Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-fosos komuni tal-persuni nieqsa minn Ashia fil-villaġġ ta' Ornithi fil-parti okkupata ta' Ċipru (2015/2551(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2007 dwar persuni nieqsa f'Ċipru(1),
– wara li kkunsidra r-rapporti rilevanti tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti(2), ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti(3) u l-inizjattivi internazzjonali għall-investigazzjoni ta' x'sar mill-persuni nieqsa f'Ċipru(4),
– wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) tal-10 ta' Mejju 2001(5) u tal-10 ta' Jannar 2008(6) dwar persuni nieqsa f'Ċipru, u d-deċiżjoni tal-Awla Manja tat-12 ta' Mejju 2014 fil-kawża Ċipru v. it-Turkija,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2008 dwar persuni nieqsa f'Ċipru(7),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0139/2008),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2011 dwar il-ħidma tal-Kumitat għall-Persuni Nieqsa f'Ċipru,
– wara li kkunsidra d-Dritt Internazzjonali Umanitarju, sew dak tal-konvenzjonijiet kif ukoll dak tal-konswetudni, dwar il-persuni nieqsa,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fl-14 ta' Awwissu 1974 il-villaġġ ta' Ashia ġie bbumbardjat mill-forza tal-ajru Torka; billi fil-21 ta' Awwissu 1974 l-armata Torka wettqet evakwazzjonijiet furzati tal-massa; billi l-espulsjoni finali tal-abitanti kollha tal-villaġġ seħħet fit-28 ta' Awwissu 1974;
B. billi b'kollox 106 individwi mill-villaġġ ta' Ashia, ta' etajiet minn 11-il sena sa 84 sena, għebu fl-1974;
C. billi, fir-Rebbiegħa tal-2009, il-Kumitat għall-Persuni Neqsin f’Ċipru (CMP) wettaq tfittxija fl-inħawi ta' Ornithi, villaġġ li jinsab 4 km lejn il-Punent tar-raħal ta’ Ashia; billi reġgħu nfetħu erba’ siti ta’ dfin, li tnejn minnhom kienu bjar tal-ilma u siti ta’ fosos komuni; billi ġie kkonfermat li l-fdalijiet, identifikati b'analiżi tad-DNA, huma ta' individwi mil-lista ta' 71 persuna ċivili li għebu minn Ashia fil-21 ta' Awwissu 1974, kif intqal hawn fuq;
D. billi l-evidenza tagħti x'wieħed jifhem li ż-żewġ fosos komuni kienu diġà reġgħu nfetħu qabel għall-eżumazzjoni; billi l-fdalijiet tneħħew intenzjonalment u ġew trasferiti f'postijiet oħra mhux magħrufa;
E. billi għadha għaddejja l-agonija u t-tbatija kbira tal-familji tal-persuni nieqsa, li ilhom deċennji ma jafux x'sar minn qrabathom maħbubin, u billi jeħtieġ isir kull sforz biex l-investigazzjonijiet tas-CMP jinġiebu 'l quddiem;
F. billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sostniet li, fir-rigward tal-persuni nieqsa Ċiprijotti Griegi u qrabathom, kien hemm: vjolazzjoni persistenti tal-Artikolu 2 (id-dritt għall-ħajja) tal-Konvenzjoni rigward in-nuqqas, min-naħa tal-awtoritajiet Torok, li jwettqu investigazzjoni effikaċi dwar il-lok u d-destin tal-persuni nieqsa Ċiprijotti Griegi li kienu għebu f'ċirkostanzi ta' periklu għal ħajjithom; vjolazzjoni persistenti tal-Artikolu 5 (id-dritt għal-libertà u s-sigurtà) rigward in-nuqqas, min-naħa tat-Turkija, li twettaq investigazzjoni effikaċi dwar il-lok u d-destin tal-persuni nieqsa Ċiprijotti Griegi li dwarhom kien hemm pretiża raġonevoli li kienu miżmuma fid-detenzjoni Torka fil-mument meta għebu; u vjolazzjoni persistenti tal-Artikolu 3 (il-projbizzjoni ta' trattament inuman u degradanti) inkwantu s-silenzju tal-awtoritajiet Torok quddiem il-preokkupazzjonijiet reali tal-qraba laħaq livell ta' severità li seta' jiġi kkaratterizzat biss bħala trattament inuman;
G. billi dawk il-każijiet fejn biss fdalijiet skeletali parzjali jistgħu jingħaddu għad-dfin ma jistgħux jitqiesu magħluqa sakemm ma jkunux instabu l-fdalijiet kollha identifikabbli tal-persuni nieqsa;
H. billi l-Qorti Ewropewa tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li t-Turkija, bħala l-qawwa ta' okkupazzjoni de facto fit-Tramuntana ta' Ċipru, għandha r-responsabbiltà li tinvestiga l-lok u d-destin tal-persuni nieqsa, u li tiffaċilita l-ħidma tas-CMP;
