Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2503(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0046/2015

Dibattiti :

PV 15/01/2015 - 9.1
CRE 15/01/2015 - 9.1

Votazzjonijiet :

PV 13/01/2015 - 8.6
PV 15/01/2015 - 11.1

Testi adottati :

P8_TA(2015)0006

Testi adottati
PDF 235kWORD 71k
Il-Ħamis, 15 ta' Jannar 2015 - Strasburgu
Ir-Russja, b'mod partikolari l-każ ta' Alexei Navalny
P8_TA(2015)0006RC-B8-0046/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2015 dwar ir-Russja, b'mod partikolari l-każ ta' Alexei Navalny (2015/2503(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Russja, b'mod partikolari l-Artikolu 118 tagħha, li jiddikjara li l-ġustizzja fil-Federazzjoni Russa għandha tiġi amministrata biss mill-qrati, u l-Artikolu 120 tagħha, li jiddisponi li l-imħallfin huma indipendenti u huma subordinati biss għall-Kostituzzjoni Russa u għad-dritt federali;

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar restrizzjonijiet komuni rigward il-viżi għal uffiċjali Russi involuti fil-każ ta' Sergei Magnitsky(1), tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-istat tad-dritt fir-Russja(2), tat-13 ta' Marzu 2014 dwar ir-Russja: l-għoti ta' sentenzi lil dimostranti involuti fl-avvenimenti ta' Pjazza Bolotnaya(3), u tat-23 ta' Ottubru 2014 dwar l-għeluq tal-NGO 'Memorial' (rebbieħ tal-Premju Sakharov 2009) fir-Russja(4) u r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-2 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' restrizzjonijiet komuni rigward il-viża għal uffiċjali Russi involuti fil-każ ta' Sergei Magnitsky(5),

−  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2012 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(6),

−  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-30 ta' Diċembru 2014 dwar il-kundanna ta' Alexei Navalny u ħuh Oleg Navalny mill-Qorti ta' Zamoskvoretsky,

−  wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem tat-28 ta' Novembru 2013,

−  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni eżistenti li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra (FSK), kif ukoll in-negozjati li jinsabu sospiżi għal ftehim ġdid bejn l-UE u r-Russja,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, il-Federazzjoni Russa, bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u firmatarja tad-dikjarazzjoni tan-NU, impenjat ruħha li tħares il-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem; billi, minħabba l-bosta każijiet ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt u l-adozzjoni ta' liġijiet restrittivi tul ix-xhur li għaddew, hemm tħassib kbir rigward il-konformità tar-Russja mal-obbligi internazzjonali u nazzjonali; u billi l-UE ripetutament offriet għajnuna u kompetenza addizzjonali, permezz tas-Sħubija għall-Modernizzazzjoni, biex tgħin lir-Russja timmodernizza u tirrispetta l-ordni kostituzzjonali u ġuridiku tagħha, skont l-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa; billi hemm ruxxmata każijiet ġudizzjarji li fihom jintużaw raġunijiet maħluqa politikament biex tiġi eliminata l-kompetizzjoni politika, biex tiġi mhedda s-soċjetà ċivili u biex iċ-ċittadini jiġu skoraġġuti milli jipparteċipaw f'dimostrazzjonijiet u protesti pubbliċi li jopponu t-tmexxija attwali tal-pajjiż;

B.  billi Alexei Navalny kixef b'mod konsistenti l-korruzzjoni enormi fl-ogħla livelli tal-makkinarju statali Russu; billi l-ewwel verdett tal-qorti li imponiet sentenza ta' ħames snin f'Lulju 2013 tqies bħala wieħed politiku; billi fi Frar 2014 tqiegħed taħt arrest domiċiljari għal xahrejn, u f'Marzu 2014 poġġewlu brazzuletta elettronika biex isegwu l-attivitajiet tiegħu;

C.  billi Alexei Navalny rebaħ 27 % tal-vot fl-elezzjonijiet għall-kariga ta' sindku ta' Moska li saru f'Settembru 2013, u b'hekk ikkonferma lilu nnifsu bħala wieħed mill-uċuħ l-aktar prominenti tal-oppożizzjoni Russa għall-Kremlin;

