Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-Burundi: il-każ ta' Bob Rugurika (2015/2561(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dik tat-18 ta' Settembru 2014 dwar il-Burundi, partikolarment il-każ ta' Pierre Claver Mbonimpa(1),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-10 ta' April 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,
– wara li kkunsidra il-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni ta' Arusha,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2014 dwar ir-reġjun tal-Lagi l-Kbar,
– wara li kkunsidra r-rapporti tal-Uffiċċju tan-NU fil-Burundi (BNUB),
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRDs) u dwar il-Libertajiet ta' Espressjoni, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ġunju 2014 bl-impenn lejn intensifikazzjoni tal-ħidma dwar l-HRDs,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza (ACDEG),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-25 ta' April 2013 tal-Kummissjoni Konsultattiva Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (CNCDH),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-Delegazzjoni tal-UE fil-Burundi tal-10 ta' Settembru 2014,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra il-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fl-20 ta' Jannar 2015, l-awtoritajiet tal-Burundi arrestaw u żammew lid-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Bob Rugurika, direttur tar-Radio Publique Africaine (RPA), wara li rrifjuts li jiżvela s-sorsi tiegħu jiem wara li l-istazzjoni tar-radju tiegħu xandar għadd ta' rapporti investigattivi dwar il-qtil f'Settembru 2014 ta' tliet sorijiet anzjani Taljani, Lucia Pulici, Olga Raschietti u Bernadetta Boggian, f' Kamenge, belt fit-Tramuntana ta' Bujumbura;
B. billi xxandru wkoll allegazzjonijiet tal-involviment fil-qtil ta' uffiċjali għoljin tal-intelligence, li ngħataw id-dritt li jikkummentaw qabel ix-xandiriet;
C. billi l-awtoritajiet tal-Burundi ma pprovdew l-ebda provi li jiġġustifikaw l-arrest tas-Sur Rugurika fuq bażi ta' "ksur tas-solidarjetà pubblika, ksur tal-kunfidenzjalità ta' inkjesta, kenn lil persuna kriminali u kompliċità fi qtil"; billi l-arrest jagħmel parti minn metodu tal-gvern ta' attakki fuq il-libertà tal-espressjoni, immirat lejn il-ġurnalisti, l-attivisti u membri tal-partiti politiċi; billi dawn l-attakki żdiedu fit-triq lejn l-elezzjonijiet li għandhom iseħħu fil-Burundi f'Mejju u Ġunju 2015;
D. billi d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Burundi rratifikathom it-tnejn li huma, jiddikjaraw biċ-ċar li arresti qabel il-proċessi għandhom ikunu bbażati fuq akkużi kredibbli u b'bażi legali; billi l-awtoritajiet tal-Burundi ma pprovdew l-ebda prova tal-bżonn ta' arrest tas-Sur Rugurika;
E. billi din mhijiex l-ewwel darba li l-gvern tal-Burundi jipprova jwaqqaf lill-midja u lill-gruppi favur id-drittijiet tal-bniedem milli jippubblikaw informazzjoni sensittiva u jirrappurtaw dwar allegazzjonijiet ta' abbużi min-naħa tal-gvern; billi, minkejja l-fastidju persistenti, il-ġurnalisti baqgħu jiddokumentaw u jirrappurtaw dwar suġġetti kontroversjali, u fosthom Pierre Claver Mbonimpa, difensur minn ta' quddiem tad-drittijiet tal-bniedem li ġie arrestat f'Mejju 2014 għal rimarki li huwa għamel fuq l-RPA, u nħeles iktar tard, għalkemm l-akkużi kontrih ma twaqqgħux;
