Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE (2014/2158(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2014 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni għall-2013 (COM(2014)0249) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah (SWD(2014)0148),
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 101-109 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 169/2009 tas-26 ta' Frar 2009 li japplika r-regoli tal-kompetizzjoni għat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni(2),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea(3),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Lulju 2013 dwar il-kwantifikazzjoni tal-ħsara fl-azzjonijiet għad-danni bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea(4),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-4 ta' Frar 2011 bit-titolu "Konsultazzjoni pubblika: Lejn Approċċ Ewropew Koerenti għal Rimedju Kollettiv" (SEC(2011)0173),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2013 bit-titolu "Lejn Qafas Orizzontali Ewropew għal Rimedju Kollettiv" (COM(2013)0401),
– wara li kkunsidra rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/396/UE tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar prinċipji komuni għall-mekkaniżmi tar-rimedju kollettiv inġuntiv u kompensatorju fl-Istati Membri fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet mogħtija skont il-Liġi tal-Unjoni(5),
– wara li kkunsidra l-istudju ppubblikat f'Ġunju 2012 mid-Dipartiment Tematiku tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni bl-isem "Collective redress in Antitrust" (Rimedju Kollettiv fl-Antitrust),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2013 ippubblikata skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Kawża AT.39740 – Google(6),
– wara li kkunsidra l-impenji offruti lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Kawża COMP/39.398 – Visa MIF,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi(7) (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet),
– wara li kkunsidra l-konsultazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Marzu 2013 dwar kontroll tal-UE fuq il-fużjoni – abbozz rivedut ta' proċedura simplifikata u regolament ta' implimentazzjoni dwar il-fużjoni,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Ottubru 2008 dwar l-applikazzjoni ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti (8) (il-Komunikazzjoni Bankarja),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2008 bit-titolu "Ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja preżenti: limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u protezzjoni kontra distorsjonijiet ta' kompetizzjoni mhux mistħoqqa(9) (il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Frar 2009 dwar it-Trattament ta' Assi indeboliti fis-Settur Bankarju tal-Komunità(10) (il-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2009 fuq ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni ta' miżuri ta' ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat(11) (il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Diċembru 2008 dwar qafas temporanju [Komunitarju] għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali(12) (il-Qafas Temporanju oriġinali),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Diċembru 2010 bit-titolu "Qafas temporanju tal-Unjoni għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali"(13) (il-Qafas Temporanju ġdid li jissostitwixxi dak li spiċċa fil-31 ta' Diċembru 2010),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta' Awwissu 2013, tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat għall-appoġġ ta' miżuri favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja(14) (il-Komunikazzjoni Bankarja),
– wara li kkunsidra d-dokument dwar kwistjonijiet mill-Kummissjoni għall-attenzjoni tal-KEF dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għar-ristrutturar tal-banek,
– wara li kkunsidra l-istudju ta' Ġunju 2011 mid-Dipartiment Tematiku tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni bit-titolu "State aid – Crisis rules for the financial sector and the real economy" ("Għajnuna mill-Istat – Regoli dwar il-kriżi għas-settur finanzjarju u l-ekonomija reali"),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornituri ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali(15),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE tal-20 ta' Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta' kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati mill-ġestjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali(16),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' kumpens ta' servizz pubbliku (2011)"(17),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 tal-25 ta' April 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna de minimis mogħtija lil intrapriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali(18),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar ir-Riforma tar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali(19),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-9 ta' Frar 2012 bit-titolu "Il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM)" (COM(2012)0209),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat(20),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-30 ta' Lulju 2012 għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċerti kategoriji ta' Għajnuna mill-Istat orizzontali u r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq (COM(2012) 0730),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-5 ta' Lulju 2012 għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 659/1999 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (COM(2012) 0725),
– wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuniet mill-Istat għall-impriżi ferrovjarji(21),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar il-politika reġjonali bħala parti minn skemi usa' ta' għajnuna mill-Istat(22),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(23) (minn issa 'l quddiem "il-Ftehim Qafas"), b'mod partikolari l-paragrafi 9, 12, 15 u 16 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-22 ta' Frar 2005 dwar ir-Rapport Nru XXXIII tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni – 2003(24), tal-4 ta' April 2006 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2004(25), tad-19 ta' Ġunju 2007 dwar ir-Rapport rigward il-Politika tal-Kompetizzjoni 2005(26), tal-10 ta' Marzu 2009 dwar ir-Rapporti dwar il-politika tal-kompetizzjoni għall-2006 u l-2007(27), tad-9 ta' Marzu 2010 dwar ir-Rapport dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2008(28), tal-20 ta' Jannar 2011 dwar ir-Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2009(29), tat-2 ta' Frar 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni(30), tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE(31) u tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE(32),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-20 ta' Ġunju 2013 bit-titolu "Towards more effective merger control" ("Lejn kontroll aktar effikaċi fuq il-fużjoni"),
– wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tad-9 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Towards more effective merger control" ("Lejn kontroll aktar effikaċi fuq il-fużjoni"),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2014 dwar ftehimiet ta' kooperazzjoni tal-UE dwar l-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni – it-triq 'il quddiem(33),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Novembru 2014 mill-Kummissarju għall-Kompetizzjoni, Margrethe Vestager, dwar l-investigazzjonijiet ta' għajnuna fiskali mill-Istat,
– wara li kkunsidra t-Tabella Diġitali tal-2014 tal-Kummissjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 52 u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0019/2015),
A. billi hemm xi setturi fi ħdan is-suq uniku li għadhom maqsuma minn fruntieri nazzjonali u minn ostakoli artifiċjali, u fl-istess ħin hemm prattiki inkwetanti bħad-dumping soċjali jew l-użu ħażin ta' fondi strutturali li jqajmu tħassib u li għandhom jiġu indirizzati wkoll fi ħdan il-qafas tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE; billi l-kompetizzjoni ma toperax b'mod ugwalment sodisfaċenti fl-Istati Membri kollha;
B. billi l-politika tal-kompetizzjoni hija, fiha nnifisha, għodda li tissalvagwarda d-demokrazija Ewropea, minħabba li timpedixxi l-konċentrazzjoni eċċessiva tal-poter ekonomiku u finanzjarju fi ftit idejn, ħaġa li tista' ddgħajjef il-kapaċità tal-awtoritajiet politiċi Ewropew li jieħdu azzjoni li tkun indipendenti mill-gruppi industrijali u bankarji kbar;
C. billi l-politika tal-kompetizzjoni bbażata fuq kundizzjonijiet ekwi fis-setturi kollha hija pedament tal-ekonomija tas-suq soċjali Ewropew, kif ukoll għodda essenzjali biex tiżgura l-funzjonament tajjeb ta' suq intern dinamiku, effiċjenti, sostenibbli u innovattiv, biex tmexxi t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, u biex tkun kompetittiva fix-xena globali; billi għalhekk il-kriżi ekonomika u finanzjarja m'għandhiex tkun pretest biex jiġi llaxkat l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni;
D. billi kull sena jiġi akkumulat telf ta' EUR 181-320 biljun – madwar 3 % tal-PDG tal-UE – minħabba l-eżistenza ta' kartelli;
E. billi l-ekwivalenti ta' EUR 1,6 triljun ingħata f'għajnuna mill-Istat lil banek fl-UE matul il-perjodu mill-2008 sa tmiem l-2011;
F. billi huwa stmat li l-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa u r-rifuġji fiskali qed jiswew lill-kontribwenti tal-UE s-somma ta' EUR 1 triljun kull sena fi dħul mitluf, distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq uniku bejn dawk il-kumpaniji li jħallsu t-taxxi u dawk li ma jħallsux;
G. billi ċ-ċittadini Ewropej iridu li jkollhom servizzi pubbliċi affordabbli u ta' kwalità għolja;
H. billi l-applikazzjoni stretta tal-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni hija primarjament ta' benefiċċju għall-konsumatur, filwaqt li n-nuqqas ta' kompetizzjoni twassal għal allokazzjoni żbaljata ta' riżorsi u għal produttività aktar baxxa;
I. billi f'termini ta' spejjeż tal-enerġija s-suq uniku Ewropew għandu prestazzjoni agħar minn dak tal-Istati Uniti, b'dispersjoni fil-prezzijiet ta' 31 % meta mqabbla ma' 22 % fl-Istati Uniti;
J. billi l-ħolqien ta' "passaport ta' amministrazzjoni tas-suq uniku" għandu jnaqqas id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni u l-frammentazzjoni tas-suq uniku, u jtejjeb il-potenzjal ta' tkabbir tal-ekonomija Ewropea;
K. billi l-iżvilupp b'suċċess tal-SMEs f'kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ħielsa huwa wieħed mill-aktar prekondizzjonijiet essenzjali għall-ħolqien tax-xogħol, it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u l-investiment; billi f'bosta Stati Membri l-SMEs, li jirrappreżentaw 98 % tal-impriżi tal-UE, qed ikunu affettwati minn kriżi finanzjarja serja;
L. billi l-moviment ħieles tal-merkanzija, tas-servizzi, tal-persuni u tal-kapital huwa essenzjali għat-tkabbir Ewropew; billi l-protezzjoniżmu jista' jillimita l-prospetti ta' tkabbir fuq terminu twil tal-industriji domestiċi;
M. billi t-tul ta' żmien ta' kartelli mhux skoperti jvarja bejn 6 sa 14-il sena minn meta jkunu bdew u billi dan jaffettwa l-ekonomija b'piż ogħla fuq il-klijenti u finalment fuq il-konsumaturi;
N. billi l-privattiva unitarja tal-UE hija pass 'il quddiem biex jitlesta s-suq uniku u billi l-Istati Membri kollha għandhom jipparteċipaw fiha;
O. billi l-pubblikazzjoni tal-hekk imsejħa dokumenti "LuxLeaks" mill-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi tiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li ssir investigazzjoni bir-reqqa u indipendenti tal-prattiki b'rabta ma' deċiżjonijiet dwar it-taxxa tal-Istati Membri u l-konformità tagħhom mar-regoli ta' kontroll dwar l-għajnuna mill-Istat tal-UE; billi l-indipendenza tad-DĠ Kompetizzjoni hija tal-ogħla importanza biex jinkisbu dan l-għan kif ukoll għanijiet oħra jinkisbu b'suċċess;
Kummenti ġenerali
1. Jilqa' l-fatt li d-dimensjoni ekonomika tal-UE fil-Trattati hija stabbilita bħala "ekonomija tas-suq miftuħa b'kompetizzjoni ħielsa"; jenfasizza li hi meħtieġa attenzjoni akbar biex tkun promossa l-kompetizzjoni sabiex jinkisbu l-għanijiet ambizzjużi dwar l-impjiegi, it-tkabbir, l-investimenti u l-kompetittività globali tal-ekonomija Ewropea, peress li hija kompetizzjoni sostenibbli u effikaċi li tmexxi l-investimenti u l-benefiċċji għall-utent aħħari u tixpruna lill-ekonomija; jenfasizza r-rwol essenzjali tal-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi li jħeġġu l-innovazzjoni, il-produttività, il-ħolqien tal-impjiegi u l-investiment mill-parteċipanti kollha fis-suq uniku u fil-mudelli kollha tan-negozju, inkluż l-SMEs, b'rispett sħiħ tad-differenzi nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni tinforza r-regoli dwar l-antitrust, l-għajnuna mill-Istat u l-kontroll tal-fużjonijiet sabiex jinkisbu suq intern li jiffunzjona tajjeb u progress soċjali;
2. Huwa tal-fehma li l-iżgurar ta' kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji fis-suq intern jiddependi wkoll mill-ġlieda kontra d-dumping soċjali u l-implimentazzjoni tad-dritt soċjali u ambjentali Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-impatti soċjali u tax-xogħol tal-interventi tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-istat, speċjalment f'dawk ir-reġjuni b'livelli għolja ta' qgħad, billi tintegra din l-analiżi fid-deċiżjonijiet tagħha;
3. Jenfasizza l-bżonn li jittieħdu miżuri xierqa fil-qasam tal-kompetizzjoni u tat-tassazzjoni bħala għajnuna biex il-gruppi industrijali u l-SMEs Ewropej ikunu jistgħu jiffaċċjaw il-globalizzazzjoni;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika żbilanċi possibbli bejn l-Istati Membri li jistgħu joħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, kif ukoll tidentifika l-kawżi u l-impatt ekonomiku tagħhom;
5. Jenfasizza li l-politika tal-kompetizzjoni għandha rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-approċċ olistiku lejn is-suq uniku li għandu l-għan li jindirizza l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta b'mod effikaċi l-ħtiġijiet taċ-ċittadini, tal-konsumaturi u tal-SMEs billi tqiegħed it-tħassib tagħhom fil-qofol tal-proċess deċiżjonali sabiex il-politiki proposti tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu jipprovdu valur miżjud għaċ-ċittadini Ewropej;
