– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, inklużi dik tal-24 ta' Mejju 2007 dwar il-każ tal-istazzjon televiżiv Radio Caracas(1), dik tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar l-iskwalifiki politiċi fil-Venezwela(2), dik tas-7 ta' Mejju 2009 dwar il-każ ta' Manuel Rosales(3), dik tal-11 ta' Frar 2010 dwar il-Venezwela(4), dik tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-każ ta' Maria Lourdes Afiuni(5), dik tal-24 ta' Mejju 2012 dwar l-irtirar eventwali tal-Venezwela mill-Kummissjoni Inter-Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem(6) u dik tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni politika fil-Venezwela(7),
– wara li kkunsidra l-istqarrijiet għall-istampa tal-kelliem tar-Rappreżentant Għoli / Viċi President tal-UE Catherine Ashton tat-28 ta' Marzu 2014 u tal-15 ta' April 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma dwar id-Detenzjonijiet Arbitrarji tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-26 ta' Awwissu 2014,
– wara li kkunsidra l-Istqarrija tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-20 ta' Ottubru 2014 dwar id-detenzjoni ta' dimostranti u politiċi fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Venezwela hi firmatarja tiegħu,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-kriżi ekonomika, rati għoljin ta' korruzzjoni, l-iskarsezza kronika ta' prodotti bażiċi, il-vjolenza u l-firdiet politiċi ġabu magħhom protesti paċifiċi konta l-gvern tal-President Nicolás Maduro li bdew fi Frar 2014 u għadhom għaddejjin; billi d-dimostranti sabu ma wiċċhom użu sproporzjonat ta' forza u vjolenza min-naħa tal-pulizija, membri tal-Gwardja Nazzjonali u gruppi armati, vjolenti u mhux kontrollati, li jiffavorixxu l-Gvern; billi skont l-organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali aktar minn 1700 dimostrant qed jistennew biex jiġu proċessati, aktar minn 69 għadhom qed jinżammu arrestati, u mill-inqas 40 persuna nqatlu fil-protesti waqt li min qatilhom għadu mhux qed jiġi miżmum responsabbli; billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem jikkonferma li rċieva rapporti ta' aktar minn 150 każ ta' trattament ħażin ta' persuni detenuti, u fosthom każijiet ta' torturi; billi skont diversi sorsi għadha għaddejja il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika min-naħa tal-forzi tas-sigurtà;
B. billi l-libertà tal-espressjoni u d-dritt ta' parteċipazzjoni f'dimostrazzjonijiet paċifiċi huma l-pilastri tad-demokrazija u huma rikonoxxuti fil-Kostituzzjoni tal-Venezwela; billi l-ugwaljanza u l-ġustizzja għal kulħadd mhumiex possibbli mingħajr rispett lejn il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali ta' kull ċittadin; billi hemm diversi rapporti li jikkonfermaw li l-mezzi tax-xandir qed jiġu soġġetti għal livell dejjem akbar ta' ċensura u intimidazzjoni; billi waqt is-70 Assemblea Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Istampa Inter-Amerikana (Inter American Press Association (IAPA)) f'Santjago, fiċ-Ċilì, din l-organizzazzjoni ddikjarat li l-Venezwela qed tpoġġi lill-mezzi tax-xandir indipendenti taħt aktar pressjoni u ħeġġet lill-Venezwela tirrispetta l-libertà tal-espressjoni u wissiet kontra t-telf ulterjuri tal-libertà demokratika;
C. billi l-mexxej tal-oppożizzjoni Leopoldo López ġie arrestat arbitrarjament fit-18 ta' Frar 2014 u jinsab akkużat b'komplott, bl-instigar ta' dimostrazzjonijiet vjolenti, ħruq u ħsara lill-proprjetà; billi minn meta ġie arrestat ġarrab tortura fiżika u psikoloġika, kif ukoll reklużjoni; billi s-sindki tal-oppożizzjoni Daniel Ceballos u Vicencio Scarano, kif ukoll l-uffiċjal tal-pulizija Salvatore Lucchese ġew arrestati għax naqsu milli jtemmu l-protesti u r-rewwixti ċivili fil-bliet tagħhom, u lkoll ingħataw sentenza ta' diversi snin priġunerija; billi l-membri tal-oppożizzjoni fil-Kungress Juan Carlos Caldera, Ismael García u Richard Mardo qed jiġu investigati u proċessati fil-qorti bl-għan li jiġu sospiżi u skwalifikati mill-Kungress;
D. billi mexxejja tal-istudenti bħal Sairam Rivas, President taċ-Ċentru tal-Istudenti tal-Iskola tal-Ħidma Soċjali fl-Università Ċentrali tal-Venezwela, Cristian Gil u Manuel Cotiz ilhom miżmuma inġustament f'bini li jappartjeni lis-Servizz tal-Intelligence Bolivarjan għal aktar minn 120 jum u ġew soġġetti għal tortura u trattament ħażin f'konnessjoni mal-protesti li seħħew bejn Frar u Mejju 2014, wara li ġew akkużati bir-reat li instigaw delitti u li użaw minorenni biex iwettqu delitti;
E. billi fl-20 ta' Ottubru 2014, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Zeid Ra’ad Al Hussein wera tħassib dwar l-arrest tad-dimostranti u talab għall-ħelsien ta' dawk kollha li ġew arrestati għax eżerċitaw id-dritt tagħhom li jipprotestaw paċifikament; billi fit-8 ta' Ottubru 2014 il-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarjai ddeskrivew l-arrest ta' Leopoldo López bħala illegali, arbitrarju u politikament motivat, u talab għall-ħelsien tiegħu u ta' dawk kollha li għadhom miżmuma arrestati arbitrarjament;
F. billi l-Gvern tal-Venezwela għandu responsabilità partikolari li jikkonforma mal-istat tad-dritt u mad-dritt internazzjonali, meta jitqies li fis-16 ta' Ottubru 2014 sar membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;
G. billi r-rimarki magħmula fir-rapport riċenti tal-Kumitat kontra t-Tortura tan-NU dwar ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela jesprimu tħassib espliċitu dwar l-impunità, it-tortura u t-trattament ħażin tal-priġunieri politiċi, użu ta' forza eċċessiva, kunsens u kompliċità mal-azzjonijiet ta' gruppi armati li jiffavorixxu l-gvern, l-arresti arbitrarji u n-nuqqas ta' garanziji proċedurali fundamentali; billi dan ir-rapport jitlob il-ħelsien immedjat tal-persuni kollha miżmuma arrestati arbitrarjament, fosthom Leopoldo López u Daniel Ceballos, li kienu arrestati għax eżerċitaw id-dritt tagħhom li jesprimu rwieħhom u jipprotestaw paċifikament, u barra minn hekk jesprimi tħassib dwar l-attakki kontra ġurnalisti u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji u nuqqas totali ta' ġudikatura indipendenti;
H. billi José Miguel Insulza, Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) talab għall-ħelsien tal-persuni miżmuma fil-ħabsijiet minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-protesti; billi l-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem esprimiet tħassib kbir dwar is-sitwazzjoni fir-rigward tal-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà tal-espressjoni fil-Venezwela;
I. billi d-deċiżjoni tal-Venezwela li tirtira mill-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem daħlet fis-seħħ fl-10 ta' Settembru 2013; billi minħabba din l-azzjoni, iċ-ċittadini u r-residenti tal-Venezwela ma jistgħu jressqu ebda lment quddiem il-Qorti Inter-Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem;
J. billi, f'Marzu 2014, María Corina Machado, il-Membru tal-Assemblea Nazzjonali li kienet ġabet l-akbar ammont ta' voti fil-Venezwela, tneħħiet mill-kariga b'mod illegali u arbitrarju, ittiħdilha l-mandat u tkeċċiet mill-Parlament mill-President tal-Assemblea Nazzjonali, Diosdado Cabello, li akkużaha bi tradiment għaliex kienet tkellmet kontra l-ksur vast u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela quddiem il-Kunsill Permanenti tal-OAS;
K. billi, matul l-attività politika u parlamentari tagħha, María Corina Machado kellha tiffaċċja sensiela ta' proċeduri kriminali, persekuzzjoni politika, theddid, intimidazzjoni, fastidju u saħansitra vjolenza fiżika mis-sostenituri tal-gvern fis-Sala tal-Assemblea Nazzjonali; billi reċentement ġiet akkużata b'attentat ta' qtil fuq il-President Maduro u tista' teħel sa 16-il sena ħabs;
L. billi l-ġudikatura naqset milli tiffunzjona bħala fergħa indipendenti tal-gvern; billi din is-sistema ġudizzjarja ma tistax tiġi mistennija twettaq investigazzjonijiet imparzjali jew tgħaddi ġudizzji ġusti dwar allegazzjonijiet fil-konfront tal-oppożizzjoni;
M. billi huma biss ir-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u d-djalogu kostruttiv u rispettuż fi spirtu ta' tolleranza li jistgħu jgħinu lill-pajjiż joħroġ minn din il-kriżi serja u jegħleb id-diffikultajiet tal-ġejjieni;
N. billi f'April 2014 inbdew negozjati dwar il-protesti bejn il-gvern u l-oppożizzjoni, imsejħa "Mesa de Diálogo", li sfortunatament waqfu ħesrem xahar wara mingħajr ma kienu kisbu ebda suċċess;
O. billi l-Venezwela huwa l-pajjiż li għandu l-akbar riżervi tal-enerġija fl-Amerika Latina; billi l-poplu tal-Venezwela qed ibati minn nuqqas serju ta' prodotti bażiċi, il-prezzijiet tal-ikel irduppjaw u beda r-razzjonar tal-ikel; billi l-prezz taż-żejt qed ikompli jonqos b'mod sinifikanti u dan qed ikabbar il-kriżi ekonomika u qed jhedded l-ekonomija fraġli tal-pajjiż, li tiddependi fuq iż-żejt;
