex jieqaf it-tixrid tad-demm u l-frammentazzjoni tal-pajjiż;

7.  Jistieden lill-atturi reġjonali kollha biex jikkontribwixxu għall-isforzi tal-promozzjoni tas-sigurtà u l-istabilità fl-Iraq, u b'mod partikolari jħeġġeġ lill-Gvern tal-Iraq biex joqrob lejn il-minoranza Sunni u jirriorganizza l-armata b'mod inklużiv, mhux settarju u mhux partiġjan;

8.  Jistieden lill-atturi reġjonali kollha biex jagħmlu kulma jistgħu biex iwaqqfu l-attivitajiet kollha ta' korpi uffiċjali u privati li jippropagaw u jxerrdu ideoloġi Iżlamiċi estremi bil-kliem u bl-atti; jistieden lill-komunità internazzjonali, speċjalment l-UE, biex tiffaċilita djalogu reġjonali dwar il-problemi li qed iħabbat wiċċu magħhom il-Lvant Nofsani u tinkludu l-partijiet sinifikanti kollha, b'mod partikolari l-Iran u l-Arabja Sawdija;

9.  Jenfasizza li l-UE għandha tiżviluppa strateġija politika komprensiva għar-reġjun u li primarjament, l-Iran, l-Arabja Sawdija kif ukoll l-Istati l-oħra tal-Golf, jeħtieġ jiġu inklużi bħala atturi essenzjali fi kwalunkwe sforz li jwassal għat-tnaqqis tat-tensjoni fis-Sirja u l-Iraq;

10.  Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali f'dan iż-żmien ta' kriżi, b'mod partikolari l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-istampa u l-libertajiet diġitali;

11.  Jinnota t-tħabbir min-naħa tal-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan ta’ referendum dwar l-indipendenza; madankollu jappella lill-parlament u lill-President tar-Reġjun tal-Kurdistan, Massoud Barzani, biex jorganizzaw proċess inklużiv fir-rispett tad-drittijiet tal-minoranzi mhux Kurdi li jgħixu fil-provinċja;

12.  Ileħħen it-tħassib tiegħu dwar rapporti li mijiet ta' ġellieda barranin, inklużi ċittadini ta' Stati Membri tal-UE, issieħbu fir-rewwixta tal-IS; jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni internazzjonali sabiex tittieħed azzjoni legali xierqa kontra kwaunkwe individwu ssuspettat li jkun involut f'atti ta' terroriżmu;

13.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-UE tad-19 ta' Ġunju 2014 li żżid l-assistenza umanitarja tagħha lill-Iraq b' EUR 5 miljun sabiex tingħata assistenza bażika lill-persuni spustati. B'hekk il-finanzjament umanitarju tal-2014 għall-Iraq s'issa jammonta għal EUR 12-il miljun;

14.  Itenni l-impenn tal-UE li ssaħħaħ ir-relazzjoni tagħha mal-Iraq, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq; jistieden lill-Kunsill ikompli jgħin lill-Iraq jippromwovi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, governanza tajba u l-istat tad-dritt, fost l-oħrajn billi jibni fuq l-esperjenzi u l-kisbiet tal-missjoni EUJUST LEX-Iraq; jappoġġja wkoll l-isforzi tal-UNAMI u dawk tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU biex jassistu lill-Gvern tal-Iraq fit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi tiegħu, il-promozzjoni tal-istat tad-dritt, il-faċilitazzjoni tad-djalogu reġjonali, titjib fil-provvediment ta' servizzi bażiċi u l-iżgurar tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) Testi Adottati, P7_TA(2014)0171.
(2) Testi Adottati, P7_TA(2013)0023.
(3) Testi Adottati, P7_TA(2014)0207.
(4) ĠU C 247 E, 17.8.2012, p. 1.
(5) Testi Adottati, P7_TA(2014)0339.