I. billi l-problema tal-persuni nieqsa hija waħda umanitarja li toħroġ mid-dritt tal-qraba tal-persuni nieqsa li jkunu jafu x'sar minn dawn tal-aħħar;
J. billi l-ġrajjiet koroh tal-persuni nieqsa f'Ċipru bdew fl-1964, b'għadd limitat ta' persuni nieqsa miż-żewġ komunitajiet, u laħqu l-eqqel tagħhom b'aktar minn 2 000 persuna nieqsa wara l-invażjoni militari Torka fl-1974, li minħabba fiha l-gżira għadha maqsuma;
K. billi ilhom nieqsa għal bosta deċennji 2 001 Ċiprijott, li minnhom 1 508 huma Ċiprijotti Griegi u 493 huma Ċiprijotti Torok;
1. Jikkundanna l-ispustament tal-fdalijiet li seħħ f'Ornithi, u azzjonijiet simili, bħala nuqqas kbir ta' rispett għall-persuni nieqsa u vjolazzjoni goffa tad-dritt tal-familji tagħhom li fl-aħħar isiru jafu tassew f'liema kundizzjonijiet il-maħbubin tagħhom sabu mewthom; jesprimi s-simpatija tiegħu mal-familji tal-persuni nieqsa kollha li għadhom jgħixu fl-inċertezza;
2. Jissottolinja li l-ispustament tal-fdalijiet u atti simili jistgħu jirrappreżentaw tfixkil u kumplikazzjoni maġġuri għall-proċess iebes u diffiċli tal-investigazzjoni ta' x'sar mill-persuni nieqsa kollha f'Ċipru;
3. Jenfasizza l-urġenza tal-kwistjoni għall-familji tal-persuni nieqsa, 41 sena wara l-għibien ta' dawn tal-aħħar, u jissottolinja li ftit li xejn fadal żmien biex jinstabu, hekk kif ix-xhieda u l-qraba qed jiġu neqsin; jitlob verifika immedjata u kompluta ta' x'sar mill-persuni nieqsa;
4. Ifaħħar il-ħidma tas-CMP u jenfasizza l-importanza li dan jintensifika l-attivitajiet tiegħu, minħabba li nofs il-persuni nieqsa għadhom ma nstabux u aktar minn żewġ terzi għad iridu jiġu identifikati;
5. Jisħaq fuq il-fatt li l-ħidma tas-CMP tiddependi fuq is-sostenn sħiħ u l-kooperazzjoni kompluta mill-partijiet kollha involuti, u jilqa' b'sodisfazzjoni, f'dan ir-rigward, il-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni mill-UE u jitlob li dan il-finanzjament jitkompla;
6. Jinnota li s-CMP għamel appell urġenti biex kull min għandu informazzjoni dwar siti ta' dfin possibbli jikkuntattja lill-investigaturi tas-CMP; jitlob li t-Turkija u l-gvern tagħha jtemmu immedjatament it-tneħħija tal-fdalijiet mill-fosos komuni u jottemperaw ruħhom mad-dritt internazzjonali, mad-dritt internazzjonali umanitarju u mad-deċiżjonijiet tal-QEDB, u jiffaċilitaw għal dak il-għan l-isforżi tal-Kumitat tripartitiku għall-Persuni Nieqsa billi jagħtuh aċċess sħiħ għall-arkivji militari u għaż-żoni militari għal finjiet ta' eżumazzjoni; jitlob li t-Turkija timplimenta bis-sħiħ l-obbligu tagħha, wara d-deċiżjoni tal-QEDB, li tikkumpensa lill-familji tal-persuni nieqsa;
7. Jitlob li t-Turkija tippermetti, bla dewmien intenzjonali, l-aċċess għaż-żoni li ġew definiti bħala żoni militari, u hemm informazzjoni li fihom hemm siti ta' dfin ta' persuni nieqsa; jissottolinja li l-forzi militari Torok għandhom jipprovdu u jikkondividu mapep militari qodma u jagħtu access sħiħ għall-arkivji tagħhom biex jiffaċilitaw it-tiftix għal siti ta' dfin li għadhom ma nkixfux;
8. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jirratifikaw il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha kontra l-Għibien Furzat, bħala prijorità, u jitlob li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Istati Membri jappoġġjaw il-ħidma tal-Kumitat tan-NU dwar l-Għibien Furzat, stabbilit skont din il-Konvenzjoni;
9. Ifakkar lill-partijiet kollha kkonċernati u 'l dawk kollha li għandhom, jew li huma fil-qagħda li jkollhom, xi informazzjoni jew evidenza li toħroġ minn għarfien personali, arkivji, rapporti mill-kamp tal-battalja jew rekords ta' postijiet ta' detenzjoni, biex jgħadduha lis-CMP bla aktar dewmien;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija, u jfakkar fl-obbligu inkondizzjonat li kull Stat, skont il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jottempera ruħu mad-deċiżjonijiet finali li fihom ikun parti.