6. Itenni li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-allokazzjoni mill-ġdid ta' riżorsi minn linji baġitarji skaduti jew sottoutilizzati lid-DĠ Kompetizzjoni; jirrimarka li l-Kummissjoni trid tingħata r-riżorsi xierqa ta' persunal biex iżżid u tapprofondixxi b'mod sinifikattiv l-investigazzjonijiet tagħha dwar l-għajnuna fiskali mill-Istat bħad-deċiżjonijiet dwar it-taxxa u l-evitar tat-taxxa biex tagħti lill-politika tal-kompetizzjoni pożizzjoni proattiva suffiċjenti; jemmen li l-Kummissjoni jeħtieġ ikollha wkoll riżorsi legali profiċjenti biex tkompli tidentifika lakuni li sirna konxji minnhom permezz tar-rivelazzjoni tal-iskemi tat-taxxa mmirati li kienu fil-prattika f'diversi Stati Membri; jirrakkomanda, b'mod partikolari, it-tisħiħ tal-unità tal-għajnuna fiskali mill-Istat tad-DĠ Kompetizzjoni, fid-dawl tar-rivelazzjonijiet LuxLeaks;
7. Jistenna l-iżvelar imminenti tal-eżerċizzju ta' rendikont tal-Kummissjoni wara għaxar snin mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-liġi tal-kompetizzjoni u jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-Parlament Ewropew fl-inizjattivi kollha segwenti; jistieden lill-Kummissjoni tadotta miżuri xierqa biex tallinja r-Regolament mas-sitwazzjoni legali ġodda, b'mod partikolari b'konsegwenza tal-adozzjoni tad-Direttiva dwar Azzjonijiet għad-Danni;
8. Ifakkar lill-Kummissjoni li l-kwistjoni tal-indipendenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali għandha tiġi ssorveljata mill-qrib;
9. Jinsisti fuq il-fatt li l-istrumenti tal-politika tal-kompetizzjoni m'għandhomx jintużaw ħażin b'mod li jippermettu l-implimentazzjoni ta' miżuri fiskali; jinkoraġġixxi l-Kummissjoni biex tesprimi b'mod ċar it-tħassib tagħha fil-qasam tat-tassazzjoni;
10. Jemmen li l-prinċipji bażiċi u l-linji gwida ewlenin tal-politika tal-kompetizzjoni fil-futur għandhom ikunu mfasslin u adottati b'kooperazzjoni iktar mill-qrib mal-Parlament, sabiex tiżdied il-leġittimità demokratika tal-awtorità tal-kompetizzjoni;
11. Jikkondividi l-approċċ komuni segwit fil-proċess ta' modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, bl-għan li tiġi promossa aktar effikaċja fin-nefqa pubblika f'kuntest ta' marġini baġitarji limitati, b'mod speċjali fl-Istati Membri li ntlaqtu bl-agħar mod mill-kriżi;
12. Jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni effiċjenti tal-politika tal-kompetizzjoni teħtieġ interpretazzjoni ġudizzjarja koerenti u konsistenti;
13. Jinnota li l-Kummissjoni Ewropea qed tiddependi dejjem iżjed minn deċiżjonijiet ta' impenn; jemmen, madankollu, li huma meħtieġa aktar trasparenza dwar is-sustanza tal-allegazzjonijiet u t-twaqqif ta' numru ogħla ta' preċedenti legali; iqis li b'mod partikolari dan japplika għal każijiet li jindirizzaw kwistjonijiet ta' antitrust f'oqsma ġodda, bħas-swieq għall-prodotti diġitali, li fihom il-kumpaniji jistgħu jsibuha diffiċli biex jivvalutaw jekk imġiba partikolari tikkostitwixxix ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni;
14. Jemmen li sabiex tiġi żgurata aktar trasparenza u jittaffew uħud mill-iżvantaġġi tad-deċiżjonijiet ta' impenn, filwaqt li jinżammu l-benefiċċji ewlenin tagħhom, id-dettall sħiħ tal-oġġezzjonijiet indirizzati mill-Kummissjoni lill-konvenuti għandu jiġi ppubblikat;
Għajnuna mill-Istat u Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali (SIEĠ)
15. Jinnota li s-SIEĠ jirrappreżentaw sehem sinifikanti mill-forniment totali tas-servizzi fl-Istati Membri, u jsostni li l-forniment aktar effiċjenti tagħhom (meta mqabbel ma' servizzi oħrajn) jista' jwassal għal kisbiet sinifikanti; jafferma mill-ġdid l-importanza tad-denominazzjoni tas-SIEĠ għas-servizzi aċċessibbli universalment li huma ta' sinifikat vitali għaċ-ċittadini Ewropej, mill-kura tas-saħħa għas-sigurtà soċjali għall-provvista tal-akkomodazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin jenfasizza r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tiżgura li l-kumpens mogħti lis-SIEĠ ikun kompatibbli mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat;
16. Itenni li l-Fondi Strutturali tal-UE ma jistgħux jintużaw b'mod li direttament jew indirettament jappoġġaw ir-rilokazzjoni ta' servizzi jew tal-produzzjoni lejn Stati Membri oħra;
17. Jemmen li għandha ssir aktar investigazzjoni fil-klabbs sportivi (partikolarment fil-klabbs tal-futbol) li għandhom jagħtu somom ta' miljuni lill-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali, somom li għadhom ma ħallsux jew li ma ġewx reklamati mill-gvern, peress li de facto dan jista' jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat;
18. Jenfasizza l-importanza li jiġu vvalutati l-effetti kumulattivi tat-tassazzjoni fuq l-impriżi u tal-għajnuna mill-istat;
Antitrust u kartelli
19. Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja bir-reqqa l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva mill-Istati Membri u tiżgura l-applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tagħha fl-Unjoni kollha;
20. Itenni t-tħassib tiegħu li l-użu ta' multi bħala l-unika sanzjoni disponibbli tista' ma tkunx effikaċi biżżejjed; jerġa' jitlob li jiġu żviluppati strumenti aktar sofistikati li jżidu l-effikaċja tas-sistema ta' penalitajiet; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tqis reviżjoni ġenerali tal-Linji Gwida dwar il-Multi tagħha tal-2006 u jitlob li dawk il-linji gwida jkunu integrati fir-Regolament (KE) Nru 1/2003; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltà li tikkomplementa l-multi lill-kartelli b'sanzjonijiet individwali bħall-multi individwali u l-iskwalifika ta' diretturi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kumpaniji li jiksru l-liġi ma jsofrux konsegwenzi negattivi lil hinn minn azzjoni ta' rimedju proporzjonata għall-ksur li jkun sar;
21. Jitlob lill-Kummissjoni toħloq task forces speċjali trans-DĠ maħsuba biex jimmonitorjaw is-setturi li fihom il-karatteristiċi strutturali (bħal ostakoli kbar għad-dħul jew spejjeż għoljin biex jibdlu l-klijenti) jagħmlu l-ksur tal-antitrust aktar probabbli;
22. Jistieden lill-Kummissjoni tgħin biex jitwaqqaf mekkaniżmu istituzzjonali li jiżgura li kull darba li awtorità nazzjonali tieħu deċiżjoni tal-antitrust, isir kontroll ta' segwitu awtomatiku fejn il-Kummissjoni teżamina jekk kwistjonijiet simili jaffettwawx is-swieq ġeografiċi differenti fl-Ewropa kolllha fejn il-kumpaniji sanzjonati huma wkoll attivi;
23. Jappoġġa l-kooperazzjoni li għaddejja fin-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK) li tippermetti koerenza fl-UE kollha fil-qasam tal-infurzar pubbliku tar-regoli tal-kompetizzjoni u jħeġġeġ l-iżvilupp ulterjuri tagħha;
24. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi proċeduri ċari dwar l-iskedi u l-iskadenzi sabiex jitħaffef il-proċess tal-investigazzjoni u jiġu evitati estensjonijiet mhux ġustifikati; jitlob drittijiet formali għall-vittmi u l-partijiet kollha involuti f'każijiet ta' antitrust u ta' kartelli, b'enfasi xierqa fuq il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza;
25. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni legali u ekonomika komprensiva ta' każijiet ta' antitrust u ta' kartelli, partikolarment fis-swieq li jinbidlu malajr, sabiex ikun hemm fehim ċar tal-istruttura tas-suq u tat-tendenzi tas-suq u jistedinha tieħu miżuri xierqa li jipproteġu l-konsumaturi;
26. Jinnota li l-politika tal-kompetizzjoni għandha tkun iffukata b'mod partikolari fuq il-ħarsien tal-konsumaturi, it-titjib tal-benessri tal-konsumatur, it-tħeġġiġ tal-innovazzjoni u l-istimular tat-tkabbir ekonomiku;