L-eskalazzjoni tal-vjolenza bejn l-Iżrael u l-Palestina
PDF 202kWORD 43k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Lulju 2014 dwar l-eskalazzjoni tal-vjolenza bejn l-Iżrael u l-Palestina (2014/2723(RSP))
P8_TA(2014)0012RC-B8-0071/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123 (2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kunflitt attwali qiegħed jikkaġuna mwiet traġiċi u tbatija inaċċettabbli għall-popolazzjonijiet ċivili taż-żewġ partijiet involuti;

B.  billi, fl-istqarrija tiegħu tat-12 ta' Lulju 2014, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU esprima tħassib serju rigward il-kriżi marbuta ma' Gaża, talab għal tnaqqis fl-eskalazzjoni tas-sitwazzjoni, għar-ritorn tal-kalma u għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-waqfien mill-ġlied ta' Novembru 2012, u għar-rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali, inkluża l-protezzjoni taċ-ċivili, u esprima l-appoġġ tiegħu għat-tkomplija ta' negozjati diretti bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani bl-għan li jintlaħaq ftehim ta' paċi komprensiv abbażi tas-soluzzjoni ta' żewġ stati;

C.  billi l-Eġittu ppropona pjan għall-waqfien mill-ġlied fl-14 ta' Lulju 2014, li sal-lum ġie aċċettat biss mill-Iżrael;

D.  billi Ħamas huwa deżinjat bħala organizzazzjoni terroristika mill-UE;

E.  billi l-President Palestinjan Mahmoud Abbas talab lin-Nazzjonijiet Uniti biex iqiegħdu lill-Palestina taħt "protezzjoni internazzjonali" minħabba s-sitwazzjoni li sejra għall-agħar f'Gaża;

F.  billi d-dritt internazzjonali u umanitarju, inkluża r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra, japplika bis-sħiħ għall-partijiet kollha involuti fil-kunflitt;

G.  billi t-taħditiet ta' paċi diretti bejn il-partijiet weħlu u l-isforzi reċenti kollha biex jitkomplew in-negozjati fallew; billi l-UE talbet lill-partijiet biex jaħdmu fuq azzjonijiet li jwasslu għal ambjent ta' fiduċja li hu meħtieġ biex ikun hemm negozjati sinifikanti, biex jieqfu l-azzjonijiet li jdgħajfu l-kredibbiltà tal-proċess u biex jiġi evitat l-inċitament;

1.  Jappella għat-tmiem tal-attakki bir-rokits fuq l-Iżrael mill-Istrixxa ta' Gaża, li Ħamas u l-gruppi armati l-oħra għandhom iwaqqfu minnufih, kif ukoll għat-tmiem tal-azzjoni militari Iżraeljana kontra Gaża;

2.  Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu dwar is-sitwazzjoni kritika fl-Istrixxa ta' Gaża u fl-Iżrael; jibki t-telf ta' ħajjiet ta' ċivili, fosthom ħafna nisa u tfal; jiddenunzja l-qtil tat-tliet żgħażagħ Iżraeljani fit-12 ta' Ġunju u taż-żagħżugħ Palestinjan fit-2 ta' Lulju 2014, li ġie kkundannat b'mod universali; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi innoċenti kollha;

3.  Jisħaq li kemm iċ-ċittadini Iżraeljani kif ukoll dawk Palestinjani għandhom id-dritt jgħixu fil-paċi u fis-sigurtà; jisħaq fuq il-bżonn li ż-żewġ naħat jirrispettaw għalkollox id-dritt umanitarju internazzjonali, u li ma jista' jkun hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal attakki mmirati deliberatament fuq ċivili innoċenti, fatt li jikkostitwixxi delitt tal-gwerra skont id-dritt internazzjonali, u għall-qerda ta' infrastruttura ċivili;

4.  Jappella għal tnaqqis minnufih fl-eskalazzjoni tal-kunflitt permezz ta' ftehim ta' waqfien mill-ġlied bejn iż-żewġ naħat u l-waqfien immedjat tal-atti ta' vjolenza kollha li jheddu l-ħajja taċ-ċittadini; jilqa' l-isforzi kollha biex tiġi nnegozjata tregwa permanenti bejn il-partijiet, u jistieden lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri biex iżidu l-pressjoni diplomatika sabiex dawn l-azzjonijiet jiġu appoġġati;

5.  Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, sabiex mingħajr dewmien, tirreaġixxi b'mod adegwat u ssib soluzzjoni għall-kriżi attwali; iħeġeġġ lill-atturi reġjonali ewlenin, partikolarment lill-Eġittu u lill-Ġordan, biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jikkalmaw is-sitwazzjoni; jilqa' d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Eġizzjani biex jiftħu l-qsim ta' Rafah biex jiffaċilitaw l-aċċess umanitarju lejn Gaża u jippermettu t-tranżitu ta' ċivili Palestinjani;

