Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2512(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0006/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2015 - 11.8
CRE 15/01/2015 - 11.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0013

Testi adottati
PDF 221kWORD 60k
Il-Ħamis, 15 ta' Jannar 2015 - Strasburgu
Il-każ taż-żewġ 'Marò' Taljani
P8_TA(2015)0013RC-B8-0006/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2015 dwar il-każ taż-żewġ 'Marò' Taljani (2015/2512(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-Protokolli tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, b'mod partikolari l-Artikoli 9, 10 u 14 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi-President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà fil-każ taż-żewġ morini (Marò) Taljani Massimiliano La Torre u Salvatore Girone,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2012 dwar il-piraterija marittima(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Jannar 2015 mill-kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Ban Ki-Moon, li fiha jistieden liż-żewġ pajjiżi – l-Italja u l-Indja – biex jipprovaw jilħqu soluzzjoni raġonevoli u aċċettabbli reċiprokament,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi matul il-lejl tal-15 ta' Frar 2012 il-bastiment kummerċjali Taljan Enrica Lexie, fir-rotta minn Singapor għal Ġibuti, iltaqa’ mal-lanċa tas-sajd St Anthony 'l barra mill-kosta tal-Kerala, fl-Indja;

B.  billi sitt morini (Marò) Taljani kienu abbord l-Enrica Lexie biex jipproteġu l-bastiment minn attakki potenzjali minn pirati; billi, fil-biża' ta' attakk minn pirati, ġew sparati tiri ta' twissija lejn il-lanċa li kienet qiegħda toqrob u żewġ sajjieda Indjani, Valentine magħruf ukoll bħala Jelastine u Ajeesh Pink, sfaw traġikament maqtula;

C.  billi, fid-19 ta’ Frar 2012 membri tal-forza tal-Pulizija Indjana mbarkaw il-bastiment, ikkonfiskaw l-armi tal-morini u arrestaw lit-tnejn li kienu ġew identifikati bħala dawk responsabbli għall-ftuħ tan-nar fuq il-lanċa tas-sajd;

D.  billi dawn l-avvenimenti kkaġunaw tensjonijiet diplomatiċi, minħabba l-inċertezza ġuridika li tikkaratterizza l-każ taż-żewġ morini Taljani; billi, minkejja li għaddew tliet snin, il-kapi ta’ akkuża għadhom ma tressqux mill-awtoritajiet Indjani;

E.  billi wieħed mis-suldati, Massimiliano Latorre, ħalla l-Indja sabiex jgħaddi erba’ xhur id-dar wara li sofra iskemija ċerebrali u għadu jeħtieġ kura medika, u billi s-Sur Girone għadu fl-Ambaxxata Taljani fl-Indja;

F.  billi, waqt li ż-żewġ partijiet qed jinvokaw id-dritt internazzjonali, l-Italja tafferma li l-inċident seħħ f'ibħra internazzjonali u li l-morini għandhom ikunu proċessati fl-Italja jew f'qorti internazzjonali; billi, madankollu, l-Indja ssostni li tista' tipproċessa lill-morini minħabba li l-inċident seħħ f'ibħra kostali taħt ġuriżdizzjoni Indjana;

G.  billi fil-15 ta’ Ottubru 2014 ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ta' dak iż-żmien, Catherine Ashton, għamlet stqarrija dwar l-aġir tal-awtoritajiet Indjani, u inkoraġġiet lill-gvern biex isib soluzzjoni rapida u sodisfaċenti f’konformità mal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Liġi tal-Baħar u mad-dritt internazzjonali;

H.  billi fis-16 ta’ Diċembru 2014 ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ġdida, Federica Mogherini, esprimiet id-diżappunt tagħha għan-nuqqas ta’ klemenza murija fir-rispons għat-talba ta’ Massimiliano Latorre għal estensjoni tas-soġġorn tiegħu fl-Italja għal trattament mediku;

I.  billi fl-14 ta' Jannar 2015 il-Qorti Suprema tal-Indja tat estensjoni biex tippermetti lis-surġent Latorre jqatta' iżjed ħin fl-Italja għal skopijiet mediċi;

J.  billi ż-żewġ Marò huma ċittadini Ewropej, u billi fil-15 ta’ Frar 2012 huma kienu abbord bastiment kummerċjali Taljan, fir-rotta 'l barra mill-kosta tal-Istat tal-Kerala u kienu qed iwettqu l-funzjonijiet tagħhom bħala parti minn attivitajiet internazzjonali kontra l-piraterija, li l-UE hija impenjata favurihom bil-qawwa;

1.  Jesprimi niket kbir għat-telfa traġika taż-żewġ sajjieda Indjani u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu;

2.  Jenfasizza li l-konsegwenzi tal-ġrajja tal-15 ta’ Frar 2012 madankollu għandhom jiġu trattati strettament fl-istat tad-dritt, b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet legali ta’ dawk allegatament involuti;

3.  Jesprimi tħassib qawwi dwar id-detenzjoni tal-morini Taljani mingħajr kapi ta' akkuża; jenfasizza li l-morini għandhom jiġu ripatrijati; jenfasizza li dewmien konsiderevoli u restrizzjonijiet tal-libertà tal-moviment tal-morini huma inaċċettabbli u jirrappreżentaw ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom;

4.  Jiddispjaċih bil-mod li bih il-kwistjoni ġiet immexxija u jsostni l-isforzi tal-partijiet involuti kollha biex jaħdmu urġentement favur soluzzjoni raġonevoli u reċiprokament aċċettabbli fl-interess tal-familji kollha – Indjani u Taljani – kif ukoll taż-żewġ pajjiżi;

5.  Jittama, fid-dawl tal-pożizzjonijiet meħuda mill-Italja, bħala Stat Membru, rigward il-ġrajjiet relatati mal-inċident, li l-ġuriżdizzjoni tingħata lill-awtoritajiet Taljani u/jew lill-arbitraġġ internazzjonali;

6.  Jinkoraġġixxi lir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà biex tieħu kull azzjoni neċessarja sabiex tipproteġi ż-żewġ morini Taljani bil-għan li tintlaħaq riżoluzzjoni rapida u sodisfaċenti tal-każ;

7.  Ifakkar lill-Kummissjoni fl-importanza li tenfasizza s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-qafas tar-relazzjonijiet mal-Indja u għaldaqstant li tikkunsidra miżuri ulterjuri biex tiffaċilita riżoluzzjoni pożittiva tal-każ;

8.  Ifakkar li d-drittijiet u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE f’pajjiżi terzi għandhom ikunu salvagwardati mir-rappreżentanza diplomatika tal-UE, li għandha taħdem b'mod attiv favur id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini tal-UE detenuti f'pajjiż terz;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, u lill-President u l-Gvern tal-Indja.

(1) ĠU C 261 E, 10.9.2013, p. 34.

Avviż legali - Politika tal-privatezza