Indiċi 
Testi adottati
It-Tlieta, 25 ta' Novembru 2014 - Strasburgu
Protokoll dwar Materji Speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji***
 Il-Konvenzjoni tal-Aja tat-30 ta' Ġunju 2005 dwar Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Forum ***
 Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni FEG/2014/008 FI/STX Rauma - Finlandja
 Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni FEG/2014/005 FR/GAD – Franza
 It-tiftix ta' opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibilità mat-Trattati tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri
 L-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015
 Impjieg u aspetti soċjali tal-istrateġija UE2020

Protokoll dwar Materji Speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji***
PDF 215kWORD 49k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll tal-Konvenzjoni dwar il-Garanziji Internazzjonali fuq it-Tagħmir Mobbli li jirrigwarda Materji Speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji, adottat f'Lussemburgu fit-23 ta' Frar 2007 (15113/2013 – C8-0004/2014 – 2013/0184(NLE))
P8_TA(2014)0054A8-0030/2014

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (15113/2013),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll tal-Konvenzjoni dwar il-Garanziji Internazzjonali fuq it-Tagħmir Mobbli li jirrigwarda Materji Speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji, adottat f'Lussemburgu fit-23 ta' Frar 2007(1),

–  wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni mressqa mill-Kunsill skont l-Artikolu 81(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8–0004/2014),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0030/2014),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu biex il-Protokoll jiġi approvat;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 331, 16.12.2009, p. 5.


Il-Konvenzjoni tal-Aja tat-30 ta' Ġunju 2005 dwar Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Forum ***
PDF 213kWORD 48k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-30 ta' Ġunju 2005 dwar Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Forum (12052/2014 – C8-0222/2014 – 2014/0021(NLE))
P8_TA(2014)0055A8-0034/2014

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (12052/2014),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Aja tat-30 ta’ Ġunju 2005 dwar Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Forum(1),

–  wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni mill-Kunsill skont l-Artikolu 81(2) u l-Artikolu 218(6) it-tieni subparagrafu, punt (a) (v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8‑0222/2014),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tieni subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta ' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0034/2014),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-Konvenzjoni;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Bureau Permanenti tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

(1) ĠU L 133, 29.5.2009, p. 3.


Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni FEG/2014/008 FI/STX Rauma - Finlandja
PDF 332kWORD 76k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEG/2014/008 FI/STX Rauma, mill-Finlandja) (COM(2014)0630 – C8-0214/2014 – 2014/2137(BUD))
P8_TA(2014)0056A8-0043/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0630 – C8‑0214/2014),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0043/2014),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG),

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex jiġi mdaħħal mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli bl-introduzzjoni ta' persuni li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ, u biex jiġu finanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' negozji tagħhom stess;

D.  billi l-awtoritajiet Finlandiżi ssottomettew l-applikazzjoni FEG/2014/008 FI/STX Rauma fis-27 ta' Mejju 2014 wara t-tkeċċija ta' 577 ħaddiem f'STX Finland Oy, impriża li topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt NACE Rev. 2 diviżjoni 30 ("Manifattura ta' tagħmir ieħor għat-trasport");

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG,

1.  Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi ssottomettew l-applikazzjoni skont il-kriterju ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi mill-anqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li ngħataw is-sensja jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet fir-rigward tal-fornituri tagħha jew il-produtturi aktar 'l isfel fil-katina tal-produzzjoni.

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi ssottomettew l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fis-27 ta' Mejju2014, u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fl-14 ta' Ottubru 2014; jilqa’ il-valutazzjoni rapida f'perjodu ta’ inqas minn ħames xhur;

3.  Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi jsostnu li l-industrija marittima globali nbidlet b'mod drammatiku f'dawn l-aħħar snin u li f'dan il-kuntest globali s-sehem tas-suq tal-UE fil-bini tal-bastimenti(4) ħa tisbita minn 13 % fl-2007 għal 5 % fl-ewwel tliet kwarti tal-2013, filwaqt li s-sehem ekwivalenti taċ-Ċina, il-Korea t'Isfel u l-Ġappun flimkien żdied minn 77 % fl-2007 għal 86 % fl-ewwel tliet kwarti tal-2013; jinnota li minbarra din l-espansjoni sinifikanti tal-Asja fis-suq tal-bini tal-bastimenti, it-tnaqqis fl-ordnijiet li jirriżulta mill-kriżi ekonomika tefa' lis-settur Ewropew f'qagħda ta' kapaċità żejda globali li qed twassal għal kompetizzjoni ħarxa;

4.  Jaqbel li minħabba l-globalizzazzjoni dawn il-fatturi għandhom rabta mat-tibdiliet strutturali ewlenin fit-tendenzi kummerċjali dinjija u li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament FEG huma sodisfatti u li għalhekk, il-Finlandja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dak ir-Regolament;

5.  Jinnota li sal-lum, is-settur tal-bini tal-bastimenti f'termini wiesgħa kien is-suġġett ta' sitt applikazzjonijiet għall-FEG, waħda bbażata fuq il-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ u l-ħamsa l-oħra fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali; iqis li r-ristrutturar fis-settur jista' jtaffi d-diffikultajiet u li l-industrija tal-bini tal-bastimenti fl-Istati Membri differenti tista' tiġi megħjuna permezz ta' linji gwida minn perspettiva Ewropea;

6.  Jinnota li dawn is-sensji se jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni tal-qgħad fil-Lbiċ tal-Finalndja, peress li l-biċċa l-kbira tal-ħaddiema mkeċċija għandhom livell baxx ta’ edukazzjoni flimkien ma' età relattivament avvanzata, liema fatturi x'aktarx iżidu r-riskju ta' qgħad fit-tul; jinsab aktar u aktar imħasseb dwar l-effetti tal-għeluq ta' din l-impriża billi t-tarzna u l-industrija tal-metall jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi fundamentali u għandhom tradizzjoni storika, u minħabba f'hekk it-tranżizzjoni lejn attivitajiet ekonomiċi ġodda hija aktar iebsa;

7.  Jinnota li minbarra l-577 sensja matul il-perjodu ta' referenza, il-benefiċjarji eliġibbli jinkludu ukoll 57 ħaddiem imkeċċi wara l-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur, u b'hekk l-għadd totali ta' benefiċjarji eliġibbli jammonta għal 634 ruħ; li minnhom l-għadd ta’ benefiċjarji fil-mira tal-miżuri tal-FEG huwa ta’ 565;

8.  Jinnota li l-ispejjeż totali stmati jammontaw għal EUR 2 378 000, li minnhom EUR 113 000 huma ddedikati għall-implimentazzjoni, u li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG tammonta għal EUR 1 426 800, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali;

9.  Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Finlandiżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fil-15 ta' Jannar 2014, qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ tal-FEG għall-pakkett ikkoordinat propost u saħansitra qabel l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG;

10.  Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi indikaw li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tħejja b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali kkonċernati kif ukoll ma' diversi partijiet interessati oħrajn u jilqa' l-fatt li l-konsultazzjonijiet għadhom għaddejjin f'forma ta' grupp ta' ħidma mlaqqa' mill-Ministeru għall-Impjiegi u l-Ekonomija speċifikament biex jiġu affrontati s-sensji f'STX Finland;

11.  Jinnota li s-servizzi personalizzati li għandhom jingħataw jikkonsistu f'wieħed mit-tliet tipi ta' miżuri li ġejjin għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti b'din l-applikazzjoni: (i) għajnuna biex isibu impjieg ġdid, (ii) għajnuna biex jagħtu bidu għall-impriża proprja, u (iii) l-għoti ta' taħriġ jew edukazzjoni;

12.  Jilqa' l-istabbiliment ta' Punti ta' Servizz fost l-azzjonijiet proposti; japprezza li dawn il-punti huma mistennija li jipprovdu servizz aktar personalizzat u dettaljat minn dak tal-uffiċċju pubbliku għall-impjiegi;

13.  Jinnota li persentaġġ qawwi tal-ħaddiema mkeċċija (41,42 %) għandhom bejn il-55 u 64 sena; barra minn hekk jinnota li dan il-grupp ta' età jinsab f'riskju aktar qawwi ta' qgħad fit-tul u eskluzjoni mis-suq tax-xogħol; għaldaqstant iqis li dawn il-ħaddiema jista' jkollhom bżonnijiet speċifiċi fir-rigward tal-għoti ta' servizzi personalizzati;

14.  Jilqa' b'mod partikolari l-miżura intitolata "Stħarriġ tal-impriżi", li permezz tagħha se jsir stħarriġ dwar l-impjiegi fir-reġjun ta' Rauma flimkien ma' negozji u industriji f'Rauma, bl-għan li tinġabar informazzjoni aġġornata dwar il-ħtiġijiet tal-persunal tal-impriżi, li t-tiftix għall-impjiegi mill-ħaddiema identifikati jkun jista' jitmexxa fid-direzzjoni t-tajba u li dawn jingħataw it-taħriġ meħtieġ;

15.  Jilqa' l-idea li dawk li qegħdin jippjanaw li jagħtu bidu għal intrapriża jistgħu jesperjenzaw xi tfisser li wieħed ikun imprenditur permezz ta' kollokament f'intrapriża eżistenti; jinnota l-potenzjal ta' valur miżjud li jiġi mit-tnedija ta' intrapriża wara li wieħed ikun ingħata s-sensja, kemm għall-persuna partikolari kif ukoll għas-soċjetà kollha kemm hi;

16.  Jinnota li l-iskop tas-sussidji tal-paga hu li jiżgura li l-ħaddiema fil-mira impjegati minn min iħaddem ma jkunux fi żvantaġġ fl-ewwel perjodu fl-impjieg ġdid tagħhom; iqis li tali miżura tista' sservi bħala inċentiv fit-tfittxija u fl-inklużjoni fi spettru usa' ta' impjiegi ġodda u mhux familjari għall-ħaddiema;

17.  Ifakkar li, f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG, id-disinn tal-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati għandu jantiċipa perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-kapaċitajiet meħtieġa u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

18.  Jappella sabiex il-miżuri tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) ppjanati fi ħdan il-perjodu ta’ programmazzjoni tal-FSE l-ġdid jikkomplementaw il-miżuri proposti u jiffaċilitaw ir-riintegrazzjoni tal-ħaddiema f'setturi ekonomiċi sostenibbli u orjentati lejn il-futur;

19.  Ifakkar li l-impjegabbiltà tiddependi wkoll mil-livell ta' integrazzjoni fis-soċjetà u għaldaqstant jappella sabiex tingħata attenzjoni speċjali għall-akkumpanjament tal-ħaddiema aktar avvanzati fl-età u dawk anqas kwalifikati;

20.  Jilqa' l-fatt li l-prinċipji tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom;

21.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEG/2014/008 FI/STX Rauma, mill-Finlandja)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2014/878/UE.)

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU L 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) meta mkejjel skont il-volum ta ' produzzjoni.


Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni FEG/2014/005 FR/GAD – Franza
PDF 407kWORD 80k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEG/2014/005 FR/GAD, ippreżentata minn Franza) (COM(2014)0662 – C8-0226/2014 – 2014/2166(BUD))
P8_TA(2014)0057A8-0044/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0662 – C8‑0226/2014),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1), (Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikulari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8‑0044/2014),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol,

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-FII tat-2 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG),

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju ta' mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, biex tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza fit-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u l-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji,

D.  billi l-awtoritajiet Franċiżi ssottomettew l-applikazzjoni FEG/2014/005 FR/GAD fis-6 ta' Ġunju 2014 wara t-tkeċċija ta' 744 ħaddiem f'GAD société anonyme simplifiée, impriża li kienet topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt NACE Rev. 2 diviżjoni 10 ("Manifattura ta' prodotti tal-ikel"),

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eleġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG,

F.  billi l-awtoritajiet lokali fir-reġjun ta' Bretagne ma kienux involuti fit-twaqqif tas-servizzi personalizzati (Cellule de reclassement) lill-ħaddiema milqutin, avolja huma responsabbli mit-taħriġ vokazzjonali; billi r-rappreżentanti trejdunjonistiċi lokali tas-siti ewlenin ikkonċernati ma kienux assoċjati man-negozjar tal-miżuri;

1.  Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi ssottomettew l-applikazzjoni skont il-kriterju ta' intervent stabbilit fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi mill-anqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja jew li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'impriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li ngħataw is-sensja jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet fir-rigward tal-fornituri tagħha jew il-produtturi aktar 'l isfel fil-katina tal-produzzjoni;

2.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti u li, għalhekk, Franza hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dak ir-Regolament;

3.  Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi ssottomettew l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fis-6 ta' Ġunju 2014 u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fl-24 ta' Ottubru 2014; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni osservat l-iskadenza stretta ta' 12-il ġimgħa imponuta mir-Regolament dwar il-FEG;

4.  Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi jsostnu li GAD, bħala biċċerija u impriża tal-ipproċessar tal-laħam, inqabdet bejn żewġ settijiet ta' pressjonijiet tal-prezz, dik tal-bdiewa li bdew jitħabtu biex ilaħħqu maż-żieda fil-prezz tal-għalf u dik tal-konsumaturi li bdew jitħabtu biex ilaħħqu ma' dħul imnaqqas;

5.  Jaqbel li t-tnaqqis fil-konsum tal-laħam tal-majjal b'riżultat ta' żieda fil-prezzijiet u tnaqqis fil-kapaċità tal-akkwist tal-konsumaturi huwa marbut mal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali msemmija fir-Regolament (KE) Nru 546/2009(4);

6.  Huwa tal-fehma li ż-żieda fil-prezzijiet tal-ġwież tal-ħnieżer, li fil-biċċa l-kbira l-Unjoni timporta minn kontinenti oħrajn li dan l-aħħar intlaqtu ħażin ferm min-nixfa, tista' tiġi attribwita għall-globalizzazzjoni;

7.  Jemmen li fatturi oħrajn żvolġew rwol importanti fid-diffikultajiet tal-kumpanija, bħall-kompetizzjoni inġusta fis-suq intern minn kompetituri li abbużaw mid-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta' Ħaddiema(5) u n-nuqqas ta’ paga minima diċenti fl-Istati Membri kollha;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern u l-konsistenza tal-leġiżlazzjoni u l-istrumenti tagħha;

