Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2015 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (COM(2013)0462 – C7-0209/2013 – 2013/0214(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0462),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0209/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-16 ta’ Ottubru 2013(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-30 ta' Jannar 2014(2),
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-10 ta' Diċembru 2014, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 u l-Artikolu 61(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A7‑0211/2014),
– wara li kkunsidra l-emendi li adotta fis-seduta tiegħu tas-17 ta' April 2014(3),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-18 ta’ Settembru 2014 dwar ħidma mhux mitmuma mis-seba' leġiżlatura,
– wara li kkunsidra r-rapport supplimentari tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0021/2015),
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-10 ta' Marzu 2015 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2015 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fondi ta’ investiment ewropej fuq terminu twil