P. billi n-nuqqas tal-Istat li jżomm l-ordni pubbliku wassal biex il-Venezwela jsir wieħed mill-aktar pajjiżi vjolenti fid-dinja; billi, skont l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità, il-kriżi politika u ekonomika li għaddejja bħalissa fil-Venezwela kkontribwiet għal żieda qawwija f'salt fir-rata ta' qtil u nuqqas ta' sigurtà għaċ-ċittadini;
1. Jinsab imħasseb profondament dwar il-qagħda fil-Venezwela, li qiegħda dejjem tiħżien, u jikkundanna l-arrest ta' dimostranti paċifiċi, studenti u mexxejja tal-oppożizzjoni; jappella biex jinħelsu minnufih dawk il-priġunieri miżmuma b'mod arbitrarju, bi qbil mat-talbiet li għamlu diversi korpi tan-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-persekuzzjoni politika u r-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika, il-ksur tal-libertà ta' espressjoni u ta' dimostrazzjoni, u l-eżistenza taċ-ċensura fuq il-midja u fuq l-internet;
3. Jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-vjolenza fil-konfront tad-dimostranti; jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jinvestigaw dawn id-delitti u jżommu lil dawk ħatja responsabbli ta' għemilhom mingħajr ebda marġni ta' impunità;
4. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jidħlu fi djalogu paċifiku, bl-involviment tas-setturi kollha tas-soċjetà fil-Venezwela, sabiex jiġu definiti punti ta' konverġenza u tingħata l-opportunità lill-atturi politiċi biex jiddiskutu l-aktar problemi serji li għandu quddiemu l-pajjiż; jistieden lill-partijiet kollha kkonċernati biex jevitaw li l-vjolenza tkompli teskala u jfakkar lill-Gvern tal-Venezwela li ma jistax ikun hemm djalogu kostruttiv sakemm il-mexxejja tal-oppożizzjoni jibqgħu jinżammu l-ħabs b'mod arbitrarju;
5. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela biex immedjatament jikkonfiskaw l-armi tal-assoċjazzjonijiet u l-gruppi armati mhux ikkontrollati li jiffavorixxu lill-gvern, u b'hekk itemmu l-impunità tagħhom;
6. Ifakkar lill-Gvern tal-Venezwela fir-responsabbiltà tiegħu li jiżgura li l-proċeduri ġudizzjarji kollha jkunu konformi mal-istandards internazzjonali; ifakkar li r-rispett għall-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri huwa fundamentali għad-demokrazija u li s-sistema ġudizzjarja ma tistax tintuża mill-awtoritajiet bħala mezz ta' persekuzzjoni u ripressjoni politika fil-konfront tal-oppożizzjoni demokratika; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jirtiraw l-akkużi infondati u l-mandati ta' arrest kontra l-politiċi tal-oppożizzjoni u jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini kollha fil-pajjiż, irrispettivament mill-fehmiet jew l-affiljazzjonijiet politiċi tagħhom;
7. Jistieden lill-Gvern tal-Venezwela josserva l-obbligi kostituzzjonali u internazzjonali tiegħu stess fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura, id-dritt għal-libertà ta' espressjoni, assoċjazzjoni u għaqda paċifika, kif ukoll il-pluraliżmu politiku, li huma pilastri tad-demokrazija, u jiżgura li ħadd ma jiġi ppenalizzat talli jeżerċita d-drittijiet tiegħu ta' għaqda paċifika u libertà ta' espressjoni;
8. Jistieden lill-Gvern tal-Venezwela jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, iwettaq investigazzjonijiet effikaċi dwar l-allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u jippermetti l-ħolqien ta' ambjent li fih id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi indipendenti jkunu jistgħu jwettqu l-ħidma leġittima tagħhom għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;
9. Jistieden lill-SEAE u lid-Delegazzjoni tal-UE, kif ukoll id-delegazzjonijiet tal-Istati Membri, ikomplu josservaw l-investigazzjonijiet u s-seduti tal-qorti tal-mexxejja tal-oppożizzjoni;
10. Jistieden lill-Gvern tal-Venezwela jidħol fi djalogu b'saħħtu u miftuħ mal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem;
11. Jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli Federica Mogherini jitolbu l-ħelsien immedjat tad-dimostranti li ġew arrestati arbitrarjament sa mill-bidu tal-protesti;
12. Ifakkar fit-talba tiegħu li delegazzjoni ad hoc tal-Parlament Ewropew tintbagħat biex tivvaluta s-sitwazzjoni fil-Venezwela u torganizza djalogu mas-setturi kollha involuti fil-kunflitt mill-aktar fis possibbli;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u l-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Mawritanja, inkluż dawk tal-14 ta’ Ġunju 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tas-sigurtà fir-reġjun tas-Saħel(1), u dik tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun tas-Saħel(2),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għas-sigurtà u l-iżvilupp fis-Saħel tas-17 ta' Marzu 2014,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-25 ta' Ġunju 2014 mill-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u dwar l-elezzjonijiet presidenzjali fir-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 1 tal-Kostituzzjoni tal-Mawritanja li jiggarantixxi l-ugwaljanza quddiem il-liġi taċ-ċittadini kollha mingħajr distinzjoni ta' oriġini, razza, sess jew kondizzjoni soċjali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tal-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (irratifikata mill-Mawritanja fl-1986), li jipprojbixxi espressament l-iskjavitù, u l-adeżjoni tal-Mawritanja mal-istrumenti internazzjonali li jipprojbixxu forom kontemporanji ta' skjavitù, b'mod partikolari l-Konvenzjoni dwar l-Iskjavitù tal-1926 u l-protokoll emendatorju tagħha, u l-Konvenzjoni Supplimentari dwar l-Abolizzjoni tal-Iskjavitù, tal-Kummerċ tal-Iskjavi, u tal-Istituzzjonjiet u l-Prattiki Simili għall-Iskjavitù tal-1956,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) minn naħa u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha mill-oħra, li kien iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-Ftehim ta' Cotonou),
– wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklussivi dwar il-Mawritanja tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, tal-24 ta' Lulju 2014,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni 105 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar l-abolizzjoni tax-xogħol furzat,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi Biram Dah Abeid, iben skjavi meħlusa, jinsab impenjat f'kampanja għall-qerda tal-iskjavitù; billi fl-2008, hu nieda l-Inizjattiva għall-Qawmien mill-Ġdid tal-Moviment Abolizzjonista (Initiative pour la Résurgence du Mouvement Abolitionniste); billi din l-organizzazzjoni tfittex li tiġbed l-attenzjoni lejn din il-kwistjoni u tgħin biex tressaq każijiet speċifiċi quddiem il-qrati tal-ġustizzja; billi Biram Dah Abeid ingħata l-Premju tan-Nazzjonijiet Uniti favur id-Drittijiet tal-Bniedem għall-2013;
B. billi fil-11 ta' Novembru 2014, Biram Dah Abeid, attivist ewlieni kontra l-iskjavitù mill-Mawritanja u fundatur tal-Inizjattiva għall-Qawmien mill-Ġdid tal-Moviment Abolizzjonista, ġie arrestat wara marċ ta' protesta paċifiku kontra l-iskjavitù; billi Biram Dah Abeid ġie akkużat li għamel sejħa għal protesta, li pparteċipa fi protesta u li jappartjeni għal organizzazzjoni illegali, u billi xi rapporti jissuġġerixxu li jinsab fil-perikolu li jiffaċċja l-piena kapitali; billi l-piena kapitali għadha prevista fil-Kodiċi Kriminali tal-Mawritanja u billi din mhijiex ristretta għall-aktar reati serji u hija imposta wara kundanna abbażi ta' konfessjonijiet miksuba taħt tortura;
C. billi ġew arrestati u detenuti wkoll attivisti oħrajn kontra l-iskjavitù, biex issa huma 17-il attivist mill-Inizjattiva tal-Mawritanja għall-Qawmien mill-Ġdid tal-Moviment Abolizzjonista li spiċċaw mitfugħa l-ħabs; billi hemm allegazzjonijiet li l-ġendarmerija tal-Mawritanja għamlet użu eċċessiv ta' forza matul l-arresti, inkluż swat b'lembubi, tkaxkir fiżiku mal-art u tekniki umiljanti, li kienu jinkludu li d-detenuti jiġu sfurzati biex jinżgħu għarwenin; billi saru wkoll allegazzjonijiet li gwardji tal-ħabs ippruvaw jisfurzaw uħud mill-attivisti jiffirmaw konfessjonijiet;
D. billi Biram Dah Abeid spiċċa fit-tieni post fil-votazzjoni għall-elezzjonijiet presidenzjali tal-Mawritanja tal-2014; billi r-reputazzjoni tiegħu esponietu għal attakki mill-awtoritajiet tal-Mawritanja; billi l-arrest tiegħu u tal-kollegi tiegħu wassal għal ripressjoni fuq l-oppożizzjoni politika kif ukoll fuq is-soċjetà ċivili;
