Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni f’konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (talba EGF/2014/004 ES/Comunidad Valenciana - metal minn Spanja) (COM(2014)0515 – C8-0125/2014 – 2014/2064(BUD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0515 – C8‑0125/2014),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1), (ir-Regolament dwar il-FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0013/2014),
A. billi l-Unjoni waqqfet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji, u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw irwieħhom fis-suq tax-xogħol,
B. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, f'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG),
C. billi Spanja ressqet l-applikazzjoni EGF/2014/004 ES/Comunidad Valenciana metal għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b’segwitu għas-633 sensja f’142 intrapriża li joperaw fil-manifattura ta’ prodotti tal-metall iffabbrikat, fi Spanja b’300 ħaddiema fil-mira tal-miżuri kofinanzjati mill-FEG matul il-perjodu referenzjarju mill-1 ta’ April 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2013,
D. billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG ġew sodisfatti u li, għaldaqstant Spanja hi intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dak ir-Regolament;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Spanjoli ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja tal-FEG fil-25 ta' Marzu 2014, u li l-valutazzjoni saret disponibbli mill-Kummissjoni fit-12 ta’ Awwissu 2014; jilqa’ l-valutazzjoni rapida ta’ inqas minn ħames xhur;
3. Jilqa’ pożittivament il-fatt li l-applikazzjoni tikkunsidra l-esperjenza b'applikazzjonijiet preċedenti mill-istess reġjun; jissuġġerixxi li l-esperjenzi u l-aħjar prattiki possibbli tar-reġjuni li qed iressqu bosta applikazzjonijiet għandhom jiġu disseminati matul il-laqgħat regolari tal-persuni ta' kuntatt u l-esperti tal-FEG;
4. Iqis li s-sensji f’142 intrapriża li joperaw fil-manifattura ta’ prodotti tal-metall iffabbrikat fi Spanja huma marbutin mal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali; jinnota li Spanja hi fost l-Istati Membri l-aktar affettwati serjament mill-kriżi, li wasslet għal domanda aktar baxxa għall-metall u l-prodotti tal-metall u l-produzzjoni tagħhom; jinnota li fi Spanja l-produzzjoni tal-prodotti tal-metall naqset bi 23,3 % fl-2009 meta mqabbla mas-sena ta’ qabel u b’36,6 % bejn l-2008 u l-2013; jinnota li l-fatturat tas-settur naqas bi 38,5 % fil-perjodu bejn l-2008 u l-2012 u t-telf ta' impjiegi jirrappreżenta 43 % tal-impjiegi totali fis-settur tal-metall;
5. Jinnota li s-settur tal-prodotti tal-metall iffabbrikat huwa fornitur ewlieni ta’ riżorsi għal firxa wiesgħa ta' industriji tal-manifattura, b'mod partikolari s-setturi tal-bini ta' bastimenti, dak tal-kostruzzjoni u dak awtomobilistiku, li lkoll intlaqtu b'mod sinifikanti mill-kriżi ekonomika fl-Unjoni kollha;
6. Jinnota li dan il-każ tipikament jirrifletti l-ambjent soċjali u ekonomiku ta' reġjun b'ekonomija lokali kkaratterizzata minn perċentwal għoli ta' SMEs u jfakkar id-diffikultajiet attwali li qed jaffaċċjaw l-SMEs sabiex jivvalitaw il-finanzjament;
7. Jisħaq li s-633 sensja se jkomplu jiggravaw aktar is-sitwazzjoni ta' qgħad fil-Comunidad Valenciana li hi partikolarment fraġli, ġaladarba s-settur tal-metall jirrappreżenta 25,4 % tal-impjiegi fis-settur industrijali tar-reġjun; jinnota li, fl-2008, kien hemm 35 868 impjieg fis-settur tal-metall f’Comunidad Valenciana, filwaqt li, fl-2012, in-numru ta’ impjiegi kien naqas għal 20 873 li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 43 %, jiġifieri tmien punti perċentwali ogħla minn dak fil-livell nazzjonali;
8. Jinnota b'dispjaċir li inqas minn 50 % tal-ħaddiema eliġibbli huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri biss; iqis li din l-istima hija bbażata fuq l-esperjenzi tal-awtorità implimentattiva bl-applikazzjonijiet preċedenti għall-intervent mill-FEG fir-reġjuni; madankollu jqis li f’reġjuni b’rati għoljin ta' qgħad in-numru ta' parteċipanti f'taħriġ u taħriġ mill-ġdid hemm bżonn li jkun ikbar;
9. Jenfasizza li impjiegi fir-reġjun ġew affettwati serjament mill-impatt tal-kriżi fuq is-setturi tradizzjonali bħal dawk taċ-ċeramika, tax-xedd tas-saqajn u tal-kostruzzjoni, kif ukoll dak tat-tessuti, li huma importanti ħafna għall-ekonomija tar-reġjun;
10. Jilqa’ l-fatt li ħafna mill-ħaddiema li ngħataw is-sensja huma mistennija jipparteċipaw bi ħġarhom f’taħriġ vokazzjonali u titjib tal-kompetenzi; japprezza l-fatt li t-tali titjib tal-kompetenzi huwa mfassal biex jibni fuq il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba fl-industrija tal-metall u b'tagħlim ulterjuri ta’ tekniki speċifiċi li permezz tagħhom il-ħaddiema jkunu jistgħu jissodisfaw il-bżonnijiet futuri tal-industrija tal-metall;