27. Jappella, f'dan ir-rigward, biex ikunu indikati l-kundizzjonijiet li taħthom il-kumpaniji prinċipali, li jeżerċitaw ċerta influwenza fuq il-kumpaniji sussidjarji tagħhom, iżda li mhumiex involuti direttament fi ksur tal-liġi, jinżammu responsabbli in solidum għal ksur tal-antitrust min-naħa tal-kumpaniji sussidjarji tagħhom;
28. Itenni, fir-rigward tar-reċidiva, it-talba li tiġi stabbilita relazzjoni ċara bejn il-ksur tal-liġi li jkunu qed jiġi investigat minn naħa waħda u l-ksur tal-liġi mwettaq fil-passat mill-kumpanija kkonċernata min-naħa l-oħra;
29. Jirrikonoxxi li l-għadd ta' applikazzjonijiet għal tnaqqis ta' multi minħabba n-nuqqas ta' likwidità żdied, b'mod partikolari għal impriżi ta' "monoprodotti" u SMEs; itenni l-ħtieġa li l-linji gwida dwar il-multi jiġu adattati fir-rigward ta' impriżi ta' "monoprodotti" u SMEs;
30. Jemmen li d-dominanza fis-suq permezz tat-tkabbir, l-innovazzjoni u s-suċċess bħala tali mhijiex problema għall-kompetizzjoni; madankollu jikkunsidra l-abbuż ta' pożizzjoni dominanti fis-suq bħala problema serja għall-kompetizzjoni; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex iżżomm l-indipendenza u l-oġġettività fil-proċeduri relatati mal-kompetizzjoni;
31. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta b'determinazzjoni t-tħassib identifikat kollu fl-investigazzjonijiet attwali dwar l-antitrust u tadotta l-miżuri neċessarji kollha sabiex ittemm il-prattiki dannużi u tistabbilixxi mill-ġdid il-kompetizzjoni ġusta;
Kontroll tal-fużjonijiet
32. Jaqbel li l-kontroll effikaċi tal-fużjonijiet huwa strument importanti għall-infurzar tal-kompetizzjoni peress li jikkontribwixxi għaż-żamma ta' pressjoni kompetittiva fuq il-parteċipanti fis-suq;
33. Jistieden lill-Kummissjoni toqgħod attenta għal dawk il-każijiet fejn eżatt wara li sseħħ il-fużjoni, il-prezzijiet għall-konsumatur jogħlew jew ikun hemm tnaqqis rilevanti fil-kwalità tal-prodott;
34. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2013 dwar is-simplifikazzjoni tal-fużjoni u l-proposti ppreżentati fl-aħħar White Paper(34)tagħha, iżda jitlob li jitfasslu definizzjonijiet aktar ċari dwar il-kunċetti tas-sehem tas-suq u tal-poter fis-suq, jew id-definizzjoni tas-suq;
35. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi eżaminat jekk il-prassi eżistenti tal-kontroll tal-fużjoni tiħux kont tal-internazzjonalizzazzjoni tas-swieq, b'mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni spazjali tas-swieq; jemmen li l-Kummissjoni għandha tieħu kont tar-riżultati ta' tali skrutinju fil-kuntest tar-reviżjoni tar-regoli dwar il-kontroll tal-fużjonijiet;
36. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina bir-reqqa jekk fil-fatt hemmx lakuni regolatorji fir-rigward tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-eżami tal-ishma minoritarji li ma jikkontrollawx;
Żviluppi settorjali
L-enerġija u l-ambjent
37. Jenfasizza l-importanza tal-affordabbiltà, is-sostenibbiltà u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija għall-ekonomija Ewropea u l-kompetittività tagħha; iqis li l-politika tal-kompetizzjoni trid tikkunsidra dan it-triangolu ta' objettivi meta tindirizza l-frammentazzjoni attwali tas-suq, meta tiżgura l-implimentazzjoni korretta u f'waqtha tat-tielet pakkett tal-liberalizzazzjoni għall-gass u l-elettriku, meta tħeġġeġ is-separazzjoni ta' servizzi bl-ingrossa minn servizzi bl-imnut sabiex timpedixxi prattiki antikompetittivi, u meta tagħti kontribut għal provvista tal-enerġija affordabbli għall-konsumaturi u l-impriżi; jirrikonoxxi li l-"Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Ħarsien Ambjentali u l-Enerġija" l-ġodda tal-Kummissjoni jistgħu jirrestrinġu l-isforzi ta' wħud mill-Istati Membri biex jippromwovu l-enerġija rinnovabbli; jenfasizza li r-regolament dwar l-għajnuna mill-Istat għal sorsi ta' enerġija sostenibbli jridu, sal-akbar limitu possibbli, isiru fl-istess spirtu bħal kwalunkwe settur ieħor, filwaqt li jitqiesu l-miri tal-UE għall-2030 fil-qasam tal-klima u l-enerġija kif ukoll id-differenzi nazzjonali;
38. Jenfasizza l-importanza li jiġu evitati prattiki monopolistiċi sabiex jinkiseb suq tal-enerġija Ewropew kompletament ġust u kompetittiv; jitlob, f'dan ir-rigward, għall-eliminazzjoni tal-fornituri monopolistiċi u l-prattiki diskriminatorji fuq l-utenti; iqis li s-suq Ewropew tal-gass għandu jevolvi lejn Unjoni ta' Enerġija bi prezzijiet ekwi u stabbli billi tittejjeb id-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' enerġija tiegħu u jissaħħaħ l-aċċess għall-infrastrutturi strateġiċi;
39. Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga u tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li l-interkonnetturi eżistenti tal-elettriku jsiru kompletament disponibbli għas-suq tal-enerġija mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni (TSOs) sabiex tittejjeb il-funzjoni tas-suq intern tal-elettriku u sabiex jiġi appoġġat it-twettiq tal-miri tal-UE għall-2030 fil-qasam tal-klima u l-enerġija bi prezz soċjoekonomiku l-aktar baxx possibbli fil-livell tal-Unjoni;
40. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi rappurtar tar-riżervi ta' fjuwils fossili u l-emissjonijiet tas-CO2 potenzjali minn kumpaniji elenkati u dawk li japplikaw għall-elenkar fi ħdan is-suq uniku, kif ukoll tagħmel rappurtar ambjentali korrett u affidabbli b'mod globali u tippubblika l-livelli tar-riżervi u tal-emissjonijiet li jużaw il-linji gwida xierqa tal-kontabilità għaliex dan hu essenzjali biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fis-suq ta' investiment sostenibbli;
41. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina sa liema punt il-konċentrazzjoni ta' fornituri tal-materja prima kritika tista' toħloq kundizzjonijiet mhux ekwi, tkun ta' ħsara għall-attività ta' setturi klijenti u ma tkunx favur ekonomija aktar ekoeffiċjenti; iqis li xi wħud minn dawn il-materjali huma ta' importanza kbira għall-użu ta' teknoloġiji ekoeffiċjenti u ta' innovazzjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-miri ambjentali;
42. Itenni li l-politika tal-kompetizzjoni għandha tikkontribwixxi biex tippromwovi t-trasparenza, standards miftuħa u l-interoperabbiltà biex jiġi evitat li jkun hemm irbit teknoloġiku tal-konsumaturi u tal-klijenti ma' kwalunkwe parteċipant tas-suq fis-settur tal-enerġija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-livell ta' kompetizzjoni billi l-ikbar tliet parteċipanti għadhom jirrappreżentaw madwar 75 % tas-suq tal-elettriku u 'l fuq minn 60 % tas-suq tal-gass minkejja l-ftuħ progressiv tas-swieq f'nofs is-snin disgħin; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura kompetizzjoni xierqa fis-suq tal-enerġija sabiex jitjiebu l-appoġġ mill-Istat għall-innovazzjoni u l-aċċess għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli;
43. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-regolamenti u d-direttivi dwar l-enerġija jkunu trasposti u applikati b'mod tajjeb fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kummissjoni tkun partikolarment viġilanti fuq il-prezzijiet meta jaqbżu l-medja tal-UE, peress li l-prezzijiet għolja jxekklu l-kompetizzjoni u jkunu ta' dannu għall-konsumaturi;
It-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) u l-midja
