Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Jannar 2015 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe (08585/2014 – C8-0018/2014 – 2014/0115(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (08585/2014),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe (08554/2014),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43 kif ukoll l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), u l-paragrafu 7, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8‑0018/2014),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-Rapport 2011 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp(1),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/334/UE tad-19 ta’ Mejju 2014 dwar l-allokazzjoni ta' opportunitajiet ta' sajd taħt il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe(2),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, u t-tieni paragrafu, u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0061/2014),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;
2. Jitlob lill-Kummissjoni tibgħat lill-Parlament il-minuti u l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-kumitat konġunt previst fl-Artikolu 9 tal-ftehim, il-programm settorjali pluriennali msemmi fl-Artikolu 3 tal-protokoll il-ġdid, ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet annwali kif ukoll il-minuti u l-konklużjonijiet tal-laqgħat previsti fl-Artikolu 4 tal-protokoll; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Parlament, bħala osservaturi, fil-laqgħat tal-kumitat konġunt; jitlob lilll-Kummissjoni tressaq lill-Parlament u lill-Kunsill, fl-aħħar sena ta' applikazzjoni tal-Protokoll u qabel ma jinfetħu negozjati għat-tiġdid tiegħu, rapport sħiħ dwar l-implimentazzjoni tiegħu, mingħajr restrizzjonijiet bla ħtieġa tal-aċċess għad-dokumenti;
3. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, iżommu lill-Parlament infurmat minnufih u bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-proċeduri marbuta mal-protokoll u t-tiġdid tiegħu, skont l-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 218(10) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe.