Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2514(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0050/2015

Dibattiti :

PV 15/01/2015 - 9.2
CRE 15/01/2015 - 9.2

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2015 - 11.2

Testi adottati :

P8_TA(2015)0007

Testi adottati
PDF 239kWORD 75k
Il-Ħamis, 15 ta' Jannar 2015 - Strasburgu
Il-Pakistan, b'mod partikulari s-sitwazzjoni wara l-attakk fuq l-iskola f'Peshawar
P8_TA(2015)0007RC-B8-0050/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2015 dwar il-Pakistan, b'mod partikulari s-sitwazzjoni wara l-attakk fuq l-iskola f'Peshawar (2015/2515(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Pakistan, b'mod partikulari dawk tas-27 ta' Novembru 2014(1), tas-17 ta' April 2014(2), tal-10 ta' Ottubru 2013(3) u tas-7 ta' Frar 2013(4),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-President tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2014 u tal-presidenti tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem u tad-Delegazzjoni għar-Relazzjonijiet mal-Pajjiżi tal-Asja t'Isfel tas-17 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-16 ta' Diċembru 2014 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-attakk fuq skola f'Peshawar, il-Pakistan, id-Dikjarazzjoni Lokali tal-UE tal-24 ta' Diċembru 2014 dwar l-issuktar tal-eżekuzzjonijiet fil-Pakistan u l-istqarrija għall-istampa tad-29 ta' Ottubru 2014 dwar iż-żjara tar-Rappreżentant Speċjali għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Pakistan,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-16 ta' Diċembru 2014 tar-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi u tal-Premju Sakharov, Malala Yousafzai,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Pakistan u l-UE, il-Pjan ta' Impenn fuq Ħames Snin, id-Djalogu strateġiku UE-Pakistan u l-iskema GSP+ ta' preferenzi kummerċjali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-16 ta' Diċembru 2014 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tat-Tfal u tas-17 ta' Diċembru 2014 tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal rigward l-attakk terroristiku fuq skola f'Peshawar,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948;

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2009 dwar il-libertà reliġjuża u tat-twemmin, li fihom il-Kunsill saħaq fuq l-importanza strateġika ta' din il-libertà u tal-ġlieda kontra l-intolleranza reliġjuża,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-5 ta' Awwissu 2011 ippreżentat lill-Assemblea Ġenerali tan-NU mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Dritt għall-Edukazzjoni dwar il-ħarsien tal-edukazzjoni matul l-emerġenzi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar ir-rwol reġjonali u r-relazzjonijiet politiċi tal-Pakistan mal-UE(5),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Pakistan huwa firmatarju tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura,

A.  billi fis-16 ta' Diċembru 2014, seba' rġiel armati attakkaw Skola Pubblika tal-Armata fil-belt ta' Peshawar – li hija mdawra minn tliet naħat miż-Żoni Tribali Amministrati Federalment (FATA) – u qatlu 'l fuq minn 140 persuna, fosthom 134 tifel u tifla, u darbu kważi daqstant oħrajn;

B.  billi dan l-attakk nissel xokk kbir fil-Pakistan u lil hinn minnu, u ġie perċepit bħala l-aktar att terroristiku krudili fl-istorja tal-Pakistan, aktar u aktar għall-fatt li l-forzi militari damu tmien sigħat biex ħadu lura f'idejhom il-kontroll tal-iskola; billi ħafna studenti u membri tal-persunal tal-iskola nqatlu jew sfaw midruba matul dawk is-sigħat, u dawk li baqgħu ħajjin għadhom trawmatizzati profondament;

C.  billi Malala Yousafzai, l-iżgħar persuna li qatt rebħet il-Premju Nobel għall-Paċi u rebbieħa tal-Premju Sakharov, f'Ottubru 2012 qalgħet tiri ta' arma tan-nar f'rasha minn Talibani li sparawlha talli kienet għamlet kampanja favur l-edukazzjoni tat-tfal bniet fil-Pakistan;

D.  billi t-Tehrik-e-Taliban Pakistan (TTP) assumew ir-responsabbiltà għall-massakru u qalu li waħda mir-raġunijiet għala attakkaw l-iskola kienet biex jibagħtu messaġġ qawwi lis-sostenituri ta' Malala, li tippromwovi l-edukazzjoni għan-nisa u t-tfal, kif ukoll biex "jivvendikaw ruħhom" għall-kampanja tal-armata kontra l-militanti;

E.  billi minn meta bdiet l-offensiva tal-gvern kontra t-Taliban u gruppi militanti oħrajn fiż-żona FATA, waħda mill-ifqar żoni tal-Pakistan, 'il fuq minn miljun persuna ġew spostati lejn l-Afganistan jew partijiet differenti tal-Pakistan;