44. Jemmen li s-Suq Uniku Diġitali jrid jinżamm fil-qalba tal-isforzi tal-UE biex jinkisbu riżultati fl-għanijiet tal-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment; jirrikonoxxi r-rwol tal-politika tal-kompetizzjoni fit-twettiq ta' Suq Uniku Diġitali; jemmen li l-qafas leġiżlattiv tal-UE jeħtieġ li jkun aġġustat malajr għall-iżviluppi tas-suq; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-kapaċità tal-istrumenti relatati mal-liġi dwar il-kompetizzjoni li jilħqu d-domanda tal-era diġitali; jemmen li l-prijoritajiet stabbiliti fir-Rapport "Priorities towards a Digital Single Market in the Baltic Sea Region" ("Prijoritajiet għal Suq Uniku Diġitali fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku") jistgħu jsiru ambizzjonijiet għall-UE kollha;
45. Jilqa' l-fatt li l-Kummissarju għall-Kompetizzjoni ħabbret investigazzjonijiet ulterjuri mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-prattiki antikompetittivi ta' Google fis-settur mobbli u fis-suq diġitali b'mod ġenerali; jiddispjaċih li, minkejja erba' snin ta' investigazzjoni u tliet settijiet ta' proposti ta' impenn, il-Kummissjoni ma waslet għal ebda riżultat li jindirizza t-tħassib ewlieni tal-kompetizzjoni fil-kawża ta' antitrust tagħha kontra Google, i.e. it-trattament preferenzjali minn Google fir-rigward tas-servizzi tiegħu huwa u juri r-riżultati tat-talbiet għal tiftix; jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni ssolvi b'mod urġenti l-każ ta' Google sabiex tiżgura kundizzjonijiet ekwi jekk l-istrateġija tagħha tal-Aġenda Diġitali trid tibqa' kredibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġixxi b'mod deċiżiv fuq it-tħassib kollu li ġie identifikat, tieħu miżuri sodi abbażi tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni kontra ksur tal-kompetizzjoni fi swieq diġitali dinamiċi u li jinbidlu malajr bħat-tiftix onlajn u s-swieq tar-reklamar, u ssib soluzzjoni fuq terminu twil għal struttura ta' tiftix fuq l-internet li tkun bilanċjata, ġusta u trasparenti;
46. Jitlob lill-Kummissjoni tiffoka fuq l-għodda ta' mobilizzazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni u tal-għarfien espert tas-suq sabiex dawn jikkontribwixxu, kif xieraq, għall-aġenda tal-impjiegi u t-tkabbir, inkluż fil-qasam tas-suq uniku diġitali; f'dan il-kuntest, jemmen li hu importanti li jibqa' jkun żviluppat approċċ ekonomiku u legali għall-valutazzjoni tal-kwistjonijiet tal-kompetizzjoni u li tkun żviluppata aktar is-sorveljanza tas-suq b'appoġġ għall-attivitajiet aktar wiesgħa tal-Kummissjoni;
47. Jenfasizza li, fil-ġenerazzjoni li jmiss tas-settur tal-broadband, il-monopolji ta' qabel għandhom sehem kbir ħafna ta' aktar minn 80 % fis-suq; ifakkar li kompetizzjoni effikaċi hija l-aqwa mutur għal investimenti effiċjenti u tipprovdi benefiċċji massimi għall-konsumaturi fir-rigward tal-għażla, il-prezz u l-kwalità; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li jkunu applikati b'mod xieraq regoli ex post u ex ante tal-kompetizzjoni tal-UE sabiex jiġu evitati konċentrazzjoni eċċessiva tas-suq u abbuż tad-dominanza, minħabba li l-pressjoni kompetittiva hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw kemm jista' jkun minn servizzi ta' kwalità għolja bi prezzijiet raġonevoli;
48. Jenfasizza li l-limitazzjoni tal-kompetizzjoni x'aktarx li ma twassalx għal aktar investimenti fil-broadband, anki f'żoni remoti, billi kopertura sħiħa ta' servizzi bażiċi ta' broadband inkisbet fl-Ewropa permezz ta' qafas regolatorju li jiżgura aċċess għal netwerks ta' operaturi dominanti;
49. Jemmen li l-investiment fl-infrastruttura tal-broadband tal-ġenerazzjoni li jmiss huwa ċar li għandu fil-mira l-kisba ta' ekonomija u ta' soċjetà diġitali, iżda sabiex jiġu mmassimizzati l-investimenti, il-politiki tat-telekomunikazzjoni għandhom jippermettu lill-parteċipanti kollha li jagħmlu investimenti effiċjenti billi jipprovdulhom aċċess effikaċi għal assi ta' netwerks mhux duplikabbli u prodotti ta' aċċess għalll-ingrossa li jkunu tajbin biżżejjed;
50. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha u l-proposti ta' politika fuq analiżi bir-reqqa u imparzjali ta' settijiet tad-data korretti, rilevanti u indipendenti; jenfasizza b'mod partikolari d-dubji dwar il-korrettezza tad-data ppreżentata li tirrigwarda l-prestazzjoni mhux tant għolja tal-UE fil-broadband b'veloċità għolja inklużi l-veloċitajiet li jirċievu l-utenti finali, l-investimenti infrastrutturali u l-istat finanzjarju tas-settur fi tqabbil globali;
51. Ifakkar li n-newtralità tal-internet hija tal-ikbar importanza sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn is-servizzi tal-Internet u li l-kompetizzjoni tiġi ggarantita bis-sħiħ;
52. Jenfasizza li biex jiġu stimulati t-tkabbir u l-kompetittività u titrawwem il-fiduċja tal-konsumatur fis-settur diġitali, huwa essenzjali li tingħeleb il-frammentazzjoni tas-suq uniku diġitali, inkluż billi tiġi investigata n-natura tal-ostakli eżistenti għal setturi ewlenin ta' dak is-suq, li jiġi garantit internet miftuħ u li n-newtralità tal-internet titnaqqax fid-dritt tal-UE, sabiex jiġi żgurat li t-traffiku kollu tal-internet ikun trattat bl-istess mod, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza; huwa tal-fehma li l-istandards miftuħa u l-interoperabbiltà jikkontribwixxu għal kompetizzjoni ġusta; jenfasizza l-ħtieġa li l-politika tal-kompetizzjoni tkun tgħodd għall-ġejjieni u tkun tqis il-modi ġodda ta' bejgħ fuq l-internet;
53. Jenfasizza li l-isforzi biex titrawwem kompetizzjoni ħielsa u ġusta, inkluż permezz tal-iżvilupp tas-suq uniku diġitali, kif ukoll aspetti oħra tas-settur tas-servizzi, għandhom jaħdmu fl-interessi tal-konsumaturi u tal-SMEs; itenni li sforzi bħal dawn itejbu l-għażla għall-konsumaturi u jiżviluppaw ambjent li fih l-SMEs u l-mikrointrapriżi jistgħu jkunu aktar innovattivi u kreattivi; jemmen li azzjoni rapida mir-regolaturi u mill-awtoritajiet tal-infurzar fil-konfront ta' prattiki qarrieqa u inġusti hija essenzjali fl-implimentazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni;
Il-konsum kollaborattiv
54. Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza kif se takkomoda t-tkabbir tal-konsum kollaborattiv fil-leġiżlazzjoni Ewropea; jemmen li dan l-adattament hu meħtieġ sabiex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi li jiżguraw kompetizzjoni ġusta fost il-parteċipanti kollha involuti;
55. Jemmen li l-kumpaniji relatati mal-hekk imsejjaħ konsum kollaborattiv jeħtiġilhom iħallsu t-taxxi u jikkonformaw mar-regolamenti bl-istess mod bħal negozji tradizzjonali, għax jekk ma jsirx hekk mhux biss ikun hemm distorsjoni fil-kompetizzjoni, iżda wkoll ikun hemm konsegwenzi fiskali negattivi għall-finanzi tal-Istati Membri;
56. Jenfasizza li huma partikolarment importanti skrutinju effikaċi tal-imġiba ta' kumpaniji dominanti kif ukoll reazzjoni rapida f'każ ta' abbużi, peress li prattiki illegali jistgħu jikkawżaw il-ħruġ kmieni mis-suq ta' kompetituri żgħar u innovattivi;
57. Jinnota li n-nuqqas ta' regolamentazzjoni fil-konsum kollaborattiv jagħti lil xi kumpaniji vantaġġ inġust, filwaqt li fl-istess ħin inaqqas l-inċentivi għall-investiment f'dawn is-setturi kkonċernati;
L-akkwist pubbliku
58. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw f'waqthom ir-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, fosthom id-dispożizzjonijiet dwar il-kriterji marbuta mas-suġġett tal-kuntratt, inklużi l-karatteristiċi soċjali, ambjentali u innovattivi, u dwar l-amministrazzjoni elettronika, l-akkwist elettroniku u t-tqassim f'lottijiet, sabiex tingħata spinta lill-kompetizzjoni ġusta u tiġi żgurata l-aktar soluzzjoni ekonomikament vantaġġuża għall-awtoritajiet pubbliċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li dawn ir-regoli jiġu applikati bl-aħjar mod possibbli sabiex jiġu indirizzati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kkawżat mill-immanuvrar tal-offerti, mill-abbużi ta' pożizzjoni dominanti u mid-diskriminazzjoni u n-nuqqas ta' aċċess għall-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-azzjoni tagħha fi ħdan qafas globali billi torbot il-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni fl-Ewropa mal-promozzjoni tal-ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku barra mill-UE;
59. Jisħaq fuq l-importanza ta' gwida dettaljata u ċara mill-Kummissjoni għan-negozji, b'mod partikolari l-SMEs, u l-awtoritajiet pubbliċi biex tgħinhom jifhmu aħjar il-leġiżlazzjoni adottata reċentement dwar l-akkwist pubbliku u, b'mod partikolari, il-flessibbiltajiet ġodda li din toffri;
60. Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja sew iċ-ċentralizzazzjoni tal-akkwisti fis-swieq tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi sabiex tkun evitata konċentrazzjoni tal-kapaċità tal-akkwist u tal-kollużjoni, u jistedinha tippreserva l-opportunitajiet tal-aċċess għas-suq għall-SMEs skont is-"Small Business Act" għall-Ewropa;
61. Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tniedi proċeduri ta' akkwist pubbliku permezz tad-Direttorati Ġenerali u l-aġenziji tagħha, tagħti aktar kuntratti ta' valur baxx u kuntratti ta' 'l fuq minn EUR 193 000, minflok ma tuża kważi esklussivament kuntratti qafas, li jikkostitwixxu ostaklu għall-ftuħ tas-suq tal-akkwist pubbliku għall-SMEs Ewropej peress li minnhom jibbenefikaw biss il-kumpaniji l-kbar u l-konsorzji li jinsabu qrib iċ-ċentri ta' fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet;
Is-servizzi finanzjarji
62. Jitlob għar-raba' darba konsekuttiva li jintemm malajr ir-reġim tal-għajnuna mill-Istat għall-kriżijiet tas-settur bankarju; jirrikonoxxi li l-Komunikazzjoni Bankarja tal-Kummissjoni ta' Awwissu 2013 mhijiex suffiċjenti biex tipproteġi lill-kontribwenti Ewropej u biex tillimita l-ammont ta' għajnuna li l-banek jistgħu jirċievu; jenfasizza li l-għajnuna mill-Istat lis-sistema bankarja la żiedet il-kreditu u lanqas ġabet lura l-fiduċja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżomm għassa stretta fuq is-settur bankarju sabiex issaħħaħ il-kompetizzjoni fis-swieq bankarji Ewropej, biex b'hekk timmassimizza l-benefiċċji għaċ-ċittadini tal-Unjoni; jenfasizza l-ħtieġa li wieħed jerġa' lura għall-applikazzjoni tradizzjonali tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat minħabba li dan hu vijabbli għas-settur bankarju;
63. Jenfasizza l-kontribut tal-infurzar tal-kartelli lejn aktar trasparenza fis-settur tas-servizzi finanzjarji;
64. Iqis li huwa ta' dispjaċir li ma ttieħdet ebda azzjoni mill-Kummissjoni biex tindirizza l-abbużi kommessi fir-ristrutturar tal-banek privati, inklużi dawk li jaffettwaw depożitani żgħar u s-sidien żgħar ta' strumenti finanzjarji bħal ishma preferuti, li f'ħafna każijiet kienu ġew kummerċjalizzati mingħajr konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni tal-UE;
65. Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib is-settur finanzjarju biex ittejjeb il-kompetizzjoni u l-ħarsien tal-investituri u l-konsumaturi fis-suq bankarju u ta' investiment Ewropew; jinnota li l-konsolidazzjoni fis-settur bankarju żiedet is-sehem tas-suq ta' diversi istituzzjonijiet finanzjarji b'mod li issa dawn jeċċedu l-livelli ta' qabel il-kriżi, u li l-industrija ta' investiment finanzjarju kibret simultanjament mingħajr ebda gwadann għall-ekonomija reali fi ħdan l-Unjoni; jemmen li biex jinżamm suq uniku li jiffunzjona b'mod sħiħ, jinħtieġu kundizzjonijiet ekwi għall-parteċipanti fl-industrija finanzjarja u jridu jittieħdu miżuri biex jiġu evitati n-nuqqas ta' trasparenza u l-iżvilupp ta' kostruzzjonijiet bħal kartelli;
66. Jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat sa mill-bidu tal-kriżi bħala mekkaniżmu ta' ristrutturazzjoni u riżoluzzjoni għall-banek li jinsabu f'diffikultà;
67. Jemmen li l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat matul il-kriżi għandu jiffoka kemm fuq l-istabbilizzazzjoni tas-sistema tal-banek kif ukoll fuq l-indirizzar ta' segmentazzjoni inġusta tal-kundizzjonijiet ta' kreditu u d-diskriminazzjoni tal-SMEs fis-suq uniku;
68. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tqis il-possibbiltà li torbot l-għajnuna mill-Istat lill-banek mal-kundizzjonalità fuq il-kreditu għall-SMEs;
69. Jemmen li r-regolamenti bankarji għandhom iqisu li l-istituzzjonijiet iż-żgħar għandhom inqas riżorsi biex jiżguraw il-konformità tagħhom, u għalhekk, għandhom ikunu sempliċi kemm jista' jkun sabiex jiġi evitat li jinħolqu distorsjonijiet favur banek kbar.
70. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib dawk is-swieq fis-settur bankarju fejn il-konċentrazzjoni hija għolja jew qed tikber, b'mod partikolari bħala riżultat tar-ristrutturazzjoni b'reazzjoni għall-kriżi; ifakkar li s-swieq oligopolistiċi huma suxxettibbli partikolarment għal prattiki antikompetittivi; jibża' li din il-konċentrazzjoni finalment tista' tkun ta' dannu għall-konsumaturi;
71. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-banek, qabel ma jirċievu għajnuna mill-Istat, għandhom ibigħu l-ishma tagħhom f'kumpaniji oħra, u b'hekk inaqqsu l-piż fuq il-kontribwenti;
72. Jemmen li trid tingħata attenzjoni speċjali għall-frammentazzjoni fis-suq ta' ħlas elettroniku bil-kard, inklużi l-problemi ta' telf ta' servizz meta l-konsumatur jiċċaqlaq lejn Stat Membru ieħor;
73. Jilqa' s-sentenza tal-QtĠ-UE tal-11 ta' Settembru 2014 dwar it-tariffi antikompetittivi tal-karti tal-kreditu, kif ukoll l-azzjonijiet li ttieħdu b'suċċess mill-Kummissjoni biex ikun żgurat li l-proċessi ta' standardizzazzjoni fis-settur tal-pagamenti ma jaffettwawx id-dħul fis-suq u l-innovazzjoni; itenni l-pożizzjoni tal-Parlament li għandhom jiġu introdotti limiti fuq it-tariffi għall-pagamenti bil-karti tal-kreditu sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż żejda għall-konsumaturi; jitlob lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tħaffef il-proċess ta' ħidma tal-istandardizzazzjoni tal-immappjar għall-pagamenti mobbli, filwaqt li tiżgura li kull azzjoni li tittieħed ma teskludix parteċipanti ġodda u ma tiffavorixxix atturi dominanti, u li l-qafas regolatorju jkun teknoloġikament newtrali sabiex jiffaċilita l-iżviluppi teknoloġiċi tal-ġejjieni;
74. Jemmen li l-esternalitajiet tal-iżviluppi f'dan is-settur għandhom ikunu suġġetti għal monitoraġġ bir-reqqa; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-iżvilupp ta' standards differenti fost kompetituri ugwali bħala konsegwenza tal-istandardizzazzjoni tar-regolamenti finanzjarji;
75. Jinnota l-progress konsiderevoli li sar sa mill-2008 biex ikun regolat is-settur finanzjarju; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi indirizzata wkoll il-problema ta' istituzzjonijiet finanzjarji li huma wisq kbar biex ifallu u bħala riżultat ikomplu jibbenefikaw minn sussidji impliċiti; jemmen li r-rapport li jmiss tal-Kumitat ECON dwar il-valutazzjoni tal-impatt u tal-analiżi tal-leġiżlazzjoni finanzjarja għandu jinkludi analiżi komprensiva tal-aspetti kompetittivi tar-regolamentazzjoni finanzjarja l-ġdida tal-UE , sabiex ikun garantit li l-banek tal-UE jkunu kompetittivi mal-istituzzjonijiet finanzjarji fiċ-ċirkustanzi kollha;
