Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-proċess ta' integrazzjoni Ewropea tal-Kosovo (2014/2950(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Salonka tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Ewwel Ftehim dwar il-Prinċipji li Jirregolaw in-Normalizzazzjoni tar-Relazzjonijiet, iffirmat mill-Prim Ministri Hasim Thaci u Ivica Dacic fid-19 ta' April 2013, u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Implimentazzjoni tat-22 ta' Mejju 2013,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2013 li jadottaw id-Deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati dwar Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Kosovo,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2012 li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati għal ftehim qafas mal-Kosovo dwar il-parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni,
– wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-attivitajiet imwettqin attwalment mill-Missjoni Temporanja ta' Amministrazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo u l-iżviluppi relatati magħhom, inkluż l-aħħar rapport tal-31 ta' Ottubru 2014,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/349/PESK tat-12 ta’ Ġunju 2014 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, il-EULEX KOSOVO,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tas-7 ta' Diċembru 2009, tal-14 ta' Diċembru 2010 u tal-5 ta' Diċembru 2011, li enfasizzaw u affermaw mill-ġdid, rispettivament, li l-Kosovo, mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Istati Membri dwar l-istatus tiegħu, għandu wkoll igawdi mill-prospettiva tal-liberalizzazzjoni eventwali tal-viżi ladarba jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha,
– wara li kkunsidra t-tnedija ta' djalogu dwar il-kwistjoni tal-viżi f'Jannar 2012, il-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża f'Ġunju 2012 u t-tieni rapport tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2014 dwar il-progress li għamel il-Kosovo biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali għal-liberizzazzjoni tal-viża (COM(2014)0488),
– wara li kkunsidra t-tielet laqgħa tad-Djalogu Strutturat dwar l-Istat tad-Dritt tas-16 ta' Jannar 2014,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1244(1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tat-22 ta' Lulju 2010 dwar il-konformità mad-dritt internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza tal-Kosovo, u r-riżoluzzjoni 64/298 tad-9 ta' Settembru 2010 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni tal-QIĠ u laqat pożittivament id-disponibilità tal-UE li taġevola d-djalogu bejn Belgrad u Pristina,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-11 ta' Ġunju 2014 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa li tapprova s-sħubija tal-Kosovo fil-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa; wara li kkunsidra l-ħatra ta' żewġ esperti mill-Kosovo fil-Kummissjoni ta' Venezja f'Settembru 2014,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-laqgħat interparlamentari bejn il-Parlament Ewropew u l-Kosovo tat-28 u d-29 ta' Mejju 2008, tas-6 u s-7 ta' April 2009, tat-22 u t-23 ta' Ġunju 2010, tal-20 ta' Mejju 2011, tal-14 u l-15 ta' Marzu 2012 u tat-30 u l-31 ta' Ottubru 2013,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Ottubru 2013 dwar l-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2013-2014 (COM(2013)0700),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tas-16 ta’ Diċembru 2014 dwar it-Tkabbir u l-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ħidma ta' Ulrike Lunacek bħala r-rapporteur permanenti għall-Kosovo fil-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi 110 mill-193 stat membru tan-NU, inklużi 23 mit-28 Stat Membru tal-UE, jirrikonoxxu l-indipendenza tal-Kosovo;
B. billi n-negozjati għall-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn l-UE u l-Kosovo ġew ikkompletati f'Mejju 2014 u billi dan il-Ftehim ġie inizjalat f'Lulju 2014;
C. billi kull pajjiż kandidat (potenzjali) se jiġi ġġudikat fuq il-merti tiegħu stess, u r-rapidità u l-kwalità tar-riformi meħtieġa jiddeterminaw l-kalendarju għall-adeżjoni;
D. billi skont il-valutazzjoni tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE, l-elezzjonijiet legizlattivi bikrin tal-25 ta' Mejju u tat-8 ta' Ġunju 2014 kienu trasparenti u organizzati sew u komplew jikkonsolidaw il-progress li sar fl-elezzjonijiet muniċipali tal-2013; billi l-laqgħa kostitwenti tal-Assemblea tal-Kosovo ġiet konkluża biss fit-8 ta' Diċembru 2014 u l-gvern ġie elett fid-9 ta' Diċembru 2014;
E. billi l-progress fit-twettiq tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) jeħtieġ, inter alia, ir-rieda li jsir skrutinju tal-prestazzjoni tal-passat u li jinsiltu lezzjonijiet xierqa mill-problemi identifikati, inkluż fil-ġestjoni tal-missjonijiet fuq il-post; billi l-EULEX hija l-akbar missjoni li ntbagħtet u ilha topera għal aktar minn sitt snin;
