Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2015 dwar il-ħidma tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE (2014/2154(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000(1) (il-"Ftehim ta' Cotonou"), skont kif ġie emendat għall-ewwel darba fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005(2) u kif ġie emendat għat-tieni darba f'Ouagadougou fit-22 ta' Ġunju 2010(3),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim li jemenda għat-tieni darba l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000, skont kif ġie emendat għall-ewwel darba fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005(4),
– wara li kkunsidra r-Regoli ta' Proċedura tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, skont kif adottati fit-3 ta' April 2003(5) u emendati l-aħħar f'Addis Ababa (l-Etjopja) fis-27 ta' Novembru 2013(6),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020(7),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-koperazzjoni għall-iżvilupp(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2013 dwar il-preparazzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali dwar il-finanzjament tal-kooperazzjoni tal-UE mal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej għall-perjodu mill-2014-2020 (il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp)(9),
– wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tiegħu tat-3 ta' April 2014 dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa' u tal-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2012(10), u tat-3 ta' April 2014 dwar l-għeluq tal-kontijiet tat-tmien, id-disa' u l-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2012(11), u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' April 2014 li tinkludi osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, id-disa' u l-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2012(12),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Parlamentari Konġunta fis-27 ta' Novembru 2013 dwar: ir-rispett għall-istat tad-dritt u r-rwol ta' ġudikatura imparzjali u indipendenti; il-kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar u l-kooperazzjoni trijangulari: opportunitajiet u sfidi għall-pajjiżi AKP; l-impatt soċjali u ambjentali tal-pastoraliżmu fil-pajjiżi AKP, u s-sigurtà fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Parlamentari Konġunta fid-19 ta' Ġunju 2013 dwar: it-theddid mill-ġdid għad-demokrazija u l-istabbiltà politika li ġej mill-kolpi ta' Stat mill-militari fil-pajjiżi AKP, u r-rwol tal-komunità internazzjonali; il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika - il-passi li jmiss; riżorsi umani għas-saħħa fil-pajjiżi AKP; is-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Ginea, u s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Parlamentari Konġunta fid-29 ta' Novembru 2012 dwar: il-kriżi politika u umanitarja fis-Somalja: l-isfidi għall-Unjoni Ewropea u l-Grupp AKP; l-intraprenditorija bbażata fuq l-ICT u l-impatt tagħha fuq l-iżvilupp fil-pajjiżi AKP; u l-importanza tal-aċċess għall-enerġija għal żvilupp ekonomiku sostenibbli u l-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Parlamentari Konġunta fit-30 ta' Mejju 2012 dwar: l-impatt politiku tal-konflitt Libjan fuq Stati ġirien AKP u tal-UE; il-volatilità tal-prezzijiet, il-funzjonament tas-swieq globali għall-prodotti agrikoli u l-impatt tagħhom fuq is-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi AKP; u l-impatt soċjali u ambjentali tat-tħaffir fil-minjieri fil-pajjiżi AKP,
– wara li kkunsidra l-Communiqué adottat fid-19 ta' Lulju 2013 f'Abuja (in-Niġerja) matul il-laqgħa reġjonali tal-Afrika tal-Punent tal-Assemblea Parlamentari Konġunta(13),
– wara li kkunsidra l-Communiqué adottat fis-16 ta' Frar 2013 f'Santo Domingo (ir-Repubblika Dominikana) matul il-laqgħa reġjonali tal-Karibew tal-Assemblea Parlamentari Konġunta(14),
– wara li kkunsidra l-Communiqué adottat fl-20 ta' Lulju 2012 f'Apja (Samoa) matul il-laqgħa reġjonali tal-Paċifiku tal-Assemblea Parlamentari Konġunta(15),
– wara li kkunsidra l-Communiqué adottat fl-24 ta' Frar 2012 f'Lusaka (iż-Żambja) matul il-laqgħa reġjonali tan-Nofsinhar tal-Afrika tal-Assemblea Parlamentari Konġunta(16),
– wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta adottat fid-19 ta' Ġunju 2013 għall-Membri tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE li jipparteċipaw f'missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-NU tat-18 ta' Settembru 2000, li tistipula l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju bħala objettivi stabbiliti b'mod konġunt mill-komunità internazzjonali għall-eliminazzjoni tal-faqar,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitulat “Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla” (COM(2011)0637),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0012/2015),
A. billi l-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE għandha status uniku, peress li hija l-unika assemblea interparlamentari pluriennali stabbilita bis-saħħa ta' ftehim internazzjonali, il-Ftehim ta' Cotonou;
B. billi l-Assemblea Parlamentari Konġunta żviluppat f'assemblea parlamentari ġenwina li toffri forum għal diskussjoni miftuħa u trasparenti dwar kwistjonijiet li huma ċentrali għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, u tagħti kontribut konsiderevoli għas-sħubija f'livell uniformi bejn il-pajjiżi AKP u l-UE;
C. billi l-Ftehim ta' Cotonou bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati AKP u l-UE huwa ċċentrat fuq il-mira tat-tnaqqis u eventwalment l-eliminazzjoni tal-faqar; billi l-kooperazzjoni għandha tikkontribwixxi wkoll għal żvilupp ekonomiku sostenibbli, li huwa bażi għal paċi u sigurtà dejjiema u għall-istabbiltà politika u demokratika fil-pajjiżi AKP;
D. billi fl-2013 ġew organizzati missjonijiet ta' tiftix tal-fatti f'Mali, biex tiġi mifhuma aħjar is-sitwazzjoni fraġli tal-pajjiż, fil-Liberja biex jingħata kontribut għad-djalogu politiku kif previst fl-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou, u f'Ħaiti biex tiġi vverifikata r-rikostruzzjoni u s-sitwazzjoni politika;
E. billi, wara l-adozzjoni mill-Assemblea ta' Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tagħha li jipparteċipaw f'missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali, inħalqet dinamika ġdida li tikkontribwixxi għall-valur miżjud, bħal fil-każ tal-missjonijiet konġunti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta għall-elezzjonijiet presidenzjali f'Mali u l-elezzjonijiet parlamentari u t-tieni sessjoni tal-elezzjonijiet presidenzjali fil-Madagaskar;
F. billi r-reviżjoni tal-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou fl-2010 saħħet ir-rwol tal-Assemblea Parlamentari Konġunta u d-dimensjoni reġjonali tagħha;
G. billi l-involviment sħiħ tal-Assemblea Parlamentari Konġunta għandu jiġi żgurat fil-qafas tad-djalogu politiku mwettaq skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou;
H. billi tkun ħaġa importanti li jiġi stimulat djalogu informali regolari bbażat fuq analiżi sostanzjali ma' kategoriji differenti ta' atturi uffiċjali u mhux uffiċjali rilevanti fi ċrieki AKP-UE (l-Assemblea Parlamentari Konġunta, il-Kunsill AKP-UE, is-settur privat AKP-UE u djalogi mas-soċjetà ċivili) u fi ċrieki oħrajn li m'għandhomx interess dirett fid-dinja AKP-UE;
I. billi mill-2003 sal-2013 kważi s-sessjonijiet Ewropej kollha tal-Assemblea Parlamentari Konġunta saru, bi prinċipju, fil-pajjiż detentur tal-Presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea; billi l-Presidenzi b'rotazzjoni jeħtiġilhom jirrispettaw l-impenji meħuda fil-qafas tal-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou f'dan ir-rigward;
J. billi l-emerġenza rapida tal-BRICS (il-Brażil, ir-Russja, l-Indja, iċ-Ċina u l-Afrika t'Isfel) u ta' ekonomiji emerġenti oħrajn fil-livell globali u fil-pajjiżi u r-reġjuni AKP qed ikollha impatt dejjem akbar fuq il-Grupp AKP u fuq l-istat attwali tar-relazzjonijiet bejn l-AKP u l-UE;
K. billi skont ir-regoli l-ġodda li jirregolaw l-ivvjaġġar adottati mill-Bureau tal-Parlament Ewropew, l-assistenti parlamentari akkreditati ma jistgħux jassistu aktar lill-Membri waqt is-sessjonijiet plenarji tal-Assemblea Parlamentari Konġunta, fatt li għandu impatt konsiderevoli fuq il-ħidma parlamentari;