11. Jilqa’ l-fatt li, sabiex il-ħaddiema tingħatalhom għajnuna rapida, l-awtoritajiet Spanjoli ddeċidew li jagħtu bidu għall-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati fl-20 ta’ Ġunju 2014, qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ tal-FEG għall-pakkett ikkoordinat propost;
12. Jilqa’ l-fatt li s-servizzi personalizzati għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja se jkunu kofinanzjati mill-Generalitat Valenciana (il-gvern awtonomu tal-Comunidad Valenciana) u b’mod partikolari mis-SERVEF (l-uffiċċji pubbliċi tax-xogħol tal-gvern awtonomu) bi 30 % tal-baġit totali u mill-assoċjazzjoni tal-impjegaturi Federación Empresarial Metalúrgica Valenciana-FEMEVAL u t-trade unions UGT-PV u CCOO-PV b’10 % tal-baġit totali;
13. Jinnota li l-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati li għandu jiġi kkofinanzjat jinkludi miżuri għal ħaddiema li ngħataw is-sensja bħalma huma l-gwida okkupazzjonali, kollokament f’impjieg, it-taħriġ (taħriġ vokazzjonali u titjib tal-kompetenzi, taħriġ f’ħiliet trasversali, taħriġ fuq il-post tax-xogħol), il-promozzjoni tal-intraprenditorija, l-inċentiv għat-twaqqif ta’ negozju, l-allowance għat-tiftix ta’ xogħol, il-kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-inċentiv għall-impjieg;
14. Jieħu nota tal-ammont ta' EUR 3 000 li għandu jingħata lil numru mistenni ta' 20 benefiċjarju, biex jinċentiva r-ritorn tagħhom fis-suq tax-xogħol permezz tat-twaqqif tan-negozju tagħhom; iqis li l-istima tan-numru ta' ħaddiema li se jibbenefikaw minn dan l-inċentiv hija bbażata wkoll fuq esperjenzi bil-każijiet preċedenti tal-FEG fir-reġjun;
15. Jilqa’ l-fatt li l-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati tfassal b’konsultazzjoni kemm mal-assoċjazzjoni ta’ impjegaturi FEMEVAL, kif ukoll mat-trade unions UGT-PV u CCOO-PV, u li ħa jiġu applikati l-politika ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni tul l-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-FEG u fl-aċċess għalih;
16. Ifakkar fl-importanza li tittejjeb il-kapaċità tal-ħaddiema kollha li jfittxu impjieg permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali ta' ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett ikkoordinat jiġi adattat mhux biss għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali nnifsu;
17. Jinnota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq li l-awtoritajiet Spanjoli jikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċievux għajnuna minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva dwar dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex ikun żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma tkun tista' sseħħ l-ebda duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;
18. Jinnota li l-istima tal-ispejjeż tas-sessjonijiet ta' merħba u ta' informazzjoni, bħala miżura tal-bidu fil-lista ta' azzjonijiet proposti, żdiedet b'50 % meta mqabbla ma' applikazzjoni mill-istess reġjun fis-sena ta' qabel;
19. Jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fil-konċessjoni tal-għotjiet; josserva li l-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja fi żmien 12-il ġimgħa minn meta waslet l-applikazzjoni kompluta;
20. Jisħaq dwar il-fatt li, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament dwar il-FEG, għandu jiġi żgurat li l-assistenza mill-FEG tkun limitata għal dak li huwa neċessarju biex jingħataw solidarjetà u appoġġ temporanju ta' darba, għall-benefiċjarji destinatarji, u barra minn hekk ma tibqax tieħu post azzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi;
21. Jilqa' l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG li jirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta ma' kriżi, tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u l-approvazzjoni, jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ, u biex jiġu finanzjati inċentivi għat-twaqqif ta' negozji proprji;
22. Ifakkar li, f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG, id-disinn tal-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati għandu jantiċipa l-perspettivi u l-kapaċitajiet meħtieġa fil-ġejjieni tas-suq tax-xogħol u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;
23. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni f’konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (talba EGF/2014/004 ES/Comunidad Valenciana - metal minn Spanja)
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2014/816/UE.)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (talba EGF/2013/012 BE/Ford Genk mill-Belġju) (COM(2014)0532 – C8-0126/2014 – 2014/2065(BUD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0532 – C8-0126/2014),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(1) (ir-Regolament FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0015/2014),
A. billi l-Unjoni waqqfet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji, u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw irwieħhom fis-suq tax-xogħol;
B. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, f'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);
C. billi l-Belġju ppreżenta l-applikazzjoni EGF/2013/012 BE/Ford Genk għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għal 512-il sensja, b'479 persuna mistennija jieħdu sehem fil-miżuri, fl-impjant ta' assemblaġġ ta' Ford-Werke GmbH(4) li jinsab f'Genk ('Ford Genk') u f'10 fornituri ta' Ford Genk fil-Belġju matul il-perjodu referenzjarju mill-1 ta' Lulju 2013 sal-1 ta' Novembru 2013;
D. billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti fir-Regolament FEG;
1. Jinnota li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament FEG qed jiġu parzjalment sodisfatti fir-rigward tan-numru minimu ta' sensji matul il-perjodu referenzjarju peress li hemm anqas minn 500 sensja; jikkunsidra li applikazzjoni għal kontribuzzjoni mill-FEG tista' titqies ammissibbli meta s-sensji jkollhom impatt serju fuq l-impjiegi u l-ekonomija lokali; jieħu inkunsiderazzjoni żewġ mewġiet oħra ta' sensji li hu mistenni li se jseħħu fl-2014 (madwar 4 340 sensja f'Ford Genk u 2 820 sensja fil-fornituri tiegħu li jinsabu fl-istess żona ġeografika); jikkunsidra li dawn se jkollhom impatt serju fuq ir-reġjun Fjamming kollu kemm hu b'telf stmat ta' aktar minn 11 000 impjieg; ifakkar li implimentazzjoni malajr kemm jista' jkun tal-miżuri speċifiċi favur l-ewwel grupp ta' ħaddiema mogħtija s-sensja żżidilhom il-possibilitajiet li jsibu impjieg ġdid u li l-ħaddiema kollha mogħtija s-sensja jingħataw l-istess opportunità; jaqbel għalhekk mal-Kummissjoni li l-Belġju hu intitolat għal kontribuzzjoni finanzjarja skont ir-Regolament FEG;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani ppreżentaw it-talba għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fit-23 ta' Diċembru 2013, li ġiet issuplementatha b'informazzjoni addizzjonali sat-12 ta' Ġunju 2014, u li l-valutazzjoni tagħha tqiegħdet għad-dispożizzjoni mill-Kummissjoni fit-22 ta' Awwissu 2014; jilqa' l-fatt li l-valutazzjoni saret fil-pront fi żmien anqas minn 8 xhur; jissottolinja l-importanza li jiġi introdott perjodu ta' valutazzjoni ta' mhux aktar minn 20 ġimgħa fir-Regolament FEG il-ġdid (Regolament (UE) Nru 1309/2013)(5) ;
3. Jikkunsidra li s-sensji fl-impjant ta' assemblaġġ ta' Ford-Werke GmbH u f'10 fornituri ta' Ford Genk huma marbuta ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji dovuti għall-globalizzazzjoni u tnaqqis rapidu tas-sehem fis-suq tal-UE fis-settur tal-produzzjoni tal-karozzi għall-passiġġiera f'livell dinji u tnaqqis konsistenti fil-bejgħ ta' karozzi ġodda fl-Unjoni;
4. Jinnota li Ford Genk kien l-akbar impjegatur fil-provinċja ta' Limburg u li l-512-il sensja kkonċernati u ż-żewġ mewġiet oħra ta' sensji mistennija minħabba l-għeluq tal-Ford f'Genk se jkollhom impatt serju fuq is-suq tax-xogħol lokali li hu kkaratterizzat minn livell għoli ta' qgħad, livelli aktar baxxi ta' kwalifiki u ta' ħiliet u provvista anqas żviluppata ta' servizzi edukattivi; jinnota li skont studju li rreferew għalih l-awtoritajiet Belġjani(6), għal kull 100 impjieg li hu mistenni li se jintilfu f'Ford Genk, kieku jintilfu 65 impjieg fil-fornituri diretti u indiretti tiegħu f'Limburg u 72 impjieg addizzjonali fil-fornituri tiegħu li jinsabu xi mkien ieħor fir-Reġjun Fjamming;
5. Jinnota li l-industrija awtomobilistika kienet is-suġġett ta' 17-il deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG minn mindu beda fl-2007(7); b'mod partikolari, it-tiċkin tas-sehem fis-suq tal-UE fil-produzzjoni ta' karozzi għall-passiġġiera ssemma' fi tmien deċiżjonijiet preċedenti dwar il-FEG(8); jappella għal valutazzjoni tal-effetti tal-interventi mill-FEG speċifikament marbuta mas-sensji fis-settur awtomobilistiku abbażi ta' dawn l-applikazzjonijiet u dawk mistennija sal-aħħar tas-sena;
6. Jilqa' pożittivament il-fatt li, sabiex jipprovdu lill-ħaddiema b'assistenza rapida, l-awtoritajiet Belġjani ddeċidew li jniedu l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta nhar l-1 ta' Lulju 2013, ferm qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti ta' appoġġ mill-FEG għall-pakkett ikkoordinat propost;