L-għajnuna fiskali mill-Istat
76. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar prattiki possibbli ta' taxxa korporattiva illegali fl-Istati Membri u jistieden lill-Kummissjoni tikkonkludi malajr kemm jista' jkun l-investigazzjonijiet li għaddejjin dwar id-deċiżjonijiet dwar it-taxxa billi tuża' l-evidenza kollha disponibbli; jitlob li l-investigazzjonijiet tat-tnaqqis fit-taxxi, li possibbilment jirrappreżentaw għajnuna mill-Istat mhux permessa, ikunu ttrattati bi prijorità; jenfasizza li kompetizzjoni ġusta tat-taxxa hija indispensabbli għall-integrità tas-suq intern, il-vijabbiltà tal-finanzi pubbliċi u l-kundizzjonijiet ekwi fil-kompetizzjoni;
77. Jenfasizza l-pubblikazzjoni tal-hekk imsejħa dokumenti "LuxLeaks" mill-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi; jilqa' l-impenn tal-Kummissarju għall-Kompetizzjoni biex issir investigazzjoni bir-reqqa u indipendenti dwar il-prattiki b'rabta ma' deċiżjonijiet dwar it-taxxa tal-Istati Membri u l-konformità tagħhom mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE; jinnota li l-evitar ta' taxxi minn xi impriżi jfixkel il-kompetizzjoni fis-suq uniku; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tinforza b'attenzjoni r-regoli ta' kontroll tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat;
78. Jistieden lill-President tal-Kummissjoni jiżgura l-indipendenza tal-investigazzjonijiet li għaddejjin u dawk futuri dwar il-prattiki tad-deċiżjonijiet fiskali tal-Istati Membri mmexxija mill-Kummissarju għall-Kompetizzjoni; jinsisti li l-Parlament Ewropew għandu jinżamm infurmat bis-sħiħ dwar il-progress tal-investigazzjonijiet bl-għan li jiġi żgurat li dawn ikunu qed jitmexxew b'mod trasparenti u indipendenti; jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport dwar is-sejbiet tagħha kemm jista' jkun malajr; ifakkar l-impenn li ħadet il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni biex tqis l-implikazzjonijiet aktar wiesgħa għall-kompetizzjoni ta' prattiki aggressivi ta' evitar tat-taxxa mwettqa mill-kumpaniji u nkoraġġiti mill-istati u biex testendi l-investigazzjoni jekk dan ikun meħtieġ ladarba l-fatti jkunu nġabru;
L-industrija agroalimentari
79. Jistieden lill-Kummissjoni biex, fir-rieżami li waslet biex tagħmel tar-riforma tal-PAK, tinvestiga l-kofinanzjament għall-fondi trasferiti, jitlob is-simplifikazzjoni tal-miżuri EFA (Ecological Focus Area – Erja b'Fokus Ekoloġiku) li jiffukaw fuq il-kompetittività, u reviżjoni newtrali għall-kompetizzjoni tal-fatturi EFA għal uċuħ tar-raba' li jikbru malajr u l-uċuħ tar-raba' li jassimilaw in-nitroġenu;
80. Jistieden lill-Kummissjoni, wara r-reviżjoni riċenti tagħha dwar l-impatt ekonomiku tal-livell tal-konsum modern dwar l-għażla u l-innovazzjoni fis-settur tal-ikel tal-UE, biex tqis l-impatt potenzjali ta' supermarkets kbar li jiddominaw is-suq sa tali punt li s-saħħa tax-xiri kollettiva tagħhom tfixkel il-kompetizzjoni fost ktajjen tal-provvista, kemm fl-Ewropa kif ukoll fid-dinja li qed tiżviluppa;
Is-settur farmaċewtiku u tas-servizzi tas-saħħa
81. Jinnota li dan is-settur huwa frammentat minħabba r-regolamentazzjoni nazzjonali; jilqa' l-kontribut tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE fl-indirizzar tal-ostakli artifiċjali għad-dħul;
82. Jappella biex tingħata kunsiderazzjoni speċjali lill-prodotti mediċinali u proċeduri mediċi fl-evalwazzjoni ta' każijiet li jinvolvu formazzjoni tal-prezz temporanja;
83. Jinnota li l-politika tal-kompetizzjoni jista' jkollha rwol fit-titjib tal-aċċess għall-farmaċewtiċi ġeneriċi;
It-trasport u s-servizzi postali
84. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw kundizzjonijiet ekwi li jippermettu kompetizzjoni ħielsa iżda anki ġusta fil-modi kollha tat-trasport; jagħraf, madankollu, f'dan il-kuntest, li jridu jitqiesu sew l-għadd kbir ta' dispożizzjonijiet speċifiċi tal-liġi nazzjonali dwar it-trasport; jenfasizza li l-infrastruttura tat-trasport hija parti essenzjali għas-sopravivenza u l-benesseri ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, speċjalment fir-reġjuni b'popolazzjoni baxxa u l-gżejjer periferiċi;
85. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jiggarantixxu kompetizzjoni ġusta u kwalità aħjar tas-servizzi fis-settur tal-ferrovija, kif ukoll fil-ġestjoni tan-netwerks tal-portijiet u tal-ajruporti, partikolarment fejn il-ġestjoni tagħhom hi monopolju tal-gvern ċentrali; jenfasizza li l-kompetizzjoni mhux bilfors tirrikjedi l-privatizzazzjoni tas-servizzi eżistenti; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tiżgura li t-trasportaturi ma jabbużawx mill-pożizzjoni dominanti tagħhom fi wħud mill-ajruporti;
86. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tkompli ssaħħaħ ir-rabtiet bejn il-politika tal-kompetizzjoni u l-politika tat-trasport sabiex ittejjeb il-kompetittività tas-settur Ewropew tat-trasport u tkompli tagħmel progress lejn it-tlestija tas-suq uniku fit-trasport;
87. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tlesti l-implimentazzjoni taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea, tiżgura trasparenza sħiħa fil-flussi ta' flus bejn il-maniġers tal-infrastrutturi u l-impriżi ferrovjarji, u tivverifika li kull Stat Membru għandu regolatur nazzjonali b'saħħtu u indipendenti;
88. Jenfasizza li s-suq uniku fis-settur tal-merkanzija bil-ferrovija huwa affettwat minn traspożizzjoni ħażina jew mhux kompleta tad-dritt tal-UE mill-Istati Membri u minn konġestjoni għall-mobbiltà transkonfinali li hi ta' dannu għall-kompetizzjoni u t-tkabbir; jistieden lill-Kummissjoni tivverifika jekk l-ostakli tekniċi jew tas-suq li huma differenti minn Stat Membru għal ieħor, bħall-wisa' bejn il-binarji, il-provvista tal-enerġija u s-sistemi ta' sinjali, jistgħux jitqiesu bħala ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni;
89. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi ħarsa ġenerali ġustifikata biex taċċerta liema trasportaturi tal-ajru jibbenefikaw minn vantaġġi fuq fornituri oħra tas-servizz permezz ta' kundizzjonijiet speċjali jew allegati abbużi tal-pożizzjoni dominanti tagħhom f'ċerti ajruporti;
90. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar implimentazzjoni u infurzar differenti mill-Istati Membri tar-regolamentazzjoni relatata mat-trasport internazzjonali bit-triq, pereżempju r-regolament tal-kabotaġġ u tal-ħin tal-mistrieħ fit-trasport bit-triq, kif ukoll ta' prattiki ta' dumping soċjali potenzjali fis-servizzi tat-trasport f'sens usa', u jemmen li dawn il-problemi jridu jkunu indirizzati;
91. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni kontra kumpaniji internazzjonali tal-kiri tal-karozzi biex jieqfu l-prattiki li jżommu lill-konsumaturi milli jiksbu l-aqwa prezzijiet disponibbli fuq il-bażi tal-pajjiż ta' residenza tagħhom; jenfasizza li l-konsumaturi m'għandhomx jinżammu milli jagħmlu użu mill-aħjar rata disponibbli meta jixtru oġġetti jew servizzi fis-suq uniku;
92. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni sabiex tnaqqas il-frammentazzjoni fis-settur tal-kiri tal-karozzi, billi attwalment ir-regolamenti nazzjonali jżidu ħafna l-ispejjeż għall-movimenti transkonfinali, u b'hekk jagmlu ħsara lis-suq uniku;