E. billi, għalkemm il-prattika tal-iskjavitù kienet abolita uffiċjalment fl-1981 u kkriminalizzata fl-2007, din għadha tippersisti fil-Mawritanja; billi skont l-Indiċi Globali tal-Iskjavitù tal-2014, il-Mawritanja għandha l-akbar numru ta' vjolazzjonijiet bl-ogħla persentaġġ tal-popolazzjoni tagħha (sa 4 %) fi skjavitù; billi xi ċifri juru l-prevalenza tal-iskjavitù għal 20 %; billi l-Att dwar l-Iskjavitù, adottat reċentement ma jkoprix il-forom kollha ta' skjavitù fil-Mawritanja, peress li pereżempju, jeskludi kull forma ta' servitù;
F. billi l-iskjavitù fil-Mawritanja hi espliċitament razzista, bi kważi l-iskjavi kollha ġejjin mill-komunità Haratin (sewda), li tinkludi bejn l-40 % u s-60 % tal-popolazzjoni tal-Mawritanja, kif ukoll minn komunitajiet oħrajn, kif rikonoxxut mir-Rapporteur Speċjali dwar forom kontemporanji ta' skjavitù; billi l-Haratin, anke dawk li ma jinsabux fl-iskjavitù, spiss ma jitħallewx ikollhom aċċess għal xogħol ta' status ogħla jew għal impjiegi ewlenin fil-ħajja pubblika;
G. billi, ġeneralment, l-iskjavitù hi ereditarja, u t-trabi li jitwieldu lil nisa skjavi spiss jitqiesu li jkunu ta' proprjetà tal-familja tas-sid għal għomorhom; billi l-iskjavi nisa jiġu soġġetti regolarment għal vjolenza sesswali; billi l-parti l-kbira tal-iskjavi huma mċaħħda milli jkollhom edukazzjoni formali u jiġu mgħallma li d-destin tagħhom huwa li jappartjenu għas-sidien tagħhom, li tipperpetwa l-hekk imsejħa skjavitù psikoloġika; billi l-iskjavi nisa jkollhom bżonn il-permess ta' sidhom biex jiżżewġu; billi bosta skjavi jitwieldu frott ta' stupru; billi anke dawk l-iskjavi li jiġu meħlusa ftit ikollhom opportunitajiet li jsibu impjieg sodisfaċenti;
H. billi l-Mawritanja rratifikat konvenzjonijiet bħad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, kif ukoll il-Ftehim ta' Cotonou AKP-UE;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-arrest u d-detenzjoni kontinwa tal-attivist kontra l-iskjavitù Biram Dah Abeid u tal-attivisti sħabu, u jitlob il-ħelsien immedjat tagħhom; jesprimi tħassib dwar ir-rapporti ta' vjolenzja kontra wħud mill-attivisti u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Mawritanja biex iressqu l-qorti lil dawk l-uffiċjali li kienu involuti fl-abbuż u t-tortura tal-priġunieri;
2. Jitlob lill-Gvern tal-Mawritanja biex jieqaf milli juża l-vjolenza kontra ċivili li jipparteċipaw fi protesti pubbliċi u f'kampanji tal-midja favur Biram Dah Abeid, biex itemm ir-ripressjoni kontra s-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni politika u biex jħalli lill-attivisti kontra l-iskjavitù jkomplu bil-ħidma nonvjolenti tagħhom mingħajr biża' ta' fastidju jew intimidazzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Mawritanja jippermettu l-libertà tal-espressjoni u ta' assoċjazzjoni, bi qbil mal-konvenzjonijiet internazzjonali u mad-dritt intern tal-Mawritanja;
3. Jikkundanna bil-qawwa kull forma ta' skjavitù, u b'mod partikolari l-prevalenza għolja tal-iskjavitù, il-prattiki relatati mal-iskjavitù u t-traffikar tal-bnedmin li ġew irrappurtati fil-Mawritanja; jilqa' l-kriminalizzazzjoni tal-iskjavitù mill-Gvern tal-Mawritanja, l-eżistenza ta' qorti speċjali dwar każijiet ta' skjavitù u d-dikjarazzjoni tal-gvern dwar l-introduzzjoni ta' pjan direzzjonali għall-abolizzjoni tal-iskjavitù f'Marzu 2014;
4. Jinnota b'dispjaċir li kien hemm biss prosekuzzjoni waħda dwar skjavitù; jitlob lill-Gvern tal-Mawritanja jtemm kull forma ta' skjavitù, jimplimenta liġijiet kontra l-iskjavitù u jadotta leġiżlazzjoni li jkollha l-għan li temenda jew tirtira leġiżlazzjoni diskriminatorja, inkluż dawk id-dispożizzjonijiet diskriminatorji tal-kodiċi tagħha kemm penali, kemm dwar status personali u kif ukoll dwar in-nazzjonalità; jenfasizza li l-allegazzjonijiet ta' skjavitù u ta' prattiki simili għall-iskjavitù għandhom jiġu investigati u pproċessati b'effikaċja;
5. Jitlob lill-awtoritajiet tal-Mawritanja biex jissensibilizzaw l-attitudnijiet u t-twemmin tal-poplu fir-rigward tal-iskjavitù fil-livelli kollha tas-soċjetà; iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet tal-Mawritanja biex jgħinu fil-bidla tal-attitudnijiet soċjali fir-rigward tar-razza u tal-iskjavitù, b'mod partikolari fir-rigward tal-popolazzjoni Haratin; jenfasizza li d-diskriminazzjoni abbażi ta' etniċità għandha tiġi pprojbita, speċjalment fl-oqsma tal-edukazzjoni u tal-impjieg; jitlob ukoll lill-awtoritajiet tal-Mawritanja sabiex iwarrbu kompletament is-sistema ta' skjavitù abbażi tal-kasta, partikolarment fir-rigward tan-nisa f'impjieg domestiku;
6. Iħeġġeġ l-iżvilupp universali tal-edukazzjoni formali, sabiex skjavi attwali u dawk li kienu skjavi, kif ukoll uliedhom, ikunu jistgħu jtejbu l-litteriżmu tagħhom u jiġu mgħammra b'għodod biex isibu impjieg sodisfaċenti; jinnota li ċ-ċittadini kollha tal-Mawritanja għandhom ikunu intitolati li jkollhom art ta' proprjetà tagħhom, partikolarment meta dawn ikunu okkupawha u kkoltivawha għal ġenerazzjonijiet, dritt li Biram Dah Abeid u l-Inizjattiva tal-Mawritanja għall-Qawmien mill-Ġdid tal-Moviment Abolizzjonista qed jipproponu bħala mezz ewlieni biex jintemm iċ-ċiklu tal-iskjavitù; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Mawritanja, f'dan ir-rigward biex jirratifika l-Konvenzjoni 169 tal-ILO li tirrikonoxxi l-forom ta' użu tal-art tal-popli indiġeni;
7. Jenfasizza l-importanza ta' relazzjoni produttiva bejn l-UE u l-Mawritanja, bil-għan li jingħata kontribut favur id-demokrazija, l-istabilità u l-iżvilupp fil-pajjiż; jenfasizza li l-Mawritanja hi sieħba sinifikanti fl-istrateġija tal-UE għas-sigurtà u l-iżvilupp fis-Saħel;
8. Iħeġġeġ lill-Viċi President/ir-Rappreżentant għoli, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw l-iskjavitù fil-Mawritanja, b'mod partikolari billi jiżguraw politika għall-affarijiet barranin u favur id-drittijiet tal-bniedem ċara u prattikabbli li tikkonforma mal-qafas strateġiku tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, u billi tkun promossa d-dimensjoni favur id-drittijiet tal-bniedem bħala parti mill-istrateġija tal-UE għas-Saħel u fit-taħdidiet mal-Gvern tal-Mawritanja, inkluż fil-kuntest tal-ftehimiet bilaterali formali;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet tal-Mawritanja, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent, lil-Lega Għarbija u lill-Unjoni Afrikana.
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan,
– wara li kkunsidra r-rapport tat-18 ta’ Settembru 2013 mill-Espert Indipendenti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE tal-15 ta’ Lulju 2014 dwar ir-rilaxx ta’ detenuti politiċi fis-Sudan,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE dwar is-Sudan tal-11 ta’ Novembru 2014,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-4 ta’ Settembru 2014 mill-Espert Indipendenti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan,
– wara li kkunsidra l-Ftehimiet dwar id-Djalogu Nazzjonali u l-Proċess Kostituzzjonali ffirmat f’Addis Ababa fl-4 ta' Settembru 2014,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-'Sejħa tas-Sudan' dwar 'L-istabbiliment ta’ Stat ta’ Ċittadinanza u Demokrazija',
– wara li kkunsidra l-pjan nazzjonali tas-Sudan għad-drittijiet tal-bniedem adottat fl-2013, ibbażat fuq il-prinċipji tal-universalità u l-ugwaljanza tal-persuni kollha,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015(1),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979,
– wara li kkunsidra l-Prinċipji ta’ Johannesburg dwar is-Sigurtà Nazzjonali, il-Libertà tal-Espressjoni u l-Aċċess għall-Informazzjoni, Dokument tan-NU E/CN.4/1996/39 (1996),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Komprensiv ta’ Paċi (CPA) tas-Sudan tal-2005,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Cotonou,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, fis-6 ta’ Diċembru 2014, is-Servizzi Nazzjonali tal-Intelligence u s-Sigurtà (NISS) arrestaw lil Dr. Amin Mekki Medani, attivist magħruf tad-drittijiet tal-bniedem u ex President tas-Sudan Human Rights Monitor (SHRM), minn daru f’Kartum;
B. billi hemm preokkupazzjonijiet serji dwar is-sikurezza ta’ Dr. Medani, li għandu 76 sena u problemi tas-saħħa; billi n-NISS allegatament irrifjutaw li jippermettulu jieħu l-mediċina miegħu meta arrestawh;
C. billi Dr. Medani huwa simbolu ta' impenn qawwi favur id-drittijiet tal-bniedem, l-umanitariżmu u l-istat tad-dritt, minħabba li okkupa pożizzjonijiet ta’ livell għoli ma’ għadd ta’ istituzzjonijiet nazzjonali u internazzjonali differenti, fosthom il-ġudikatura tas-Sudan, il-gvern demokratiku tranżizzjonali tas-Sudan (bħala Ministru tal-Kabinett għall-Paċi), kif ukoll in-NU; billi Dr. Medani rrappreżenta vittmi ta’ vjolazzjonijiet u semma' leħnu b’mod persistenti kontra l-abbuż tal-poter u ngħata l-'Premju Eroj għad-Drittijiet tal-Bniedem 2013' mid-Delegazzjoni tal-UE fis-Sudan għall-isforzi lokali u internazzjonali tiegħu fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;