6.  Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati, bi Stat tal-Iżrael sikur u bi Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli li jgħixu flimkien fil-paċi u fis-sigurtà, li jkun jimplika t-tneħħija tal-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża; jisħaq, għal darb'oħra, fuq il-fatt li l-miżuri mhux vjolenti huma l-uniku mezz biex tinkiseb paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani;

7.  Jitlob, f'dan l-ispirtu, għal sforzi serji u kredibbli miż-żewġ naħat u mill-komunità internazzjonali biex jitkomplew it-taħditiet ta' paċi diretti bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, biex jinkisbu riżultati konkreti f'dawn it-taħditiet; jerġa' jħeġġeġ lill-UE tiżvolġi rwol aktar attiv fl-isforzi li l-għan tagħhom huwa li tinkiseb paċi ġusta u dejjiema;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Parlament u lill-Gvern tal-Eġittu u lill-Parlament u lill-Gvern tal-Ġordan.


Delitt ta' aggressjoni
PDF 215kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Lulju 2014 dwar id-delitt tal-aggressjoni (2014/2724(RSP))
P8_TA(2014)0013RC-B8-0066/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), u b’mod partikolari l-Artikolu 5 marbut mad-delitt tal-aggressjoni bħala wieħed mid-delitti essenzjali li jidħol fil-ġurisdizzjoni tal-QKI,

–  wara li kkunsidra l-Emendi ta’ Kampala għall-Istatut ta' Ruma, li kienu adottat fil-Konferenza ta' Reviżjoni li saret Kampala, l-Uganda, fl-2010, b'riferiment partikolari għar-Riżoluzzjoni RC/Res. 6, dwar id-delitt tal-aggressjoni,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/CFSP u r-riferiment li din tagħmel għall-Emendi ta’ Kampala,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni revist adottat nhar it-12 ta’ Lulju 2011 b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/CFSP,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar il-Konferenza ta’ Analiżi dwar l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, f’Kampala, l-Uganda(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Novembru 2011 dwar appoġġ tal-UE għall-QKI: niffaċċjaw l-isfidi u negħlbu d-diffikultajiet(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni, inklużi l-implikazzjonijiet għall-politika strateġika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  Wara li kkunsidra d-Disa’ Rapport tal-Qorti Kriminali Internazzjonali lin-Nazzjonijiet Uniti għall-2012/13,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-25 sessjoni tal-Kunsill tal-Jeddijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti f’April 2014,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Parlament Latino-Amerikan tad-19 u l-20 ta’ Ottubru 2013 dwar il-‘Promozzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u r-Ratifika tal-Emendi ta’ Kampala’ (AO/2013/07XXIX),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea tal-Istati Parti għall-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali tas-27 ta’ Novembru 2013 dwar it-‘Tisħiħ tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Assembela tal-Istati Parti’, li tinkludi stedina lil Stati Parti futuri ħalli jirratifikaw l-Istatut kif emendat, stedina lill-Istati Parti kollha ħalli jikkunsidraw ir-ratifika tal-emenda u jirrikonoxxu r-ratifiki riċenti tal-emendi minn għadd ta' Stati Parti (ICC-ASP/12/Res.8),

–  wara li kkunsidra r-Ratifika u l-Implementazzjoni tal-Emendi ta’ Kampala għall-Istatut ta' Ruma tal-manwal tal-QKI prodott mill-Missjoni Permanenti tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein għan-Nazzjonijiet Uniti, l-Istitut Globali għall-Prevenzjoni tal-Aggressjoni, u l-Liechtenstein Institute on Self-Determination tal-Università ta’ Princeton,

–  wara li kkunsidra l-Jum Internazzjonali tal-Ġustizzja (JIĠ), imfakkar nhar is-17 ta’ Lulju, li jiċċelebra l-progress lejn responsabilità politika akbar għad-delitti kontra l-umanità, id-delitti tal-gwerra u l-ġenoċidju,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Istati Membri tal-UE ilhom alleati sodi tal-QKI sa mill-bidu tagħha, billi tawha sostenn finanzjarju, politiku, diplomatiku u loġistiku, filwaqt li ppromwovew l-universalità tal-Istatut ta’ Ruma u ddefendewlu l-integrità, bl-iskop li jsaħħu l-indipendenza tal-Qorti;