D.  billi t-tieni verdett tal-qorti ta' Alexei Navalny kellu jitħabbar fil-15 ta' Jannar 2015, iżda inspjegabbilment il-qorti antiċipat id-data għat-30 ta' Diċembru 2014, meta l-biċċa l-kbira tar-Russi jkunu qed igawdu l-vaganzi tal-Ewwel tas-Sena; billi l-istess teknika ta' antiċipazzjoni tad-data ntużat fil-każ ta' Mikhail Khodorkovsky;

E.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja marret għall-agħar b'mod drammatiku tul dawn l-aħħar snin u l-awtoritajiet Russi adottaw sensiela ta' liġijiet li fihom dispożizzjonijiet ambigwi li qed jintużaw biex jillimitaw aktar lill-oppożizzjoni u l-atturi tas-soċjetà ċivili, u jxekklu l-libertajiet tal-espressjoni u tal-għaqda;

F.  billi matul l-aħħar snin il-leġiżlazzjoni dwar l-NGOs u dwar id-dritt għal-libertà tal-għaqda ntużat biex titrażżan is-soċjetà ċivili, jinħonqu l-opinjonijiet politiċi tal-oppożizzjoni u jingħata fastidju lill-NGOs, lill-oppożizzjoni demokratika u lill-midja; billi, skont il-liġi dwar l-'aġenti barranin', l-organizzazzjoni tad-drittijiet indipendenti 'Memorial' de facto ngħalqet; billi l-implimentazzjoni ta' din il-liġi inkludiet azzjonijiet severi bl-għan li jwaqqfu u jiddisswadu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluża l-organizzazzjoni tal-Ommijiet tas-Suldati, milli jwettqu xogħolhom;

G.  billi fl-aħħar ta' Diċembru 2014, il-Ministeru għall-Ġustizzja tal-Federazzjoni Russa emenda sostanzjalment il-lista ta' 'aġenti barranin' u żied diversi organizzazzjonijiet li jagħtu l-appoġġ għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż iċ-Ċentru Sakharov, biex b'hekk ifixkel partikolarment l-attivitajiet tagħhom u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja;

H.  billi, matul dawn l-aħħar snin, ħafna proċessi u proċedimenti ġudizzjarji, bħall-każjiet Magnitsky, Khodorkovsky, Politkovskaya u każijiet oħrajn, tefgħu dubju fuq l-indipendenza u l-imparzjalità tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji tal-Federazzjoni Russa; billi tali każijiet prominenti bħal dak ta' Alexei Navalny huma sempliċement l-aktar każijiet magħrufa barra mir-Russja ta' dak li jirrappreżenta falliment sistematiku tal-Istat Russu li jirrispetta l-istat tad-dritt u jiggarantixxi l-ġustizzja għaċ-ċittadini tiegħu; billi d-deċiżjoni tal-qorti attwali tirrappreżenta tentattiv politikament motivat biex jikkastiga lil Alexei Navalny bħala wieħed mill-aktar rivali prominenti tal-gvern;

I.  billi hemm bżonn dejjem akbar ta' politika tal-UE soda, koerenti u komprensiva dwar ir-Russja, appoġġata mill-Istati Membri kollha, b'appoġġ u assistenza msaħħa permezz ta' kritika soda u ġusta;

1.  Jesprimi l-akbar tħassib tiegħu għall-fatt li, fir-Russja, il-liġi qed tintuża bħala strument politiku; jenfasizza li l-kundanna tal-avukat prominenti, attivist soċjali u kontra l-korruzzjoni Alexei Navalny, li ngħata sentenza sospiża ta' tliet snin u nofs u sentenza ta' ħabs ta' tliet snin u nofs għal ħuh, Oleg Navalny, kienet ibbażata fuq akkużi mhux sostanzjati; jiddeplora bil-qawwa li l-prosekuzzjoni tidher li kienet politikament motivata;