D. billi Dr. Medani safa arrestat ftit wara li rritorna minn Addis Ababa, wara li kien iffirma s-'Sejħa tas-Sudan' f’isem organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili — impenn ta' ħidma favur tmiem il-kunflitti li għaddejjin f’reġjuni differenti tas-Sudan u favur riformi legali, istituzzjonali u ekonomiċi; billi Farouk Abu Issa, mexxej tal-Forum ta' Kunsens Nazzjonali tal-oppożizzjoni, u Dr. Farah Ibrahim Mohamed Alagar ġew arrestati b’mod simili fis-6 u s-7 ta' Diċembru 2014 rispettivament, wara l-involviment tagħhom mas-'Sejħa tas-Sudan';
E. billi d-dikjarazzjoni, li timpenja lill-firmatarji jtemmu l-gwerer u l-kunflitti, ġiet ffirmata mir-rappreżentanti ta’ gruppi politiċi u tal-oppożizzjoni, inkluż il-Partit tal-Umma Nazzjonali, il-Forzi ta' Konsensus Nazzjonali u l-Front Rivoluzzjonarju tas-Sudan (SRF); billi d-dikjarazzjoni hija estensjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tat-8 ta' Awwissu 2014, li ffirmawha l-SRF u l-Partit tal-Umma Nazzjonali, b'dan tal-aħħar rappreżentat minn Sadiq Al Mahdi;
F. billi l-arrest ta' Dr. Medani huwa rappreżentattiv tal-politiki ripressivi eżerċitati mill-awtoritajiet Sudaniżi biex jipprevjenu dibattitu politiku leġittimu u paċifiku, li l-awtoritajiet użawhom biex jirrestrinġu l-libertajiet tal-opinjoni, tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni, u huwa eżempju ieħor ta’ detenzjoni illegali u arbitrarja min-naħa tan-NISS;
G. billi l-gvernijiet għandhom ir-responsabbiltà ewlenija li jindirizzaw il-preokkupazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali taċ-ċittadini tagħhom; billi l-kunflitt bejn il-gvern u ċ-ċittadini jrid jiġu solvut b’mezzi politiċi permezz ta’ negozjati;
H. billi s-Sudan għaddej minn perjodu kritiku ta’ djalogu politiku, li fih persunaġġi bħal Dr. Medani huma tant meħtieġa biex iħaddmu l-għarfien espert tagħhom fil-proċess ta’ riforma;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-arrest u d-detenzjoni arbitrarji ta’ Dr. Medani u ta' attivisti paċifiċi oħra bħala ksur illegali tal-attivitajiet paċifiċi u leġittimi tagħhom rigward il-politika u d-drittijiet tal-bniedem; jitlob li jinħelsu minnufih u bla kundizzjonijiet;
2. Għadu mħasseb dwar id-detenzjoni kurrenti u l-kundizzjoni ta’ membri tal-partiti tal-oppożizzjoni, attivisti żgħażagħ, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti fis-Sudan; iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sudan biex jiggarantixxi l-eżerċizzju paċifiku tal-libertajiet tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda; jitlob li l-awtoritajiet Sudaniżi jtemmu l-atti kollha ta’ fastidju u intimidazzjoni kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti politiċi, u jottemperaw ruħhom man-normi u l-istandards internazzjonali rilevanti;
3. Jitlob lill-awtoritajiet Sudaniżi jirrestawraw u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali skont id-dritt internazzjonali, inklużi l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-għaqda, il-libertà tar-reliġjon, id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza l-importanza ta’ sistema ġudizzjarja indipendenti, imparzjali u aċċessibbli biex isseddaq ir-rispett tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali tal-popolazzjoni;
4. Jitlob lill-Gvern tas-Sudan jirrevedi l-Att dwar is-Sigurtà Nazzjonali, li jippermetti d-detenzjoni ta’ persuni suspetti sa erba’ xhur u nofs mingħajr ebda forma ta’ skrutinju ġudizzjarju, u barra minn hekk jitlob li l-Gvern tas-Sudan jirriforma s-sistema legali tiegħu bi qbil ma' standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;
5. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-iffirmar tal-Ftehimiet dwar id-Djalogu Nazzjonali u l-Proċess Kostituzzjonali li jħeġġu lill-gruppi kollha biex jirrinunzjaw għall-vjolenza bħala mezz ta' bidla politika u li jimpenjawhom favur djalogu u negozjar nazzjonali mingħajr dewmien; jenfasizza l-importanza tal-proċess ta’ Djalogu Nazzjonali, li huwa l-aħjar opportunità għal progress lejn paċi u rikonċiljazzjoni nazzjonali u lejn governanza demokratika fis-Sudan;
6. Għadu mħasseb ħafna, madankollu, dwar il-kunflitti li għaddejjin fis-Sudan, b’mod partikolari f’Darfur, fil-Kordofan t'Isfel u fil-Blue Nile, kif ukoll dwar il-vjolazzjonijiet li jmorru magħhom kontra d-dritt umanitarju u d-drittijiet tal-bniedem, flimkien ma' emerġenza umanitarja gravi, li qed ikomplu jikkawżaw tbatija enormi lill-bnedmin u spostamenti interni, u li jirrappreżentaw riskju għall-istabbiltà reġjonali;
7. Itenni, bi qbil mad-Djalogu Nazzjonali, li għandu jkun hemm djalogu sinifikattiv bil-parteċipazzjoni tal-partiti tal-oppożizzjoni kif ukoll tas-soċjetà ċivili, inklużi l-gruppi tan-nisa; jenfasizza li d-djalogu għandu jinkludi partijiet interessati minn kull reġjun tas-Sudan u jirrifletti d-diversità etnika, reliġjuża u kulturali sħiħa tas-Sudan;
8. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jindirizzaw il-kunflitti interni tas-Sudan, kwistjonijiet bħalma huma l-emarġinazzjoni soċjoekonomika, it-tqassim inugwali tar-riżorsi, l-esklużjoni politika u n-nuqqas ta’ aċċess għas-servizzi pubbliċi, permezz ta’ Djalogu Nazzjonali li jħaddan l-identità u l-ugwaljanza soċjali tal-gruppi kollha; jappoġġja, f'dan il-kuntest, arranġamenti ta’ governanza ġodda u inklussivi, kostituzzjoni definittiva u pjan direzzjonali biex isiru elezzjonijiet nazzjonali;
9. Jissottolinja l-fatt li d-Djalogu Nazzjonali jirnexxi biss jekk jitwettaq f’atmosfera fejn il-libertajiet tal-espressjoni, tal-midja, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda jkunu garantiti; għaldaqstant, jitlob li l-priġunieri politiċi kollha jinħelsu, u li l-prattiki ta' detenzjoni arbitrarja jintemmu minnufih; jitlob li l-Gvern Sudaniż jirrevoka l-piena tal-mewt, li għadha fis-seħħ, u jikkommuta s-sentenzi tal-mewt f'sanzjonijiet alternattivi xierqa;
10. Jitlob li l-Kummissjoni u s-SEAE jkomplu jagħtu l-appoġġ tagħhom favur djalogu bejn is-Sudan, is-Sudan t’Isfel u l-pajjiżi ġirien, biex jimplimentaw bis-sħiħ il-Ftehim ta’ Paċi Komprensiv tal-2005, kif ukoll il-Ftehimiet ta’ Addis Ababa tal-2012, u jindirizzaw kwalunkwe kwistjoni pendenti;
11. Jitlob li l-Kummissjoni u s-SEAE jappoġġjaw id-Djalogu Nazzjonali, il-Panel ta' Livell Għoli tal-Unjoni Afrikana għall-Implimentazzjoni (AUHIP) u r-Rappreżentant Speċjali Konġunt tan-NU u l-Unjoni Afrikana f'Darfur, u jfaħħar lill-President Mbeki għall-isforzi tiegħu biex jippromwovi Djalogu Nazzjonali ġenwin;
12. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-vjolazzjonjiet, li għadhom għaddejjin u li huma frekwenti, tad-drittijiet tan-nisa fis-Sudan, b'mod partikolari skont l-Artikolu 152 tal-Kodiċi Penali; jitlob bil-ħerqa lill-awtoritajiet Sudaniżi biex jiffirmaw u jirratifikaw bla dewmien il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa;
13. Jitlob lill-Gvern tas-Sudan, l-oppożizzjoni u l-movimenti armati biex jutilizzaw il-momentum tad-Djalogu Nazzjonali biex juru s-sens ta' tmexxija li huwa meħtieġ ħalli s-Sudan jaqbad triqtu lejn il-paċi, il-prosperità u l-ġustizzja; jissottolinja, għal darb' oħra, l-importanza tal-ġlieda kontra l-impunità;
14. Jesprimi tħassib dwar il-fatt li s-sitwazzjoni umanitarja sejra għall-agħar f’bosta reġjuni tas-Sudan, u b’mod partikolari dwar ir-restrizzjonijiet ta' aċċess li għadhom imposti fuq aġenziji u organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali; jitlob, għal darb' oħra, lill-Gvern tas-Sudan, kif ukoll il-movimenti armati, biex jiggarantixxu lill-aġenziji umanitarji aċċess sikur, f'waqtu u bla xkiel għaż-żoni kollha, b’mod partikolari fiż-żoni milquta mill-ġlied, skont prinċipji umanitarji internazzjonali;
15. Jiddenunzja l-abbozz tal-gvern dwar l-NGOs, li jirrestrinġi l-kapaċità tal-NGOs li jipprovdu l-għajnuna umanitarja tant meħtieġa lis-Sudan u li jkompli jgħarraq iċ-ċirkostanzi diġà diffiċli li l-NGOs iħabbtu wiċċhom magħhom fil-pajjiż — xejra dejjem tikber ta' intimidazzjoni u interferenza mmirati lejn ħaddiema umanitarji, kif ukoll it-trażżin tas-soċjetà ċivili u tal-libertajiet demokratiċi;
16. Jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha jissoktaw fl-impenn tagħhom favur is-sostenn lis-Sudan u lill-poplu tas-Sudan fit-tranżizzjoni tagħhom lejn demokrazija riformata internament;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tas-Sudan, lill-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan (PAP).