B.  billi nhar is-17 ta’ Novembru 2011(3), il-Parlament laqa’ l-adozzjoni tal-Emendi ta’ Kampala għall-Istatut ta’ Ruma, inkluż dwar id-delitt tal-aggressjoni, u stieden lill-Istati Membri kollha jirratifikawhom u jinkorporawhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom;

C.  billi nhar it-18 ta’ April 2012, il-Parlament sussegwentement adotta riżoluzzjoni(4) u stieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jinqdew bl-awtorità internazzjonali tagħhom fl-interessi tal-iżgurar u t-tisħiħ tal-universalità tal-Istatut ta' Ruma għal definizzjoni internazzjonalment maqbula tal-atti ta' aggressjoni li jkunu jiksru d-dritt internazzjonali;

D.  billi r-ratifika tal-Emendi ta’ Kampala għall-Istatut ta’ Ruma dwar id-delitt tal-aggressjoni minn mill-anqas 30 Stat Parti u d-deċiżjoni li se tittieħed wara l-1 ta’ Jannar 2017 minn maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Istati Parti se jippermettu t-twaqqif ta’ sistema permanenti ta’ responsabilità politika kriminali internazzjonali bl-ippenalizzar tad-delitt tal-aggressjoni;

E.  billi 122 pajjiż huma Stati Parti għall-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

F.  billi, s’issa, 14-il Stat Parti rratifikaw l-Emenda ta’ Kampala dwar id-delitt tal-aggressjoni, inklużi tmien Stati Membri tal-UE, jiġifieri l-Belġju, il-Kroazja, Ċipru, l-Estonja, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, l-Islovakkja u l-Islovenja; billi mill-anqas 35 Stat Parti bħalissa qed jaħdmu attivament fuq ir-ratifika tal-emendi għad-delit ta' aggressjoni, u oħrajn impenjaw ruħhom li jirratifikaw;

G.  billi nhar it-8 ta’ Mejju 2012, Liechtenstein kien l-ewwel pajjiż li rratifika l-emendi għad-delitt ta' aggressjoni flimkien mal-emendi għall-Artikolu 8 (delitti tal-gwerra) adottat fil-Konferenza ta' Analiżi tal-2010 tal-Istatut ta' Ruma tal-QKI, li saret Kampala, l-Uganda;

H.  billi l-Istati mhux parti għall-Istatut ta' Ruma jistgħu jirratifikaw l-Istatut ta' Ruma, inklużi l-emendi ta' Kampala, u b'hekk jagħti kontribut għall-attivazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-QKI fuq id-delitt tal-aggressjoni;

I.  billi l-Emendi ta’ Kampala huma għalkollox kompatibbli mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti billi jikkriminalizzaw biss l-aktar forom gravi tal-użu illegali tal-forza, jiġifieri dawk li manifestament jiksru l-Karta tan-NU invirtù tan-‘natura, il-gravità u l-iskala’ tagħhom;

J.  billi l-ġurisdizzjoni tal-QKI fuq id-delitt tal-aggressjoni se tikkontribwixxi għas-saltna tad-dritt f'livell internazzjonali u għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali billi taġixxi ta' deterrent għall-użu illegali tal-forza u b'hekk proattivament tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta' tali delitti u l-konsolidament tal-paċi dejjiema;

K.  billi r-ratifika taż-żewġ Emendi ta’ Kampala min-naħa tal-Istati u l-attivazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali fuq ir-reat tal-aggressjoni se jkomplu jikkontribwixxu biex tintemm l-impunità għal min jikkommetti dan ir-reat;

L.  billi r-ratifika tal-Emendi ta’ Kampala u l-attivazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-QKI fuq id-delitt tal-aggressjoni se jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-jeddijiet tal-bniedem billi jikkriminalizzaw l-atti ta’ aggressjoni li ta’ sikwit ikunu fil-bidu tal-katina kawżali ta' vjolazzjoni kbar tal-jeddijiet tal-bniedem u ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali tal-jeddijiet tal-bniedem;