7. Jinnota li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li se jiġu kofinanzjati jinkludi l-miżuri li ġejjin għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-479 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'impjieg (miġbura skont il-kategorija): (1) għajnuna għat-tiftix ta' impjieg (maniġer tal-kont prinċipali, konsulent għall-intervent soċjali, informazzjoni dwar l-opzjonijiet ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, gwida attiva orjentata lejn l-impjiegi), u (2) taħriġ u taħriġ mill-ġdid (kors ta' taħriġ vokazzjonali, impjieg permezz ta' taħriġ vokazzjonali individwali, taħriġ fl-applikazzjonijiet);
8. Jilqa' pożittivament il-fatt li sabiex jindirizza din il-kwistjoni, il-Gvern Fjamming stabbilixxa taskforce speċifika li tiġbor flimkien lill-partijiet interessati rilevanti kollha, bis-servizzi tal-Kummissjoni assoċjati fil-ħidma tagħha;
9. Jilqa' pożittivament il-fatt li s-sħab soċjali rappreżentati fil-Kunsill Soċjoekonomiku tar-Reġjun ta' Limburg (SERR Limburg) mhux talli ġew ikkonsultati, imma talli ħadu sehem ukoll f'Kumitat ta' Monitoraġġ imwaqqaf speċifikament għall-applikazzjoni għall-FEG; jinnota barra minn hekk li l-applikazzjoni għall-FEG ġiet diskussa mas-sħab soċjali bħala parti mir-rapportaġġ regolari dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Strateġiku għal Limburg li twaqqaf biex jindirizza l-impatt reġjonali tal-għeluq tal-Ford Genk;
10. Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksubin tul il-karriera professjonali ta' ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett ikkoordinat ikun adattat mhux biss għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema mogħtija s-sensja imma anke għall-ambjent kummerċjali nnifsu; jinnota fl-istess ħin li l-miżuri ta' taħriġ u taħriġ mill-ġdid għandhom jirrikonoxxu u anke jibnu fuq il-ħiliet u l-kompetenzi speċifiċi li l-ħaddiema milquta jkunu kisbu fl-industrija awtomobilistika u fl-industrija fornitriċi tagħha;
11. Jinnota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li se jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Belġjani jikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dawk id-data fir-rapporti annwali tagħha b'mod li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma tkun tista' sseħħ l-ebda duplikazzjoni ta' servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;
12. Jitlob lill-istituzzjonijiet kollha involuti jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex itejbu l-arranġamenti proċedurali sabiex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEG; japprezza l-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba tal-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, bil-għan li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibilità ta' applikazzjoni għall-FEG tiġi ppreżentata lill-Parlament u lill-Kunsill flimkien mal-proposta għall-mobilizzazzjoni tal-FEG; jissottolinja li titjib ulterjuri fil-proċedura diġà ġie integrat fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013) u li se jinkisbu aktar effiċjenza, trasparenza u viżibilità tal-FEG;
13. Jisħaq fuq il-fatt li, f'konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament FEG, għandu jiġi żgurat li l-FEG jappoġġa l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema individwali mogħtija s-sensja f'impjieg stabbli; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss dawk il-miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg dewwiemi fit-tul; itenni l-fatt li l-assistenza mill-FEG ma tista' tissostitwixxi la l-azzjonijiet li huma r-responsabilità tal-kumpaniji bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi u lanqas il-miżuri għar-ristrutturazzjoni ta' kumpaniji jew setturi;
14. Jilqa' pożittivament l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 li jirrifletti l-qbil li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex jiddaħħal mill-ġdid il-kriterju dwar il-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60 % tal-ispiża totali stmata tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza fit-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għal valutazzjoni u approvazzjoni, biex jiġu estizi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli billi jiġu inklużi dawk li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ u biex jiġu iffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' negozju proprju;
15. Japprova d-deċiżjoni mehmuża ma' din il-riżoluzzjoni;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (talba EGF/2013/012 BE/Ford Genk mill-Belġju)
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2014/813/UE.)