1. Jilqa' l-fatt li l-Assemblea Parlamentari Konġunta, bħala waħda mill-istituzzjonijiet konġunti tal-Ftehim ta' Cotonou, tkompli tipprovdi qafas għal djalogu miftuħ, demokratiku u komprensiv bejn il-Membri tal-Parlament Ewropew u l-parlamentari tal-pajjiżi AKP dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, inklużi l-iskrutinju tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp skont il-FEŻ u l-konklużjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika; jilqa' l-kapaċità tal-Assemblea Parlamentari Konġunta li tkun forum li fih ikunu jistgħu jiġu diskussi suġġetti diffiċli u kontroversjali b'mod trasparenti u miftuħ; jappella, għalhekk, sabiex il-ftehim futur, li jieħu post il-Ftehim ta' Cotonou, ikun isemmi espliċitament in-nondiskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru, kif mitlub f'diversi okkażjonijiet mill-Parlament Ewropew;
2. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ id-djalogu politiku u, f'dan ir-rigward, jisħaq fuq ir-rwol tal-Assemblea Parlamentari Konġunta biex tippromwovi u tiddefendi l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Cotonou, b'mod partikolari dawk relatati mal-istat tad-dritt u l-governanza tajba;
3. Jisħaq fuq il-valur miżjud marbut mal-fatt li s-sessjonijiet tal-Assemblea Parlamentari Konġunta jsiru fl-Istati Membri tal-UE li jeżerċitaw il-Presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill tal-UE, u jemmen li din ir-rotazzjoni għandha tinżamm fil-futur; jesprimi tħassib dwar iċ-ċirkostanzi infeliċi li wasslu sabiex il-Presidenza Irlandiża ma tospitax il-25 sessjoni; jifraħ, madankollu, lill-Gvern tad-Danimarka talli qabel li jospita t-23 sessjoni f'Horsens, liema sessjoni kisbet suċċess kbir u ppermettiet li jiġu stabbiliti rabtiet kulturali u edukattivi bejn iċ-ċittadini ta' Horsens u d-delegati tal-AKP; jiddeplora n-nuqqas ta' interess li wrew ċerti Stati Membri tal-UE li eżerċitaw, jew huma mistennija jeżerċitaw fil-futur, il-Presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill tal-UE biex jospitaw is-sessjonijiet tal-Assemblea Parlamentari Konġunta; jistieden lil kwalunkwe Stat Membru tal-UE li jeżerċita l-Presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill tal-UE biex jinvolvi ruħu b'mod aktar profond fit-tħejjija, l-organizzazzjoni u l-ospitar tas-sessjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta;
4. Jissottolinja l-importanza tal-laqgħat tal-Assemblea Parlamentari Konġunta, inklużi l-laqgħat tal-kumitati permanenti, iżda jiddispjaċih għall-inugwaljanza li ta' spiss kien hemm fil-parteċipazzjoni min-naħa tal-membri tal-UE u l-membri tal-AKP u jinsab imħasseb dwar it-tnaqqis fil-parteċipazzjoni tal-Membri tal-PE, b'mod partikolari waqt is-sessjonijiet ta' votazzjoni; jinnota li l-parteċipazzjoni kienet aktar uniformi fil-missjonijiet, bħalma huma l-laqgħat reġjonali, u jittama li dawn l-eżempji jiġu segwiti għal-laqgħat tal-Assemblea Parlamentari Konġunta fi Brussell fil-futur;
5. Ifakkar fl-impenn li esprimiet il-Viċi President/Rappreżentant Għoli uxxenti favur li l-Kunsill tal-UE għandu jkun irrappreżentat fil-livell ministerjali fis-sessjonijiet tal-Assemblea u jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli li jmiss tirrispetta dan l-impenn;
6. Ifakkar fl-obbligu tal-Kunsill AKP-UE li jipprovdi rapport annwali lill-Assemblea dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Cotonou, li għandu jinkludi elementi dwar l-impatt politiku, soċjoekonomiku u ambjentali, aktar milli sempliċi rendikont tal-laqgħat miżmuma;
7. Ifakkar li, skont l-Artikolu 14 tal-Ftehim ta' Cotonou rivedut, l-istituzzjonijiet konġunti għandhom jaħdmu biex jiżguraw koordinazzjoni, koerenza u komplementarjetà, kif ukoll fluss effettiv u reċiproku ta' informazzjoni; huwa tal-opinjoni li, peress li l-President tal-Parlament Ewropew jiġi mistieden għal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew, iż-żewġ Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta għandhom jingħataw l-opportunità li jipparteċipaw fis-sessjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri Konġunt AKP-UE; jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tkompli ttejjeb il-kooperazzjoni eżistenti u tiżgura li l-Assemblea Parlamentari Konġunta tiġi mistiedna tipparteċipa fil-Kunsill Konġunt li jmiss;
8. Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u l-atturi mhux statali tal-AKP fil-fażijiet preparatorji u fil-monitoraġġ tad-Dokumenti ta' Strateġija tal-Pajjiżi u tad-Dokumenti ta' Strateġija Reġjonali u fl-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ); jistieden lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet AKP jiggarantixxu l-involviment tagħhom billi jipprovdu l-informazzjoni kollha disponibbli lill-parlamenti tal-pajjiżi AKP fi żmien debitu u billi jgħinuhom fl-eżerċizzju tal-iskrutinju demokratiku, b'mod partikolari permezz tal-bini tal-kapaċitajiet;
9. Jieħu nota tal-ħidma tal-gruppi ta' ħidma tal-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament Ewropew dwar l-iskrutinju fil-valutazzjoni u fil-monitoraġġ tad-dokumenti ta' pprogrammar għall-pajjiżi u r-reġjuni AKP fil-qafas tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u jitlob li jkun hemm proċedura ta' rappurtar lill-membri tal-Assemblea Parlamentari Konġunta dwar l-eżiti ta' dan il-proċess;
10. Ifaħħar lill-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Konġunta talli wettaq ħidma lil hinn minn kwistjonijiet purament amministrattivi u talli uża l-laqgħat tiegħu anke għal diskussjonijiet politiċi, billi inkluda fl-aġenda tal-laqgħat tiegħu fi Brussell u f'Addis Ababa kwistjonijiet sostantivi ta' tħassib reċiproku, bħall-"futur tar-relazzjonijiet AKP-UE wara l-2020"; jappella sabiex din il-prattika titkompla fil-futur;
11. Jistieden lill-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Konġunta jiżviluppa orjentazzjoni aktar strateġika dwar il-programm ta' ħidma tal-Assemblea u l-għażla ta' rapporti mill-kumitati permanenti tagħha, filwaqt li jiżgura li r-rapporti huma marbutin mill-qrib mal-objettivi strateġiċi tal-Assemblea Parlamentari Konġunta u jikkontribwixxu b'mod partikolari għan-negozjati dwar il-qafas ta' żvilupp ta' wara l-2015 u r-relazzjonijiet UE-AKP wara l-2020;
12. Itenni t-tħassib profond tiegħu dwar id-deterjorament tas-sitwazzjonijiet politiċi u umanitarji f'bosta pajjiżi u reġjuni AKP, inklużi r-riperkussjonijiet domestiċi u esterni ta' tali sitwazzjonijiet f'diversi livelli, u jesprimi solidarjetà mal-popolazzjonijiet milquta; jistieden lill-Assemblea Parlamentari Konġunta tkompli twettaq monitoraġġ tas-sitwazzjoni fil-pajjiżi AKP li jinsabu fi kriżi, tagħti aktar attenzjoni lis-sitwazzjonijiet ta' fraġilità tal-Istati u tistieden lill-Istati AKP u lill-Istati tal-UE jiġġieldu b'mod ikkoordinat kontra t-tifqigħa tal-virus tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika;
13. Jilqa' n-natura dejjem aktar parlamentari – u għaldaqstant politika – tal-Assemblea Parlamentari Konġunta, kif ukoll ir-rwol dejjem aktar attiv li qed jiżvolġu l-membri tagħha u l-kwalità ogħla tad-dibattiti tagħha, fatturi li qed jgħinuha tagħti kontribut essenzjali għas-sħubija bejn l-AKP u l-UE; jistieden lill-Assemblea Parlamentari Konġunta ssaħħaħ id-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem f'konformità mad-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-Ftehim ta' Cotonou, u tqiegħed dan id-djalogu fuq l-aġendi tagħha bħala punt rikorrenti;
14. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-diskussjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn l-AKP u l-UE ta' wara l-2020 u l-futur tal-grupp AKP għadha għaddejja, u jisħaq fuq l-importanza tar-rwol li l-Assemblea Parlamentari Konġunta għandu jkollha f'dan il-proċess; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' sorveljanza parlamentari konġunta komprensiva u msaħħa, indipendentement mill-eżitu finali; jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe ftehim futur li jieħu post il-Ftehim ta' Cotonou għandu jsemmi espliċitament in-nondiskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru, kif mitlub f'diversi okkażjonijiet mill-Parlament Ewropew;
15. Itenni t-tħassib kbir tiegħu dwar l-adozzjoni u d-diskussjoni ta' leġiżlazzjoni li tkompli tikkriminalizza l-omosesswalità f'xi wħud mill-pajjiżi AKP; jistieden lill-Assemblea Parlamentari Konġunta tqiegħed dan il-punt fuq l-aġenda tad-dibattiti tagħha; jappella għall-infurzar tal-prinċipju ta' klawsoli mhux negozzjabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem u ta' sanzjonijiet fuq min jonqos milli jirrispetta tali klawsoli, fost l-oħrajn fir-rigward ta' diskriminazzjoni abbażi ta' sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età, orjentazzjoni sesswali jew identità tal-ġeneru u diskriminazzjoni kontra nies li għandhom l-HIV/AIDS;