9.  Jikkonkludi li l-fatturi li jispjegaw id-diffikultajiet finanzjarji ta' GAD huma diversi, iżda madankollu jaqbel li Franza hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG;

10.  Jinnota li sal-lum, is-settur tal-"Manifattura ta' prodotti tal-ikel" kien is-suġġett ta' applikazzjoni oħra tal-FEG(6), ibbażata wkoll fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali;

11.  Jinnota li dawn is-sensji se jaggravaw is-sitwazzjoni tal-qgħad fi Bretagne, billi l-impjiegi f'dan ir-reġjun huma aktar dipendenti fuq is-settur agro-agrikolu milli huma, bħala medja, fil-kumplament ta' Franza (11 % fi Bretagne meta mqabbel ma' 5 % bħala medja fi Franza);

12.  Jinnota li minbarra s-744 sensja matul il-perjodu ta' referenza, in-numru ta’ benefiċjarji eliġibbli jinkludi 16-il ħaddiem imkeċċi wara l-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur, u b'hekk l-għadd totali jammonta għal 760 ruħ, filwaqt li l-għadd ta' benefiċjarji fil-mira tal-miżuri tal-FEG huwa wkoll ta' 760;

13.  Jinnota li l-ispejjeż totali huma stmati li jammontaw għal EUR 1 530 000, li minnhom EUR 30 000 huma ddedikati għall-implimentazzjoni, u li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG tammonta għal EUR 918 000, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali;

14.  Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Franċiżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fit-3 ta' Jannar 2014, qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ tal-FEG għall-pakkett ikkoordinat propost u saħansitra qabel l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG;

15.  Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi indikaw li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal wara li l-Kumitat Ċentrali tal-Impriżi ta' GAD ġie infurmat fit-28 ta' Ġunju 2013 li kien ippjanat tnaqqis ta' 889 impjieg fl-impriża;

16.  Jiddispjaċih, madankollu, tal-involviment insuffiċjenti tal-awtoritajiet politiċi u t-trade unions lokali; jissuġġerixxi, fil-qafas ta' rieżami tar-Regolament FEG fil-ġejjieni, l-inklużjoni ta' konsultazzjoni formali mal-awtoritajiet politiċi u t-trade unions lokali fil-fajl li jkun fih l-applikazzjoni għal mobilizzazzjoni mressqa mill-awtoritajiet nazzjonali lill-Kummissjoni; iqis li hemm bżonn ta' integrazzjoni aħjar tal-FEG fil-programmi u l-proċessi ta' rikonverżjoni tat-tessuti ekonomiċi lokali;

17.  Jilqa’ pożittivament il-fatt li l-ħaddiema diġà qed jiġu appoġġati bil-miżuri varji li qed jgħinuhom isibu impjiegi ġodda, u li sal-20 ta’ Mejju 2014, 108 minnhom kienu diġà sabu kuntratti ta’ aktar minn sitt xhur u 66 oħra ta' anqas minn sitt xhur, filwaqt li tlieta bdew in-negozju tagħhom stess u kważi kollha kienu għażlu li jibqgħu fir-reġjun;

18.  Jiddispjaċih li s-servizzi personalizzati li jridu jiġu pprovduti jikkonsistu f'azzjoni waħda biss, li trid tiġi implimentata minn punt uniku ta' servizz (Cellule de reclassement) li huwa mmexxi minn żewġ aġenziji kuntrattwali; jinnota li Franza titlob biss il-finanzjament ta’ dan il-punt uniku ta’ servizz mill-FEG; jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-ammont baxx ta' fondi għal kull ħaddiem (EUR 1 200 bejn wieħed u ieħor); jitlob lill-awtoritajiet Franċiżi jipproponu programm aktar ambizzjuż inkluż firxa usa' ta' miżuri, bħal ċentru ta' akkoljenza u għajnuna individwali, gwida minn esperti esterni, sessjonijiet ta' ħidma tematiċi, taħriġ, allowances għal taħriġ u għotjiet għall-ħolqien ta' negozju, fl-applikazzjoni tal-FEG ipprogrammata tiegħu għall-kumplament tal-għeluq tas-siti tal-GAD;

19.  Jistenna li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi jsegwu strettament il-prinċipju li skontu l-pagamenti lill-aġenziji jsiru permezz ta’ ħlas parzjali u abbażi tar-riżultati miksuba;

20.  Iqis li l-monitoraġġ tal-attività tal-aġenziji permezz ta' rapporti bil-miktub regolari jiżgura l-użu xieraq tal-fondi biex il-parteċipanti jiġu pprovduti karriera personalizzata, għadd suffiċjenti ta' offerti ta' xogħol u konsulenza għall-ħolqien ta’ negozju fi ħdan il-qafas tas-sistema ta’ punt uniku ta' servizz;

21.  Ifakkar li l-fondi jridu jgħinu lill-ħaddiema u m’għandhomx fi kwalunkwe każ jappoġġaw lill-aġenziji;

22.  Jilqa’ l-fatt li l-aġenziji kkummissjonati jitħallsu skont skala definita abbażi tar-riżultati miksuba;

23.  Jinnota li 17,50 % tal-ħaddiema ssensjati għandhom bejn il-55 u l-64 sena; jinnota barra minn hekk li dan il-grupp ta’ età qiegħed f’riskju ogħla ta’ qgħad u esklużjoni fit-tul mis-suq tax-xogħol; jikkunsidra, għaldaqstant, li dawn il-ħaddiema jista’ jkun li jkollhom bżonnijiet speċifiċi meta jiġu pprovduti b'servizzi personalizzati;

24.  Jilqa' l-fatt li l-prinċipji tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom;

25.  Ifakkar li, f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG, id-disinn tal-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati għandu jantiċipa perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-kapaċitajiet meħtieġa u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

26.  Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi ma għamlux applikazzjoni għal finanzjament ta’ attivitajiet preparatorji, immaniġġjar u informazzjoni u pubbliċità.

27.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEG/2014/005 FR/GDA, ippreżentata minn Franza)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2014/876/UE.)

(1)ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2)ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3)ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4)Ir-Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (ĠU L 167, 29.6.2009, p. 26).
(5)Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1).
(6)FEG/2014/001 EL/Nutriart, li tikkonċerna prodotti moħmijin.


It-tiftix ta' opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibilità mat-Trattati tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri
PDF 304kWORD 60k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2014 dwar it-tiftix ta' opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibilità mat-Trattati tal-Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) (2014/2966(RSP))
P8_TA(2014)0058B8-0265/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-paragrafi 6 u 11 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-abbozz għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (12652/2013),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (12657/2013),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lil pajjiżi terzi (COM(2010)0492),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2010 dwar it-tnedija ta' negozjati għal ftehimiet dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) mal-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Kanada(1), u tal-11 ta’ Novembru 2010 dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti tad-data tal-PNR lil pajjiżi terzi(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tad-19 ta' Ottubru 2010 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lil pajjiżi terzi(3),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tat-30 ta’ Settembru 2013 dwar il-proposti għal deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-konklużjoni u l-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR)(4),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 7/2010 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data, adottata fit-12 ta' Novembru 2010, dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lil pajjiżi terzi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 16 tat-TFUE u l-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Marzu 2010 fil-Każ C-518/07, il-Kummissjoni Ewropea v ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 2014 fil-Każijiet Konġunti C-293/12 u C-594/12, li fiha d-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Data ġiet iddikkjarata invalida,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(6) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea kkonkludiet ftehim mal-Kanada fl-2005 dwar l-ipproċessar tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) abbażi ta’ sett ta’ impenji mill-Aġenzija tas-Servizz Doganali Kanadiżi (CBSA) fir-rigward tal-applikazzjoni tal-programm tal-PNR tagħha; billi bl-iskadenza tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni rilevanti fit-22 ta’ Settembru 2009, il-bażi legali Ewropea għat-trażmissjoni tad-data tal-PNR lis-CBSA ma baqgħetx teżisti;

B.  billi s-CBSA b’mod unilaterali ntrabtet li tiżgura lill-UE li l-impenji se jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġi applikat ftehim ieħor; billi dan ġie kkomunikat lill-Istati Membri kollha u lill-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data tagħhom;

C.  billi, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, il-konklużjoni ta' ftehimiet ġodda tal-PNR tirrikjedi l-kunsens tal-Parlament Ewropew qabel ma jkunu jistgħu jiġu adottati mill-Kunsill;

D.  billi fit-2 ta’ Diċembru 2010 l-Kunsill adotta deċiżjoni, flimkien ma’ direttiva ta’ negozjati, li biha jawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati f’isem l-UE għal ftehim mal-Kanada dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri;

E.  billi fit-18 ta’ Lulju 2013 il-Kummissjoni ipproponiet lill-Kunsill jieħu deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-ftehim;

F.  billi fit-30 ta' Settembru 2013 il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ppubblika l-opinjoni tiegħu dwar il-ftehim, fejn iqajjem dubju dwar il-bżonn u l-proporzjonalità tal-iskemi tal-PNR u t-trasferimenti bill-massa tad-data tal-PNR lil pajjiżi terzi, kif ukoll l-għażla tal-bażi legali;

G.  billi fil-5 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill iddeċieda li jitlob il-kunsens tal-Parlament għall-konklużjoni tal-ftehim;

H.  billi l-ftehim ġie ffirmat fil-25 ta' Ġunju 2014;

I.  billi fis-7 ta' Lulju 2014 l-Kunsill talab il-kunsens tal-Parlament għall-konklużjoni tal-ftehim ġdid;

J.  billi fit-8 ta' April 2014, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-deċiżjoni tagħha fil-Każijiet Konġunti C-293/12 u C-594/12, iddikkjarat id-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Data invalida;

K.  billi l-iskop tal-ftehim, kif iddikjarat fl-Artikolu 1 tiegħu, huwa li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li bi qbil magħhom id-data tal-PNR tkun tista' tiġi trasferita u użata, u li jistipula kif id-data se tiġi protetta;

1.  Hu tal-opinjoni li hemm inċertezza legali dwar jekk l-abbozz ta’ ftehim huwiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati (l-Artikolu 16 TFUE) u mal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (l-Artikoli 7, 8 u 52(1)) fir-rigward tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali tal-individwi; iqajjem dubju, barra minn hekk, dwar l-għażla tal-bażi legali, jiġifieri l-Artikoli 82(1)(d) u 87(2)(a) tat-TFUE (kooperazzjoni tal-pulizija u koperazzjoni ġudizzjarja), aktar milli l-Artikolu 16 tat-TFUE (protezzjoni ta' data);

2.  Jiddeċiedi li jitlob opinjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibilità tal-ftehim mat-Trattati;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal skopijiet ta' informazzjoni u biex jieħu l-miżuri neċessarji biex jikseb din l-opinjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

(1) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 70.
(2) ĠU C 74 E, 13.3.2012, p. 8.
(3) ĠU C 357, 30.12.2010, p. 7.
(4) ĠU C 51, 22.02.2014, p. 12.


L-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015
PDF 646kWORD 154k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015 (2014/2143(INI))
P8_TA(2014)0059A8-0037/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millenju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000,

–  wara li kkunsidra r-rapport adottat f'Lulju 2014 mill-Grupp ta' Ħidma Miftuħ tan-NU dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra r-rapport adottat fit-8 ta' Awwissu 2014 mill-Kumitat Intergovernattiv ta' Esperti dwar il-Finanzjament tal-Iżvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, ta' Lulju 2014,

–  wara li kkunsidra "ir-Rapport dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju għall-2014" tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-dokument finali tal-Laqgħa ta' Livell Għoli tal-GPEDC ta' April 2014,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin, approvati fir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa f'Settembru 1995, u d-dokumenti finali sussegwenti,

–  wara li kkunsidra l-Programm għal Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) li ġie adottat fil-Kajr fl-1994, kif ukoll ir-rieżami +20 sussegwenti,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta’ Diċembru 1979,

–  wara li kkunsidra t-Tabella dwar il-Ġeneru tal-2012 tan-NU, li tkejjel it-titjib fl-aspetti tal-ugwaljanza bejn il-ġeneru tat-tmien Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs),

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp tal-1992 u r-rapport tal-Konferenza ta' segwitu tiegħu dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, li saret f'Rio de Janeiro l-Brażil mill-20 sat-22 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem tal-2014 tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) bit-titolu, "Sustaining Human Progress: Reducing Vulnerabilities and Building Resilience" (Ngħinu l-Progress tal-Bniedem: Innaqqsu l-Vulnerabbiltajiet u Nibnu r-Reżiljenza),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Mejju 2013 tal-Panel ta' Livell Għoli tan-NU ta' Persuni Eminenti dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp wara l-2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, li saret f'Rio de Janeiro l-Brażil mill-20 sat-22 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Ġunju 2012 tas-System Task Team tan-NU dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp tan-NU wara l-2015 lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, bit-titolu, "Realising the future we want for all" (Inwettqu l-futur li rridu għal kulħadd),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni bit-titolu "Keeping the promise: united to achieve the Millennium Development Goals" (Inżommu l-wegħda: magħqudin biex nilħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju), adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-Laqgħa Plenarja ta' Livell Għoli tagħha dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju fil-65 sessjoni tagħha fl-2010,

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni ta' Istanbul għall-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati għad-Deċennju 2011-2020,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-FAO dwar in-Nuqqas ta' Sigurtà tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni u l-pjan ta' azzjoni adottati fil-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna li sar f'Busan f'Diċembru 2011,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-UNDP bit-titolu "Beyond the Midpoint: Achieving the Millennium Development Goals" (Iktar minn Nofs Triq: l-Ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju), li kien ippubblikat f'Jannar 2010,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-qafas legali tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-ħidma tas-System Task Team tan-NU dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp tan-NU wara l-2015, immexxija b'mod konġunt mid-Dipartiment għall-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali tan-NU (UN DESA) u l-UNDP, b'appoġġ mill-aġenziji kollha tan-NU u b'konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali u l-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Saħħa Pubblika, l-Innovazzjoni u l-Proprjetà Intelletwali tad-WHO tal-24 ta' Mejju 2008,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna u l-Aġenda ta' Accra għall-Azzjoni,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Dritt għall-Iżvilupp tal-1986,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar il-Komplementarjetà u t-Tqassim tax-Xogħol fil-Politika dwar l-Iżvilupp(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jafferma mill-ġdid li l-UE "għandha tara li jkun hemm koerenza bejn il-politika u l-attivitajiet differenti tagħha, b'kont meħud tal-objettivi kollha tagħha",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-TFUE, li jistabblixxi li "l-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-objettivi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw",