Ford-Werke GmbH, sussidjarja ta' Ford of Europe AG, għandha s-sede rreġistrata tagħha f'Cologne (il-Ġermanja). Hija topera l-impjanti tal-produzzjoni ta' Ford f'Cologne u Saarlouis (il-Ġermanja) u f'Genk (il-Belġju).
Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855).
Peeters, L., Vancauteren, M., ‘Studie van de economische impact van de sluiting van Ford Genk’, Universiteit Hasselt, Novembru 2013, disponibbli hawn http://www.uhasselt.be/documents/kizok/impactstudie.pdf.
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni f'konformità mal-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/002 BE/Carsid mill-Belġju) (COM(2014)0553 – C8-0136/2014 – 2014/2071(BUD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0553 – C8-0136/2014),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0017/2014),
A. billi l-Unjoni stabbilixxiet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw irwieħhom fis-suq tax-xogħol;
B. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);
C. billi l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013(4) tirrifletti l-qbil li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiddaħħal mill-ġdid il-kriterju dwar il-mobilizzazzjoni f' każ ta ' kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60% tal-ispiża totali stmata tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza fit-trattament tal-applikazzjonijiet FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għal valutazzjoni u approvazzjoni, biex jiġu estizi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli billi jiġu inklużi dawk li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ u biex jiġu iffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' negozju proprju,
D. billi l-Belġju ressaq l-applikazzjoni EGF/2013/002 BE/Carsid għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 939 sensja, b'752 persuna mistennija jipparteċipaw fil-miżuri marbuta mal-għeluq tal-impjant tal-produzzjoni ta' Carsid SA ('Carsid')(5) f'Marcinelle qrib Charleroi fil-Belġju matul il-perjodu ta' referenza mit-28 ta' Settembru 2012 sat-28 ta' Jannar 2013,
E. billi l-kontribuzzjoni finanzjarja mitluba mill-FEG tammonta għal EUR 911 934 (50% tal-baġit totali),
F. billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG,
1. Jinnota li l-applikazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(a) tar-Regolament dwar il-FEG; jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati u li, għalhekk, il-Belġju intitolat għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani ppreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fit-2 ta' April 2013, akkumpanjata minn informazzjoni addizzjonali sal-4 ta' Lulju 2014, u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fil-5 ta' Settembru 2014;
3. Jinnota li l-proċedura relattivament twila mid-data tal-ewwel sensji sal-valutazzjoni tal-applikazzjoni ppermettiet il-ġbir ta' informazzjoni preċiża marbuta ma' dan il-każ;
4. Jesprimi tħassib dwar it-tul ta' dan il-perjodu ta' eżami u jfakkar li l-FEG għandu jintervjeni kemm jista' jkun malajr;
5. Jilqa' pożittivament il-fatt li, sabiex jipprovdu lill-ħaddiema b' assistenza rapida, l-awtoritajiet Belġjani ddeċidew li jniedu l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta nhar l-1 ta' Ottubru 2012, ferm qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti ta' appoġġ mill-FEG għall-pakkett ikkoordinat propost;
6. Jilqa' l-fatt li tali dewmien għandu jispiċċa grazzi għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013, anki jekk immaniġġar rapidu tat-talbiet ta' mobilizzazzjoni ma għandux isir għad-dannu tal-effiċjenza;
7. Jikkunsidra li s-sensji fl-impjant tal-produzzjoni ta' Carsid SA (‘Carsid’) huma marbuta ma' bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u t-tnaqqis rapidu tas-sehem mis-suq fl-Unjoni fis-settur tal-produzzjoni tal-azzar grezz bi kkastjar kontinwu (li jinkludi billetti, vireg tal-ħadid u ċangaturi) fuq livell dinji u t-tnaqqis konsistenti fil-produzzjoni ta' azzar grezz bi kkastjar fl-Unjoni minħabba tnaqqis fid-domanda tal-azzar fis-settur awtomobilistiku u tal-kostruzzjoni;
8. Jinnonta li s-sensji f'Carsid mistennija jaggravaw il-qgħad b'mod sinifikanti fiż-żona ta' Charleroi (żona fejn qabel kien hemm il-minjieri tal-faħam u l-produzzjoni tal-azzar fejn l-impjieg jiddependi b’mod qawwi fuq l-industrija peżanti tradizzjonali) li hi kkaratterizzata minn proporzjon għoli ta' qgħad fit-tul u livelli baxxi ta' kwalifiki u ħiliet; jinnota li fl-2012, ir-rata tal-qgħad fiż-żona ta' Charleroi (distrett) kienet 21,6 %, meta mqabbla ma' 15,8 % bħala medja fir-Reġjun tal-Vallonja u 11,2 % fil-livell nazzjonali;