Ebda oġġezzjoni għal att delegat: Ex ante għall-arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni
223k
56k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2014 li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tal-21 ta' Ottubru 2014 li jisupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni (C(2014)07674 – 2014/2923(DEA))
– wara li kkunsidra r-regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2014)07674),
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tat-18 ta' Novembru 2014, li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-regolament delegat,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, tas-16 ta' Diċembru 2014,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 103(7) u (8) u 115(5) tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,
– wara li kkunsidra l-ftehim fi ħdan il-Kunsill dwar ir-regolament ta' implimentazzjoni li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex-ante għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (COM(2014)0710),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 105(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Artikolu 130 tad-Direttiva 2014/59/UE (id-Direttiva BRRD) jirrikjedi li l-Istati Membri japplikaw il-miżuri nazzjonali meħtieġa biex jikkonformaw ma' dik id-Direttiva mill-1 ta' Jannar 2015;
B. billi biex japplikaw id-Direttiva, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-kontribuzzjonijiet jiżdiedu mill-inqas annwalment min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-kreditu u d-ditti ta' investiment relevanti ("l-istituzzjonijiet") awtorizzati fit-territorji tagħhom (Artikolu 103(1) tad-Direttiva BRRD);
C. billi dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu aġġustati għall-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet skont il-kriterji speċifikati f'att delegat tal-Kummissjoni;
D. billi l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva BRRD jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati sabiex tispeċifika l-kunċett ta' aġġustament ta' kontribuzzjonijiet b'mod proporzjonali mal-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet, filwaqt li jitqiesu ċerti kriterji mniżżla f'dak l-Artikolu;
E. billi fil-21 ta' Ottubru 2014, sabiex tossodisfa s-setgħa li ngħatat imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni adottat regolament delegat tal-Kummissjoni li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni;
F. billi dan ir-Regolament delegat jista' jidħol fis-seħħ fi tmiem il-perjodu ta' skrutinju tal-Parlament u tal-Kunsill biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament u lanqas mill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw; billi l-perjodu ta' skrutinju ġie stabbilit, skont l-Artikolu 115(5) tad-Direttiva BRRD, għal tliet xhur mid-data ta' notifika, jiġifieri sal-21 ta' Jannar 2015, u jista' jiġi estiż sa tliet xhur oħra;
G. billi l-implimentazzjoni mingħajr xkiel u f'waqtha tal-qafas tal-BRRD tal-1 ta' Jannar 2015 jirrikjedi li l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni nazzjonali jibdew jikkalkolaw u jiġbru l-kontribuzzjonijiet għall-arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ sal-1 ta' Jannar 2015; billi dan il-kalkolu u l-ġbir għandhom isiru skont ir-regolament delegat imsemmi hawn fuq;
H. billi r-regolament delegat għandu, għalhekk, jidħol fis-seħħ fl-2014, qabel l-iskadenza tal-perjodu ta' skrutinju msemmi fil-Premessa F;
I. billi l-ftehim fi ħdan il-Kunsill dwar ir-Regolament ta' implimentazzjoni jispeċifika kundizzjonijiet uniformi ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' kontribuzzjonijiet ex-ante dwar il-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni, li ntlaħaq wara involviment informali tal-Parlament, huwa konsistenti mar-regolament delegat imsemmi hawn fuq;
1. Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-regolament delegat;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Konklużjoni ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Ġeorġja
289k
120k
Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (09827/2014 – C8-0129/2014 – 2014/0086(NLE) – 2014/2816(INI))
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (09827/2014),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (il-"Ftehim") tas-27 ta' Ġunju 2014 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (17901/2013),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 217 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), u l-paragrafi 7 u 8, it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0129/2014),
– wara li kkunsidra l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008, b'medjazzjoni mill-UE u ffirmat mill-Ġeorġja u mill-Federazzjoni Russa, u l-ftehim ta' implimentazzjoni tat-8 ta' Settembru 2008,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga tas-7 ta' Mejju 2009, is-Samit tas-Sħubija tal-Lvant f'Varsavja tat-30 ta' Settembru 2011 u s-Samit tas-Sħubija tal-Lvant f'Vilnjus tat-28-29 ta' Novembru 2013,
– wara li kkunsidra l-ftehimiet bejn l-UE u l-Ġeorġja dwar l-iffaċilitar tal-viżi u r-riammissjoni li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2011,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2011 li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE rigward in-negozjati bejn l-UE u l-Ġeorġja dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni(1),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal Konġunt dwar l-Implimentazzjoni tal-Politika tal-Viċinat Ewropew fil-Ġeorġja – Progress fl-2013 u rakkomandazzjonijiet għal azzjoni (Rapport ta' Progress annwali) tas-27 ta' Marzu 2014 (SWD(2014)0072),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument Ewropew ta' Viċinat(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2014 dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u, b'mod partikolari, d-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-valutazzjoni u l-istabbiliment ta' prijoritajiet għar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi tas-sħubija tal-Lvant(4),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tal-5 ta' Settembru 2014 dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fil-Ġeorġja,
– wara li kkunsidra l-ħidma ta' Thomas Hammarberg bħala l-Konsulent Speċjali tal-UE għar-Riforma Kostituzzjonali u Ġuridika u għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Ġeorġja, u r-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu bl-isem ''Georgia in Transition. Report on the human rights dimension: background, steps taken and remaining challenges'' (Il-Ġeorġja fi Tranżizzjoni. Rapport dwar id-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem: il-kuntest, il-passi meħuda u l-isfidi li fadal), ta' Settembru 2013 u r-rapport tal-10 ta' Lulju 2014 dwar il-missjoni ta' segwitu,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Protokoll tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ġeorġja fil-programmi tal-Unjoni(5),
– wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni (l-"Aġenda") li se tissostitwixxi l-Pjan ta' Azzjoni PEV,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni(6),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0042/2014),
A. billi fil-Ġeorġja jeżisti kunsens qawwi fil-livell nazzjonali u bejn il-partiti favur l-integrazzjoni mal-Punent, inkluż mal-UE u man-NATO; billi skont studju reċenti tal-Istitut Demokratiku Nazzjonali għall-Affarijiet Internazzjonali, 69 % tal-popolazzjoni tal-Ġeorġja hija favur l-iffirmar ta' ftehim ta' assoċjazzjoni mal-Unjoni Ewropea; billi kunsens bħal dan għandu jwitti t-triq sabiex tittaffa l-polarizzazzjoni attwali tax-xena politika u jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal djalogu kostruttiv bejn il-forzi ta' maġġoranza u dawk ta' minoranza;
B. billi l-elezzjonijiet parlamentari tal-2012 u dawk presidenzjali tal-2013 fil-Ġeorġja twettqu mingħajr intoppi u f'konformità mal-istandards Ewropej; billi għall-ewwel darba fl-istorja reċenti tal-Ġeorġja t-trasferiment tas-setgħa wara dawn l-elezzjonijiet seħħ b'mod paċifiku u demokratiku, u jista' jservi ta' eżempju għar-reġjun kollu;
C. billi l-Ewropa għandha turi s-solidarjetà tagħha mal-pajjiżi li reġgħu kisbu l-indipendenza wara l-waqgħa tal-Unjoni Sovjetika kif ukoll appoġġ għas-sovranità tagħhom;
D. billi r-Russja għadha tokkupa r-reġjuni Ġeorġjani tal-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar, bi ksur tan-normi u tal-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali; billi seħħew tindif etniku u tibdil demografiku furzat f'żoni li jinsabu taħt kontroll effettiv tal-forzi ta' okkupazzjoni, li huma responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn iż-żoni, inkluż il-ksur tad-dritt għal moviment liberu kif ukoll id-dritt għal kuntatti interpersonali u edukazzjoni fil-lingwa materna tal-individwu;
E. billi l-Ġeorġja għamlet progress sinifikanti fir-riformi u fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-UE mir-''Rivoluzzjoni tal-Ward'' 'l hawn; billi b'riżultat tal-progress li sar fir-riformi li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, il-Ġeorġja bbenefikat minn allokazzjoni finanzjarja addizzjonali fil-ambitu tal-programm ta' Integrazzjoni u ta' Kooperazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant; billi l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jikkostitwixxi wkoll rikonoxximent qawwi ta' dan il-progress, filwaqt li jirrikonoxxi wkoll l-ambizzjoni u l-impenn li għandha l-Ġeorġja sabiex taqbad triq Ewropea;
F. billi l-iffirmar tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina saru fis-27 ta' Ġunju 2014, fl-okkażjoni tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Brussell; billi bir-ratifika min-naħa tal-Parlament Ewropew tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Ġeorġja, wara r-ratifika tal-ftehimiet mar-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina, ġie fi tmiemu proċess sħiħ, filwaqt li nfetaħ kapitolu ġdid fir-rigward tax-xewqa u d-determinazzjoni ta' dawn il-pajjiżi li jersqu eqreb tal-Unjoni Ewropea;