F. billi f'Ġunju 2013, il-Burundi adotta liġi dwar l-istampa li tillimita l-libertajiet tal-midja, is-suġġetti li dwarhom jistgħu jirrappurtaw il-ġurnalisti, u potenzjalment, li tikkriminalizza r-rappurtar dwar suġġetti bħall-ordni pubbliku u s-sikurezza; billi l-unjin tal-ġurnalisti tal-Burundi ressqet il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Afrika tal-Lvant;
G. billi l-adozzjoni ta' għadd ta' liġijiet restrittivi qabel l-elezzjonijiet tal-2015, inkluża l-liġi dwar il-midja f'April 2013, komplew saħħew il-fastidju u t-theddid li ilhom ibatu minnhom il-ġurnalisti mill-2010, flimkien ma' personalitajiet kritiċi oħrajn li jiddenunzjaw il-qtil politiku, il-korruzzjoni u l-ġestjoni ħażina tal-pajjiż;
H. billi l-Burundi hu klassifikat il-142 minn 180 pajjiż fl-Indiċi tal-Libertà tal-Istampa tal-Korrispondenti mingħajr fruntieri 2014;
I. billi r-Rapporteur Speċjali dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Afrika, Reine Alapini-Gansou, ikkundannat dan l-arrest u talbet għall-ħelsien immedjat ta' Bob Rugurika, u fakkret fir-responsabilitajiet tal-awtoritajiet tal-Burundi li joħorġu mid-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji dwar il-Libertà tal-Espressjoni fl-Afrika u mid-Dikjarazzjonijiet ta' Kigali u ta' Grand Bay;
J. billi d-dritt tal-libertà tal-espressjoni huwa garantit mill-Kostituzzjoni tal-Burundi u mit-trattati internazzjonali u reġjonali ratifikati mill-Burundi, u huwa wkoll parti mill-Istrateġija Nazzjonali għall-governanza tajba u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kif ukoll huwa kundizzjoni essenzjali għall-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti fl-2015 u biex ir-riżultati ta' dawn l-elezzjonijiet jiġu aċċettati mill-parteċipanti kollha;
K. billi proċess elettorali ħieles, ġust, trasparenti u paċifiku fl-2015 jippermetti li l-pajjiż, li għadu jinsab f'sitwazzjoni ta' wara l-kunflitt, joħroġ mill-iżblokk politiku maħluq mill-proċess elettorali tal-2010;
L. billi, wara r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-18 ta' Settembru 2014, u b'mod partikolari r-riferiment li fiha għall-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, ir-rappreżentanti tal-UE insistew dwar il-ħtieġa ta' parteċipazzjoni inklużiva fil-proċess elettorali mill-forzi politiċi kollha fil-pajjiż, bi qbil mal-Pjan Direzzjonali u l-Kodiċi ta' Kondotta;
M. billi l-Gvern tal-Burundi ikkonferma l-impenn tiegħu li jaġixxi biex jiżgura li n-negozjati mal-forzi politiċi kollha fil-pajjiż iseħħu fir-rispett taż-żewġ dokumenti msemmija hawn fuq, u tenna t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jipprovdu materjal u appoġġ finanzjarju għall-proċess elettorali attwali u jibagħtu osservaturi tal-missjoni fil-Burundi qabel, matul u wara l-elezzjonijiet;
N. billi reċentament l-UE allokat EUR 432 miljun lill-Burundi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp 2014-2020, biex, fost affarijiet oħra, tassisti fit-titjib tal-governanza u s-soċjet à ċivili;
O. billi bħalissa l-Burundi qed jaffaċċa l-agħar kriżi politika tiegħu minn meta ħareġ minn gwerra ċivili ta' 12-il sena fl-2005, u billi din għal darb'oħra qed toħloq theddida mhux biss għall-istabilità interna tal-pajjiż, iżda wkoll għal dik tal-ġirien tagħha f'reġjun tal-kontinent Afrikan li huwa diġà instabbli;