9. Jilqa' pożittivament il-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol u l-fatt li l-allowances mhumiex elenkati fost is-servizzi personalizzati li għandhom jiġu appoġġjati b'intervent tal-FEG;
10. Jenfasizza l-importanza tal-effikaċja tas-servizzi personalizzati pprovduti lill-benefiċjarji, partikolarment għaliex minħabba t-tnaqqis ta' impjiegi fis-settur tal-manifattura fir-reġjuni milquta, dawn il-ħaddiema se jkollhom jitħarrġu mill-ġdid biex isibu impjieg f'xogħlijiet oħra f'setturi oħra;
11. Jinnota li l-produzzjoni ta' azzar grezz bi kkastjar kontinwu fl-UE27 naqset bi 13,4 % bejn l-2006 u l-2011 u li s-sehem tas-suq fl-istess perjodu naqas bi 30,7 %; jenfasizza li għalhekk is-settur tal-azzar fl-Ewropa huwa espost għal diffikultajiet ekonomiċi serji; ifakkar f'dan ir-rigward li s-settur tal-azzar kien is-suġġett ta' 4 applikazzjonijiet tal-FEG(6);
12. Jinnota li l-pakkett ikkoordinat ta ' servizzi personalizzati li se jiġu kofinanzjati jinkludi l-miżuri li ġejjin għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-752 ħaddiem li ngħataw is-sensja f' impjieg (miġbura skont il-kategorija): (1) għajnuna individwali għat-tiftix ta’ impjieg, ġestjoni tal-każijiet u servizzi ta' informazzjoni ġenerali u (2) taħriġ u taħriġ mill-ġdid;
13. Jilqa' l-fatt li l-varji sħab soċjali u organizzazzjonijiet kienu involuti fil-koordinazzjoni ġenerali u l-implimentazzjoni tal-miżuri: trade unions (FGTB, CSC), iċ-ċentri ta' taħriġ settorjali vokazzjonali u teknoloġiċi fir-reġjun tal-Vallonja, FOREM (is-servizz pubbliku tal-impjiegi u tat-taħriġ tar-Reġjun tal-Vallonja), l-Aġenzija tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) tal-Komunità Franċiża tal-Belġju u l-Gvern tal-Vallonja; japprezza barra minn hekk li t-trade unions huma direttament involuti fil-ġestjoni tal-Unità ta' Riallokazzjoni li ġiet stabbilita apposta u fl-implimentazzjoni ta’ ċerti miżuri;
14. Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat ikun adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda wkoll għall-ambjent reali tan-negozju;
15. Jinnota li l-informazzjoni fornuta dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Belġjani jikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dawk id-data fir-rapporti annwali tagħha, bil-ħsieb li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;
16. Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti jagħmlu l-isforzi neċessarji biex itejbu l-arranġamenti proċedurali sabiex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEG; japprezza l-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba tal-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, bl-għan li tiġi ppreżentata lill-Parlament u l-Kunsill il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibilità ta' applikazzjoni għall-FEG flimkien mal-proposta biex jiġi mobilizzat il-FEG; jissottolinja li titjib ulterjuri fil-proċedura diġà ġie integrat fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 u li se jinkisbu aktar effiċjenza, trasparenza u viżibilità tal-FEG;
17. Jisħaq li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEG, għandu jkun żgurat li l-FEG jappoġġa l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema individwali li jkunu ngħataw is-sensja f'impjieg stabbli; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg dewwiemi u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG ma għandha tissostitwixxi la l-azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont id-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;
18. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Talba FEG/2013/002 BE/Carsid mill-Belġju)
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2014/811/UE.)
Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855).
Carsid kienet tipproduċi folji tal-azzar maħsuba għal aktar ipproċessar minn impjanti li jappartjenu lill-grupp Duferco fil-Belġju (prinċipalment għall-produzzjoni ta’ prodotti rrumblati bis-sħana u prodotti rrumblati fil-kiesaħ użati fis-setturi tal-kostruzzjoni, tat-tagħmir tat-trasport u tal-karozzi). Bejn l-2006 u l-2011 Carsid kienet parti minn impriża konġunta bejn Duferco u NLMK. Għaldaqstant, din l-applikazzjoni hija marbuta mal-applikazzjoni EGF/2013/007 BE/Hainaut steel (Duferco-NLMK).
