Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2016(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0036/2015

Testi mressqa :

A8-0036/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2015 - 10.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0041

Testi adottati
PDF 403kWORD 73k
It-Tlieta, 10 ta' Marzu 2015 - Strasburgu
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni - applikazzjoni EGF/2013/009 PL/Zachem - Polonja
P8_TA(2015)0041A8-0036/2015
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/009 PL/Zachem, ippreżentata mill-Polonja) (COM(2015)0013 – C8-0010/2015 – 2015/2016(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0013 – C8-0010/2015),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(1) (ir-Regolament FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta '  Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b ' mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu stipulata fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0036/2015),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw irwieħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C.  billi din l-applikazzjoni hija fost l-aħħar tnejn trattati taħt ir-Regolament dwar il-FEG tal-2006 u l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013(4) tirrifletti l-qbil li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiddaħħal mill-ġdid il-kriterju dwar il-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60 % tal-ispiża totali stmata tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza fit-trattament tal-applikazzjonijiet FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għal valutazzjoni u approvazzjoni, biex jiġu estizi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli billi jiġu inklużi dawk li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' negozju proprju;

D.  billi l-Polonja ressqet l-Applikazzjoni EGF/2013/009 PL/Zachem għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara li kien hemm 615-il sensja f'Zakłady Chemiczne Zachem u f'żewġ fornituri tagħha, b'rabta mal-waqfien tal-produzzjoni u r-riorganizzazzjoni korporattiva ta' Zachem, li topera fis-settur NACE 2 Diviżjoni 20 "Manifattura ta' kimiċi u prodotti kimiċi", fil-Provinċja NUTS 2 ta' Kujawsko-Pomorskie; billi 404 persuna mis-615-il ħaddiem li ngħataw is-sensja rreġistraw bħala qiegħda fl-uffiċċju tal-impjiegi tad-distrett f'Bydgoszcz; billi s-sensji seħħew matul il-perjodu ta' referenza mill-31 ta' Marzu 2013 sal-31 ta' Lulju 2013 u huma marbuta ma' tnaqqis fis-sehem tas-suq tal-UE tal-industrija kimika;

E.  billi l-kontribuzzjoni finanzjarja mitluba mill-FEG tammonta għal EUR 115 205 (50 % tal-baġit totali);

F.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;

1.  Jinnota li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti u li, għalhekk, jaqbel mal-Kummissjoni li l-Polonja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.  Jinnota li fid-9 ta' Ottubru 2013 l-awtoritajiet Pollakki ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG taħt ir-Regolament dwar il-FEG, li ma jillimitax iż-żmien għall-istruzzjoni, u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fil-21 ta' Jannar 2015;

3.  Jesprimi tħassib dwar it-tul tal-proċedura mid-data tal-ewwel sensji sal-valutazzjoni tal-applikazzjoni; ifakkar li l-għan tal-FEG huwa li joffri għajnuna lill-ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom kemm jista' jkun malajr;

4.  Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Pollakki ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fl-4 ta' Marzu 2013, ferm qabel id-deċiżjoni u anki l-applikazzjoni dwar l-għoti tal-appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

5.  Jinnota li s-sehem tal-Unjoni fis-suq dinji tas-sustanzi kimiċi naqas drastikament bejn l-1992 u l-2012, minn 35,2 % fl-1992 għal 17,8 % fl-2012(5); josserva li x-xejra f'dawn l-aħħar snin evidenzjat il-migrazzjoni tal-immanifatturar tal-kimiċi lejn l-Asja, u b'mod partikolari lejn ċ-Ċina, fejn il-manifattura ta' sustanzi kimiċi żdiedet minn sehem ta' 8,7 % fl-2002 għal 30,5 % fl-2012, minħabba żieda fil-bejgħ fis-swieq emerġenti u spejjeż ta' xogħol aktar baxxi, aċċess għas-swieq, sussidji, taxxi u regolamentazzjoni; konsegwentement iqis li s-sensji f'Zachem u fiż-żewġ fornituri tagħha huma marbuta ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni;

