Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2014/012 BE/ArcelorMittal ippreżentata mill-Belġju) (COM(2014)0734 – C8-0014/2015 – 2015/2020(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0734 – C8-0014/2015),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0035/2015),
A. billi l-Unjoni stabbilixxiet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol;
B. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'konsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);
C. billi l-adozzjoni tar-Regolament FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu finanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;
D. billi l-Belġju ressaq applikazzjoni EGF/2014/012/BE/ArcelorMittal għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG wara 1 285 sensja mill-ArcelorMittal Liège S.A., kumpanija li topera fin-NACE 2 Diviżjoni 24 "Manifattura ta' metalli bażiċi", fejn 910 persuni huma mistennija li jibbenefikaw mill-miżuri matul u wara l-perjodu ta' referenza mill-1 ta' Jannar 2014 sal-1 ta' Mejju 2014, minħabba tfixkil ekonomiku serju, b'mod partikolari tnaqqis rapidu tas-sehem mis-suq tal-Unjoni,
E. billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eleġibilità stabbiliti mir-Regolament FEG,
1. Jikkonstata li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament FEG huma sodisfatti, u li għalhekk, jaqbel mal-Kummissjoni li l-Belġju għandu dritt għall-kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;
2. Jikkonstata li l-awtoritajiet Belġjani ppreżentaw l-applikazzjoni għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fit-22 ta' Lulju 2014, fi żmien 12-il ġimgħa mid-data minn meta l-kriterji stabbiliti għall-intervent kienu sodisfatti, issupplimentatha b'tagħrif addizzjonali sas-16 ta' Settembru 2014, u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fid-9 ta' Diċembru 2014;
3. Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Belġjani ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati għall-ħaddiema milquta fl-1 ta' Jannar 2014, ferm qabel id-deċiżjoni u saħansitra l-applikazzjoni dwar l-għoti tal-appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;
4. Jikkunsidra li l-għoti tas-sensji mill-ArcelorMottal Liège S.A huwa marbut ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni, billi bejn l-2007 u l-2013 il-produzzjoni tal-azzar mhux maħdum fl-UE-27 naqset minn 210,1 miljun tunnellata għal 166,2 miljun tunnellata(4) (- 20,9 %; - 3,8 % tar-rata ta' tkabbir annwali(5)), filwaqt li fil-livell dinji, l-produzzjoni żdiedet minn 1 348,1 miljun tunnellata għal 1 649,3 miljun tunnellata (+ 22,3 %; + 3,4 % tar-rata ta' tkabbir annwali). Jikkonstata li t-tnaqqis tas-sehem tal-Unjoni fil-produzzjoni tal-azzar minn 16 % tal-produzzjoni globali tal-azzar fl-2007 għal 10 % fl-2013 kien aktar sinifikanti milli fl-Istati Uniti u fir-Russja, filwaqt li kien hemm żieda qawwija ħafna fis-sehem tal-Asja, li żdied minn 56 % għal 67 % fl-istess perjodu u, riżultat ta' dan, is-settur metallurġiku ta' Liège naqas f'dawn l-aħħar snin, minn 6 193 post tax-xogħol f'40 impriża fl-2007 għal 4 187 post tax-xogħol f'35 impriża fl-2012, tnaqqis ta' 32 % tal-impjiegi fis-settur;
5. Jenfasizza li l-effetti ta' dawn il-bidliet fl-andament kummerċjali aggravaw minħabba fatturi oħra, bħal tnaqqis fid-domanda għall-azzar fis-setturi tal-karozzi u tal-kostruzzjoni fl-Unjoni bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika u żieda relattiva fin-nefqa tal-produzzjoni (materja prima, enerġija, restrizzjonijiet ambjentali, eċċ.). Dawn il-fatturi kienu ta' dannu għall-kompetittività tal-industrija tal-azzar tal-Unjoni u wasslu għal għadd kbir ta' telf ta' impjiegi fis-settur tal-azzar f'dawn l-aħħar snin minħabba l-għeluq ta' impjanti u r-ristrutturar minn diversi manifatturi tal-azzar fl-Ewropa.
6. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' approċċ effiċjenti u koordinat fil-livell tal-Unjoni sabiex jitreġġa' lura t-tnaqqis fil-kompetittività tal-Unjoni fis-settur tal-azzar; jenfasizza l-ħtieġa għal investimenti xierqa u mmirati bil-għan li jiġi żgurat li l-innovazzjoni tkun il-mutur ewlieni tal-kompetittività globali fis-settur tal-azzar tal-Unjoni u garanzija biex jinżammu l-impjiegi fl-Ewropa;
7. Jikkonstata r-rapport ta' progress dwar l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għal Pjan ta' Azzjoni għall-industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa, tal-11 ta' Ġunju 2013, li jikkonkludi li nofs l-azzjonijiet imbassra fil-Komunikazzjoni ġew implimentati; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata implimentazzjoni xierqa tal-azzjonijiet ikkonċernati sabiex jinkisbu riżultati tanġibbli li jwassalu għal bidu ġdid fis-settur tal-azzar tal-Unjoni;
8. Jikkonstata li din hi r-raba' applikazzjoni FEG mis-settur tal-azzar, li tlieta minn dawn l-applikazzjonijiet kienu marbuta ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni(6) u waħda mal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali(7); iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprevjeni sensji ulterjuri f'dan is-settur billi tiżviluppa u timplimenta miżuri preventivi u simulattivi;
9. Jikkonstata li s-sensji fl-ArcelorMittal Liège S.A mistennija jkollhom impatti negattivi kbar fuq il-provinċja ta' Liège, provinċja li tiddependi ħafna fuq is-settur metallurġiku, fejn l-impatt tat-tnaqqis ta' ArcelorMittal huwa ħafna aktar importanti għaliex is-sehem tal-ArcelorMittal fil-qasam tal-impjiegi lokali huwa 78,9 % fis-settur tal-metall u 14,3 % fis-settur tal-manifattura;
10. Jikkonstata li l-pakkett koordinat tas-servizzi personalizzati li se jkun kofinanzjat ikopri tliet setturi prinċipali: riallokazzjoni, taħriġ, u taħriġ mill-ġdid u l-promozzjoni għall-imprenditorija; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li s-servizzi ta' taħriġ mill-ġdid jitwettqu skont il-ħtiġijiet attwali tas-suq tax-xogħol fir-reġjun ikkonċernat;
11. Huwa favur l-użu futur ta' dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-FEG biex jappoġġaw liż-żgħażagħ f'dan ir-reġjun li jinsabu barra mill-edukazzjoni impjieg jew taħriġ (NEETs);
12. Jilqa' l-fatt li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira u mas-sħab soċjali;
13. Jikkonstata li aktar minn nofs l-ispejjeż totali stmati jrid jintefaq fuq riallokazzjoni ta' dawn is-servizzi, fosthom miżuri ta' appoġġ, gwida u integrazzjoni; jikkonstata li dawn is-servizzi se jingħataw mill-FOREM (is-servizz pubbliku tal-impjiegi u tat-taħriġ tar-Reġjun tal-Vallonja), li jaġixxi bħala entità intermedjarja fl-implimentazzjoni ta' din l-applikazzjoni;
14. Ifakkar fl-importanza li l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kollha titjieb permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat ikun adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda wkoll għall-ambjent kummerċjali reali;
15. Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, id-disinn tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet rikjesti u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi u li tkun sostenibbli;
16. Jisħaq li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg dewwiemi u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG m'għandhiex tissostitwixxi la azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont id-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;
17. Jikkonstata li l-miżuri li huma obbligatorji skont il-proċeduri ta' sensji kollettivi fil-Belġju u li huma implimentati bħala parti mill-attivitajiet standard tal-Unitajiet ta' Riallokazzjoni (eż. l-appoġġ għar-rikollokament, it-taħriġ, l-għajnuna għat-tiftix tax-xogħol, u konsulenza dwar il-karriera, eċċ.) mhumiex inklużi f'din l-applikazzjoni FEG;
18. Jilqa' l-fatt li appoġġ finanzjarju mill-Fond Soċjali Ewropew ingħata fil-passat għal proġett (EnTrain – En Transition-Reconversion-Accompagnement) li kellu l-għan li jiżviluppa metodi pedagoġiċi għall-Unitajiet ta' Riallokazzjoni b'mod ġenerali u li l-konklużjonijiet ta' dan il-proġett x'aktarx huma utli għall-implimentazzjoni tal-miżuri ppjanati;
19. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u jagħmel l-arranġamenti għall-publikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.