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2014 bit-titolu, "Ħajja diċenti għal kulħadd: minn viżjoni għal azzjoni kollettiva" (COM(2014)0335),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2014, bit-titolu "Rwol Aktar b'Saħħtu tas-Settur Privat fil-Kisba ta' Tkabbir Inklussiv u Sostenibbli fil-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw" (COM(2014)0263),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-30 ta' April 2014, ġabra ta' għodda bit-titolu, "A right-based approach, encompassing all human rights for EU development Cooperation" (Approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, li jinkludi d-drittijiet tal-bniedem kollha tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE) (SWD(2014)0152),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Frar 2013 bit-titolu, "Ħajja Diċenti Għal Kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli" (COM(2013)0092),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2012 bit-titolu, "L-għeruq ta' demokrazija u żvilupp sostenibbli: il-kooperazzjoni tal-Ewropa mas-Soċjetà Ċivili fir-relazzjonijiet esterni" (COM(2012)0492),

–  wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni dwar it-tħejjija ta' pożizzjoni tal-UE Lejn Qafas tal-iżvilupp wara l-2015, li saru mill-15 ta' Ġunju sal-15 ta' Settembru 2012,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-iżvilupp bit-titolu 'Il-Kunsens Ewropew'(2),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' April 2005 bit-titolu, "Il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp" (COM(2005)0134), u l-konklużjonijiet tat-3166 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-14 ta' Mejju 2012, Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020(3),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-2 ta' April 2014 dwar id-69 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti(4),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp (2015)(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Ġunju 2013 dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju – definizzjoni tal-qafas wara l-2015(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tad-19 ta' Mejju 2014 dwar approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, li jinkludi d-drittijiet tal-bniedem kollha,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament tal-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli lil hinn mill-2015,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta AKP-UE dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp wara l-2015 tal-20 ta' Ġunju 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tal-25 ta' Ġunju 2013 dwar l-Aġenda Ġenerali wara l-2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0037/2014),

A.  billi fis-sena 2000 il-partijiet interessati rilevanti kollha ngħaqdu sabiex jistabbilixxu Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) bil-għan li sal-2015 jintlaħqu miri konkreti għall-iżvilupp u l-qerda tal-faqar;

B.  billi l-MDGs ikkontribwixxew għas-sensibilizzazzjoni sabiex il-qerda tal-faqar fil-livell globali ssir sfida urġenti u prijorità għal azzjoni globali; billi l-livell ta' lħuq tal-MDGs huwa varjat, b'effetti pożittivi li jidhru fit-tnaqqis tal-faqar estrem, il-ġlieda kontra l-malarja u t-tuberkolożi, it-titjib fl-aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb u t-tnaqqis fid-differenzi fir-reġistrazzjoni għall-iskejjel primarji; billi jeħtieġ li ċerti nuqqasijiet tal-MDGs jiġu indirizzati bis-sħiħ fid-definizzjoni tal-qafas wara l-2015;

C.  billi l-valutazzjonijiet tal-progress li sar fl-ilħuq tal-MDGs attwali juru li huwa fundamentali li fil-qafas il-ġdid ikun hemm rabta qawwija bejn il-qerda tal-faqar, il-ġlieda tal-inugwaljanzi u l-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll sett uniku u universali ta' għanijiet b'approċċi divrenzjati;

D.  billi l-popolazzjoni urbana mistennija tiżdied min-numru attwali ta' 3.6 biljun għal aktar minn 6 biljuni, u li l-akbar bliet mistennija jsiru bliet enormi b'aktar minn 100 miljun abitant; billi l-urbanizzazzjoni eċċessiva qiegħda tgħarraq is-sostenibbiltà tal-iżvilupp fid-dimensjonijiet kollha tagħha;

E.  billi l-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp li saret fil-Kajr fl-1994 appellat għal aċċess għas-servizzi tas-saħħa riproduttivi u sesswali, inkluż l-ippjanar tal-familja; ifakkar f'dan ir-rigward li fl-2013, mietu 289 000 mara matul it-tqala u l-ħlas; ifakkar fl-MDG 5 u fil-ħtieġa li n-nisa jkollhom aċċess għal metodu effikaċi ta' kontraċezzjoni u ppjanar tal-familja bil-ħsieb li l-għadd ta' mwiet materni jonqsu bi kważi terz;

F.  billi t-tnaqqis fil-faqar huwa irregolari u l-inugwaljanzi fi ħdan il-pajjiżi u bejniethom, li żdiedu kemm fil-pajjiżi żviluppati u kemm f'dawk li qed jiżviluppaw, jirrappreżentaw sfida ewlenija għall-iżvilupp, speċjalment fil-Pajjiżi b'Introjtu Baxx u l-Pajjiżi b'Introjtu Medju; billi 1.5 biljun persuna qegħdin jgħixu fil-faqar filwaqt li għandhom nuqqasijiet fis-saħħa, l-edukazzjoni u l-istandards tal-għajxien, partikolarment fi stati fraġli u affettwati minn kunflitt;

G.  billi l-kunflitti vjolenti u l-kriżijiet umanitarji qed ikomplu jfixklu l-isforzi tal-iżvilupp; billi n-nisa huma dawk l-agħar milquta minn kunflitti u kriżijiet militari;

H.  billi għad hemm il-ħtieġa ta' aktar sforzi sabiex il-perċentwal ta' persuni li qed ibatu l-ġuħ jonqos bin-nofs, hekk kif 162 miljun tifel u tifla huma esposti għal nutrizzjoni ħażina; billi l-ġuħ moħbi jista' jiġi definit bħala nuqqas ta' mikronutrijenti, li jista' jikkawża effetti irriversibbli fuq is-saħħa u konsegwenzi soċjoekonomiċi marbuta mat-tnaqqis fil-produttività tal-persuni;

I.  wara li kkunsidra li l-2014 hija s-Sena Internazzjonali tal-Biedja Familjari;

J.  billi d-Dikjarazzjoni dwar id-Dritt għall-Iżvilupp tal-1986 tafferma l-iżvilupp bħala dritt fundamentali tal-bniedem; billi d-Dikjarazzjoni tintrabat għal approċċ ‘ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem’, karatterizzat mill-konkretizzazzjoni tad-drittijiet kollha tal-bniedem (ekonomiċi, soċjali, kulturali, ċivili u politiċi); billi d-Dikjarazzjoni tintrabat ugwalment li ssaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali;

K.  billi t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali huma ta' theddida għat-tnaqqis fil-faqar billi dawn ikabbru l-vulnerabbiltajiet eżistenti, hekk kif bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw għadhom jiddependu fuq l-agrikoltura u riżorsi naturali sensittivi għal klima u m'għandhomx il-kapaċità li jimmaniġġjaw ir-riskji klimatiċi; billi teżisti ħtieġa urġenti li jonqsu l-emissjonijiet globali tal-gass serra u li jintlaħqu ġestjoni aktar ekwa u sostenibbli u governanza tar-riżorsi naturali;

L.  billi l-kisbiet li kien hemm fl-MDGs marbuta mas-saħħa kienu bbażati fil-maġġorparti fuq l-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp li saru fis-snin ta' qabel; billi d-drittijiet tal-proprjetà intelletwali m'għandhomx ixekklu l-aċċess għal mediċini bi prezz raġonevoli;

M.  billi l-aċċess għall-iżvilupp fil-bidu tat-tfulija u għal edukazzjoni u taħriġ tal-ogħla kwalità possibbli għal kull tifel u tifla, żagħżugħ u żagħżugħa u adult huwa prerekwiżit essenzjali biex jinkisru ċ-ċikli tal-faqar u l-inugwaljanza interġenerazzjonali;

N.  billi ma tantx kien hemm progress fir-rigward tal-ugwaljanza tal-ġeneru u l-għoti tas-setgħa lin-nisa; billi n-nisa spiss jesperjenzaw diskriminazzjoni u vjolenza;

O.  billi fil-livell globali, in-nisa u l-bniet jikkostitwixxu l-maġġoranza ta' dawk li qed jgħixu f'faqar estrem u billi l-inugwaljanza tal-ġeneru u d-drittijiet tan-nisa huma kundizzjoni neċessarja għas-suċċess tal-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015; billi stimi juru li ta' kuljum imutu 800 mara fid-dinja minħabba kumplikazzjonijiet waqt it-tqala jew il-ħlas; billi l-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp li saret fil-Kajr fl-1994 appellat għal aċċess universali għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, li jistgħu isalvaw il-ħajja;

P.  billi n-nisa jikkostitwixxu aktar min-nofs l-għadd ta' migranti;

Q.  billi meta mqabbel ma' dak li tirċievi mil-lat ta' għajnuna internazzjonali u rimessi, l-Afrika tesporta b'mod sostanzjali aktar kapital fid-dinja permezz ta' flussi finanzjarji illegali;

R.  billi l-qafas tal-iżvilupp sostenibbli l-ġdid joffri opportunità biex ikun żgurat l-involviment wiesa' tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali u l-parlamenti nazzjonali;

S.  billi jeħtieġ li jinħolqu aktar impjiegi ġodda u deċenti sabiex jiġi indirizzat it-tkabbir demografiku fil-livell globali; billi s-settur privat huwa dak li fundamentalment jiġġenera l-impjiegi, kemm fil-pajjiżi żviluppati u kemm dawk li qed jiżviluppaw, u għaldaqstant jista' jkun sieħeb essenzjali fil-ġlieda kontra l-faqar meta jkun hemm mekkaniżmi ta' responsabbiltà ċari u jiġu rispettati r-regolamenti internazzjonali dwar il-ħarsien soċjali;

T.  billi l-għajnuna għad għandha rwol uniku fit-tnaqqis fil-faqar u hija dik li twettaq tibdil sinifikanti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

U.  billi l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi interni hija element importanti fil-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanza;

V.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-akbar donaturi tal-għajnuna għall-iżvilupp u għalhekk għandhom jibqgħu l-ixprun matul il-fażi li jmiss tan-negozjati fil-qafas tan-NU, u jippromwovu b'mod partikolari approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem imsejjes fuq l-ugwaljanza, in-nuqqas ta' diskriminazzjoni, il-parteċipazzjoni u l-inklużjoni fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-qafas;

W.  billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2014 se jistabbilixxu sett koerenti ta' prinċipji u l-linji ewlenin tal-istrateġija ta' negozjati;

X.  billi l-Artikolu 208 tat-TFUE jistabbilixxi li l-qerda tal-faqar hija l-objettiv primarju tal-politika tal-UE għall-iżvilupp u jistabbilixxi l-koerenza fil-politiki għall-iżvilupp;

I.  L-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju: valutazzjoni u sfidi ġodda

1.  Jenfasizza li l-isfera globali inbidlet f'dawn l-aħħar snin, fejn kien hemm ukoll bidliet fil-bilanċ ekonomiku u politiku globali, u li għalkemm xi ekonomiji li qed jiżviluppaw u dawk emerġenti esperjenzaw tkabbir ekonomiku rilevanti, għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma' livelli għoljin u li qed jiżdiedu ta' inugwaljanza; iqis li jeħtieġ approċċ ġdid li jinkludi governanza tajba, b'enfasi qawwija fuq il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp u l-forniment ta' beni pubbliċi globali;

2.  Ifakkar li għalkemm hemm il-vantaġġ li mhumiex komplikati, l-MDGs ma indirizzawx il-fatturi strutturali sottostanti li jwasslu għall-faqar u l-inugwaljanza; jenfasizza li l-qafas tal-iżvilupp sostenibbli globali wara l-2015 għandu jkun trasformattiv billi jindirizza l-kawżi fil-qalba tal-faqar u l-inugwaljanza u b'hekk jikkontribwixxi għal dak li għadhom ma wettqux l-MDGs attwali;

3.  Jenfasizza li l-MDGs definiti fis-sena 2000 kellhom bosta suċċessi f'pajjiżi b'introjtu medju u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, iżda li l-progress ma kienx ugwali kemm fi ħdan il-pajjiżi u kemm bejniethom, u għalhekk matul it-tfassil tal-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015 għandhom jiġu analizzati tajjeb ir-riżultati u jinsiltu lezzjonijiet;

4.  Ifakkar li għalkemm l-MDGs għamlu differenza kbira fil-ħajja tan-nies, l-isfidi ewlenin bħall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-inugwaljanzi inkluża l-inugwaljanza tal-ġeneru, il-kunflitti armati u t-terroriżmu, it-tibdil fil-klima, in-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, in-nuqqas ta' drittijiet tal-proprjetà, in-nuqqas ta' drittijiet tal-art, il-migrazzjoni, l-aċċess limitat għas-servizzi tas-saħħa u l-edukazzjoni, it-tibdil demografiku, il-limitazzjonijiet tar-riżorsi, it-telf tal-bijodiversità, il-korruzzjoni, il-frodi u l-evitar tat-taxxa, it-tkabbir mhux sostenibbli, il-qgħad u l-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi għadhom jippreżentaw sfidi estremament kumplessi u interrelatati għad-deċennji li jmiss, u li għalhekk iqanqlu l-ħtieġa li jinstabu modi ġodda għall-iżvilupp li jistgħu jwasslu għal żvilupp inklużiv u sostenibbli għal kulħadd;

5.  Jenfasizza li s-sostenibbiltà ambjentali hija sfida prinċipali, fejn in-nuqqas tagħha x'aktarx li jhedded id-dimensjonijiet kollha tal-iżvilupp tal-bniedem; ifakkar b'mod partikolari li d-degradazzjoni ambjentali hija ta' tfixkil kbir għall-ilħuq tal-objettiv li jinqerdu l-faqar estrem u l-ġuħ; ifakkar pereżempju li l-inugwaljanzi u l-ġlied persistenti fuq riżorsi skarsi huma fost il-katalizzaturi ewlenin tal-kunflitti, il-ġuħ, in-nuqqas ta' sigurtà u l-vjolenza, li min-naħa tagħhom huma fatturi ewlenin li jżommu lura l-iżvilupp tal-bniedem u l-isforzi sabiex jinkiseb żvilupp sostenibbli;