93. Jenfasizza li l-isforzi li jinkoraġġixxu UE kompetittiva jridu f'kull ħin jaħdmu fl-interess tal-pubbliku; jirrikonoxxi r-rabta bejn politika tal-kompetizzjoni effikaċi tal-UE u l-ħtieġa ta' investiment fuq skala kbira f'servizzi pubbliċi vitali, inklużi s-servizzi tat-trasport;
Kultura u sport
94. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistudja l-prattiki restrittivi u abbużivi ta' federazzjonijiet sportivi internazzjonali, bħal meta jiċħdu lill-membri tagħhom id-dritt li jieħdu sehem f'avvenimenti sportivi alternattivi li ma jkunux sanzjonati mill-federazzjonijiet rispettivi u meta jimponu fuq atleti, uffiċjali u kowċijiet projbizzjoni għal għomorhom milli jieħdu sehem f'kompetizzjonijiet bħal-Logħob Olimpiku u Kampjonati tad-Dinja fil-każ ta' nuqqas ta' konformità;
Id-dimensjoni internazzjonali
95. Jitlobl-inklużjoni ta' kapitolu dwar il-kompetizzjoni, li jinkludi dispożizzjonijiet li jkopru l-antitrust, il-fużjonijiet, l-impriżi tal-Istat, is-sussidji u aċċess mhux ugwali għas-swieq, fil-Ftehim dwar Sħubija Transatlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment; jappella għal rappurtar newtrali tal-midja fir-rigward tal-miżuri, il-problemi u l-progress f'dawn il-ftehimiet;
96. Jirrikonoxxi u jappoġġa l-ħtieġa tal-Kummissjoni biex issaħħaħ ir-rwol tal-politika tal-kompetizzjoni fil-kooperazzjoni ekonomika internazzjonali, inkluż permezz tal-kooperazzjoni mal-aġenziji tal-kompetizzjoni b'mod globali; ifakkar li din il-kooperazzjoni regolatorja u ta' infurzar tgħin biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji Ewropej attivi fis-swieq globali;
97. Jenfasizza li l-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali biex ikun hemm applikazzjoni effikaċi tal-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni fl-era tal-globalizzazzjoni; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni trawwem kooperazzjoni internazzjonali fi kwistjonijiet relatati mal-liġi tal-kompetizzjoni;
98. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina hemmx lok għall-konklużjoni ta' ftehimiet dwar il-kompetizzjoni ma' aktar pajjiżi terzi biex tiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet investigattivi; jenfasizza li, f'dan ir-rigward, il-ftehim dwar il-kompetizzjoni konkluż riċentement mal-Isvizzera jista' jservi bħala eżempju għal ftehimiet oħrajn ta' din in-natura;
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
99. Jenfasizza l-fatt li l-Ftehim Qafas jipprovdi għal trattament ugwali tal-Parlament u tal-Kunsill dwar l-aċċess għal-laqgħat u l-għoti ta' informazzjoni fit-tħejjija ta' leġiżlazzjoni jew ta' liġijiet mhux vinkolanti fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni;
100. Jenfasizza r-rwol essenzjali tal-Parlament Ewropew biex jirrappreżenta l-interessi tal-konsumaturi Ewropej fl-infurzar xieraq tar-regoli dwar il-kompetizzjoni;
101. Jilqa' r-rwol tal-Parlament bħala koleġiżlatur għad-Direttiva dwar Azzjonijiet għal Danni tal-Antitrust u jikkunsidra l-proċedimenti dwar din id-Direttiva bħlaa mudell għall-kollaborazzjoni interistituzzjonali futura fi kwistjonijiet dwar il-kompetizzjoni;
102. Itenni li fit-tiswir tal-politika tal-kompetizzjoni l-Kummissjoni jeħtiġilha tkun kompletament responsabbli u ssegwi r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament;
103. Jappella għal impenn min-naħa tal-Kummissarju biex iżżomm laqgħat frekwenti mal-kumitat(i) rilevanti tal-Parlament kif ukoll mal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Kompetizzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji;
104. Iqis li l-PE għandu jkollu setgħat ta' kodeċiżjoni fil-politika tal-kompetizzjoni; jiddispjaċih li l-Artikoli 103 u 109 tat-TFUE jipprevedu biss konsultazzjoni tal-Parlament; jemmen li dan id-defiċit demokratiku ma jistax jiġi ttollerat; jipproponi li dan id-defiċit għandu jiġi ssuperat kemm jista' jkun malajr, permezz ta' arranġamenti interistituzzjonali fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni, u korrett fit-tibdil li jmiss tat-Trattat;
105. Jenfasizza r-rwol tal-Kummissarju għall-Kompetizzjoni fil-promozzjoni tal-impjiegi u t-tkabbir, kif ukoll is-suq uniku diġitali, il-politika tal-enerġija, is-servizzi finanzjarji, il-politika industrijali u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa;
106. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida u proċeduri fi ħdan il-qafas tan-NEK, li jiżguraw sorveljanza effiċjenti tal-konformità tad-deċiżjonijiet dwar it-taxxa tal-Istati Membri mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat;
107. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni favur l-infurzar effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni fl-oqsma tal-antitrust u l-kartelli, il-fużjonijiet u l-għajnuna mill-Istat, filwaqt li żżomm l-istrumenti tal-kompetizzjoni allinjati mal-iżviluppi tas-suq kif ukoll tippromwovi kultura ta' kompetizzjoni innovattiva, kemm fl-UE u kemm fil-livell dinji;
108. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-mod li bih ittrattat każijiet reċenti ta' antitrust u tindirizza l-preokkupazzjonjiet formalistiċi li tqajmu;
109. Jistieden lill-Kummissjoni telabora b'mod koordinat proposti fil-qasam tal-kompetizzjoni fiskali u tissottemettihom lill-Kunsill;
110. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tirrapporta lill-Parlament Ewropew fuq bażi annwali dwar l-iżviluppi u l-effetti tal-applikazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni;
111. Jilqa' l-impenji magħmula mill-Kummissarju waqt is-seduta ta' smigħ tagħha b'mod partikolari fir-rigward tal-kooperazzjoni futura u tat-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-Parlament Ewropew;
112. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi b'iktar qawwa politika tal-kompetizzjoni attiva bħala pilastru ewlieni tal-ekonomija tas-suq soċjali;
113. Jemmen li għandha tkun ipprovduta malajr ġabra ta' każijiet bħala indikatur tal-kompetizzjoni lill-konsumaturi u lill-impriżi;
114. Jinnota n-nuqqas kontinwu ta' ċarezza f'ħafna Stati Membri dwar jekk il-finanzjament ta' Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi jitqiesx bħala għajnuna illegali mill-Istat; huwa mħasseb li minħabba f'hekk il-finanzjament għal ċentri bħal dawn qed jiġi pperikolat; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Istati Membri malajr kemm jista' jkun dwar il-ħtieġa li jipprovdu notifika ta' dan il-finanzjament sabiex jiggarantixxu t-tkomplija tal-operazzjonijiet ta' appoġġ taċ-Ċentri tal-Konsumaturi Ewropej;
115. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet fil-livelli politiċi kollha jimpenjaw lilhom infushom li jkunu strettament konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat;
116. Jitlob li jitwaqqaf korp konġunt, kostitwit minn rappreżentanti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u akkademiċi, biex janalizza x-xejriet fuq terminu twil u l-iżvilupp futur tal-politika tal-kompetizzjoni f'setturi orjentati lejn il-futuri bħall-ekonomija diġitali jew is-settur tal-enerġija;
117. Jitlob analiżi bla kompromessi tal-politika fiskali responsabbli fil-livell nazzjonali, b'mod partikolari rigward politiki fiskali inġusti, skemi fiskali u eżenzjonijiet mit-taxxa li jxekklu l-kompetizzjoni, sabiex fil-futur ikunu jistgħu jiġu adottati miżuri effikaċi kontra dawn il-prattiki;
o o o
118. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.