2.  Jinnota bi tħassib li, għalkemm Alexei Navalny mhux qed jinżamm il-ħabs, ħuh Oleg Navalny jinsab attwalment fil-ħabs, u li dan qed jirriżulta fi tħassib fir-rigward tal-użu politiku possibbli ta' membru tal-familja sabiex wieħed mill-mexxejja tal-oppożizzjoni tar-Russja, Alexei Navalny, jiġi intimidat u jżomm fommu sieket; ifakkar li ħu Alexei, Oleg, missier żewġt itfal żgħar u ex eżekuttiv tas-servizz postali statali, qatt ma kellu rwol fil-moviment tal-oppożizzjoni Russu;

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi Russi biex iwettqu dmirijiethom b'mod imparzjali u indipendenti, ħielsa mill-interferenza politika u biex jiżguraw li l-proċedimenti ġudizzjarji fil-każijiet Navalny, u l-investigazzjonijiet u l-proċessi l-oħrajn kollha kontra attivisti tal-oppożizzjoni, jissodisfaw l-istandards aċċettati b'mod internazzjonali; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji jkunu ħielsa mill-indħil politiku, ikunu indipendenti u jittieħdu f'konformità sħiħa mal-istat tad-dritt;

4.  Jappoġġa għalkollox il-kampanja kontra l-korruzzjoni fir-Russja mibdija minn Alexei Navalny, u jappoġġa l-isforzi tal-poplu Russu biex isib arranġament li jiżgura d-demokrazija, il-pluraliżmu politiku, l-unità u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

5.  Huwa tal-fehma li l-Federazzjoni Russa, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, trid tissodisfa l-obbligi li impenjat ruħa fir-rigward tagħhom; jinnota li l-iżviluppi reċenti ħadu direzzjoni li hija kuntrarja għall-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura fil-pajjiż;

6.  Jistieden lill-Presidenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif ukoll il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), biex ikomplu jsegwu mill-qrib dawn il-każijiet, iqajmu dawn il-kwistjonijiet f’formati u laqgħat differenti mar-Russja u jirrapportaw lura lill-Parlament dwar l-iskambji tagħhom mal-awtoritajiet Russi;

7.  Jenfasizza li l-libertà tal-għaqda fil-Federazzjoni Russa hi mnaqqxa fl-Artikolu 31 tal-Kostituzzjoni Russa u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li r-Russja hi firmatarja tagħhom, u li l-awtoritajiet Russi huma obbligati jikkonformaw magħhom;

8.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jiżviluppa politika komuni fir-rigward tar-Russja li timpenja lit-28 Stat Membru tal-UE u lill-istituzzjonijiet tal-UE li jibagħtu messaġġ komuni qawwi dwar ir-rwol tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja u dwar il-bżonn li jintemm it-trażżin tal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni fir-Russja;

9.  Jitlob lill-VP/RGħ biex toħroġ, b'mod urġenti, bi strateġija komprensiva għar-Russja, bl-għan li żżomm l-integrità territorjali u s-sovranità tal-istati Ewropej, u li tappoġġa, fl-istess waqt, it-tisħiħ tal-prinċipji demokratiċi, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fir-Russja;

10.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-mewġa kontinwa ta' attakki kontra l-organizzazzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem u l-gruppi tas-soċjetà ċivili, li huwa sinjal ieħor tat-trażżin tal-vuċijiet indipendenti, xejra li hija ta' tħassib li dejjem qed jikber għall-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE, sabiex fir-rigward tal-fażi ta' programmar tal-istrumenti finanzjarji tal-UE li għaddejja bħalissa, iżidu l-assistenza finanzjarja lis-soċjetà ċivili Russa permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem u tal-fondi tal-organizzazzjonijiet għas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet lokali, u biex jinkludu lill-Forum tas-Soċjetà Ċivili bejn l-UE u r-Russja fl-Istrument ta' Sħubija sabiex jiżguraw appoġġ sostenibbli u kredibbli fit-tul; jilqa' d-deċiżjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED) li tippermetti li l-Fond jestendi l-ħidma tiegħu wkoll għar-Russja;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

(1) ĠU C 68 E, 7.3.2014, p. 13.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0284.
(3) Testi adottati, P7_TA(2014)0253.
(4) Testi adottati, P8_TA(2014)0039.
(5) Testi adottati, P7_TA(2014)0258.
(6) Testi adottati, P7_TA(2013)0575.

Avviż legali - Politika tal-privatezza