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Talba EGF/2014/006 FR/PSA minn Franza) (COM(2014)0560 – C8-0141/2014 – 2014/2076(BUD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0560 – C8-0141/2014),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0016/2014),
A. billi l-Unjoni stabbilixxiet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw irwieħhom fis-suq tax-xogħol;
B. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jingħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u b'mod effiċjenti, f'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tas-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-FEG,
C. billi l-adozzjoni tar-Regolament FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju ta' mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u l-approvazzjoni, jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ, u jiġu ffinanzjati inċentivi għat-twaqqif ta' negozju proprju,
D. billi Franza ressqet l-applikazzjoni EGF/2014/006 FR/PSA għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għas-6 120 sensja li ngħataw f’Peugeot Citroën Automobiles (minn hawn 'il quddiem 'PSA') li topera fid-diviżjoni 29 ta' NACE Rev. 2 ('Manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers') bil-biċċa l-kbira tas-sensji mogħtija fir-reġjuni ta' Ile de France (l-impjant ta' Aulnay) u Bretagne (l-impjant ta' Rennes), b'2 357 ħaddiem destinatarji ta' miżuri kofinanzjati mill-FEG, matul il-perjodu referenzjarju mill-1 ta' Ottubru 2013 sal-31 ta' Jannar 2014,
E. billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament FEG,
F. billi tista' ssir konverżjoni industrijali importanti tas-siti kkonċernati, speċifikament tas-sit f'Aulnay-sous-Bois li, jekk jitħalla jisfrutta kompletament il-potenzjal tiegħu fit-trasport multimodali, jippermetti riallokazzjoni sustanzjali ta' ħaddiema;
G. billi l-awtoritajiet lokali fir-reġjun ta' Bretagne ma kinux involuti fit-twaqqif tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milqutin, allavolja huma responsabbli mit-taħriġ vokazzjonali; billi r-rappreżentanti trejdunjonistiċi lokali tas-siti ewlenin ikkonċernati ma kinux assoċjati fin-negozjar tal-miżuri;
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament FEG huma sodisfatti u li, għalhekk, Franza hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dak ir-Regolament;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fil-25 ta' April 2014 u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fl-10 ta' Settembru 2014; jilqa’ l-valutazzjoni rapida ta' inqas minn ħames xhur;
3. Jikkunsidra li s-sensji fl-impriża PSA huma marbutin ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni, waqt li jirreferi għall-osservazzjoni li għamlet Franza (L'industrie Automobile Francaise, Analyse et statistiques 2013(4)) li bejn l-2000 u l-2012, il-produzzjoni dinjija ta' vetturi kibret b'44 % waqt li, fl-istess perjodu, il-produzzjoni fl-Ewropa tal-Punent naqset b'25 %, u barra minn hekk, il-produzzjoni f'pajjiżi terzi (il-Korea t'Isfel, iċ-Ċina, it-Turkija, l-Indoneżja, il-Malasja, it-Tajlandja u l-Amerika t'Isfel) kibret b'mod sinifikanti u issa tirrappreżenta 47 % tal-produzzjoni dinjija ta' vetturi (żieda minn 15 % fl-2000);
4. Jinnota li s-6 120 sensja se jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni tal-qgħad fir-reġjuni ta' Ile de France u Bretagne, fejn jinsabu tnejn mill-impjanti milqutin, peress li l-impjant ta' Aulnay kien it-8 l-akbar impjegatur fil-belt ta' Aulnay, u s-sensji jnaqqsu n-numru ta' impjegati fiż-żona bi 13,6 %;
5. Jinnota li, s'issa, is-settur awtomobilistiku kien is-suġġett ta' 21 applikazzjoni għall-FEG, li minnhom 12 kienu bbażati fuq globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ u 9 fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali; iqis li hemm bżonn li tingħata attenzjoni partikolari lil dan is-settur fir-rapport biennali mistenni f'Awwissu 2015;
6. Jinnota li din hi t-tielet applikazzjoni relatata mal-industrija awtomobilistika Franċiża ta' aktar minn EUR 10 miljun; jisħaq fuq l-importanza ta' aġġustamenti antiċipati sew u identifikazzjoni tajba tal-ħiliet, waqt li tiġi offruta l-possibilità ta' orjentament mill-ġdid billi l-kompetenzi tal-ħaddiema jintużaw għall-benefiċċju ta' setturi oħra;
7. Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Franċiżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fit-3 ta' Ġunju 2013, ferm qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost; jiddispjaċih li, minkejja din l-implementazzjoni ta' malajr, il-Kummissjoni kellha tivvaluta din it-talba mingħajr ma kienet irċeviet l-informazzjoni meħtieġa mill-awtoritajiet Franċiżi fir-rigward tal-prefinanzjament u l-kofinanzjament nazzjonali;
8. Jinnota li l-pakkett koordinat tas-servizzi personalizzati għal kofinanzjament jinkludi miżuri għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja bħal ċentru ta' akkoljenza u għajnuna individwali, gwida minn esperti esterni, sessjonijiet ta' ħidma tematiċi, taħriġ, allowances għal taħriġ, għotjiet għall-ħolqien ta' negozju;
9. Jinnota l-fatt li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal f'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-benefiċjarji indirizzati u mas-sħab soċjali u li, matul id-diversi fażijiet ta' implimentazzjoni tal-FEG u fl-aċċess għalih, se tiġi applikata politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni;
10. Jiddispjaċih madankollu dwar l-assoċjazzjoni insuffiċjenti tal-awtoritajiet politiċi u t-trade unions lokali; jissuġġerixxi, fil-qafas ta' rieżami tar-Regolament FEG fil-ġejjieni, l-inklużjoni ta' konsultazzjoni formali mal-awtoritajiet politiċi u t-trade unions lokali fil-fajl li jkun fih it-talba għal mobilizzazzjoni mressqa mill-awtoritajiet nazzjonali lill-Kummissjoni; iqis li hemm bżonn ta' integrazzjoni aħjar tal-FEG fil-programmi u l-proċessi ta' rikonverżjoni tat-tessuti ekonomiċi lokali;
11. Jilqa' l-għadd għoli stmat ta' parteċipanti li se jirċievu għotjiet għall-ħolqien ta' negozju; jinnota li l-ammont ta' dawn l-għotjiet jibqa' taħt il-limitu massimu ta' EUR 15 000, kif stipulat fl-Artikolu 7 tar-Regolament FEG; jappella għal valutazzjoni f'waqtha ta' din l-azzjoni speċifika sabiex jiġu evalwati r-riżultati ta' inċentivi ta' dan it-tip, possibilment fir-rapport biennali li jmiss jew sa mhux aktar tard milli fir-rapport finali;
12. Japprezza l-pjan li jingħata self mingħajr imgħax għall-ħolqien ta' negozji ġodda. jinnota li, flimkien mal-għotjiet għall-ħolqien ta' negozju, dan jista' jipprovdi għajnuna sostanzjali għall-parteċipanti biex joħolqu negozji vijabbli; jilqa' l-fatt li l-awtoritajiet qed jikkunsidraw li jużaw il-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għal dan l-iskop;
13. Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali ta' ħaddiem;
14. Imaqdar in-nuqqas ta' fondi ddedikati għall-miżuri ta' komunikazzjoni u promozzjoni rigward il-FEG; jikkunsidra li l-pubbliċità u l-informazzjoni rigward dawn l-azzjonijiet jiżvolġu rwol importanti mhux biss biex jiġbdu lill-benefiċjarji, imma anke biex jevidenzjaw l-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam soċjali;
15. Jinnota li l-informazzjoni pprovduta rigward il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Franċiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċievux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dawk id-data fir-rapporti annwali tagħha, bil-ħsieb li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ għar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;
16. Japprezza l-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni b'segwitu għat-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fir-rilaxx tal-għotjiet; jinnota l-pressjoni ta' ħin li jimplika l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjal fuq l-effikaċja tal-eżami tal-fajls;
17. Jinnota li l-applikazzjoni hi intenzjonata biex tuża l-massimu permess ta' 35 % tal-ispejjeż kollha għall-allowances għal taħriġ u li din l-azzjoni tikkomplementa l-allowances imħallsa mill-kumpanija li tat is-sensji f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament FEG;
18. Ifakkar li, b'mod konformi mal-Artikolu 7 tar-Regolament FEG, id-disinn tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jantiċipa l-perspettivi tas-suq tax-xogħol għall-ġejjieni u l-ħiliet rikjesti u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi u li tkun sostenibbli;
19. Jisħaq fuq il-fatt li, bi qbil mal-Artikolu 9 tar-Regolament FEG, għandu jiġi żgurat li l-assistenza mill-FEG tkun limitata għal dak li huwa neċessarju biex tipprovdi solidarjetà u appoġġ ta' darba, b'mod temporanju, għall-benefiċjarji destinatarji, u, barra minn hekk, li mhix se tieħu post l-azzjonijiet li huma r-responsabilità tal-kumpaniji bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;
20. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Talba EGF/2014/006 FR/PSA minn Franza)
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2014/817/UE.)