Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2021(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0033/2015

Testi mressqa :

A8-0033/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2015 - 10.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0045

Testi adottati
PDF 398kWORD 73k
It-Tlieta, 10 ta' Marzu 2015 - Strasburgu
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni - applikazzjoni EGF/2014/011 BE/Caterpillar - Belġju
P8_TA(2015)0045A8-0033/2015
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2014/011 BE/Caterpillar, ippreżentata mill-Belġju) (COM(2014)0735 – C8-0015/2015 – 2015/2021(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0735 – C8-0015/2015),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu stipulata fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0033/2015),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw irwieħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara ġie kkunsidrat kif dovut il-FII tat-2 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jerġa' jiġi introdott il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex l-effiċjenza tat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill tikber billi ż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni jitqassar, biex l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli jitwessgħu bl-introduzzjoni tal-persuni li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.  billi l-Belġju ressaq l-applikazzjoni EGF/2014/011 BE/Caterpillar għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 1 030 sensja f'Caterpillar Belgium S.A., kumpanija li topera fin-NACE 2 Diviżjoni 28 'Il-manifattura ta' makkinarju u tgħamir n.e.c', b'630 persuna mistennija jipparteċipaw fil-miżuri, matul u wara l-perjodu ta' referenza mill-1 ta' Jannar 2014 sat-30 ta' April 2014, marbuta ma' tnaqqis fid-domanda fl-Ewropa;

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti fir-Regolament dwar il-FEG;

1.  Jinnota li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati u li, għalhekk, jaqbel mal-Kummissjoni li l-Belġju huwa intitolat għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fit-22 ta' Lulju 2014, issupplimentawha b'informazzjoni addizzjonali sas-16 ta' Settembru 2014, u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fid-9 ta' Diċembru 2014;

3.  Jinnota li l-baġit totali huwa ta' EUR 2 038 090, li minnhom EUR 73 378 huma ddedikati għall-implimentazzjoni, u li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG tammonta għal EUR 1 222 854, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali tal-miżuri proposti;

4.  Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Belġjani ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fl-1 ta' April 2014, ferm qabel id-deċiżjoni u saħansitra l-applikazzjoni dwar l-għoti tal-appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost; jinnota li dawn is-servizzi personalizzati diġà offruti se jkunu eliġibbli għal finanzjament mill-FEG;

5.  Iqis li s-sensji f’Caterpillar Belgium S.A. huma marbuta ma’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni, fejn il-manifattura fl-Asja u l-importazzjoni fl-Ewropa saret irħas għall-kumpanija mill-produzzjoni fl-Ewropa għal suq li sejjer lura; jinnota li s-sit ta’ produzzjoni Gosselies sofra minn effetti negattivi 'l fuq u 'l isfel fil-katina, f'sitwazzjoni fejn il-prodotti tal-azzar u tal-metall fl-Ewropa intlaqtu minn kompetizzjoni minn ekonomiji emerġenti, u l-kriżi tal-2009 dgħajfet is-setturi tal-kostruzzjoni u tal-minjieri Ewropej, li huma l-aktar klijenti importanti ta' Caterpillar;

6.  Jinnota li d-domanda għal makkinarju tal-kostruzzjoni sofriet minħabba tnaqqis fl-investiment privat u pubbliku fl-infrastruttura, ikkawżat mill-prestazzjoni fqira tal-ekonomija globali;

7.  Jinnota li din hija t-tnax-il applikazzjoni tal-FEG mis-settur 'Il-manifattura ta' makkinarju u tagħmir n.e.c.', bl-applikazzjonijiet preċedenti mqassmin indaqs bejn il-kriterji tal-kummerċ u tal-kriżi ekonomika;

8.  Jiddispjaċih li ħafna mill-persuni qiegħda fir-reġjun ta' Charleroi għandhom ħiliet baxxi (59 % ma għandhomx edukazzjoni sekondarja ogħla) u li 43 % ilhom qiegħda għal aktar minn sentejn; jiddispjaċih li r-rata ta’ impjieg f’Charleroi, 52,26 %, hija fost l-aktar baxxi fir-reġjun tal-Vallonja; jilqa’ l-fatt, għalhekk, li l-awtoritajiet iddeċidew li japplikaw għal finanzjament mill-FEG sabiex jgħinu lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja;

9.  Jinnota li s-sensji f'Caterpillar mistennija jkollhom impatti negattivi enormi fir-reġjun ta’ Charleroi, li qed jiffaċċja sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol diffiċli ħafna minħabba d-dipendenza żejda tiegħu fuq l-impjiegi industrijali tradizzjonali u n-nuqqas ta’ industriji ġodda; jirrimarka li l-livell baxx ta' kwalifiki tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja tagħmilhielhom diffiċli jsibu impjieg ġdid f’kuntest ekonomiku negattiv; jirrakkomanda li l-Kummissjoni twettaq stħarriġ biex tidentifika stejjer ta’ suċċess intraprenditorjali fiż-żona u tgħin lill-persuni li ngħataw is-sensja b’ideat ta’ proġetti ispirati mill-aqwa każijiet;

10.  Jinnota li 18 % tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja fil-mira u li mistennija jipparteċipaw fil-miżuri huma mhedda b’esklużjoni mis-suq tax-xogħol peress li huma fil-grupp ta’ età bejn 55 u 64 sena;

11.  Jinnota li l-pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati li għandhom jiġu kofinanzjati jkopri tliet oqsma prinċipali: ir-riallokazzjoni, it-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid u l-promozzjoni tal-intraprenditorija;

12.  Jinnota li aktar minn nofs l-ispejjeż totali stmati għandhom jintefqu fuq servizzi ta' riallokazzjoni, jiġifieri miżuri ta' appoġġ, gwida u integrazzjoni; jinnota li dawn is-servizzi se jiġi pprovduti minn FOREM (is-servizz pubbliku għall-impjiegi u t-taħriġ tar-Reġjun tal-Vallonja), li jaġixxi bħala entità intermedjarja fl-implimentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni;

13.  Jilqa’ l-fatt li l-pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati tfassal b’konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira u s-sħab soċjali, fil-qies tal-potenzjal taż-żona u l-ambjent tan-negozju;

14.  Ifakkar fl-importanza li l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kollha tittejjeb permezz ta ' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda wkoll għall-ambjent kummerċjali reali;

15.  Huwa favur li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-FEG jintużaw fil-ġejjieni biex jappoġġjaw liż-żgħażagħ li ma jkunux f’impjieg, fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ (NEETs) f’dan ir-reġjun;

16.  Ifakkar li, b'konformità mal-Artikolu  7 tar-Regolament tal-FEG, id-disinn tal-pakkett koordinat tas-servizzi personalizzati għandu jantiċipa perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

17.  Jenfasizza li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg sostenibbli u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG ma għandha tissostitwixxi la l-azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

18.  Jilqa’ l-fatt li fl-imgħoddi ngħata appoġġ finanzjarju mill-Fond Soċjali Ewropew għal proġett (EN Train — En Transition-Reconversion-Accompagnement) li kellu l-għan li jiżviluppa metodi pedagoġiċi għall-Unitajiet ta’ Riallokazzjoni b’mod ġenerali, u li s-sejbiet ta’ dan il-proġett x’aktarx li jkunu utli fl-implimentazzjoni tal-miżuri ppjanati;

19.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jagħmel l-arranġamenti għall-publikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni EGF/2014/011 BE/Caterpillar, ippreżentata mill-Belġju)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2015/471.)

Avviż legali - Politika tal-privatezza