6.  Jenfasizza li l-qafas il-ġdid għandu jirrispondi b'mod effikaċi għal dawn l-isfidi u jindirizza kwistjonijiet importanti bħar-rispett għad-dinjità ta' kull bniedem, il-ġustizzja, l-ugwaljanza, il-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-paċi u s-sigurtà, it-tibdil fil-klima, il-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri u l-bini tar-reżiljenza, il-preservazzjoni tal-bijodiversità, it-tkabbir inklużiv u sostenibbli, id-drittijiet tal-proprjetà, is-saħħa u l-protezzjoni soċjali, l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u d-drittijiet tan-nisa, it-tfal, iż-żgħażagħ u l-minoranzi;

7.  Jenfasizza l-fatt li l-qafas il-ġdid tal-iżvilupp għandu jkun universali fin-natura tiegħu u applikabbli fil-pajjiżi kollha, inkluż fl-Istati Membri tal-UE, u għaldaqstant jeħtieġ li jkun rilevanti u ġust għall-pajjiżi żviluppati kif ukoll għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi, kapaċitajiet, politiki u prijoritajiet nazzjonali differenti; jenfasizza li r-responsabbiltajiet u l-piżijiet il-ġodda li jirriżultaw jeħtieġ li jinqasmu b’mod ugwali iżda wkoll ġust bejn il-pajjiżi kollha; jitlob lill-UE tindika x'azzjonijiet u impenji konkreti tista' tissuġġerixxi sabiex tindirizza l-prinċipju tal-universalità fil-livell intern u internazzjonali;

8.  Jenfasizza li l-għoti ta' rendikont u t-trasparenza reċiproċi fil-livelli kollha għandhom jikkostitwixxu l-assi għall-qafas il-ġdid tal-iżvilupp, u li huwa importanti li l-gvernijiet nazzjonali u atturi oħra, inkluż is-settur privat, jinżammu responsabbli għall-implimentazzjoni tal-qafas;

9.  Jappella lill-UE tmexxi b'mod attiv il-proċess lejn id-definizzjoni ta' qafas tal-iżvilupp globali uniku, komprensiv u integrat wara l-2015 u jilqa' l-kunsens dwar il-fatt li l-aġenda tal-iżvilupp globali l-ġdida jeħtieġ li ssaħħaħ il-mezz ta' implimentazzjoni u ġġedded is-sħubija globali għall-iżvilupp sostenibbli;

II.  Il-ħtieġa ta' sħubija globali mġedda u ta' pożizzjoni b'saħħitha u koeżiva tal-UE

10.  Jappella lill-UE sabiex ikollha rwol attiv fil-formazzjoni ta' sħubija globali ġdida li se timmobilizza l-azzjoni min-naħa tal-pajjiżi kollha, inklużi l-ekonomiji emerġenti u mill-partijiet interessati rilevanti kollha, inklużi s-settur privat, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali u l-parlamenti nazzjonali;

11.  Jappella lill-UE tadotta pożizzjoni b'saħħitha, koeżiva u magħquda fin-negozjati intergovernattivi li jmiss, filwaqt li tqis il-prijoritajiet enfasizzati f'din ir-riżoluzzjoni;

12.  Japprova l-konklużjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ tan-NU; iqis madankollu li l-qafas identifikat fil-konklużjonijiet tiegħu jista' eventwalment jiġi ggruppat, filwaqt li jinżamm il-bilanċ bejn il-qerda tal-faqar, il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi u t-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli, u li dan la jsir askapitu tal-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u lanqas askapitu ta' għanijiet aktar ambizzjużi u innovattivi;

13.  Jenfasizza li l-qafas globali l-ġdid għandu jinkludi l-arkitettura istituzzjonali adegwata li tindirizza l-għanijiet ewlenin tal-qerda tal-faqar, tiġġieled l-inugwaljanzi u tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, b'linji gwida ċari għas-superviżjoni tal-implimentazzjoni tagħha, u li din l-arkitettura għandha tindirizza wkoll il-kumplessitajiet u r-rabtiet bejn il-partijiet differenti tal-qafas futur;

14.  Jemmen li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli (PCD) hija għodda ewlenija għall-implimentazzjoni tal-qafas wara l-2015; jitlob lill-UE għaldaqstant, tiżgura li l-linji gwida neċessarji, il-valutazzjonijiet tal-impatt u l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ u ta' rappurtar jagħmlu lill-PCD realtà fil-qafas;

15.  Jenfasizza li l-universalità tal-aġenda tal-iżvilupp globali wara l-2015 timplika aktar impenji impenjattivi għall-UE u l-Istati Membri tagħha; jenfasizza li l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli l-ġodda (SDG) fl-ambitu tal-qafas globali se jkollhom jiġu riflessi fil-politiki esterni kif ukoll dawk interni tal-UE;

III.  Oqsma prijoritarji

16.  Ifakkar li l-qerda tal-faqar għandha tibqa' l-prijorità ewlenija tal-aġenda tal-iżvilupp globali wara l-2015, flimkien mal-indirizzar tal-pilastri ekonomiċi, ekoloġiċi u ta' sostenibbiltà soċjali, li huma marbutin ma' xulxin, u sħubija globali msaħħa;

Il-qerda tal-faqar, il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi u l-iżvilupp sostenibbli

17.  Jenfasizza li l-qerda tal-faqar u l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, flimkien mal-iżvilupp sostenibbli għandhom ikunu t-tema sottostanti tal-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015; jenfasizza l-ħtieġa li l-qafas ikun jikkonċentra fuq il-persuni u li jindirizza n-nuqqas ta' ġustizzja billi japplika approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, bil-għan li jitnaqqsu l-inugwaljanzi fi ħdan il-pajjiżi u bejniethom, bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin fil-qafas il-ġdid;

18.  Iqis li l-inugwaljanza xxekkel l-iżvilupp u l-isforzi għat-tnaqqis tal-faqar; itenni li l-qerda tal-faqar, l-ugwaljanza u l-iżvilupp sostenibbli huma possibbli biss jekk jitqiesu l-gruppi vulnerabbli kollha u jekk ikun promoss l-aċċess ekwu, l-użu sostenibbli tar-riżorsi u l-governanza tajba; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw SDG 10, kif propost mill-Grupp ta' Ħidma Miftuħ tan-NU, bħala għan awtonomu fil-qafas il-ġdid;

19.  Jenfasizza l-ħtieġa li biex il-qafas ikun tassew trasformattiv, jeħtieġ li jkun hemm għan dwar il-qerda tal-faqar estrem fil-livell ta' USD 2 kuljum;

20.  Jenfasizza l-fatt li l-qafas futur għandu jindirizza l-aspetti multidimensjonali tal-faqar u l-inugwaljanza, li jmorru lil hinn min-nuqqas ta' dħul iżda li jinvolvu lill-bnedmin fid-dinjità tagħhom u fid-dimensjonijiet kollha tagħhom, inklużi d-dimensjonijiet soċjali; jenfasizza li l-faqar m'għandux jiġi vvalutat skont id-dħul biss, iżda wkoll fir-rigward ta' indikaturi tal-benessri u mhux biss il-PDG;

21.  Jirrakkomanda li jingħata appoġġ lill-bini tal-istat permezz ta' aktar għajnuna ġenerali u/jew speċifika skont is-settur li tiddependi fuq kriterji ta' governanza tajba;

22.  Jenfasizza li f'ekonomija globalizzata fil-maġġorparti tagħha, il-liberalizzazzjoni naqqset is-setgħa ta' negozjar tal-ħaddiema, u li dan min-naħa tiegħu jipperikola l-kisba tad-drittijiet elenkati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti; iħeġġeġ bl-istess mod lill-UE tiżviluppa l-istrateġija tal-politika kummerċjali b'mod li żżomm u tipproteġi l-istandards soċjali u ambjentali għoljin, filwaqt li tiskoraġġixxi kwalunkwe forma ta' dumping soċjali u ambjentali;

23.  Jenfasizza li hemm interkonnessjoni importanti bejn il-governanza tajba, it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u t-tnaqqis fl-inugwaljanzi soċjali; jenfasizza l-importanza li jiġu promossi opportunitajiet u drittijiet ugwali kif ukoll id-djalogu soċjali; jappella għal definizzjoni usa' tal-faqar minn dik ibbażata biss fuq il-PDG, li tkun tinkludi miżuri usa' ta' progress u benessri;

24.  Jenfasizza l-importanza kruċjali mil-lat ekonomiku u soċjali ta' klassi tan-nofs b'saħħitha u stabbli; jenfasizza l-ħtieġa li l-klassi tan-nofs tkun involuta aktar mill-qrib fil-proċess politiku, u b'hekk ikun promoss it-tkabbir inklużiv;

25.  Jappella għall-promozzjoni ta' żvilupp ekoloġikament sostenibbli fil-pajjiżi kollha, kemm dawk żviluppati u kemm dawk li qed jiżviluppaw, permezz tal-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali rinnovabbli u l-ħarsien tal-ambjent;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli billi jintlaħaq bilanċ fl-iżvilupp reġjonali, jiġi promoss l-iżvilupp ta' bliet iżgħar u jiġi evitat it-tkabbir eċċessiv ta' bliet kbar;

Approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem

27.  Jilqa' l-inklużjoni fost l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli proposti mill-Grupp ta' Ħidma Miftuħ tan-NU, tal-promozzjoni ta' approċċ kkonċentrat fuq il-persuni u li huwa bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem; jesprimi tħassib madankollu dwar il-fatt li għadu ma tteħidx approċċ aktar ambizzjuż, u jisħaq li tali approċċ huwa essenzjali biex jindirizza l-għeruq tal-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanza;

28.   Jenfasizza l-universalità, l-indiviżibbiltà u l-interdipendenza tad-drittijiet kollha tal-bniedem tal-persuni kollha, mingħajr diskriminazzjoni dwar kwalunkwe raġuni, fejn fuq quddiem insibu d-dritt fundamentali tad-dinjità tal-bnedmin kollha, b'attenzjoni partikolari lid-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-bniet, inkluża l-promozzjoni tal-aċċess universali għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, kif ukoll il-ħarsien u r-rispett tad-drittijiet tal-migranti u l-minoranzi, inklużi l-persuni LGBTI u l-persuni li qed jgħixu bl-HIV; jenfasizza l-importanza li fil-qafas il-ġdid jiġu rispettati u promossi d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità;

29.  Jappella lill-UE tenfasizza l-importanza li fi ħdan l-aġenda wara l-2015 tingħata prijorità lill-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' qafas ġuridiku adegwat u lill-fatt li l-politiki nazzjonali u lokali għandhom jiġġieldu l-korruzzjoni u l-impunità, filwaqt li jkun żgurat aċċess għal istituzzjonijiet ġuridiċi imparzjali u indipendenti kif ukoll rimedji effikaċi għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment il-gruppi marġinalizzati kif ukoll il-ħarsien tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015 jeħtieġlu jiżgura l-governanza tajba, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

30.  Jistieden lill-UE tirdoppja l-isforzi mmirati li jiżguraw, matul in-negozjati intergovernattivi li jmiss, li l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt għall-iżvilupp isiru l-kunċetti li jirfdu l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015 u li għalhekk il-pilastri ewlenin tal-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem - l-universalità u l-indiviżibilità, in-nuqqas ta' diskriminazzjoni u l-ugwaljanza, ir-responsabbiltà u l-istat tad-dritt, il-parteċipazzjoni u l-inklużjoni - jiġu inklużi fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-qafas tal-iżvilupp wara l-2015; jenfasizza l-importanza li l-SDG 16, propost mill-Grupp ta' Ħidma Miftuħ tan-NU, jinżamm bħala għan awtonomu fil-qafas il-ġdid;

Il-prevenzjoni tal-kunflitti, l-irkupru wara kunflitt, il-bini tal-paċi u l-promozzjoni tal-paċi dejjiema

31.  Iqis li l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015 għandu jirrifletti kif xieraq il-ftehim il-ġdid għal impenn fi stati fraġli u l-għanijiet għall-bini tal-paċi u l-bini tal-istat li ntlaħaq qbil dwarhom f'Busan; jenfasizza li fil-qafas il-ġdid jeħtieġ attenzjoni speċjali fir-rigward tal-istati fraġli; jilqa' l-fatt li l-promozzjoni ta' soċjetajiet paċifiċi hija waħda mill-prijoritajiet tal-UE u li qed tevolvi bħala element importanti fil-qafas il-ġdid; iqis ukoll li huwa assolutament neċessarju li jkun hemm sħubijiet strutturali, intensivi u fit-tul li jagħtu prijorità lir-riforma tas-settur tas-sigurtà u lill-istabbiliment tal-istat tad-dritt u ta' istituzzjonijiet demokratiċi;

32.  Jenfasizza l-bżonn li l-qafas il-ġdid jindirizza l-ixpruni sottostanti tal-kunflitt u l-fraġilità; jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej jistabbilixxu proċeduri li jirreaġixxu aktar malajr f'sitwazzjonijiet ta' wara kunflitt u li jadottaw strateġija li tippermetti l-għajnuna għall-iżvilupp biex tikkontribwixxi b'mod kemm jista' jkun effikaċi għall-objettivi tas-sigurtà;

33.  Jikkundanna bil-qawwa n-nuqqas ta' prosekuzzjoni u kastig f'żoni milquta minn kunflitti, speċjalment għal dak li jirrigwarda l-vjolenza sesswali fuq in-nisa u l-bniet; jenfasizza l-importanza li jirduppjaw l-isforzi għall-ħarsien tal-persuni ċivili affettwati minn kunflitti armati, li jitjieb l-aċċess għall-appoġġ psikoloġiku partikolarment għan-nisa u t-tfal, u li jissaħħaħ il-kollegament bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp (LRRD) fil-qafas globali l-ġdid;

34.  Jirrikonoxxi l-kontribut importanti tan-nisa għall-prevenzjoni tal-kunflitti u għall-isforzi tal-bini tal-paċi, u jappella għaldaqstant għall-promozzjoni tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU sabiex tkun żgurata l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-soluzzjoni tal-kunflitti u l-bini tad-demokrazija;

It-taffija tat-tibdil fil-klima, il-ħarsien tal-ambjent u t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri

35.  Iqis li hemm bżonn li t-taffija tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih jiġi integrat b'mod effettiv fil-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015 bħala kwistjoni trasversali, u dan b'mod viżibbli u ambizzjuż; jappoġġja l-firxa wiesgħa ta' miżuri sabiex jiġu indirizzati l-effetti tat-tibdil fil-klima u li jkun żgurat futur aħjar għall-ġenerazzjoni l-ġdida, inkluża l-eliminazzjoni gradwali ta' sussidji li huma ta' dannu għall-ambjent; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-enerġija sostenibbli billi din hija kruċjali għat-taffija tat-tibdil fil-klima;

36.  Jenfasizza li l-proċess ta' integrazzjoni m'għandux iwassal għad-devjazzjoni tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) lejn politiki klimatiċi li ma jiksbux it-taffija diretta tal-faqar;

37.  Iqis li bosta komunitajiet foqra diġà qed iħabbtu wiċċhom mal-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima għalkemm ftit huma responsabbli għalih; itenni l-ħtieġa urġenti li tittieħed azzjoni dwar it-tnaqqis fl-emissjonijiet, b'enfasi fuq strateġiji ħielsa mill-karbonju; jenfasizza li l-mixja lejn ekonomija effiċjenti fl-enerġija u bbażata fuq l-enerġiji rinnovabbli tista' twassal għal kisbiet fit-tnaqqis fil-faqar; jemmen li l-UE għandha tappoġġja l-aċċess universali għal servizzi tal-enerġija rinnovabbli, ta' min jorbot fuqhom u bi prezz raġonevoli;

38.  Jilqa' l-fatt li t-taffija tat-tibdil fil-klima u l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali għandhom preżenza b'saħħitha fid-dokument finali tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ u huma integrati sew fih, inklużi l-preservazzjoni tal-oċeani u l-ibħra u l-preservazzjoni tal-bijodiversità u l-foresti;

39.  Jisħaq fuq l-importanza li fil-qafas il-ġdid jiġu inklużi l-għajnuna umanitarja, il-bini tal-kapaċità, il-prevenzjoni u miżuri parteċipattivi minn isfel għal fuq biex jitnaqqas ir-riskju ta' diżastri b'mod effettiv u tissaħħaħ ir-reżiljenza; jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-għajnuna internazzjonali, il-koordinazzjoni u r-riżorsi għal rispons f'emerġenza, l-irkupru u l-kostruzzjoni mill-ġdid f'sitwazzjonijiet wara diżastru;

40.  Jirrikonoxxi r-rwol distint li għandhom in-nisa fil-kontribuzzjoni għas-sostenibbiltà, u jappella għalhekk għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ugwaljanza tal-ġeneru fil-politiki ambjentali u tat-tibdil fil-klima bil-ħsieb li jkun żgurat it-tnaqqis fl-inugwaljanzi tal-ġeneru għal dak li jirrigwarda l-aċċess u l-kontroll tar-riżorsi għall-adattament għat-tibdil fil-klima;

Is-sigurtà tal-ikel, in-nutrizzjoni, l-agrikoltura sostenibbli, il-ġlieda kontra d-degradazzjoni tal-art, l-ilma u s-sanità

41.  Jilqa' l-fatt li s-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni dehret bħala qasam ta' prijorità għall-qafas tal-iżvilupp globali l-ġdid, u jilqa' wkoll l-inklużjoni ta' għan awtonomu għall-eliminazzjoni tal-ġuħ, il-kisba tas-sigurtà tal-ikel u għal nutrizzjoni mtejba, u l-promozzjoni ta' agrikoltura sostenibbli fid-dokument finali tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ; jirrikonoxxi l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa bdiewa b'rabta mas-sigurtà tal-ikel li hemm bżonn li jiġu kkunsidrati fl-iżvilupp tal-qafas il-ġdid;

42.  Jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati r-rabtiet mal-produttività mtejba tal-agrikoltura u s-sajd sostenibbli għat-tnaqqis fit-telf u l-ħela tal-ikel, il-ġestjoni trasparenti tar-riżorsi naturali u l-adattament għat-tibdil fil-klima;

43.  Jindika li s-sigurtà tas-sjieda tal-art għall-produtturi fuq skala żgħira, li tqis id-drittijiet tradizzjonali tal-użu tal-art, tistimola kemm lill-ekonomiji lokali u żżid is-sigurtà tal-ikel;

44.  Jappella dwar il-bżonn li mmorru lil hinn mis-sigurtà tal-ikel u li l-ikel jitqies bħal dritt bażiku tal-bniedem, biex b'hekk ikun jista' jiġi stabbilit għan ċar ta' ''Xejn Ġuħ'' u jintemm l-iskandlu tal-ġuħ sal-2025; jenfasizza li l-isforzi għall-qerda tal-faqar u t-tmiem tan-nutrizzjoni ħażina, kif ukoll il-fenomenu tal-''ġuħ moħbi'', għandhom jiffukaw fuq it-tfal u n-nisa li jreddgħu;

45.  Jenfasizza l-importanza li jiġu implimentati l-impenji ta' Rio+20 dwar id-degradazzjoni tal-art fil-pajjiżi kollha u l-linji gwida tal-FAO dwar id-dritt għall-ikel u dwar is-sjieda tal-art; jenfasizza l-importanza ta' governanza globali tajba sabiex jiġi evitat il-ħtif tal-art;

46.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza tajba fis-settur tal-art u li l-art titħares mir-riskju dejjem jikber li tinħataf minn konsorzji ta' negozju;

47.  Jindika l-importanza li jitqies l-aċċess universali għall-ilma tajjeb għax-xorb, is-sanità u l-ġestjoni integrata tal-ilma; jenfasizza l-ħtieġa li tittieħed azzjoni sabiex jitnaqqas l-użu ta' kimiċi dannużi u l-prevenzjoni tat-tniġġis;

Is-saħħa u l-edukazzjoni

48.  Huwa tal-fehma li s-settur tas-saħħa huwa kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tas-soċjetajiet; jappella għaldaqstant lill-UE sabiex fil-qafas globali l-ġdid tiffoka fuq il-promozzjoni ta' ħarsien tas-saħħa ekwu, universali u sostenibbli, b'enfasi speċjali fuq saħħa u kura tat-tfal u materna bi prezz raġonevoli, inkluża mira ambizzjuża dwar il-qerda ta' mwiet materni, tat-trabi u tat-tfal li jistgħu jiġu evitati, u dwar il-qerda ta' epidemiji bħall-AIDS, it-tuberkolożi, il-malarja u mard komunikabbli ieħor;

49.  Jirrikonoxxi s-saħħa bħala dritt tal-bniedem; jenfasizza l-importanza li jitjieb l-aċċess universali għall-iġjene u għal kura u kopertura tas-saħħa ta' kwalità għolja, inklużi servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttivi; jistieden lill-UE tenfasizza b'mod speċjali l-prevenzjoni tal-esklużjoni u d-diskriminazzjoni tal-gruppi l-aktar vulnerabbli fir-rigward tas-sistemi tas-saħħa;

50.  Jenfasizza l-importanza li titkompla l-ħidma sabiex jitjieb l-aċċess għall-ilma, is-sanità u l-iġjene bħala kwistjoni trasversali li taffettwa l-ilħuq ta' miri oħra fl-aġenda wara l-2015, inklużi s-saħħa, l-edukazzjoni u l-ugwaljanza tal-ġeneru;

51.  Jenfasizza li l-edukazzjoni hija fundamentali għall-iżvilupp ta' soċjetajiet li jistgħu jsostnu lilhom infushom; iħeġġeġ li l-aċċess għal-livelli kollha ta' edukazzjoni ta' kwalità għandu jiġi rifless fil-qafas tal-iżvilupp globali l-ġdid u li l-qafas għandu jindirizza wkoll il-kwistjoni tal-aċċess għall-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u ta' kriżi; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa ċ-ċittadinanza parteċipattiva permezz tal-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet ċiviċi u politiċi kif ukoll il-bini ta' soċjetajiet ibbażati fuq l-għarfien u innovattivi;

52.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-prijorità li jiġu eliminati l-inugwaljanzi fl-aċċess għas-saħħa u l-edukazzjoni fil-qafas wara l-2015, u tinkludi miżuri speċifiċi sabiex tilħaq lill-individwi u l-gruppi żvantaġġati li huma f'riskju ta' diskriminazzjoni;

Ir-rwol ċentrali tan-nisa fil-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015

53.  Jilqa' l-fatt fid-dokument finali tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ, l-għoti tas-setgħa lin-nisa u lill-bniet u l-importanza tal-ugwaljanza bejn il-ġeneru huma rikonoxxuti bħala prijoritajiet, filwaqt li jitqies ir-rwol ċentrali tan-nisa fil-qafas tal-iżvilupp globali l-ġdid; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw l-appell tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ li jkun hemm għan awtonomu dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneru filwaqt li jkun żgurat li fil-miri kollha tiddaħħal l-integrazzjoni tal-ġeneru, u li jippromwovu l-inklużjoni ta' miri ambizzjużi dwar id-drittijiet tan-nisa u l-bniet u titjib fl-implimentazzjoni ta' dawn il-miri;

54.  Itenni l-importanza li jiġu eliminati l-forom kollha ta' diskriminazzjoni u vjolenza kontra n-nisa u l-bniet fil-qafas il-ġdid; jenfasizza l-importanza li jiġu eliminati l-leġiżlazzjoni u l-prattiki diskriminatorji kollha; iħeġġeġ lill-UE tpoġġi l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza, bħall-vjolenza domestika, it-traffikar, l-isfruttament u l-fastidju sesswali, u l-prattiki dannużi kollha inklużi ż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ bikri jew sfurzat u l-mutilazzjoni ġenitali femminili bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fl-ambitu tal-qafas globali l-ġdid;

55.  Iqis li l-aġenda globali wara l-2015 għandha twassal messaġġ ċar b'rabta mal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet;

56.  Jenfasizza l-importanza li jkun żgurat aċċess ugwali għax-xogħol kemm għan-nisa u kemm għall-irġiel, u ħlas ugwali kullimkien għal xogħol tal-istess valur; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi salvagwardjat id-dritt tan-nisa li jkollhom it-tfal u li fl-istess waqt jibqgħu jaħdmu;

57.  Jenfasizza l-importanza li jitjieb l-aċċess tal-bniet għal-livelli kollha tal-edukazzjoni u li jitneħħew l-ostakoli relatati mal-ġeneru fil-qasam tat-tagħlim;

58.  Jenfasizza l-importanza li jkun żgurat aċċess universali għal servizzi tas-saħħa bħall-ippjanar tal-familja, inklużi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi;

59.  Jindika l-ħtieġa li jiġu stabbiliti arranġamenti effikaċi u speċifiċi ta' ħarsien għall-migranti nisa, u jirrikonoxxi l-importanza tad-dritt tan-nisa li jemigraw u jintegraw f'kultura ġdida;

It-tkabbir inklużiv u sostenibbli, l-impjiegi u l-ħolqien ta' impjiegi deċenti

60.  Jenfasizza li t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv, flimkien mal-ħolqien ta' impjiegi deċenti u l-effiċjenza fir-riżorsi bil-għan li nersqu lejn mudell ta' konsum u ta' produzzjoni aktar sostenibbli u t-taffija tat-tibdil fil-klima, huma kruċjali għas-suċċess tal-qafas wara l-2015; iqis li d-definizzjoni tal-indikaturi kwalitattivi se tkun essenzjali biex jiġi mmonitorjat il-punt safejn il-progress għall-iżvilupp huwa inklużiv u sostenibbli, u kemm il-ħtiġijiet tal-gruppi l-aktar vulnerabbli u li għandhom nuqqasijiet qed jiġu indirizzati;

61.  Jenfasizza li huwa kruċjali li jiġi mmonitorjat il-punt safejn l-iżvilupp ekonomiku jinkludi l-gruppi l-aktar vulnerabbli u li għandhom nuqqasijiet, u kemm is-salarji huma konformi maż-żidiet fil-produttività; ifakkar li hija r-responsabbiltà tal-Istat li jipprovdi servizzi soċjali bażiċi liċ-ċittadini tiegħu, biex b'hekk jikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar; iqis li huwa essenzjali li jkunu stabbiliti livelli minimi ta' ħarsien soċjali definiti fil-livell nazzjonali kif ukoll regolament dwar il-paga minima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

62.  Jitlob lill-UE tippromwovi ambjent li jippermetti l-intraprenditorija, il-kummerċ, l-investiment u l-innovazzjoni, li se jwassal sabiex inaqqas l-inugwaljanzi u li huwa mmirat li jsaħħaħ il-ġustizzja soċjali;

63.  Jenfasizza l-ħtieġa li fil-qafas tal-iżvilupp globali l-ġdid jiġi eliminat gradwalment it-tħaddim tat-tfal;

64.  Jappella għal qafas globali ġdid li joħloq skema ta' kummerċ ekwa u sostenibbli bbażata fuq id-djalogu, it-trasparenza u r-rispett li tfittex li jkun hemm aktar ugwaljanza fil-kummerċ internazzjonali; huwa tal-fehma li l-Kummerċ Ġust huwa eżempju ta' sħubija ta' suċċess li tinvolvi ħafna partijiet interessati mid-dinja kollha u fi stadji differenti tal-katina tal-provvista, li tiżgura aċċess għas-suq għall-produtturi żvantaġġati, b'mod partikolari n-nisa, tiggarantixxi għajxien sostenibbli, tirrispetta l-istandards tax-xogħol, telimina t-tħaddim tat-tfal u tħeġġeġ il-biedja u l-prattiki ta' produzzjoni sostenibbli mil-lat ambjentali;

65.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm qafas globali ġdid għall-promozzjoni ta' skema kummerċjali multilaterali universali, trasparenti, ibbażata fuq ir-regoli, miftuħa, mhux diskriminatorja u ekwa fl-ambitu tad-WTO; jistieden lill-UE terġa' tikkunsidra l-istrateġija tagħha għall-politiki tal-iżvilupp sostenibbli, inkluż il-kummerċ ġust;

66.  Jappella sabiex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta' inċentivi ekoloġiċi, bħall-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi;

