Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2015 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta' pagament ibbażati fuq kard (COM(2013)0550 – C7-0241/2013 – 2013/0265(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0550),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0241/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-5 ta' Frar 2014(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta’ Diċembru 2013(2),
– wara li kkunsidra l-impenn mogħti mir-rappreżentant tal-Kunsill b'ittra tal-21 ta' Jannar 2015 biex japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294 (4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 61(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0167/2014),
– wara li kkunsidra l-emendi li adotta waqt is-seduta plenarja tat-3 ta' April 2014(3),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-18 ta' Settembru 2014 dwar ħidma mhux mitmuma mis-seba' leġiżlatura parlamentari,
– wara li kkunsidra r-rapport supplimentari tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0022/2015),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-10 ta' Marzu 2015 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2015 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta' ħlas permezz ta' kard