Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2019(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0031/2015

Testi mressqa :

A8-0031/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2015 - 10.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0043

Testi adottati
PDF 407kWORD 76k
It-Tlieta, 10 ta' Marzu 2015 - Strasburgu
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni - applikazzjoni EGF/2013/007 BE/Hainaut steel (Duferco-NLMK) - Belġju
P8_TA(2015)0043A8-0031/2015
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/007 BE/Hainaut steel (Duferco-NLMK), ippreżentata mill-Belġju) (COM(2014)0725 – C8-0013/2015 – 2015/2019(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0725 – C8-0013/2015),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu stipulata fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0031/2015),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw irwieħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013(4) tirrifletti l-qbil li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiddaħħal mill-ġdid il-kriterju dwar il-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60 % tal-ispiża totali stmata tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza fit-trattament tal-applikazzjonijiet tal-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għal valutazzjoni u approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli billi jiġu introdotti dawk li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' negozji tagħhom stess;

D.  billi l-Belġju ressqet l-applikazzjoni EGF/2013/007 BE/Hainaut steel għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għas-708 sensja f'żewġ kumpaniji, marbuta mal-għeluq ta' Duferco u t-tnaqqis tal-persunal minn NLMK, li joperaw fis-settur NACE 2 Diviżjoni 24 "Manifattura ta' metalli bażiċi", u li t-tnejn li huma jinsabu f'La Louvière fir-reġjun ta' Hainaut; billi s-sensji seħħew matul il-perjodu ta' referenza mit-22 ta' Jannar 2013 sat-22 ta' Ottubru 2013 u huma marbuta ma' tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-Unjoni fis-settur tal-produzzjoni tal-azzar;

E.  billi l-kontribuzzjoni finanzjarja mitluba mill-FEG tammonta għal EUR 981 956 (50 % tal-baġit totali);

F.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;

1.  Jinnota li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti u li, għalhekk, jaqbel mal-Kummissjoni li l-Belġju huwa intitolat għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fis-27 ta' Settembru 2013 skont ir-Regolament dwar il-FEG, li ma tillimitax il-ħin għat-tagħlim u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fid-9 ta' Diċembru 2014;

3.  Jesprimi tħassib dwar it-tul tal-proċedura mid-data tal-ewwel sensji sal-valutazzjoni tal-applikazzjoni; ifakkar li l-għan tal-FEG huwa li joffri għajnuna lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja malajr kemm jista' jkun; jenfasizza li l-applikazzjoni tal-FEG tressqet fis-27 ta' Settembru 2013 u b'hekk sa ma waslet għall-votazzjoni fil-Kumitat għall-Baġits laħqu għaddew kważi sena u nofs;

4.  Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Belġjani ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fl-1 ta' Ġunju 2013, ferm qabel id-deċiżjoni u saħansitra l-applikazzjoni dwar l-għoti tal-appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

5.  Iqis li s-sensji f'Duferco u NLMK huma marbuta ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni, minħabba li s-settur tal-produzzjoni tal-azzar għadda minn taqlib ekonomiku serju, b'mod partikolari tnaqqis mgħaġġel fis-sehem mis-suq tal-UE; barra minn hekk, b'konsegwenza tal-kriżi ekonomika u żieda relattiva fl-ispejjeż tal-produzzjoni, l-andament kummerċjali dinji mar għall-agħar minħabba fatturi oħra, bħat-tnaqqis fid-domanda għall-azzar fis-settur tal-karozzi u dak tal-kostruzzjoni;

6.  Jinnota li, skont id-data li saret referenza għaliha mill-awtoritajiet Belġjani(5), bejn l-2006 u l-2011, il-produzzjoni tal-azzar grezz fl-UE-27 naqset minn 206,9 miljun tunnellata għal 177,7 miljun tunnellata (− 14,1 %; − 3,0 % ta' tkabbir annwali(6)), filwaqt li fil-livell dinji, il-produzzjoni żdiedet minn 1 249,0 miljun tunnellata għal 1 518,3 miljun tunnellata (+ 21,6 %; + 4,0 % ta' tkabbir annwali); jifhem li dan wassal għal tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-UE-27 fil-produzzjoni tal-azzar grezz, imkejla f'termini ta' volum, minn 16,6 % fl-2006 għal 11,7 % fl-2011 (− 29,4 %; − 6,7 % ta' tkabbir annwali) u jirrimarka, b'paragun ma' dan, dwar iż-żieda fis-sehem mis-suq Ċiniż minn 33,7 % għal 45,0 % matul l-istess perjodu;

7.  Jinnota li din hija l-ħames applikazzjoni tal-FEG fis-settur tal-azzar, li tlieta minnhom kienu bbażati fuq il-globalizzazzjoni u waħda fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali; jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ effiċjenti u koordinat fil-livell tal-Unjoni sabiex ikun miġġieled il-qgħad fis-settur tal-azzar;