1. Jikkundanna l-arrest inġustifikat ta' Bob Rugurika u jitlob għall-ħelsien immedjat u inkundizzjonali tiegħu; jitlob lill-awtoritajiet biex fl-istess waqt ikomplu jinvestigaw il-qtil traġiku ta' tliet sorijiet Taljani u jġibu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja; jitlob ukoll biex tinfetaħ inkjesta indipendenti b'rabta mal-qtil tat-tliet sorijiet;
2. Jiddenunzja l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi, u l-introduzzjoni ta' liġijiet restrittivi qabel l-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali tal-2015, b'mod partikolari dawk li joħolqu dannu lill-oppożizzjoni, lill-midja u lis-soċjetà ċivili permezz ta' restrizzjonijiet għal-libertajiet tal-espressjoni u l-assoċjazzjoni u l-libertà li jiġu organizzati laqgħat;
3. Jitlob lill-awtoritajiet tal-Burundi jiżguraw bilanċ adegwat u ġust bejn il-libertà tal-midja, inkluża l-libertà li l-ġurnalisti jinvestigaw u jirrappurtaw dwar delitti, u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-integrità tal-investigazzjonijiet kriminali;
4. Jitlob lill-Gvern tal-Burundi biex jippermetti dibattitu politiku ġenwin u miftuħ fit-triq lejn l-elezzjonijiet tal-2015, u jirrispetta l-Pjan Direzzjonali u l-Kodiċi ta' Kondotta nnegozjati taħt l-awspiċi tan-NU u ffirmati mill-mexxejja politiċi tal-Burundi; ifakkar li l-Kostituzzjoni tal-Burundi tgħid hekk: 'Il-President tar-Repubblika huwa elett għal terminu ta' ħames snin li jista' jiġġedded darba. Ħadd ma jista' jservi iktar minn żewġ mandati bħala president';
5. Jitlob lill-Gvern tal-Burundi jirrispetta l-kalendarju elettorali, u jinkludi l-partiti tal-oppożizzjoni fil-monitoraġġ tal-elezzjonijiet, inkluż fil-fażi ta' reġistrazzjoni parzjali tal-votanti ġodda, kif miftiehem bejn il-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (CENI) u l-partiti politiċi fil-laqgħa ta' evalwazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-votanti tad-29 u t-30 ta' Jannar 2015;
6. Jesprimi tħassib serju dwar l-interferenza mill-gvern fil-ġestjoni interna tal-partiti politiċi, in-nuqqas ta' libertà biex dawk il-partiti jwettqu l-kampanji tagħhom, u t-tendenza biex dejjem iktar il-ġudikatura teskludi lil mexxejja politiċi mill-proċess elettorali;
7. Iħeġġeġ lill-Gvern Burundjan biex jieħu miżuri biex jikkontrolla s-sezzjoni taż-żgħażagħ tas-CNDD-FDD, u ma jħallix il-membri tagħha jintimidaw u jattakaw lil dawk li jqisu bħala avversarji, u jiżgura li dawk responsabbli mill-akkużi jitressqu quddiem il-qrati; jitlob għal investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar l-affermazzjonijiet li s-CNDD-FDD qed jarma u jħarreġ is-sezzjoni taż-żgħażagħ tiegħu; iħeġġeġ lill-mexxejja tal-partiti fl-oppożizzjoni biex iwaqqfu l-vjolenza kontra l-avversarji tagħhom;
8. Jenfasizza l-importanza tar-rispett tal-Kodiċi ta' Kondotta għal Kwistjonijiet Elettorali (Code de bonne conduite en matière électorale) u l-pjan direzzjonali tan-NU dwar l-elezzjonijiet li kien iffirmat mill-atturi politiċi fl-2013, u jappoġġa bis-sħiħ l-attivitajiet tal-BNUB immirati biex jipprevjenu vjolenza politika ulterjuri fil-perjodu li jwassal għall-elezzjonijiet tal-2015 u li jgħinu jirrestawraw is-sigurtà fit-tul u l-paċi;
9. Iħeġġeġ lil dawk kollha involuti fil-proċess elettorali, inkluż il-korpi responsabbli mill-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet u s-servizzi ta' sigurtà, biex jirrispettaw l-impenji fil-Ftehim ta' Arusha, billi jfakkar li dan il-ftehim temm il-gwerra ċivili u huwa l-bażi li fuqha hija mibnija l-Kostituzzjoni tal-Burundi;