67.  Jenfasizza l-importanza li fil-qafas globali l-ġdid jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ;

Is-settur privat

68.  Jenfasizza li s-settur privat jista' jkun xprun ewlieni tat-tkabbir sostenibbli u inklużiv, meta jitqiesu prinċipji ewlenin tal-iżvilupp bħad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tax-xogħol, ir-responsabbiltà korporattiva u l-mekkaniżmi ta' trasparenza, id-djalogu soċjali u l-impenji ambjentali; jistieden lill-UE tappoġġja l-bini ta' sistemi regolatorji li jnaqqsu l-piż eċċessiv tal-burokrazija, jippromwovu l-governanza tajba, jiġġieldu t-tixħim u l-korruzzjoni u jippromwovu l-ħolqien tal-imjiegi; jinsisti fuq il-bżonn li titjieb ir-responsabbiltà soċjali korporattiva ta' intrapriżi multinazzjonali permezz ta' regoli legalment vinkolanti; iqis li f'dawn iċ-ċirkostanzi s-settur privat għandu jkun xprun ewlieni għall-iżvilupp ekonomiku inklużiv u sostenibbli;

69.  Jappella għal regoli trasparenti u ġusti fl-aċċess għal swieq lokali u internazzjonali, li jagħtu opportunitajiet indaqs għall-partijiet interessati kollha involuti;

70.  Jindika li r-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva għandha tkun element importanti tal-qafas il-ġdid;

71.  Jappella lill-UE tiżgura li l-flussi tal-għajnuna kollha għas-settur privat isegwu l-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp u jiżguraw li s-settur privat fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu l-għan li joħroġ lill-persuni mill-faqar;

72.  Jilqa' r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill li jiġi enfasizzat aktar l-appoġġ għall-SMEs, billi jinħoloq ambjent favorevoli għas-sidien ta' negozji żgħar u jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament u t-taħriġ;

73.  Jappoġġja b'mod partikolari l-iżvilupp ulterjuri tal-inizjattiva għal intraprenditorija soċjali fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jappella għall-ħolqien ta' għodod ġodda li jappoġġjaw il-kooperazzjoni mtejba bejn l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fil-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw;

74.  Iħeġġeġ lill-UE sabiex fl-aġenda wara l-2015 tagħti prijorità lill-ġustizzja fil-qasam tat-taxxa u lill-mobilizzazzjoni tar-riżorsi interni, billi dawn għandu jkollhom rwol akbar f'soċjetà li qed tinbidel, fil-qerda tal-faqar u t-tnaqqis fl-inugwaljanzi;

Is-soċjetà ċivili

75.  Filwaqt li jirrikonoxxi l-ħtieġa li jkun hemm approċċ parteċipattiv fil-qafas il-ġdid, li għandu jimmira li jinvolvi lill-atturi fil-livelli kollha, jenfasizza r-rwol kruċjali li għandhom l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll l-organizzazzjonijiet tan-nisa fir-rigward tar-rwol ċentrali tan-nisa fl-iżvilupp globali, bħala dawk li jippermettu l-iżvilupp u li jippromwovu l-universalità, l-ugwaljanza, l-inklużjoni, ir-responsabbiltà u t-trasparenza; jenfasizza l-importanza li jkun hemm djalogu mal-organizzazzjonijiet fuq il-post, u li tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni diretta tal-persuni u l-komunitajiet;

76.  Jenfasizza r-rwol partikolari li għandhom l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-istat tad-dritt, il-ġustizzja, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi speċjalment f'pajjiżi fejn il-bini tal-istat għadu fil-fażijiet bikrija tiegħu u l-kapaċitajiet tal-istat u tal-gvern huma limitati;

L-awtoritajiet lokali u l-parlamenti nazzjonali

77.  Jenfasizza l-importanza li l-awtoritajiet lokali u l-parlamenti nazzjonali jiġu inklużi fl-ippjanar għall-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-flussi tal-għajnuna finanzjarja; jenfasizza li dan ikun jeħtieġ proċess ta' parteċipazzjoni vera, imwettaq fi stadju bikri tal-fażi tal-iżvilupp u li, b'kunsiderazzjoni għal dan, l-għajnuna pubblika deċentralizzata għandha tkun rikonoxxuta u msaħħa;

IV.  Il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji

78.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jissodisfaw l-impenn tagħhom li jallokaw tal-anqas 0.7 % tal-ING għall-ODA, inkluż tal-anqas 0.2 % lill-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati u stati oħrajn b'vulnerabbiltà għolja; jappella lill-UE tieħu approċċ internazzjonali koerenti u komprensiv għall-finanzjament lil hinn mill-2015; itenni l-ħtieġa li jkompli jkun hemm ħidma mill-qrib ma' donaturi oħra għall-iżvilupp ta' mekkaniżmi finanzjarji innovattivi oħra, bħat-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji;

79.  Jenfasizza l-importanza li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sjieda fil-kuntest tal-iżvilupp; jenfasizza l-bżonn li jiżdied id-djalogu politiku bejn id-donaturi u l-pajjiżi sħab;

80.  Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li l-ODA għandha tibqa’ s-sinsla tal-politika Ewropea ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp li timmira li teqred il-faqar;

81.  Jappella lill-UE tevalwa l-mekkaniżmi ta' taħlit sabiex tiżgura li huma trasparenti u responsabbli u li għandhom impatt ta' żvilupp sostenibbli ċar; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika linji gwida li huma bbażati fuq strateġiji armonizzati għat-tnaqqis fil-faqar;

82.  Itenni l-appell tiegħu li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, ir-rifuġji fiskali, il-flussi illegali ta' kapital u l-istrutturi dannużi tat-taxxa ssir prijorità prinċipali fil-finanzjament tal-iżvilupp; ifakkar li stimi juru li f'dan l-aħħar deċennju l-pajjiżi li qed jiżviluppaw tilfu kważi USD 6 triljun fi flussi finanzjarji illegali, ammont li jisboq bil-kbir il-flussi tal-ODA għal dak il-perjodu, u għalhekk jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ it-trasparenza u l-governanza globali tajba;

83.  Jappella lill-UE tiffaċilita fejn possibbli s-sħubiji pubbliċi-privati u tagħti prijorità lill-utilizzazzjoni tal-esperjenza, l-għarfien espert u s-sistemi ta' ġestjoni tas-settur privat, bi sħubija ma' riżorsi pubbliċi;

84.  Jappella lill-UE tkompli tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom sabiex iżidu l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi pubbliċi u privati interni u tassistihom fl-istabbilment ta' sistemi ta' tassazzjoni ġusti, sostenibbli u ekwi li jwasslu sabiex jintlaħaq tnaqqis fil-faqar u d-dipendenza fuq l-għajnuna;

V.  L-indikaturi u r-responsabbiltà

85.  Jenfasizza li data affidabbli li tkun aċċessibbli u maqsuma f'partijiet hija kruċjali għat-tfassil ta' politiki xierqa dwar il-qafas il-ġdid u biex il-gvernijiet u l-komunità internazzjonali jitqiesu responsabbli;

86.  Jenfasizza l-bżonn li jkun hemm mekkaniżmi ta' responsabbiltà b'saħħithom sabiex ikun żgurat li kemm il-pajjiżi żviluppati u kemm dawk li qed jiżviluppaw jissodisfaw l-impenji tagħhom u jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi b'rabta mal-faqar u s-sostenibbiltà li se jittratta l-qafas wara l-2015; jenfasizza li l-qafas jeħtieġ li jkun ibbażat fuq l-evidenza, u jinkludi miri finanzjarji u mekkaniżmi għal monitoraġġ u r-responsabbiltà b'saħħithom fil-livelli kollha; ifakkar li l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ għandhom jinkludu proċess ta' rieżami bbażat fuq id-disponibilità u t-trasparenza;

o
o   o

87.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-President tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli.

(1) Konklużjonijiet tal-Kunsill 9558/07, 15.5.2007.
(2) ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.
(3) ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44.
(4) Testi adottati, P7_TA(2014)0259.
(5) Testi adottati, P7_TA(2014)0269.
(6) Testi adottati, P7_TA(2013)0283.


Impjieg u aspetti soċjali tal-istrateġija UE2020
PDF 286kWORD 109k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2014 dwar impjiegi u aspetti soċjali tal-istrateġija Ewropa 2020 (2014/2779(RSP))
P8_TA(2014)0060B8-0252/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Marzu 2014 bit-titolu "Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (COM(2014)0130),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 u l-21 ta’ Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar l-istrateġija Ewropa 2020(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2013 bit-titolu 'Suq Uniku għat-tkabbir u l-impjiegi: analiżi tal-progress li sar u tal-ostakli li għad fadal fl-Istati Membri – Kontribut għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014' (COM(2013)0785),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Lulju 2014 dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ(3),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-impjiegi u l-aspetti soċjali tal-istrateġija UE2020 (O-000076/2014 – B8‑0035/2014 u O‑000077/2014 – B8‑0036/2014),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-approċċ integrat tal-istrateġija Ewropa 2020 jenfasizza l-prinċipju li tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv ma jistax jintlaħaq mingħajr ma jinkisbu l-ħames miri ewlenin kollha;

B.  billi minkejja n-natura integrata tal-istrateġija Ewropa 2020, l-impatt soċjali tal-miżuri ta' konsolidament fiskali u l-ħtieġa li jkun preservat livell adegwat ta' investiment soċjali bħala fattur li jsaħħaħ l-iżvilupp u t-tkabbir ma kinux rikonoxxuti b'mod suffiċjenti f'oqsma oħra ta' politika;

C.  billi l-UE tinsab il-bogħod milli tilħaq il-miri ewlenin tal-impjiegi u tat-tnaqqis tal-faqar tal-istrateġija Ewropa 2020;

D.  billi minn meta l-istrateġija Ewropa 2020 daħlet fis-seħħ fl-2010 il-livelli tal-qgħad komplew jiżdiedu f'uħud mill-Istati Membri u r-rata tal-qgħad għall-UE-28 laħqet livell allarmanti ta' 10,1 % fl-2014, b'24,6 miljun persuna qiegħda fl-Unjoni u b'għadd li qed jiżdied ta' ħaddiema fqar; billi l-agħar livelli jinsabu fir-reġjuni ultraperiferiċi, fejn il-medja tar-rata tal-qgħad tilħaq l-24 % u l-medja tar-rata tal-qgħad taż-żgħażagħ hi ta' 51 %(4);

E.  billi l-għadd ta' persuni li jinsabu f'risku tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali żdied b'10 miljun mill-2008 għal aktar minn 122,6 miljun, b'wieħed minn kull erba' ċittadini effettwat; billi d-differenzi bejn l-Istati Membri wkoll qed jikbru; billi r-rata medja ta' riskju ta' faqar fl-UE hi ta' 24,8 %, filwaqt li ċ-ċifra ekwivalenti għat-tfal (fl-età taħt it-18-il sena) hi ta' 28 %, u billi dawn iċ-ċifri żdiedu minn meta l-istrateġija Ewropa 2020 daħlet fis-seħħ fl-2010;

F.  billi għal persuni b'diżabbiltà r-rata ta' faqar hi ta' 70 % aktar għolja mill-medja, parzjalment minħabba aċċess limitat għall-impjieg;

G.  billi jeħtieġ li jkun hemm 16-il miljun ċittadin addizzjonali f'impjieg sabiex tintlaħaq il-mira ta' impjiegi ta' 75 % fl-2020;

H.  billi, skont l-aħħar previżjonijiet tal-Kummissjoni, ir-rata tal-qgħad tal-UE hija mistennija tonqos b'ammont ferm negliġenti, għal 10,4 % fl-2015;

I.  billi r-rati għolja tal-qgħad fl-UE huma marbuta mal-bażi produttiva industrijali u tal-manifattura li ċkienet;

J.  billi r-riformi jeħtieġ ikomplu sabiex jintlaħqu t-talbiet taċ-ċittadini fl-isfera tal-impjieg u dik soċjali;

K.  billi qed jiżdiedu d-diverġenzi fir-rati ta' impjieg bejn Stati Membri u reġjuni differenti, li jwassal għal polarizzazzjoni tal-UE bejn iċ-ċentru u l-periferija u b'hekk hemm riskju ta' żieda fl-iżbilanċi soċjali fuq terminu twil;

L.  billi l-Artikolu 174 tat-TFUE jiddikjara li l-UE għandha tiżviluppa u tfittex li twettaq l-azzjonijiet tagħha li jwasslu sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdanha inklużi reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti;

M.  billi, biex tkun indirizzata l-kriżi, uħud mill-Istati Membri għamlu qtugħ kbir fl-infiq pubbliku fl-istess ħin li żdiedet it-talba għall-protezzjoni soċjali b'rispons għaż-żieda fil-qgħad; billi l-allokazzjonijiet li jkopru l-baġit nazzjonali għas-sigurtà soċjali sfaw taħt pressjoni illi l-kontribuzzjonijiet naqsu wara t-telf ta’ impjiegi jew it-tnaqqis fis-salarji li laqat lil diversi persuni, u għalhekk il-mudell soċjali Ewropew verament tqiegħed fil-periklu;

N.  billi r-reġjuni li jkollhom iħabbtu wiċċhom ma ' sfidi naturali jew demografiċi serji bosta drabi għandhom livelli ta ' impjieg aktar baxxi u diffikultajiet akbar biex jinkiseb aċċess għal servizzi pubbliċi bħalma huma l-edukazzjoni jew il-kura tas-saħħa;

O.  billi l-livelli ta ' qgħad fost iż-żgħażagħ jibqa' kwistjoni dejjem aktar inkwetanti, hekk kif fl-UE ntlaħaq livell allarmanti ta' 23,3 % (medja tal-UE fl-2013) filwaqt li aktar minn 40 % taż-żgħażagħ għandhom kuntratt temporanju u kważi 25 % taż-żgħażagħ jaħdmu part-time;

P.  billi l-qgħad, u l-qgħad fost iż-żgħażagħ, huma marbuta wkoll man-nuqqas ta' miżuri effikaċi biex jiġu stimulati l-investimenti pubbliċi fil-qasam tal-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-kwalifiki u l-ħiliet professjonali, li jikkostitwixxu mutur għat-tkabbir ekonomiku u għall-ekonomiji ta' skala;

Q.  billi fi Frar 2013 il-Kummissjoni adottat il-Pakkett ta' Investiment Soċjali;

R.  billi fil-qafas tal-istrateġija Ewropa 2020, kienu indirizzati lil 13 il-Stat Membru, rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż bl-għan li jippromovu l-impjieg tan-nisa;

