Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2015 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Sergei Stanishev (2014/2259(IMM))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Sergei Stanishev, imressqa fl-24 ta' Novembru 2014 mill-Kap Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika tal-Bulgarija b'rabta mal-proċediment legali pendenti quddiem il-Qorti tal-Belt ta' Sofia (ref. CCAN Nru C-280/2013), u mħabbra fis-seduta plenarja fil-15 ta' Diċembru 2014,
– wara li sema' lis-Sur Stanishev, skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, tad-19 ta' Marzu 2010, tas-6 ta' Settembru 2011 u tas-17 ta' Jannar 2013(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 70 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0045/2015),
A. billi l-Kap Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika tal-Bulgarija għadda lill-Parlament talba mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Belt ta' Sofija għal awtorizzazzjoni li jissuktaw proċedimenti kriminali kontra Sergei Stanishev fir-rigward ta' reat skont l-Artikolu 358(1), flimkien mal-Artikolu 26(1), tal-Kodiċi Kriminali tal-Bulgarija;
B. billi, skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom;
C. billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;
D. billi, skont l-Artikolu 70(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija, Membru tal-Assemblea Nazzjonali huwa immun mid-detenzjoni jew mill-prosekuzzjoni kriminali għajr għat-twettiq ta' reat kriminali, u billi f'każijiet tali jeħtieġ li jingħata l-permess tal-Assemblea Nazzjonali, jew, jekk din ma tkunx f'sessjoni, tal-President tal-Assemblea Nazzjonali, għajr fil-każ ta' detenzjoni in flagrante delicto; billi, skont l-Artikolu 70(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija, il-permess għall-ftuħ ta' prosekuzzjoni kriminali mhuwiex rikjest meta Membru tal-Assemblea Nazzjonali jkun ta l-kunsens tiegħu għal dan bil-miktub;
E. billi huwa kompitu tal-Parlament waħdu li jiddeċiedi jekk l-immunità għandhiex titneħħa jew le f'każ partikolari; billi l-Parlament, huwa u jiddeċiedi jekk għandux jew le jneħħi l-immunita ta' Membru, jista' b'mod raġonevoli jikkunsidra l-pożizzjoni ta' dak il-Membru(2);
F. billi r-reat allegat m'għandux rabta diretta jew ovvja mal-qadi ta' dmirijiet tas-Sur Stanishev bħala Membru tal-Parlament Ewropew, u lanqas ma jikkostitwixxi opinjoni espressa jew vot mogħti minnu fil-qadi ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew għall-finijiet tal-Artikolu 8 tal-Protkoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;
G. billi investigazzjonijiet ta' qabel il-proċess kontra Sergei Stanishev kienu ilhom li nbdew qabel ma sar Membru tal-Parlament Ewropew, u billi l-proċedimenti kkonċernati għaldaqstant mhuma konnessi bl-ebda mod mal-pożizzjoni tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew;
H. billi, fiż-żmien li okkupa l-kariga ta' Prim Ministru u wara ta' Membru tal-Assemblea Nazzjonali, Sergei Stanishev ippreżenta żewġ dikjarazzjonijiet bil-miktub lill-President tal-Assemblea Nazzjonali, li fihom ta l-kunsens tiegħu għall-ftuħ ta' proċedimenti kriminali kontrih bi qbil mal-Artikolu 70(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija;
I. billi, f'dan il-każ, il-Parlament ma sab l-ebda evidenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri suspett serju u preċiż biżżejjed li l-każ tressaq bl-intenzjoni li jikkawża ħsara politika lill-Membru kkonċernat,
1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Sergei Stanishev;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Bulgarija u lil Sergei Stanishev.
Sentenza fil-Kawża tat-12 ta' Mejju 1964, 101/63 Wagner vs Fohrmann u Krier, EU:C:1964:28; Sentenza fil-Kawża tal-10 ta' Lulju 1986, 149/85 Wybot vs Faure et, EU:C:1986:310; Sentenza fil-Kawża tal-15 ta' Ottubru 2008, T–345/05, Mote vs Il-Parlament, EU:T:2008:440; Sentenza fil-Kawżi Magħquda tal-21 ta' Ottubru 2008, C–200/07 u C–201/07, Marra vs De Gregorio u Clemente: EU:C:2008:579; Sentenza fil-Kawża tad-19 ta' Marzu 2010, T‑42/06 Gollnisch vs Il-Parlament, EU:T:2010:102; Sentenza fil-Kawża tas-6 ta' Settembru 2011, C-163/10 Patriciello, EU:C:2011:543; Sentenza fil-Kawżi Magħquda tas-17 ta' Jannar 2013, T-346/11 u T-347/11 Gollnisch vs Il-Parliament, EU:T:2013:23.