10. Jenfasizza r-rwol minn ta' quddiem li għandu jkollha l-UE fil-monitoraġġ tas-sitwazzjoni pre-elettorali sabiex jiġi evitat li wieħed imur kontra l-impenji meħuda, li jista' jkollu effett gravi mhux biss fuq il-proċess ta' demokratizzazzjoni iżda wkoll fuq il-paċi u s-sigurtà fil-Burundi u madwar ir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar;
11. Itenni li l-Burundi huwa marbut mill-klawżola tad-drittijiet tal-bniedem tal-Ftehim ta' Cotonou, mill-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u mill-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u għalhekk huwa obbligat li jirrispetta d-drittijiet univerali tal-bniedem, inkluż il-libertà ta' espressjoni; jappella lill-Gvern tal-Burundi biex jippermetti li jsir dibattitu politiku ġenwin u miftuħ qabel l-elezzjonijiet tal-2015 mingħajr il-biża ta' intimidazzjoni, billi ma jinterferixxix fl-amministrazzjoni interna tal-partiti fl-oppożizzjoni, billi ma jpoġġix restrizzjonijiet fuq il-kampanji li jaffettwaw lill-partiti kollha, speċjalment f'żoni rurali, u billi ma jabbużax mill-ġudikatura biex jeskludi rivali politiċi;
12. Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-UE u lill-Istati Membri biex jissoktaw bl-isforzi tagħhom lejn politika tal-UE fir-rigward tal-Burundi li tkun ċara u bbażata fuq prinċipji u li tindirizza l-vjolazzjonijiet serji u kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra t-tnedija ta' konsultazzjonijiet mal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou b il-ħsieb ta' sospensjoni possibbli mill-Ftehim u biex jittieħdu l-miżuri xierqa waqt li jkunu qed iseħħu dawk il-konsultazzjonijiet;
13. Jitlob lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli jagħmel użu mid-djalogu politiku intensifikat previst mill-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou mal-Gvern tal-Burundi sabiex jiġi indirizzat b'mod konkret l-għeluq tal-ispazju politiku fil-Burundi u biex jiġu stabbiliti limiti ċari u konkreti għall-kejl tal-iżvilupp u strateġija biex jingħatalhom rispons;
14. Jitlob lill-Gvern tal-Burundi, lill-mexxejja tal-partiti fl-oppożizzjoni u lill-attivisti tas-soċjetà ċivili biex jagħmel mill-aħjar li jistgħu biex jappoġġaw il-Kummissjoni għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni (PRC) b'mod demokratiku u trasparenti, sabiex jiġu ffaċċjati delitti tal-passat u wieħed jimxi 'l quddiem fit-tħejjija għall-ġejjieni;
15. Jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jirrilaxxjaw il-fondi meħtieġa biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni umanitarja f'din il-parti tad-dinja, u biex jaħdmu b'kollaborazzjoni mal-korpi tan-NU, b'mod partikolari dwar is-sitwazzjoni ta' malnutrizzjoni kronika;
16. Jitlob lill-Kummissjoni talloka l-fondi tagħha għall-perjodu 2014-2020 bħala kwistjoni prijoritarja lill-NGOs u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jaħdmu b'mod dirett mal-persuni, u biex toħloq pressjoni fuq il-Gvern tal-Burundi biex jimplimenta r-riformi meħtieġa għall-konsolidazzjoni tal-Istat;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Gvern tal-Burundi, lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Lagi l-Kbar, lill-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta u lill-Parlament Pan-Afrikan.