S.  billi ż-żieda fir-rata tal-impjieg tan-nisa, f'uħud mill-Istati Membri, seħħet prinċipalment minħabba ż-żieda fix-xogħol part-time; billi f'termini ekwivalenti ta' full-time huma biss 53,5 % tal-ħaddiema nisa li huma impjegati fl-UE; billi fl-2012 ir-rata ta' impjieg part-time tan-nisa kienet ta' 32,9 %, imqabbla ma' dik ta' 8,4 % għall-irġiel;

T.  billi l-Fond Soċjali Ewropew jappoġġa l-isforzi biex jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 2020 permezz ta' azzjonijiet biex jiġi miġġieled il-qgħad b'enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ; billi l-pakkett ta' investimenti ta' EUR 300 biljun imwiegħed minn Jean-Claude Juncker għandu jintuża biex jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 2020; billi għandha tingħata attenzjoni partikolari għat-tnaqqis tal-faqar u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità;

U.  billi l-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu tas-27 ta' Ġunju 2014, enfasizza li l-livell attwali ta' qgħad fl-UE huwa għoli b'mod inaċċettabbli u stabbilixxa, għalhekk, Aġenda Strateġika b'iffukar qawwi fuq l-impjiegi, it-tkabbir u l-kompetittività;

V.  billi filwaqt li l-Unjoni Ewropea qiegħda fit-triq it-tajba biex tilħaq il-miri tagħha dwar it-tluq bikri mill-iskola, xorta għad hemm diskrepanzi kbar bejn l-Istati Membri fir-rati ta' tluq bikri mill-iskola; billi t-tnaqqis fir-rati ta' tluq bikri mill-iskola se jżid il-possibbiltà ta' impjieg għaż-żgħażagħ;

W.  billi l-inugwaljanzi fl-introjtu żdiedu, hekk kif fl-2012 l-aqwa 20 % kienu jaqalgħu 5,1 darbiet aktar mill-agħar 20 %, u dan hu indikatur ieħor tad-diverġenzi soċjali li qed jiżdiedu bejn u fi ħdan l-Istati Membri; billi din iż-żieda fir-riskji ta' inugwaljanza tista' tiddistabbilizza s-soċjetajiet fl-Ewropa u bħala tali għandha tkun indirizzata billi jiġu adottati miżuri li jinkoraġġixxu t-tkabbir fil-qasam tal-impjieg u tal-aċċess għat-tagħrif pubbliku u permezz tal-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità;

X.  billi għandha tingħata attenzjoni speċifika għall-integrazzjoni tas-sessi u għall-politiki mmirati lejn in-nisa sabiex jintlaħqu l-miri ewlenin tal-impjiegi u tat-tnaqqis tal-faqar tal-istrateġija Ewropa 2020 u jingħalaq id-distakk persistenti tal-ġeneru f'termini ta' impjieg u faqar;

Y.  billi l-isfidi demografiċi u t-tixjiħ tal-popolazzjoni se jkomplu jkollhom impatt fuq il-kapaċità tal-Istati Membri li jilħqu l-miri tal-Ewropa 2020;

Z.  billi l-Kummissjoni tindika l-preżenza ta' żbilanċi makroekonomiċi u disparitajiet fil-prestazzjonijiet fuq is-suq tax-xogħol bejn Stat Membru u ieħor, b'mod partikolari fir-rigward tal-qgħad fost iż-żgħażagħ;

AA.  billi żieda fit-tkabbir ekonomiku waħidha mhijiex garanzija ta' aktar impjiegi diċenti, tnaqqis fil-faqar jew tnaqqis fl-inugwaljanzi soċjali iżda tirrikjedi għażliet politiċi xierqa biex jintlaħqu dawn l-objettivi;

AB.  billi filwaqt li l-politiki soċjali, fiskali, ekonomiċi u tal-impjiegi huma marbutin ħafna mill-qrib, il-Kumitati għall-Protezzjoni Soċjali (SPC), għall-Impjiegi (EMCO), għall-Politika Ekonomika (EPC) u għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (EFC) jittrattaw dawn il-kwistjonijiet relattivament f'iżolament, u dan ifixkel it-tfassil integrat tal-politiki;

1.  Jesprimi dispjaċir li l-politiki attwali jibqgħu ffukati biss fuq it-tkabbir ekonomiku mingħajr ma jirrikonoxxu l-ħtieġa ta' approċċ inklużiv, sostenibbli u bbażat fuq id-drittijiet; jenfasizza li biex it-tkabbir isir sostenibbli, il-benefiċċji tiegħu jeħtieġ jinfirxu mas-soċjetà kollha;

2.  Jesprimi dispjaċir li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (CSRs) li ġew adottati s'issa bħala parti miċ-ċikli tas-Semestru Ewropew ma ġewx allinjati biżzejjed mal-miri tal-Ewropa 2020 dwar l-impjiegi, it-tnaqqis tal-faqar u l-edukazzjoni; jiddispjaċih li mhix qed titqies biżżejjed l-importanza tas-sistemi tas-sigurtà soċjali bħala strumenti ewlenin biex jiġu stabbilizzati l-ekonomija u s-soċjetà u jitnaqqas il-faqar; jitlob għal sforzi aktar determinati ta' gwida u koordinazzjoni tal-politiki tal-UE sabiex jissaħħaħ is-Suq Uniku bil-ħsieb li jiġu indirizzati l-ostakli fl-implimentazzjoni tiegħu u jiġi sfruttat il-potenzjal tiegħu li jsaħħaħ it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u li joħloq ix-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li fil-futur is-CSRs jagħtu prijorità lill-miri tal-Ewropa 2020;

3.  Jirrikonoxxi l-ħidma li għaddejja fuq it-tema "Lil hinn mit-Tkabbir", kif muri bil-ħidma tal-Presidenza Taljana u jqis li dan għandu jikkontribwixxi għar-rieżami tal-Istrateġija Ewropa 2020; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu espressa fir-riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar il-"PDG u lil hinn minnu – Inkejlu l-progress f'dinja li dejjem tinbidel"(5);

4.  Jappella biex fl-istrateġija Ewropa 2020 ikun hemm prinċipju obbligatorju ta' tagħlim komparattiv fil-politika tal-Istati Membri tal-UE speċjalment fir-rigward tas-suq tax-xogħol Ewropew; dan ifisser l-implimentazzjoni ta ' monitoraġġ effikaċi u reġistrazzjoni tal-mudelli kif ukoll ta' metodi tal-aħjar prattika fl-Ewropa li jiffokaw fuq it-tnaqqis tar-rati tal-qgħad speċjalment fost iż-żgħażagħ; dan għandu jirriżulta f'analiżi komparattiva u fi klassifikar tal-eżempji nazzjonali relevanti kollha, u dawn ir-riżultati jwasslu għal konsegwenzi politiċi konkreti fl-Istati Membri kollha;

5.  Jistieden lill-Istati Membri japplikaw approċċ aktar ambizzjuż u konkret meta jittraduċu miri tal-UE fil-miri tagħhom f'livell nazzjonali; jitlob, b'mod partikolari, li l-miri tal-impjiegi, tat-tnaqqis fil-faqar u tal-edukazzjoni jitqassmu skont l-età u l-ġeneru biex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni komparattiva (benchmarking);

6.  Iqis li l-kisba tal-objettivi ta' riindustrijalizzazzjoni hija fundamentali għall-kompetittività tal-UE u li t-tnedija mill-ġdid ta' politika industrijali Ewropea ġenwina tista' tippromwovi t-tkabbir u toħloq impjiegi ġodda ta' kwalità għolja;

7.  Jitlob biex tiġi introdotta sistema ta' edukazzjoni doppja, li tiffunzjona fil-livell nazzjonali u reġjonali f'forma flessibbli, u biex jinħoloq Servizz tal-Impjieg effiċjenti b'rabtiet mill-qrib mat-netwerk Ewropew; jitlob, barra minn hekk, biex jiġu applikati kunċetti ġenwini ta' tagħlim tul il-ħajja kif ukoll kejl tas-suq tax-xogħol bil-għan li jissaħħu l-livelli ta' kwalifika tal-ħaddiema aktar anzjani;

8.  Ifakkar fl-importanza tas-sħab soċjali fir-rigward tal-politiki tas-suq tax-xogħol u jenfasizza li l-konsultazzjoni magħhom għandha tkun parti integrali mill-proċess; jistieden, għalhekk, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-involviment tas-sħab soċjali biex jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 tirnexxi;

9.  Jappella biex ikun hemm pjattaforma ta' sħab soċjali li tgħaqqad flimkien l-interessi tal-impjegati u ta' min iħaddem;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe żieda fir-rata tal-impjieg tkun ir-riżultat ta' żieda fl-għadd ta' impjiegi ta' kwalità fl-ekonomija Ewropea;

11.  Jiddeplora l-fatt li ż-żidiet fir-rati ta' impjieg kienu parzjament ir-riżultat ta' forom prekarji ta' impjieg bħal kuntratti li ma jispeċifikawx il-ħinijiet (zero-hour), impjieg indipendenti fittizju u xogħol part-time involontarju; jinsab imħasseb li impjiegi bħal dawn ma jagħtux ħajja diċenti u drittijiet tax-xogħol adegwati;

12.  Jenfasizza li l-kwalità tal-impjieg hi importanti biex aktar persuni jidħlu f'impjieg u biex tkun possibbli għalihom li jaħdmu aktar fit-tul, u għalhekk dan hu fattur kruċjali biex tintlaħaq il-mira tal-impjieg tal-istrateġija Ewropa 2020; iqis, għalhekk, li l-indikaturi tal-impjieg jiffokaw mhux biss fuq l-għadd ta' persuni li jkunu qed isibu impjieg, iżda anke fuq il-kwalità tax-xogħol biex tingħata stampa dettaljata tas-swieq tax-xogħol nazzjonali;

13.  Jikkunsidra li l-Istati Membri kollha għandhom jippreżentaw ir-rapporti nazzjonali dwar il-progress annwali tagħhom fil-kisba tal-miri tal-istrateġija Ewropa 2020; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tħejji Rapport Annwali dwar il-Progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ewropa 2020 u l-miri ewlenin kollha;

14.  Jilqa' l-użu għall-ewwel darba tat-tabella ta' valutazzjoni dwar indikaturi ewlenin tal-impjieg u dawk soċjali fiċ-ċiklu ta' din is-sena; jitlob għall-inklużjoni ta' indikaturi addizzjonali bħal livelli ta' faqar fost it-tfal, aċċess għall-kura tas-saħħa, nuqqas ta' akkomodazzjoni; jitlob għal analiżi addizzjonali tal-karatteristiċi tas-subpopolazzjonijiet tal-Istati Membri li jgħixu fil-faqar sabiex l-isforzi politiċi jkunu aktar konċentrati; jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jużaw it-tabella ta' valutazzjoni bħala mekkaniżmu ta' twissija bil-għan li jkunu żviluppati politiki xierqa;

15.  Jappella biex fl-Istrateġija jinstab bilanċ ġdid bejn il-prijoritajiet finanzjarji u ekonomiċi u prijoritajiet soċjali b'saħħithom, sabiex jiġi żgurat li l-politiki soċjali jkunu msaħħa; jenfasizza li kunsiderazzjonijiet ta' impjiegi u soċjali għandhom jitqiegħdu fl-istess livell bħal dawk makroekonomiċi fil-proċedura tas-Semestru Ewropew; jitlob, barra minn hekk, li jiġu organizzati laqgħat konġunti bejn il-Kunsilli EPSCO u ECOFIN biex tintlaħaq pożizzjoni koerenti;

16.  Iqis li l-objettiv li jinħolqu impjiegi u xogħol ta' kwalità (kif ukoll l-effiċjenza fir-riżorsi) għandu jkun aktar effettiv u viżibbli fl-inizjattivi ewlenin tal-Ewropa 2020, speċjalment fl-inizjattivi ewlenin għal Ewropa Effiċjenti fir-Riżorsi, Unjoni ta' Innovazzjoni, Aġenda Diġitali u Politika Industrijali, kif ukoll billi jiddaħħlu indikaturi kwantifikabbli dwar l-impjiegi fit-tabelli ta' valutazzjoni relevanti;

17.  Iqis importanti, barra minn hekk, li fl-eżerċizzji futuri l-indikaturi ewlenin tal-impjieg u dawk soċjali inklużi fit-tabella ta' valutazzjoni għandhom sistematikament jiddifferenzjaw bejn irġiel u nisa;

18.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew itemm bħala kwistjoni ta' urġenza r-riforma tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM), partikolarment permezz ta' koordinazzjoni ex-ante tal-pjanijiet futuri ewlenin ta' riforma ekonomika, evalwazzjoni tal-impatt soċjali u mekkaniżmi ta' solidarjetà relatati; jappella biex din il-koordinazzjoni tkun sostnuta minn valutazzjoni tal-impatt soċjali u fuq il-ġeneru ex-ante u ex-post li tkun komprensiva;

19.  Ifakkar li, skont il-Eurofound, l-ispiża tan-NEETs (f'telf ta' introjtu, telf ta' dħul mit-taxxa u żieda fl-infiq fuq trasferimenti tas-sigurtà soċjali) fl-UE żdiedet minn 153 biljun fl-2011 għal 162 biljun fl-2012 u li, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO), b'kollox huma meħtieġa EUR 21 biljun biex jingħata kontribut sabiex tissolva l-problema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fiż-żona tal-euro; jikkunsidra, għalhekk, li jeħtieġ żieda fil-finanzjament tal-UE sabiex tinkiseb il-mira tal-istrateġija Ewropa 2020 ta' rata' tal-impjieg ta' 75 %; jenfasizza li t-tqassim ta' flus minn qabel (frontloading) ma jinvolvix riżorsi ġodda, u fih ir-riskju li l-finanzjament ikun ikkonċentrat fil-bidu meta d-domanda tkun baxxa u jispiċċa meta d-domanda tkun qawwija, u dan jagħmel ix-xogħol għall-benefiċjarji tal-proġett fuq il-post aktar diffiċli u imprevedibbli; iqis, barra minn hekk, li huma meħtieġa linji gwida komprensivi u preċiżi mill-Kummissjoni għall-Istati Membri u s-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi tagħhom dwar l-eliġibilità tal-programmi tagħhom għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