F.  billi l-libertà tat-twemmin u t-tolleranza reliġjuża fil-Pakistan it-tnejn huma mhedda mill-vjolenza terroristika u mill-abbuż mifrux tal-liġijiet li jikkriminalizzaw l-atti blasfemi; billi n-nisa u t-tfajliet huma esposti doppjament, kemm għall-konverżjoni sfurzata kif ukoll għal vjolenza sesswali mifruxa;

G.  billi skont ir-rapport tal-Koalizzjoni Globali għall-Protezzjoni tal-Edukazzjoni kontra l-Attakki (GCPEA), bejn l-2009 u l-2012 saru 'l fuq minn 800 attakk fuq skejjel fil-Pakistan; billi l-militanti rreklutaw anke tfal minn skejjel u 'madrassas', xi wħud minnhom biex jikkommettu attakki suwiċida; billi, skont ir-rapport, tal-inqas 30 tifel u tifla, għexieren ta' għalliema u membri oħra tal-persunal skolastiku, inkluż ministru tal-edukazzjoni provinċjali, inqatlu f'attakki fuq skejjel u mezzi tat-trasport tal-iskejjel bejn l-2009 u l-2012;

H.  billi l-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal issuġġerixxa li l-Pakistan jistabbilixxi sistema ta' rispons rapidu kull meta jkun hemm attakki fuq istituzzjonijiet edukattivi, sabiex dawn jissewwew malajr jew jinbnew mill-ġdid u l-materjal edukattiv jiġi sostitwit sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jidħlu lura fl-iskejjel u fl-universitajiet kemm jista' jkun malajr; billi permezz ta' bidliet fil-kostituzzjoni, reċentement l-edukazzjoni obbligatorja b'xejn saret dritt fundamentali;

I.  billi ftit sigħat wara l-attakk fuq l-Iskola Pubblika tal-Armata f'Peshawar, il-Prim Ministru Nawaz Sharif neħħa l-moratorju fuq il-piena tal-mewt li kien ilu fis-seħħ għal sitt snin; billi s'issa ngħataw il-forka diversi priġunieri li kienu kkundannati għall-mewt fuq akkużi ta' terroriżmu; billi skont uffiċjali Pakistani fil-ġimgħat li ġejjin jistgħu jingħataw il-forka mal-500 persuna kkundannata għall-mewt; billi huwa stmat li fil-Pakistan hemm madwar 8 000 persuna kkundannata għall-mewt;

J.  billi fis-6 ta' Jannar 2015, b'reazzjoni għall-massakru fl-iskola, il-Parlament Pakistani għadda emenda kostituzzjonali li għas-sentejn li ġejjin lill-qrati militari tagħtihom is-setgħa li jipproċedu kontra militanti Iżlamisti, u dan jista' jwassal lill-akkużati mill-arrest għall-forka fi ftit ġimgħat; billi bħala firmatarju tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), il-Pakistan għandu l-obbligu li jieħu miżuri biex jiżgura proċessi bażiċi ġusti u ma jistax juża l-qrati militari biex jipproċedi kontra persuni ċivili meta l-qrati regolari jkunu jiffunzjonaw;

K.  billi l-Pakistan reċentement irratifika sebgħa mill-aktar disa' ftehimiet internazzjonali sinifikanti dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, li fihom firxa ta' dispożizzjonijiet dwar l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, id-dritt għal proċess ġust, l-ugwaljanza quddiem il-liġi u n-nondiskriminazzjoni;

L.  billi r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati fir-rapport tagħha tal-4 ta' April 2013 jinkludu r-riforma tal-ordinament ġuridiku sabiex ikun żgurat li d-drittijiet fundamentali jiġu rispettati u s-sistema tkun effikaċi; billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem jiġbdu l-attenzjoni dwar il-korruzzjoni fl-ordinament ġuridiku;

M.  billi l-UE u l-Pakistan approfondixxew u wessgħu r-rabtiet bilaterali tagħhom, pereżempju permezz tal-pjan ta' impenn fuq ħames snin, imniedi fi Frar 2012, u t-tieni Djalogu Strateġiku UE-Pakistan, li sar f'Marzu 2014; billi l-għan tal-pjan ta' impenn fuq ħames snin bejn l-UE u l-Pakistan huwa li jibni relazzjoni strateġika u jsawwar sħubija għall-paċi u l-iżvilupp imsejsa fuq valuri u prinċipji kondiviżi;

N.  billi l-istabbiltà tal-Pakistan hija ta' importanza ewlenija għall-paċi fin-Nofsinhar tal-Asja u lil hinn minnu; billi l-Pakistan għandu rwol importanti fit-trawwim tal-istabbiltà fir-reġjun u jista' jiġi mistenni jmexxi bl-eżempju fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

1.  Jikkundanna bil-qawwa, bħala att orribbli u kodard, il-massakru brutali ta' tfal tal-iskola mwettaq mis-sottogrupp dissidenti ta' Taliban Pakistani, Tehreek-e-Taliban (TTP), jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi tal-attakk fuq l-iskola f'Peshawar u jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-poplu u l-awtoritajiet tal-Pakistan;