8.  Jinnota li s-sensji f'Duferco u NLMK mistennija jkollhom impatt negattiv fuq ir-reġjun ta' Hainaut, li qabel kienet żona ta' produzzjoni tal-azzar u tal-minjieri tal-faħam fejn l-impjiegi jiddependu b'mod qawwi minn industrija peżanti tradizzjonali u fuq is-settur pubbliku, fejn fl-2012 ir-rata tal-qgħad kienet ta' 17,7 %, meta mqabbla ma' medja ta' 15,8 % fil-Vallonja u 11,2 % fil-livell nazzjonali(7) u laħqet il-quċċata ta' 39 % għall-persuni bl-età ta' bejn it-18 u l-25 sena; jenfasizza li l-livell baxx ta' kwalifiki tal-persuni li qed ifittxu impjieg (51 % m'għandhomx edukazzjoni sekondarja għolja, meta mqabbla ma' 47 % fil-Vallonja) huwa ta' diffikultà addizzjonali għat-tiftix ta' impjieg;

9.  Jinnota li, fil-kuntest tas-sitwazzjoni ekonomika u l-għadd ta' sensji fl-industrija metallurġika fir-reġjun, il-ħaddiema minn Duferco u NLMK, sabiex isibu impjieg ġdid f'dak ir-reġjun, iridu jitħarrġu mill-ġdid biex isibu impjieg f'xogħlijiet oħra u f'setturi oħra;

10.  Jinnota li l-pakkett koordinat ta ' servizzi personalizzati li se jiġu kofinanzjati jinkludi l-miżuri li ġejjin għall-integrazzjoni mill-ġdid f'impjieg ta' 701 ħaddiem li ngħataw is-sensja (miġbura skont il-kategorija): (1) għajnuna għat-tiftix ta' impjieg individwali, servizzi ta' ġestjoni tal-każijiet u informazzjoni ġenerali, (2) taħriġ u taħriġ mill-ġdid u (3) promozzjoni tal-intraprenditorija;

11.  Jilqa' l-fatt li d-diversi sħab soċjali u organizzazzjonijiet kienu involuti f'koordinazzjoni ġenerali u l-implimentazzjoni tal-miżuri, inklużi: it-trejdjunjins (FGTB, CSC), FOREM (is-servizz pubbliku tal-impjiegi u tat-taħriġ tar-Reġjun tal-Vallonja), iċ-ċentri ta' taħriġ vokazzjonali u teknoloġiku settorjali attivi fir-Reġjun tal-Vallonja, l-Aġenzija tal-Fond Soċjali Ewropew tal-Komunità Franċiża tal-Belġju u tal-Gvern tal-Vallonja; japprezza barra minn hekk li t-trejdjunjins huma involuti b'mod dirett fil-ġestjoni taż-żewġ Unitajiet ta' Riallokazzjoni stabbiliti speċifikament għal kull kumpanija separata;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol proposti biex itejbu l-impjegabbiltà tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja; ifakkar li l-allowances mhumiex elenkati fost is-servizzi personalizzati biex jiġu appoġġjati mill-FEG;

13.  Ifakkar fl-importanza li l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kollha titjieb permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali reali, u l-potenzjal taż-żona;

14.  Jinnota li l-miżuri proposti huma mmirati wkoll lejn grupp ta' diretturi tal-kumpanniji kkonċernati;

15.  Jilqa' l-fatt li l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll dak tan-nondiskriminazzjoni kien u se jibqa' jiġi applikat matul id-diversi stadji ta' implimentazzjoni tal-miżuri tal-FEG u l-aċċess għalihom;

16.  Jisħaq fuq il-fatt li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss il-miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg dewwiemi u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG ma għandha tissostitwixxi la l-azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

17.  Jinnota li l-miżuri li huma obbligatorji skont il-proċeduri ta' sensji kollettivi fil-Belġju u li jitwettqu bħala parti mill-attivitajiet standard tal-Unitajiet ta' Riallokazzjoni (pereżempju, l-appoġġ għar-rikollokament, it-taħriġ, l-għajnuna għat-tiftix tax-xogħol, u parir dwar il-karrieri, eċċ.) mhumiex inklużi f'din l-applikazzjoni tal-FEG; jinnota li aktar minn nofs l-ispejjeż totali stmati jridu jintefqu fuq riallokazzjoni ta' dawn is-servizzi, jiġifieri appoġġ, gwida u miżuri ta' integrazzjoni;

18.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jagħmel l-arranġamenti għall-publikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855).
(5)Sors: Assoċjazzjoni Dinjija tal-Azzar, Steel Statistical Yearbook 2012.
(6)Rata komposta ta' tkabbir annwali.
(7)Sors: Steunpunt WSE.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba

(applikazzjoni EGF/2013/007 BE/Hainaut steel (Duferco-NLMK), ippreżentata mill-Belġju)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2015/468.)

Avviż legali - Politika tal-privatezza