20.  Jemmen li l-Istati Membri jeħtieġ ikunu aktar reattivi għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari billi jiżguraw rabtiet qawwijin bejn id-dinja tal-edukazzjoni u d-dinja tax-xogħol,

21.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tallinja mill-qrib il-Fond Soċjali Ewropew u Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment oħrajn mal-prijoritajiet ta' politika tal-istrateġija Ewropa 2020 sabiex jiġi rinfurzat ir-rwol tagħhom bħala pilastri finanzjarji tal-istrateġija;

22.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandha bżonn tiġi mmonitorjata sabiex l-Istati Membri jkunu responsabbli għal dak li jkunu ffirmaw għalih fir-rakkomandazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ;

23.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jilħqu l-miri tal-impjieg ta' 75% ħalli jitjiebu l-ħiliet tat-tmexxija, tal-ġestjoni u tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ biex negozji ġodda u dawk li għadhom jibdew jieħdu vantaġġ mis-swieq il-ġodda u b'hekk jilħqu l-potenzjal tat-tkabbir tagħhom sabiex iż-żgħażagħ jistgħu jkunu impjegaturi u mhux impjegati biss;

24.  Jilqa' l-adozzjoni tal-programmi ta' Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ ta' wħud mill-Istati Membri; jenfasizza li l-ammont ta' EUR 6 biljun mhuwiex biżżejjed biex jindirizza l-problema tal-qgħad taż-żgħażagħ fl-UE; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex issolvi l-kwistjoni tal-iffinanzjar wara l-perjodu 2014-2015;

25.  Jilqa' t-tħabbir mill-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker rigward programm ta' investiment komprensiv biex jiġġieled il-qgħad; jenfasizza l-ħtieġa għal żieda fl-investimenti (fl-infrastrutturi, ir-riċerka u l-iżvilupp, impjiegi ekoloġiċi u t-tlestija tas-suq diġitali intern) li huma fil-mira biex jinżammu u jinħolqu impjiegi f'linja mal-investimenti tal-istrateġija Ewropa 2020 u li jħarsu lil hinn minn inputs biss sabiex ikunu kkunsidrati wkoll l-eżiti tal-politika reali; jenfasizza li tali investiment, għal raġunijiet ta' benefiċċji fuq tul ta' żmien itwal, jista' jkun immirat lejn infrastrutturi tal-edukazzjoni formali u mhux formali ta' kwalità għolja kif ukoll sabiex ikunu eliminati l-ostakli biex titjieb l-ugwaljanza f'termini ta' aċċess; iħeġġeġ li dawn l-investimenti jintrabtu ma' miri tal-impjiegi konkreti u miri relatati mal-faqar minħabba l-fatt li l-investiment f'oqsma bħal servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja hu wkoll importanti biex jintlaħqu l-miri ta' soċjetà inklużiva;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw sew lir-reġjuni ultraperiferiċi, li minħabba l-limitazzjoni naturali tagħhom, inkluż minħabba l-periferiċità, il-frammentazzjoni ġeografika, l-ekonomiji fraġli u l-limitazzjonijiet naturali tagħhom, iwasslu għal inugwaljanzi akbar fir-rigward tal-aċċess għal opportunitajiet ta ' impjieg, esperjenzi prattiċi ta ' xogħol u taħriġ għall-popolazzjonijiet tagħhom; jenfasizza li dawn ir-reġjuni għalhekk jeħtieġu mekkaniżmi speċfiċi msaħħa li jimplimentaw programmi ta' investiment sabiex jintlaħqu l-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 u li jistgħu jgħinu biex joħorġu l-potenzjal tagħhom f'termini ta' żvilupp ekonomiku u soċjali;

27.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiffukaw fuq setturi b'potenzjal għoli ta' tkabbir u ħolqien ta' impjiegi bħas-settur ekoloġiku, is-settur l-abjad u l-ICT;

28.  Jirrakkomanda, fil-kuntest ta' programm tal-investiment ġdid iddedikat għall-ġlieda kontra l-qgħad, li jkun hemm enfasi fuq il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, li llum il-ġurnata hija waħda mill-akbar problemi fl-UE; għal din ir-raġuni, għandhom ikunu allokati fondi ġodda fuq l-Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ sabiex l-imprenditorija taż-żgħażagħ u l-mobilità fost iż-żgħażagħ jiġu appoġġati b'mod aktar effikaċi, bħala mod effiċjenti li bih issir il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-faqar u l-esklużjoni soċjali;

29.  Jistieden lill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jintegraw pilastru tal-ġeneru fil-qafas tal-Ewropa 2020 biex jitkejjel il-progress dwar it-tnaqqis fid-differenza bejn il-ġeneru fl-impjieg u sabiex jippermetti li miżuri ta' politika fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir li ikunu riflessi f'rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

30.  Itenni s-sejħa tiegħu biex ikun implimentat,il-Pakkett ta' Investiment Soċjali, inkluż dan li ġej: il-komunikazzjoni dwar "Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni"; ir-rakkomandazzjoni "L-Investiment fit-Tfal – niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ"; id-dokumenti ta' ħidma tal-persunal dwar "L-Evidenza dwar ix-Xejriet Demografiċi u Soċjali", "L-inklużjoni attiva ta' persuni esklużi mis-suq tax-xogħol", "Is-Servizzi Soċjali ta' Interess Ġenerali", "Il-kura fuq tul ta' żmien twil fis-soċjetajiet li qed jixjieħu", "Confronting Homelessness in the European Union", "L-Investiment fis-Saħħa", u "L-investiment Soċjali permezz tal-Fond Soċjali Ewropew";

31.  Jinnota li l-iskeda u l-proċeduri tas-Semestru Ewropew evolvew b'mod li l-Parlament mhux qed jingħata ebda rwol formali fiċ-ċiklu u għalhekk, żmien biżżejjed għal deliberazzjoni qabel il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa;

32.  Jistieden lill-Istati Membri biex jeliminaw piżijiet amministrattivi żejda u burokrazija żejda għall-persuni li jaħdmu għal rashom, għall-mikrointrapriżi u l-SMEs u biex jiffaċilitaw il-kundizzjonijiet għan-negozji ġodda;

33.  Jenfasizza l-bżonn ta’ trasferiment tal-piż tat-taxxa lil hinn mix-xogħol lejn forom oħra ta’ tassazjoni sostenibbli sabiex jiġu promossi t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi;

34.  Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex iħeġġu u jtejbu l-mekkaniżmi tal-mobilità tax-xogħol, b'mod partikolari l-Portal Ewropew dwar il-Mobbiltà fix-Xogħol EURES u s-Servizzi tal-Impjieg Pubbliku sabiex jitħeġġu l-impjieg u l-impjieg fost iż-żgħażagħ;

35.  Jinnota li l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 għad iridu jintlaħqu u jemmen li, bil-għan li jintlaħqu dawn l-objettivi, għandhom jiddaħħlu fis-seħħ miżuri aktar b'saħħithom biex jingħalaq id-distakk attwali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tiftaħ proċedura ta' konsultazzjoni pubblika għal rieżami tas-Semestru Ewropew biex titjieb l-effikaċja u l-leġittimità tagħha, bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu, minħabba l-fatt li l-proċess tas-Semestru għandu jgħin fit-twettiq tal-istrateġija Ewropa 2020;

36.  Juri dispjaċir li l-Kunsill Ewropew ma ħasibx dwar il-mira ewlenija tat-tnaqqis tal-faqar fid-diskussjoni preliminari tiegħu dwar il-valutazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 fl-20 u l-21 ta' Marzu 2014;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa strateġija li tappoġġa lill-Istati Membri ħalli jindirizzaw il-problema ta' persuni bla dar permezz ta' politiki integrati u investiment soċjali xieraq;

38.  Jenfasizza li żieda fl-inugwaljanza, kif inħasset fl-UE u kif dokumentata mill-pajjiż li rrapportaw fis-Semestru, fiha riskji demokratiċi ewlenin; jitfa' enfasi fuq it-twissijiet tal-FMI u l-ILO li żieda ulterjuri fl-inugwaljanzi fl-UE tista' tiddistabbilizza s-soċjetajiet tagħna; itenni s-sejħa tiegħu għal miri aktar ambizzjużi u aktar preċiżi u forom objettivi ta' kejl bil-għan li jitnaqqsu l-inugwaljanza, il-faqar u l-esklużjoni soċjali, kemm fl-Istati Membri kif ukoll bejniethom, speċjalment fid-dawl tad-diverġenzi soċjali dejjem jikbru f'uħud mill-Istati Membri;

39.  Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri urġenti sabiex tinqaleb ix-xejra ta' rati dejjem jikbru ta' riskju ta' faqar u tal-esklużjoni soċjali sabiex tintlaħaq il-mira ewlenija tal-Ewropa 2020 li tal-inqas 20 miljun persuna tinqala' mir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali;

40.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiggarantixxu l-aċċess għas-suq tax-xogħol kif ukoll sigurtà soċjali adegwata għall-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri konkreti fl-oqsma tal-politiki tal-edukazzjoni u tal-innovazzjoni biex tissaħħaħ il-kumplimentarjetà bejn it-tkabbir u l-ġlieda kontra l-inugwaljanza;

42.  Jitlob għal sottomira għat-tnaqqis tal-faqar fost it-tfal li trid tiġi stabbilita matul ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Ewropa 2020;

43.  Jitlob għaldaqstant li jintużaw indikaturi oġġettivi ta' "faqar" biex jitkejlu r-rati tal-faqar fl-Istati Membri, b'hekk jiġu identifikati dawk li huma f'riskju li jiġu esklużi;

44.  Madankollu jfakkar li l-indikatur tal-faqar ma jipprovdi l-ebda evidenza diretta tal-esperjenza tal-esklużjoni soċjali u għalhekk jitlob għal kejl imtejjeb tal-esklużjoni soċjali perċepita biex wieħed jifhem aħjar ir-raġunijiet għall-esklużjoni soċjali u liema gruppi huma affettwati partikolarment;

45.  Jirrikonoxxi li l-Istati Membri huma responsabbli biex jiksbu l-miri tal-Ewropa 2020, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, bl-appoġġ tal-UE fl-azzjonijiet tagħhom; iqis li l-proċess għandu l-potenzjal, permezz tal-evalwazzjoni bejn il-pari u l-iskambju tal-aħjar prassi, li jappoġġa l-Istati Membri biex isiru r-riformi strutturali neċessarji, li jżid il-flessibilità tas-suq tax-xogħol u li jwaqqaf kundizzjonijiet għan-negozji biex jinħolqu l-impjiegi; jenfasizza, madankollu, l-importanza ta' azzjoni f'waqtha tal-Istati Membri peress li n-nuqqas ta' azzjoni jkollu konsegwenzi serji mal-UE kollha; jitlob għall-involviment tal-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma, inkluż arranġamenti ta' governanza fuq ħafna livelli;

46.  Jiddispjaċih li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali adottat għall-2014-2020, b'allokazzjoni baġitarja ta' EUR 960 biljun, irrappreżenta l-ewwel tnaqqis net tal-baġit tal-UE; iqis li l-QFP mhuwiex biżżejjed biex jgħin sabiex jintlaħqu l-miri tal-impjieg u dawk soċjali tal-istrateġija Ewropa 2020; iqis, għalhekk, li r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP huwa ta' importanza assoluta għat-tiswir mill-ġdid tal-orjentazzjoni strateġika tan-nefqa tal-UE favur irkupru ekonomiku li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi;

47.  Ifakkar fir-rwol tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali fil-monitoraġġ tan-nefqa effettiva tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), mhux l-inqas l-20 % disponibbli għall-inklużjoni soċjali u kif l-Istati Membri jkunu għamlu użu effettiv ta' din ir-riżorsa ta' investiment biex jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 2020;

48.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-miri tal-impjiegi, tal-edukazzjoni u tat-tnaqqis tal-faqar ikunu mmonitorjati b'mod aktar preċiż u biex l-istatistika komparabbli ssir fil-ħin; jitlob, għaldaqstant, li ċ-ċifri tal-qgħad u l-indikaturi ta' "riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali" jkunu disponibbli fil-ħin reali speċjalment fil-livell NUTS 3 biex tiġi valutata l-qagħda reali fis-swieq tax-xogħol nazzjonali;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi mira speċifika tal-impjieg fost iż-żgħażagħ u/jew linja gwida integrata speċifika dwar l-impjieg fost iż-żgħażagħ fl-okkażjoni tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-istrateġija Ewropa 2020;

50.  Jitlob biex isiru konsultazzjonijiet bis-sens mas-soċjetà ċivili flimkien mas-sħab soċjali u biex dawn isiru element sistematiku tal-istrateġija Ewropa 2020 fl-istadji kollha tal-proċess; jistieden lill-Kummissjoni biex tipproduċi linji gwida għal din il-proċedura;

51.  Jenfasizza li konsultazzjoni ġenwina mal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili mhux biss iżżid il-leġittimità demokratika tal-proċess u l-possibilità li r-riformi jiġu aċċettati fost iċ-ċittadini u jkunu ta' suċċess fl-implimentazzjoni tagħhom, imma jistgħu jsaħħu wkoll il-bażi ta' evidenza għall-evalwazzjoni tar-riformi; jemmen, għal dan il-għan, li l-Konvenzjoni Annwali kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali għandha tkun allinjata aktar mill-qrib mas-Semestru Ewropew;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-eżitu tal-konsultazzjoni pubblika li għadha għaddejja qabel ma tippubblika proposti konkreti għar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-istrateġija; jinsisti ugwalment li l-Parlament għandu jkun ikkonsultat dwar id-deċiżjonijiet finali qabel ma dawn ikunu adottati;

53.  Jitlob għal rieda ambizzjuża qawwija biex jintlaħqu l-miri tal-bidla fil-klima u tas-sostenibilità tal-enerġija peress li dawn huma integrali għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

54.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-parlamenti nazzjonali u lill-Kunsill Ewropew.

(1) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 57.
(2) ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 57.
(3) Testi Adottati, P8_TA(2014)0010.
(4) Eurostat, EU Employment and Social Situation Quarterly Review, September 2014.
(5) ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 81.

Avviż legali - Politika tal-privatezza