M.  billi l-kriminalizzazzjoni tal-atti ta’ aggressjoni se tħares ukoll il-jedd għall-ħajja tal-kombattenti li jintbagħtu illegalment għall-gwerra u ta’ dawk tal-istat li jisfa attakkat, u b’hekk tingħalaq lakuna fl-Istatut ta’ Ruma u fid-dritt umanitjarju internazzjonali, li kif inhuma bħalissa jħarsu biss iċ-ċittadini u kategoriji oħrajn ta’ ‘persuni protetti’;

N.  billi l-attivazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-QKI fuq id-delitt tal-aggressjoni se tikkontribwixxi għall-universalità tal-Istatut ta' Ruma, billi bosta stati jista' jkun interessat jirratifika l-Istatut ta' Ruma kkompletat, inklużi l-Emendi ta' Kampala, li wkoll se jservu l-objettiv tal-politika nazzjonali tagħhom li jiswew ta' deterrent għall-użu illegali tal-forza kontra tagħhom;

1.  Itenni s-sostenn sħiħ tiegħu għal ħidmet il-Qorti Kriminali Internazzjonali fl-għajnuna għalbiex tintemm l-impunità għal dawk rei tal-aktar delitt gravi li jippreokkupaw lill-komunità internazzjonali;

2.  Jistieden lill-UE tadotta pożizzjoni komuni dwar id-delitti tal-aggressjoni u dwar l-Emendi ta’ Kampala;

3.  Jissottolinja l-importanza tal-prinċipju tal-universalità tal-Istatut ta’ Ruma u jħeġġeġ lill-UE tkun fuq quddiem nett fil-promozzjoni tad-dħul fis-seħħ tal-Emenda ta’ Kampala dwar id-delitt tal-aggressjoni, fis-sostenn tal-isforzi li għaddejjin għall-ksib ta’ dan l-objettiv, u biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri tagħha jkunu minn tal-ewwel li jirratifikaw l-emenda u mbagħad isostnu pożittivament id-deċiżjoni ta’ darba tal-Assemblea tal-Istati Parti għall-Istatu ta’ Ruma, ladarba jintlaħqu t-30 ratifika, li jattivaw il-ġurisdizzjoni tal-QKI għad-delitt tal-aggressjoni;

4.  Jissottolinja l-ħtieġa li jippromwovi attivament is-sostenn għall-QKI, għar-ratifika tal-Istatut ta' Ruma kif emendat u għar-ratifika taż-żewġ emendi ta' Kampala fl-azzjonijiet esterni kollha tal-Unjoni, inkluż permezz tar-Rappreżentant Speċjali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (RSUE) u d-Delegazzjonijiet tal-UE fil-lok, inkluża l-assistenza teknika għall-Istati li qed ifittxu r-ratifika u/jew l-implementazzjoni; jistieden, f’dan is-sens, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirrevedu l-impenn u s-sostenn tagħhom għall-QKI, inklużi dawk finanzjarji;

5.  Jistieden lill-UE timpenja ruħha fit-taqbida kontra l-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità, id-delitti tal-gwerra u d-delitt tal-aggressjoni, kif ukoll taħdem fit-taqbida ħalli l-impunità għall-vjolazzjonijiet serji tal-jeddijiet tal-bniedem issir prijorità għall-UE, u għall-Istati Membri, fl-azzjonijiet esterni tagħhom; jinkoraġġixxi lir-RGħ/VP ittejjeb l-isforzi fil-promozzjoni tal-implementazzjoni tal-istandards inġenerali tad-dritt umanitarju internazzjonali u tal-ottemperanza mal-istess, u b’mod partikolari mill-gruppi armati non-statali;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jallinjaw malajr il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom mad-definizzjonijiet tal-Emendi ta' Kampala, kif ukoll mal-obbligi l-oħrajn skont l-Istatut ta' Ruma, ħalli jippermettu lill-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet nazzjonali tad-delitti mill-Istati Membri tal-UE u ħalli jikkoperaw mal-Qorti;

7.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-President tal-Qorti Kriminali Internazzjonali.

(1) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 78.
(2) ĠU C 153 E, 13.5.2013, p. 115.
(3) Testi Adottati, P7_TA(2011)0507.
(4) Testi Adottati, P7_TA(2012)0126.

Avviż legali - Politika tal-privatezza