2.  Jesprimi l-impenn sħiħ tiegħu li jindirizza t-theddida tat-terroriżmu u tal-estremiżmu reliġjuż u jiddikjara li hu lest jassisti ulterjorment lill-Gvern Pakistani f'dan ir-rigward;

3.  Jistenna li l-Gvern tal-Pakistan jieħu miżuri urġenti u effikaċi, f'konformità mal-istandards tal-istat tad-dritt rikonoxxuti internazzjonalment, biex jindirizza t-theddida għas-sigurtà rappreżentata mill-gruppi militanti kollha li joperaw fil-Pakistan u fir-reġjun tal-madwar, mingħajr eċċezzjoni; jenfasizza li l-ebda forma ta' terroriżmu jew estremiżmu m'għandu jkollha l-appoġġ tal-awtoritajiet;

4.  Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan jiżgura s-sikurezza tal-iskejjel u jaċċerta ruħu li t-tfal, irrispettivament mill-ġeneru, ma jkunu qatt intimidati fi triqithom lejn l-iskola; jemmen li l-gvern għandu juri determinazzjoni aktar qawwija u jsaħħaħ l-isforzi tiegħu biex jiġu arrestati u mtella' l-qorti fuq akkużi ta' vjolenza l-militanti tat-TTP u oħrajn li jattakkaw l-iskejjel, u li jekk ma jagħmilx hekk il-kredibbiltà internazzjonali tiegħu tiddgħajjef;

5.  Ifakkar fl-oppożizzjoni kostanti tiegħu għall-piena tal-mewt, ikunu x'ikunu ċ-ċirkustanzi; jiddeplora d-deċiżjoni tal-Prim Ministru tal-Pakistan Nawaz Sharif li jneħħi moratorju mhux uffiċjali ta' erba' snin fuq il-piena kapitali, u jappella biex dan il-moratorju jerġa' jiddaħħal minnufih;

6.  Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan jħalli l-liġijiet antiterroristiċi għall-atti ta' terroriżmu biss, minflok ma jużahom fil-proċedimenti ta' każijiet kriminali ordinarji; jiddeplora bil-qawwa li wieħed jirrikorri għal ġustizzja militari mgħaġġla li hija nieqsa mill-kundizzjonijiet minimi tal-istandards internazzjonali tal-istat tad-dritt, u jenfasizza li l-għoti fit-tul ta' preferenzi GSP+ huwa marbut mal-ilħuq ta' ċerti standards bażiċi minquxa fil-konvenzjonijiet tan-NU u tal-ILO;

7.  Jilqa' r-rieda tal-partiti politiċi tal-Pakistan li joħorġu bi pjan nazzjonali biex jindirizzaw it-terroriżmu; jenfasizza li fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu reliġjuż hija kruċjali li jiġu indirizzati il-kawżi aħħarin tagħhom, fost l-oħrajn bl-indirizzar tal-faqar, l-iżgurar tat-tolleranza reliġjuża u tal-libertà tat-twemmin, it-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-garanzija li t-tfal bniet u subien ikollhom dritt u aċċess sikur għall-edukazzjoni; jappella għal strateġija fit-tul biex ttipprevjeni r-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ fil-Pakistan u tindirizza l-"kriżi mifruxa fit-tagħlim" li l-UNESCO identifikat fil-Pakistan, b'mod partikulari billi jiżdied l-investiment f'sistema edukattiva ffinanzjata b'fondi pubbliċi u billi jiġi aċċertat li l-iskejjel reliġjużi jkollhom il-materjal li jeħtieġu biex jipprovdu edukazzjoni bilanċjata u inklużiva liż-żgħażagħ;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Pakistan biex jirrispetta l-ftehimiet internazzjonali li rratifika dan l-aħħar rigward id-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, li lill-awtoritajiet jobbligawhom jiżguraw proċessi bażiċi ġusti filwaqt li jipprojbixxulhom li jużaw qrati militari għal proċessi ta' persuni ċivili dment li l-qrati regolari jkunu jiffunzjonaw;

9.  Jappella għal impenn internazzjonali mġedded favur il-ġlieda kontra l-finanzjament u l-isponsorizzar ta' netwerks terroristiċi;

10.  Jitlob li l-Kummissjoni, il-Viċi President / Rappreżentant Għoli Federica Mogherini, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Kunsill jikkommettu ruħhom bis-sħiħ li jindirizzaw it-theddida li jirrappreżenta t-terroriżmu u li jagħtu assistenza ulterjuri lill-Gvern u lill-poplu tal-Pakistan huma u jissuktaw bl-isforzi tagħhom biex jeqirdu t-terroriżmu;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Gvern u l-Parlament tal-Pakistan.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0064.
(2) Testi adottati, P7_TA(2014)0460.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0422.
(4) Testi adottati, P7_TA(2013)0060.
(5) Testi adottati, P7_TA(2014)0208.

Avviż legali - Politika tal-privatezza