G. billi fil-kuntest tal-PEV is-Sħubija tal-Lvant ħolqot qafas politiku sinifikattiv għall-approfondiment tar-relazzjonijiet, l-aċċelerazzjoni tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika ulterjuri bejn l-UE u l-Ġeorġja, li bejniethom hemm rabtiet ġeografiċi, storiċi u kulturali qawwijin; billi dan sar permezz tal-appoġġ tar-riformi politiċi u soċjoekonomiċi u billi ġie ffaċilitat it-tqarrib lejn l-UE;
H. billi l-oqfsa reġjonali, inkluża l-Assemblea Parlamentari Euronest, u s-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed tal-UE, jikkostitwixxu fora addizzjonali fejn jiġu kondiviżi l-esperjenzi, l-informazzjoni u l-aħjar prattiki dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni;
I. billi l-UE tenfasizza d-dritt tal-Ġeorġja li tingħaqad ma' kwalunkwe organizzazzjoni jew alleanza internazzjonali, filwaqt li tirrispetta d-dritt internazzjonali, u ttenni l-konvinzjoni soda tagħha fil-prinċipju li l-ebda pajjiż terz m'għandu veto fuq id-deċiżjoni sovrana ta' pajjiż ieħor fi kwistjonijiet bħal dawn;
J. billi l-Parlament jappoġġa bis-sħiħ il-liberalizzazzjoni tal-viżi għall-Ġeorġja bħala sinjal immedjat ta' relazzjonijiet eqreb bejn l-UE u l-Ġeorġja u bħala vantaġġ dirett għall-popolazzjoni;
K. billi l-konklużjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mhijiex minnha nnifisha l-iskop aħħari, iżda hija parti minn proċess usa' li jdaħħal lill-pajjiż fin-norma Ewropea mil-lat ġuridiku, ekonomiku, politiku u soċjali, u għaldaqstant l-implimentazzjoni hija essenzjali;
L. billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja, speċjalment it-taqsima dwar il-kummerċ li ġiet innegozjata fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant fl-2012 u fl-2013 huwa, fost l-oħrajn, wieħed mill-aktar ftehimiet ta' kummerċ ħieles ambizzjużi li l-UE qatt innegozjat ma' pajjiż terz;
M. billi l-ħolqien ta' Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) bejn l-UE u l-Ġeorġja jirrappreżenta wieħed mill-aktar vantaġġi reċiproċi sinifikanti tal-Ftehim; billi m'hemmx dubju dwar l-importanza tal-kummerċ għat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi, il-prosperità u l-istabbiltà;
N. billi l-istabbiliment ta' DCFTA mal-UE se jfisser għall-Ġeorġja li se jkollha tieħu impenji vinkolanti biex tadatta l-liġijiet u l-istandards tagħha sabiex tirrispetta n-normi u l-valuri komuni, u b'hekk iżżid l-aċċess tagħha għas-suq tal-UE;
O. billi l-UE se tibbenefika minn flussi kummerċjali b'inqas intoppi u kundizzjonijiet ta' investiment aħjar fil-Ġeorġja;
P. billi d-DCFTA tinkludi bosta dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jirriformaw il-leġiżlazzjoni kummerċjali u l-politiki relatati mal-kummerċ tal-Ġeorġja abbażi tal-acquis tal-UE u f'konformità miegħu, u billi dan se jwassal għall-modernizzazzjoni tal-ekonomija tal-pajjiż u għal ambjent ta' negozju mtejjeb u aktar prevedibbli, inkluż għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs);
R. billi l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, li bdiet fl-1 ta' Settembru 2014, tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni aktar rapida tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni;
S. billi l-parteċipazzjoni attiva tal-Ġeorġja u impenn favur il-valuri u l-prinċipji komuni, inklużi l-libertà, l-ugwaljanza, id-demokrazija, il-pluraliżmu, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, imnebbħa minn viżjoni komuni fejn kull persuna għandha valur uniku, huma essenzjali biex il-proċess ikompli miexi 'l quddiem u l-Ftehim jiġi implimentat b'suċċess, u biex jiżguraw li dan ikollu impatt sostenibbli fuq l-iżvilupp tal-pajjiż;
T. billi rabtiet politiċi u ekonomiċi aktar b'saħħithom ser iġibu aktar stabbiltà, sigurtà u prosperità lill-kontinent Ewropew kollu; billi rabtiet aktar b'saħħithom mal-UE m'għandhomx ifissru l-esklużjoni mir-rabtiet tradizzjonali, storiċi, politiċi u ekonomiċi li għandha l-Ġeorġja ma' pajjiżi oħrajn fir-reġjun, u lanqas it-tmiem ta' dawn ir-rabtiet, iżda għall-kuntrarju, għandhom joħolqu l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-pajjiż jibbenefika bis-sħiħ mill-potenzjal kollu tiegħu;
U. billi l-Ġeorġja hija parti importanti mill-katina tal-provvista tas-suq komuni tal-enerġija u twassal ir-riżorsi enerġetiċi mir-reġjun tal-Baħar Kaspju lejn l-UE;
1. Jilqa' favorevolment ħafna l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, li jikkostitwixxi pass sinifikanti 'l quddiem fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġeorġja u juri impenn fit-triq lejn l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika; jilqa' l-assistenza finanzjarja mogħtija lill-Ġeorġja fl-2014 skont il-prinċipju ta' ''aktar fondi għal aktar riforma''; jenfasizza li r-ratifika tal-Ftehim mhijiex l-għan aħħari minnha nnifisha, u li huwa kruċjali li jiġi implimentat bis-sħiħ fl-iqsar żmien possibbli;
2. Jilqa' r-ratifika rapida u unanima tal-Ftehim min-naħa tal-Parlament tal-Ġeorġja, u jistieden lill-Istati Membri jipproċedu malajr bir-ratifika tiegħu;
3. Jinnota li, skont l-Artikolu 49 tat-TUE, il-Ġeorġja, bħal kull Stat Ewropew ieħor, għandha perspettiva Ewropea u tista' tapplika sabiex issir membru tal-Unjoni dment li żżomm mal-prinċipji tad-demokrazija, tirrispetta l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem u dawk tal-minoranzi, u tiżgura l-istat tad-dritt;
4. Jenfasizza li l-Ftehim ikopri t-territorju rikonoxxut internazzjonalment kollu tal-Ġeorġja u li huwa ta' benefiċċju għall-popolazzjoni kollha u jservi ta' qafas għall-iżvilupp sostenibbli u d-demokrazija fil-Ġeorġja;
5. Jistieden lill-Ġeorġja tiżgura li r-riformi jkunu ankrati u stabbiliti fermement fil-qafas istituzzjonali, biex b'hekk tibni soċjetà kkaratterizzata mill-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa;
6. Jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza ta' djalogu kostruttiv bejn il-partiti għall-adozzjoni ta' riformi bażiċi u obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, u dan fi spirtu ta' għażla kunsenswali Ewropea; jistieden lill-forzi politiki tal-Ġeorġja jevitaw approċċ li fih ''ir-rebbieħ ikaxkar kollox'', jiġifieri l-approċċ li kien jikkaratterizza l-gvernijiet preċedenti, u dan sabiex tingħeleb il-polarizzazzjoni li ilha teżisti fis-soċjetà tal-Ġeorġja;
7. Jilqa' l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni li toħloq qafas prattiku biex jinkisbu l-objettivi urġenti tal-Ftehim u li għandu jkun dak li jiggwida l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġeorġja;
8. Jenfasizza li kemm il-Ġeorġja u kemm l-UE għandhom ikunu involuti fl-implimentazzjoni tal-Aġenda, u li l-prijoritajiet stabbiliti fiha għandhom jingħataw l-appoġġ tekniku u finanzjarju xieraq biex b'hekk il-Ġeorġja tkun tista' tkompli bir-riformi demokratiċi u ekonomiċi tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkoordinaw l-assistenza tagħhom u li fil-programmazzjoni tal-finanzjament għall-Ġeorġja jużaw il-prijoritajiet tal-Aġenda bħala l-prinċipji li jmexxuhom;
9. Jistieden lill-partijiet jidentifikaw il-bżonnijiet ta' taħriġ biex jiġi żgurat li l-Ġeorġja tkun kapaċi twettaq l-obbligi tal-Ftehim u l-Aġenda;
10. Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ġeorġja u jappella sabiex jiġu żgurati l-applikabbiltà u l-benefiċċji tal-Ftehim għat-territorju rikonoxxut internazzjonalment kollu tal-Ġeorġja; jappella f'dan ir-rigward lill-UE tkompli timpenja ruħha b'mod attiv fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt, permezz tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-Kriżi fil-Ġeorġja, il-viċi presidenza fit-Taħdidiet ta' Ġinevra, u l-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea (EUMM); iħeġġeġ sabiex ikun hemm aktar sforzi deċiżivi għal dak li jirrigwarda r-reviżjoni tal-aspetti restrittivi tal-liġi dwar it-territorji okkupati, biex b'hekk jiġu massimizzati l-benefiċċji tal-Ftehim u tad-DCFTA;
11. Jistieden lir-Russja tirrispetta bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ġeorġja, kif ukoll l-invjolabbiltà tal-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment, treġġa' lura r-rikonoxximent tagħha tas-separazzjoni tal-Abkażja u tar-reġjun ta' Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar u ttemm l-okkupazzjoni tagħhom, u tirreċiproka l-impenn dwar in-nuqqas ta' użu tal-forza fir-rigward tal-Ġeorġja; jikkundanna, f'dan ir-rigward, il-konklużjoni tat-trattat ta' "alleanza u sħubija strateġika" bejn it-territorju okkupat tal-Abkażja u r-Russja; jikkunsidra dan bħala azzjoni li ħadet ir-Russja bil-għan li tikkonkludi l-annessjoni totali tal-Abkażja; jesprimi tħassib ukoll li "trattat" analogu jista' jiġi konkluż mat-territorju okkupat ta' Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar ukoll; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Federazzjoni Russa tirtira mill-hekk imsejjaħ "trattat" u tottempera mal-obbligi tagħha skont il-Ftehim dwar il-Waqfien mill-Ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008;
12. Jilqa' r-riformi reċenti min-naħa tal-awtoritajiet tal-Ġeorġja mfassla sabiex tissaħħaħ aktar l-istabbiltà, l-indipendenza u l-effikaċja tal-istituzzjonijiet responsabbli milli jiggarantixxu d-demokrazija (partikolarment dik tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji), l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, u li tiġi kkonsolidata s-sistema ta' ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali; itenni l-importanza li jiġi żgurat li t-tliet fergħat kollha tas-setgħa jibqgħu separati; jappella sabiex is-sistema tal-kontrolli u tal-bilanċi tintuża b'mod effettiv, flimkien ma' mekkaniżmi ta' sorveljanza;