16. Iqis li d-diskussjoni dwar il-futur ta' Cotonou għandha tkun okkażjoni għal analiżi bir-reqqa kemm tal-falliment u kemm tas-suċċess tal-ftehim attwali f'termini ta' żvilupp soċjoekonomiku sostenibbli tal-pajjiżi AKP; jemmen ukoll li kwalunkwe kooperazzjoni futura bejn l-AKP u l-UE fil-qasam tal-iżvilupp u f'dak ekonomiku, kif ukoll l-arranġamenti ta' kummerċ u ta' investiment, għandhom jiżguraw li l-ebda pajjiż AKP ma jitħalla f'sitwazzjoni anqas vantaġġuża;
17. Jistieden lill-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Konġunta biex jaħtar, fi ħdan l-Assemblea Parlamentari Konġunta, żewġ korapporteurs permanenti dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD), biex jaħdem mill-qrib mar-rapporteur permanenti tal-Parlament Ewropew dwar il-PCD u biex jippreżenta rapport darbtejn fis-sena dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 12 tal-Ftehim ta' Cotonou rivedut;
18. Jemmen li, fil-waqt tas-sessjonijiet tal-Assemblea Parlamentari Konġunta, għandhom isiru laqgħat ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi fil-pajjiżi kkonċernati; l-idea hi li titrawwem viżjoni usa' u li jittieħed vantaġġ mill-esperjenza u mill-attivitajiet tagħhom, filwaqt li tiġi enfasizzata l-aħjar prattika, bil-għan li jissawru rabtiet aktar mill-qrib ma' dawk l-organizzazzjonijiet;
19. Jinsisti li l-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika mal-pajjiżi AKP għandhom iservu objettivi ta' żvilupp li jirriflettu kemm l-interessi nazzjonali reġjonali kif ukoll il-bżonnijiet tal-popolazzjonijiet tal-pajjiżi AKP sabiex jitnaqqas il-faqar, jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, inklużi drittijiet soċjoekonomiċi bħad-dritt għall-ikel jew id-dritt ta' aċċess għal servizzi pubbliċi bażiċi;
20. Jistieden lill-Assemblea Parlamentari Konġunta UE-AKP tiżviluppa approċċ komuni għat-tfassil tal-qafas ta' żvilupp futur wara l-2015; jinkoraġġixxi l-involviment tal-membri tal-Assemblea Parlamentari Konġunta fin-negozjati dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli ġodda;
21. Jilqa' l-fatt li fl-2012 u fl-2013 saru laqgħat reġjonali ta' suċċess, kif previst fil-Ftehim ta' Cotonou u fir-Regoli ta' Proċedura tal-Assemblea Parlamentari Konġunta; jirrikonoxxi li dawn il-laqgħat jikkostitwixxu skambju ġenwin ta' fehmiet dwar kwistjonijiet reġjonali, inklużi l-prevenzjoni u s-soluzzjoni ta' konflitti, l-integrazzjoni u l-kooperazzjoni reġjonali, u n-negozjati dwar il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika kompatibbli mad-WTO; ifaħħar lill-organizzaturi tal-laqgħat ta' suċċess fin-Niġerja, fir-Repubblika Dominikana, f'Samoa u fiż-Żambja;
22. Jisħaq fuq l-importanza tas-sessjonijiet ta' ħidma organizzati waqt is-sessjonijiet tal-Assemblea Parlamentari Konġunta, li jikkomplementaw id-dibattiti fis-seduti plenarji; jistieden lill-Bureau, li huwa responsabbli għall-monitoraġġ tas-segwitu għar-riżoluzzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Assemblea, biex isaħħaħ ir-rwol tiegħu u jwettaq il-ħidma ta' segwitu flimkien mal-president u mar-rapporteur tal-kumitat permanenti kkonċernat;
23. Jilqa' l-parteċipazzjoni tal-Ko-President tal-PE tal-Assemblea Parlamentari Konġunta fil-laqgħat informali tal-Ministri għall-Iżvilupp tal-UE u fis-7 Summit tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern AKP;
24. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli bil-prattika li tipprovdi tweġibiet bil-miktub minn qabel għall-mistoqsijiet orali mressqa f'kull sessjoni tal-Assemblea;
25. Jistieden lill-Istati li għadhom m'għamlux dan biex jirratifikaw il-Ftehim ta' Cotonou rivedut;
26. Ifaħħar lill-Kummissarju Piebalgs għall-involviment dedikat tiegħu u għall-kwalità għolja tal-kontribut tiegħu għall-ħidma tal-Assemblea Parlamentari Konġunta;
27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill AKP, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Konġunta u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tad-Danimarka, is-Surinam, l-Irlanda u l-Etjopja.