6.  Jenfasizza li Zachem kienet l-akbar impjegatur fir-reġjun u li fil-perjodu ta' referenza kkonċernat, il-ħaddiema li ngħataw is-sensja direttament jew indirettament minn Zachem ammontaw għal 60 % tal-persuni qiegħda rreġistrati ġodda kollha fl-uffiċċju tal-impjiegi tad-distrett f'Bydgoszcz;

7.  Jinnota li s-sensji f'Zachem u fil-fornituri tagħha huma mistennija jħallu impatt negattiv fuq il-Provinċja ta' Kujawsko-Pomorskie, li kellha l-ogħla rata ta' qgħad fil-pajjiż – li f'Lulju 2013 kienet tammonta għal 17,4 % – minkejja l-espansjoni ekonomika li r-reġjun ibbenefika minnha;

8.  Jinnota li l-miżuri appoġġjati mill-FEG huma mmirati lejn il-50 ħaddiem li jinsabu fl-aktar sitwazzjoni żvantaġġata u jinkludu ż-żewġ miżuri li ġejjin: inċentivi għar-reklutaġġ u xogħlijiet ta' intervent;

9.  Jinnota li l-akbar proporzjon tal-ispejjeż għas-servizzi personalizzati se jintefaq fuq inċentivi għar-reklutaġġ immirati lejn 45 ħaddiem, li għandhom l-għan li jagħtu inċentiv lill-impjegaturi li ddeċidew li jimpjegaw lil dawn il-ħaddiema għal mill-inqas 24 xahar;

10.  Jinnota li qed jingħata appoġġ fuq skala iżgħar lil ħames ħaddiema li ngħataw is-sensja u li għandhom aktar minn 50 sena, biex dan ikopri l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tagħhom; jinnota li dan il-grupp ta' età huwa f'riskju ogħla ta' qgħad fit-tul u esklużjoni mis-suq tax-xogħol;

11.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-kumplimentarjetà tal-miżuri tal-FEG mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jinnota b'mod partikolari li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati għandu l-għan li jikkomplementa l-bosta miżuri kontinwi disponibbli għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja fil-qafas tal-Programm Operazzjonali tal-Kapital Uman kofinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew u l-miżuri l-oħra meħuda mill-uffiċċji tal-impjiegi fir-reġjun; jirrimarka l-importanza li jiġi żgurat li ma jitħalliex isir finanzjament doppju f'każijiet ta' azzjonijiet komplementari bħal dawn;

12.  Jinnota li s-servizzi personalizzati huma skedati li jkunu implimentati sat-30 ta' Settembru 2015 u li, skont id-data proviżorja, s'issa 36 persuna sabu impjieg ġdid minħabba l-parteċipazzjoni fis-servizzi pprovduti fil-pakkett; jinnota li fi tmiem is-sena 2014, l-implimentazzjoni tal-baġit previst ammontat għal 59 %;

13.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-kumitat dwar id-Djalogu Soċjali fil-provinċja ddiskuta l-possibbiltajiet ta' għajnuna lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn Zachem S.A. u l-fornituri tagħha u li l-pakkett ta' miżuri personalizzati propost ġie diskuss f'laqgħa tal-Kunsill tal-Impjieg f'Bydgoszcz, li għaliha attendew it-trade unions, in-negozji u r-rappreżentanti tal-gvern lokali kif ukoll reġjonali;

14.  Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem;

15.  Jilqa' l-fatt li l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll dak tan-nondiskriminazzjoni kien u se jibqa' jiġi applikat matul id-diversi stadji ta' implimentazzjoni tal-miżuri FEG u l-aċċess għalihom;

16.  Jisħaq li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss il-miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg sod u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG ma għandha tissostitwixxi la l-azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

17.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u jgħamel l-arranġamenti għall-publikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855).
(5) L-industrija tal-kimika Ewropea Fatti u Ċifri 2013, CEFIC (http://www.cefic.org/Facts-and-Figures).


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba

(applikazzjoni EGF/2013/009 PL/Zachem, ippreżentata mill-Polonja)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2015/469.)

Avviż legali - Politika tal-privatezza