13. Jinnota l-isforzi tal-awtoritajiet tal-Ġeorġja fil-qasam tar-riformi demokratiċi, inklużi fl-indirizzar tar-riforma tal-ġudikatura, u l-ħtieġa li jiġu investigati bis-sħiħ u b'mod adegwat l-allegazzjonijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; itenni li r-riforma tas-settur tal-ġustizzja tibqa' prijorità kemm għall-Ġeorġja u kemm għall-Unjoni Ewropea; jirrikonoxxi l-prinċipju fundamentali tal-ugwaljanza f'għajnejn il-liġi u l-garanzija tad-drittijiet proċedurali; jenfasizza l-ħtieġa li jinħoloq reġistru tal-infurzar għall-każijiet ta' prosekuzzjoni u kundanni u li permezz tiegħu jkun jista' jitkejjel il-progress; jitlob l-unifikazzjoni tal-ġurisprudenza, biex tiġi żgurata sistema ġudizzjarja prevedibbli u l-fiduċja tal-pubbliku; ifakkar li għandha titkompla l-implimentazzjoni effikaċi tal-istrateġija ta' riforma tas-settur tal-ġustizzja;
14. Jenfasizza li l-prosekuzzjonijiet kollha għandhom ikunu trasparenti, proporzjonati u ħielsa minn motivazzjoni politika, u għandhom jimxu strettament mal-proċeduri ta' investigazzjoni u ta' proċess ġust u jitwettqu b'rispett sħiħ tal-prinċipji ta' smigħ ġust, kif stabbilit fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jibqa' mħasseb dwar in-nuqqas ta' responsabbiltà tal-uffiċċju tal-prosekutur u l-kriterji vagi li skonthom jinħatru l-prosekuturi u l-investigaturi; ifakkar li l-integrità u l-professjonalità għandhom ikunu l-kriterji ewlenin għall-mili ta' dawn il-karigi;
15. Jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet tal-Ġeorġja jfittxu li joħolqu r-rikonċiljazzjoni nazzjonali; jesprimi tħassib dwar il-fatt li bosta uffiċjali li servew taħt il-gvern preċedenti u wħud mill-membri tal-oppożizzjoni attwali ġew akkużati b'reati u jinsabu l-ħabs jew qegħdin taħt arrest preventiv qabel is-smigħ tal-kawża; jesprimi tħassib ukoll dwar l-użu potenzjali tas-sistema ġudizzjarja fil-ġlieda kontra l-avversarji politiċi, fatt li jista' jdgħajjef il-perkors Ewropew tal-Ġeorġja kif ukoll l-isforzi li saru mill-awtoritajiet tal-Ġeorġja fil-qasam tar-riforma demokratika; ifakkar li l-eżistenza ta' oppożizzjoni politika sinifikanti hija indispensabbli għall-ħolqien ta' sistema politika bilanċjata u matura li qed taspira għaliha l-Ġeorġja;
16. Jirrikonoxxi li l-akkużi ta' każijiet tal-hekk imsejħa ġustizzja selettiva kellhom impatt negattiv; jappella lill-awtoritajiet tal-Ġeorġja jevitaw milli jużaw is-sistema ġudizzjarja bħala mezz ta' vendetta politika; jistieden lill-forzi politiċi kollha fil-Ġeorġja joqogħdu attenti ħafna li jevitaw akkużi fil-futur, filwaqt li jkomplu bil-ġlieda serja sabiex titneħħa l-korruzzjoni u l-abbuż tal-kariga pubblika;
17. Jilqa r-"Rapport ta' monitoraġġ bi prova" tal-OSCE/ODIHR maħruġ fid-9 ta Diċembru 2014 u jistieden lill-gvern Ġeorġjan biex iwettaq sforzi serji biex jitranġaw in-nuqqasijiet fih identifikati;
18. Jilqa' l-ħidma li saret minn Thomas Hammarberg bħala l-Konsulent Speċjali tal-UE u r-rapport tiegħu ''Georgia in Transition'' (Il-Ġeorġja fi Tranżizzjoni), kif ukoll ir-rapport tal-10 ta' Lulju 2014 dwar iż-żjara ta' segwitu; jistieden lill-awtoritajiet tal-Ġeorġja jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapporti;
19. Jenfasizza l-fatt li l-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (OSKE/ODIHR) b'mod ġenerali kkunsidrat l-elezzjonijiet presidenzjali ta' Ottubru 2013 bħala pożittivi kif ukoll bħala l-aħjar elezzjonijiet minn wara l-indipendenza tal-Ġeorġja 'l hawn, u li dawn komplew jibnu fuq il-passi inkoraġġanti tal-elezzjonijiet parlamentari tal-2012; jinnota f'dan ir-rigward il-parteċipazzjoni tad-Delegazzjoni tal-Osservazzjoni Elettorali tal-Parlament;
20. Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tiżgura sinerġiji bejn l-opportunitajiet diversi ta' sostenn li jagħtu l-Fond Ewropew għad-Demokrazija, l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Istrument għall-Istabbiltà u l-Faċilità għas-Soċjetà Ċivili biex b'hekk jiġi appoġġat il-proċess demokratiku fil-Ġeorġja;
21. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Ġeorġja jkomplu bil-ġlieda tagħhom kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni, il-frodi u l-ħasil ta' flus fil-livelli kollha u fl-isferi kollha tal-ħajja, u jiżviluppaw ġudikatura li tiffunzjona kompletament, li għandha biżżejjed persunal u li hija indipendenti sabiex fost l-oħrajn, tiżdied il-fiduċja tal-pubbliku fil-ġudikatura u tiġi difiża l-ekonomija leċita; jenfasizza barra minn hekk l-importanza li l-amministrazzjoni pubblika ma tibqax ta' dominju politiku biex b'hekk issir aktar effiċjenti u ħielsa mill-indħil politiku;
22. Jirrikonoxxi d-determinazzjoni tal-Ġeorġja u l-kisbiet li għamlet fil-bini ta' soċjetà ħielsa bbażata fuq l-istat tad-dritt, id-demokrazija u l-pluraliżmu soċjali; jiġbed l-attenzjoni lejn l-appoġġ qawwi li qed igawdi minnu dan il-proċess fis-soċjetà tal-Ġeorġja; jenfasizza l-importanza ta' leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni sabiex jiġu żgurati d-drittijiet ugwali u l-ħarsien tal-minoranzi, b'mod partikolari għall-minoranzi etniċi, reliġjużi u LGBT; jilqa' l-adozzjoni min-naħa tal-Parlament tal-Ġeorġja tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni, u jappella sabiex din tiġi implimentata u osservata bis-sħiħ skont u fl-ispirtu tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jinnota li dan jikkostitwixxi pass importanti lejn il-proċess ta' liberalizzazzjoni tal-viżi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ġeorġja jwettqu kampanji ta' informazzjoni dwar is-suġġett;
23. Jieħu nota tal-passi li ħadet il-Ġeorġja kontra l-Iżlamofobija u l-omofobija, fir-rispett tal-impenji internazzjonali tagħha; jisħaq, madankollu, il-bżonn li jitressqu b'mod effikaċi quddiem il-ġustizzja l-persuni responsabbli tal-atti ta' vjolenza;
24. Jilqa' l-ħidma li saret mill-Ġeorġja fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar l-iffaċilitar tal-viżi u r-riammissjoni; jilqa' wkoll il-progress sinifikanti li sar fid-djalogu dwar il-viżi; jappoġġa l-introduzzjoni f'waqtha ta' reġim ta' eżenzjoni mill-viżi għall-Ġeorġja bħala żvilupp pożittiv tanġibbli għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tal-Ġeorġja, ladarba jkunu ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha;
25. Jistieden lill-Gvern tal-Ġeorġja joħloq ambjent favorevoli għall-midja ħielsa li jippromwovi l-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-midja, u li jippermetti lill-midja tirrapporta b'mod indipendenti u oġġettiv mingħajr pressjoni politika jew ekonomika; jappella f'dan ir-rigward għall-implimentazzjoni sħiħa tal-liġi dwar it-trasparenza tas-sjieda tal-midja;
26. Iħeġġeġ lill-gvern ikompli jagħmel progress fir-rigward tal-istat tad-dritt u l-aċċess għall-ġustizzja billi jadotta l-Kodiċi tal-Ġustizzja għall-Minorenni l-ġdid f'konformità mal-istandards internazzjonali biex b'hekk jippromwovi l-aċċess għall-ġustizzja għat-tfal kollha; jenfasizza l-ħtieġa li jsiru riformi urġenti fis-sistema tal-ħarsien soċjali biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali dejjem jiżdiedu li jaffettwaw partikolarment lit-tfal, kif jidher mill-perċentwal dejjem jiżdied ta' tfal li issa qed jgħixu taħt il-livell nazzjonali tal-faqar (27 % fl-2013 meta mqabbel ma' 25 % fl-2011) u f'faqar estrem (6 % meta mqabbel ma' 3,9 % fost il-popolazzjoni ġenerali), u li qed jgħixu b'anqas minn USD 1,25 kuljum;
27. Jinnota b'mod pożittiv l-adozzjoni tal-kodiċi l-ġdid dwar ix-xogħol u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi implimentat u li jibqa' jkun hemm titjib fl-istandards tax-xogħol u d-djalogu soċjali, biex b'hekk ikun hemm konformità mad-drittijiet u l-istandards tax-xogħol stabbiliti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol;
28. Ifaħħar id-determinazzjoni tal-Ġeorġja li tfittex li jkollha rabtiet ekonomiċi eqreb mal-UE permezz ta' riformi ekonomiċi profondi u diffiċli;
29. Jifraħ lill-Ġeorġja talli kienet kapaċi tirreżisti għall-pressjoni esterna, fost oħrajn mir-Russja, u tidderieġi l-esportazzjonijiet tagħha lejn swieq ġodda, u jħeġġeġ lill-Ġeorġja tkompli f'din id-direzzjoni anke fil-futur; jikkundanna l-politika ta' pressjoni ekonomika li utilizzat ir-Russja kontra l-Ġeorġja qabel u wara l-iffirmar tad-DCFTA f'Ġunju 2014;
30. Jemmen bis-sħiħ li d-DCFTA se jkollha impatt pożittiv fuq perjodu twil fuq l-ekonomija tal-Ġeorġja u għaldaqstant se tgħin biex tiżdied il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-pajjiż;
31. Jinnota b'sodisfazzjon ir-ratifika tal-ftehim fit-18 ta' Lulju 2014 min-naħa tal-parlament tal-Ġeorġja, li wasslet għall-applikazzjoni provviżorja tad-DCFTA mill-1 ta' Settembru 2014;
32. Jistieden lill-parlamenti tal-Istati Membri jirratifikaw kemm jista' jkun malajr il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluża d-DCFTA, biex b'hekk id-dispożizzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali kollha tal-Ftehim ikunu jistgħu jidħlu fis-seħħ bis-sħiħ mingħajr dewmien;
33. Jenfasizza l-fatt li s-suċċess tad-DCFTA jiddependi fuq kemm iż-żewġ partijiet jimplimentaw bir-reqqa l-impenji stabbiliti fil-Ftehim; jappella f'dan ir-rigward lill-UE sabiex lill-Ġeorġja tagħtiha l-għajnuna meħtieġa kollha, anke sabiex ittaffi l-ispejjeż fuq perjodu qasir għall-Ġeorġja; jistieden lill-Istati Membri jaqsmu mal-Ġeorġja l-għarfien li għandhom fil-qasam tar-riformi ekonomiċi u tal-approssimazzjoni;
34. Jemmen li l-iskrutinju parlamentari huwa kundizzjoni fundamentali għall-appoġġ demokratiku tal-politiki tal-UE; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiffaċilita mingħajr dewmien il-monitoraġġ regolari u dettaljat tal-implimentazzjoni tad-DCFTA mill-Parlament Ewropew.
35. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tad-DCFTA sabiex tipprevjeni d-dumping soċjali u ambjentali, speċjalment matul il-perjodu ta' tranżizzjoni fil-każ ta' ċerti setturi;
36. Jistieden lill-Kummissjoni tħaffef il-forniment ta' assistenza u ta' għarfien espert lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Ġeorġja, biex b'hekk tippermettilhom jipprovdu monitoraġġ intern u għoti ta' rendikont akbar fir-rigward tar-riformi u l-impenji li ħa fuqu l-gvern, l-aktar fl-ambitu tal-Ftehim u l-Aġenda;
37. Jistieden lill-Gvern tal-Ġeorġja jikkoopera mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-NGOs permezz ta' djalogu konsistenti;
38. Jilqa' l-parteċipazzjoni attiva tal-Ġeorġja fl-operazzjonijiet tal-ġestjoni tal-kriżi fl-ambitu tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni tal-UE, u jappella lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jistieden lill-Ġeorġja għall-eżerċizzji rilevanti u s-sessjonijiet ta' taħriġ;
39. Jenfasizza r-rwol fundamentali li għandhom ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-Kriżi fil-Ġeorġja u l-EUMM fil-kontribut li jagħtu għas-sigurtà u l-istabbiltà fiż-żoni li jinsabu maġenb ir-reġjuni ta' Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar, u jappella għall-proroga tal-mandat tal-missjoni lil hinn mill-2016; jitlob ukoll lill-UE tiżgura li din tingħata baġit adegwat biex twettaq il-mandat tagħha;
40. Iqis deplorevoli, b'rabta ma' dan, in-nuqqas ta' progress sostanzjali li sar fit-taħdidiet ta' Ġinevra, minkejja l-isforzi tal-awtoritajiet tal-Ġeorġja li juru impenn kostruttiv biex jindirizzaw it-tħassib umanitarju u tas-sigurtà kollu fiż-żoni ta' kunflitt; jitlob sabiex l-UE jkollha rwol aktar effikaċi fil-proċess; jikkundanna l-proċess ta' stabbiliment ta' fruntieri tul il-linji ta' demarkazzjoni amministrattivi mal-Abkażja u mar-reġjun ta' Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar, li wassal għall-espansjoni taż-żona ta' territorji okkupati b'detriment għall-Ġeorġja, proċess li kellu konsegwenzi umanitarji devastanti għall-popolazzjoni lokali u li qed ixekkel il-bini tal-fiduċja;
41. Jappoġġja l-passi pożittivi li ħa l-Gvern tal-Ġeorġja sabiex jitjiebu r-relazzjonijiet mar-Russja; jistieden lir-Russja, bħala attur importanti fir-reġjun, timpenja ruħha b'mod kostruttiv sabiex tinstab soluzzjoni paċifika għall-kunflitti u b'mod partikolari fit-Taħdidiet ta' Ġinevra, li kellhom il-mandat li jimmonitorjaw il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008 bejn ir-Russja u l-Ġeorġja; jemmen li d-dispożizzjonijiet kollha tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ miż-żewġ naħat, b'mod partikolari l-impenn tar-Russja li tirtira l-forzi militari kollha tagħha u d-dispożizzjoni li tiddikjara li r-Russja għandha tiggarantixxi lill-EUMM aċċess sħiħ u illimitat lejn it-territorji separatisti tal-Abkażja u tar-reġjun ta' Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar; jenfasizza l-ħtieġa li r-rifuġjati u l-persuni spostati f'pajjiżhom jkunu jistgħu jirritornaw lura b'mod sikur u dinjituż fil-postijiet ta' residenza permanenti tagħhom;
42. Jisħaq fuq l-importanza li jissaħħu l-kuntatti interpersonali fil-livelli kollha fiż-żoni ta' kunflitt ħalli jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji għal djalogu sostnut u jitrawwem ulterjorment il-bini tal-fiduċja bil-għan li jiġi intensifikat il-proċess ta' paċi u tinkiseb ir-rikonċiljazzjoni bejn il-partijiet;
43. Itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-proċess ta' assoċjazzjoni mhuwiex ta' theddida għall-interessi politiċi u ekonomiċi tar-Russja, u jiddispjaċih li t-tmexxija Russa tikkunsidrah b'dan il-mod; jirrimarka li kull pajjiż għandu kull dritt jagħmel l-għażliet politiċi tiegħu, iżda li l-impenn tal-UE mas-sħab tal-Lvant għandu l-għan li jxerred il-ġid u jqawwi l-istabbiltà politika u soċjali, ħaġa li l-pajjiżi tar-reġjun ilkoll se jgawdu minnha;
44. Jindika li d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja, l-inklużjoni mistennija tal-Armenja fl-Unjoni Doganali, u l-fatt li l-Azerbajġan għadu barra mill-blokok ekonomiċi ewlenin, inkluż id-WTO, jistgħu jfixklu r-relazzjonijiet ekonomiċi tradizzjonali fir-reġjun; jappoġġa bis-sħiħ id-divrenzjar progressiv previst fil-qafas ta' Sħubija tal-Lvant, hekk kif dan jilħaq il-livelli differenti ta' ambizzjoni u ta' kapaċità tas-sħab, madankollu jemmen li l-UE teħtieġ approċċ reġjonali biex tkun tista' tikkontribwixxi b'mod effettiv għall-istabbiltà u l-iżvilupp ekonomiku tal-Kawkasu tan-Nofsinhar; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tassisti lill-pajjiżi fir-reġjun jindirizzaw il-problemi possibbli li jistgħu jinqalgħu minn sitwazzjoni bħal din, u tgħin lill-Ġeorġja tagħmel sforzi ġodda biex tippromwovi forom ġodda ta' kooperazzjoni fil-Kawkasu tan-Nofsinhar;
45. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-pożizzjoni kruċjali tal-Ġeorġja għal dak li jirrigwarda l-iżvilupp tal-Kuritur tan-Nofsinhar u t-tranżitu tal-pajpijiet taż-żejt u tal-gass li jistgħu jkunu ta' importanza strateġika għas-sigurtà tal-enerġija Ewropea; jappella f'dan ir-rigward għar-rispett sħiħ tal-istandards ambjentali tal-UE fil-kostruzzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija; jenfasizza barra minn hekk l-importanza li jkun hemm diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, l-aktar fir-rigward tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u li l-politiki u l-objettivi dwar it-tibdil fil-klima jkunu allinjati ma' dawk tal-UE;
46. Jistieden lill-Kummissjoni tgħin u timmonitorja mill-qrib lill-awtoritajiet tal-Ġeorġja fil-programm ta' investiment tagħhom għall-kostruzzjoni, ir-rijabilitazzjoni u r-rikostruzzjoni ta' impjanti idroelettriċi, filwaqt li tħeġġiġhom jikkonformaw bis-sħiħ mal-istandards u n-normi tal-UE għal dak li jirrigwarda partikolarment il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali ta' impjanti akbar;
47. Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni tiegħu mal-Parlament tal-Ġeorġja bħala mezz kif tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-Ftehim u l-Aġenda; jemmen li d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim u l-ħolqien ta' qafas istituzzjonali ġdid għall-kooperazzjoni, li jinkludi l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, jitlob titjib simili fis-sitwazzjoni fil-livell parlamentari; jemmen għalhekk li, meta tqis l-ambitu differenti tar-relazzjonijiet mal-Armenja u l-Azerbajġan, huwa neċessarju li jinħoloq kumitat ta' assoċjazzjoni parlamentari speċifiku bejn l-UE u l-Ġeorġja;
48. Jistieden lill-Ġeorġja tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, lis-soċjetà tal-Ġeorġja, inklużi lit-territorji tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar, u dan b'kooperazzjoni mar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-Kriżi fil-Ġeorġja u l-EUMM;
49. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ġeorġja.
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja min-naħa l-oħra (09827/2014 – C8-0129/2014 – 2014/0086(NLE))
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (09827/2014),
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim ta ' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (17901/2013),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 217 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), Artikolu 218(7) u Artilolu 218(8), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0129/2014),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2011 li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE rigward in-negozjati bejn l-UE u l-Ġeorġja dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2014(2) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tieni subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0041/2014),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Ġeorġja.