1. Jilqa' tmiem is-sitt xhur ta' staġnar politiku li segwew l-elezzjonijiet, u l-kostituzzjoni tal-Assemblea u l-ħatra tal-gvern il-ġdid; jinsab imħasseb dwar il-ħatra ta' persuni mhux kunsenswali li l-passat tagħhom għandu mnejn ikun diskutibbli; jiddispjaċih għall-għadd kbir bla bżonn ta' ministri u viċi ministri fil-gvern il-ġdid u l-implikazzjonijiet baġitarji marbutin ma' dan, kif ukoll għall-għadd baxx ta' nisa fost il-ministri; jinnota li żieda fl-għadd ta’ nisa fost il-ministri jista' jintuża bħala inċentiv progressiv għas-soċjetà kollha kemm hi; jisħaq fuq il-bżonn mill-aktar urġenti li l-gvern il-ġdid iwettaq ir-riformi meħtieġa b'impenn u determinazzjoni; jenfasizza li l-prestazzjoni tat-tmexxija tal-Kosovo titkejjel l-aħjar bir-riżultati konkreti ppreżentati liċ-ċittadini tal-Kosovo u lis-sħab Ewropej u internazzjonali; iħeġġeġ lir-rappreżentanti eletti tal-minoranza Serba fil-Kosovo biex jipparteċipaw u jassumu r-responsabilitajiet tagħhom fi ħdan il-gvern ta’ koalizzjoni l-ġdid fi Pristina;
2. Iħeġġeġ lill-gvern il-ġdid ikompli l-mixja Ewropea tiegħu u biex jenfasizza li huwa impenjat li jsegwi b’mod vigoruż, inkluż permezz ta’ leġiżlazzjoni, għadd ta’ kwistjonijiet ta’ prijorità, inklużi passi biex issaħħaħ u jafferma l-istat tad-dritt, biex jistabbilixxi mudell għall-ġudikatura bbażat fuq il-prinċipji tal-indipendenza, il-professjonaliżmu u l-effettività, u li b’mod sistematiku u effikaċi jiġġieled il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata fil-livelli kollha; jistieden lill-awtoritajiet biex sistematikament u b’mod effettiv jiġġieldu l-qgħad, irawmu riformi ekonomiċi strutturali u żvilupp sostenibbli billi jistabbilixxu qafas regolatorju u inċentivi għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u jaħdmu għar-riformi tant meħtieġa tas-sistema tas-sigurtà ’ protezzjoni soċjali biex jindirizzaw ir-rati persistentement għoljin ta’ faqar, inklużi livelli inaċċettabbli ta’ faqar fost it-tfal; jenfasizza l-fatt li l-implimentazzjoni tar-riformi hija kruċjali; jenfasizza li l-istabbiliment u l-funzjonament tal-Qorti Speċjali, u l-kooperazzjoni magħha, għandhom ikunu prijorità, u se jgħinu lill-Kosovo jsolvi u jegħleb problemi b’għeruq fl-imgħoddi tiegħu; jenfasizza li l-pjanijiet leġiżlattivi u ta’ politika jeħtieġ li jirriflettu b’mod realistiku r-riżorsi meħtieġa, u jirrakkomanda li dawn ikunu implimentati b’mod aktar trasparenti;
3. Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol ta’ superviżjoni tal-Assemblea u b’mod partikolari tal-Kumitat għall-Integrazzjoni fl-UE fil-proċess ta’ integrazzjoni tal-Kosovo; iħeġġeġ lill-Assemblea tadotta malajr regoli ġodda ta’ proċedura li jkunu konformi mal-aħjar prattika Ewropea u li jirriflettu d-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi;
4. Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-azzjonijiet immirati lejn il-ġlieda kontra l-gruppi kriminali li qed jagħmlu l-migrazzjoni irregolari possibbli; jenfasizza, barra minn hekk, li l-iżviluppi soċjoekonomiċi u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda huma meħtieġa biex tintemm it-tendenza tal-migrazzjoni irregolari u sabiex iċ-ċittadini jerġgħu jrabbu tama u fiduċja li dawn ikunu jistgħu jibnu l-ġejjieni tagħhom f’pajjiżhom; jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari, bl-użu tal-istrumenti ta’ assistenza u ta’ politika kollha tal-UE;
5. Jilqa' t-tisħiħ gradwali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll iż-żieda fil-koordinament ta' bejniethom, b'mod partikolari dawk li jittrattaw in-nisa u l-LGBTI; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tinstab soluzzjoni għat-theddid u attakki kontra l-attivisti li jistinkaw biex isaħħu d-drittijiet tal-persuni LGBTI; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jsaħħu l-mekkaniżmi tagħhom għall-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili, li s’issa twettqet fuq bażi ad hoc, b’mod partikolari billi jipprovdu r-riżorsi kollha meħtieġa lill-Kunsill Konsultattiv Konġunt; iqis li, bil-għan li jiġi żgurat li l-gvern ikun miftuħ u trasparenti, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu inklużi fil-konsultazzjonijiet leġiżlattivi; jistieden ukoll lill-komunità ta' donaturi, b'mod partikolari lill-UE, biex tkompli tinvolvi u tikkonsulta lis-soċjetà ċivili fil-programmazzjoni tagħha;
6. Jinnota li sar xi progress fil-leġiżlazzjoni li tirregola l-ġudikatura u l-organizzazzjoni tagħha, b’mod partikolari fir-rigward ta’ passi biex strutturi jiġu adattati għall-mandat ġdid u l-panils imħallta tal-EULEX; jinnota, madankollu, li għad hemm tħassib qawwi rigward l-indipendenza, ir-responsabilità, l-imparzjalità u l-effiċjenza tal-imħallfin u l-prosekuturi u dwar il-funzjonament tal-Kunsill Ġudizzjarju tal-Kosovo, is-sistema tal-ħabsijiet u l-prestazzjoni ġenerali tas-settur tal-istat tad-dritt; jenfasizza li trid titwettaq aktar ħidma biex isiru t-tħejjijiet għat-trasferiment sħiħ tar-responsabbiltajiet mill-EULEX lill-Kosovo; jistieden lill-awtoritajiet politiċi juru b’mod ċar l-appoġġ sħiħ tagħhom għall-indipendenza tal-imħallfin u l-prosekuturi li għadhom qed ikunu fil-mira f’tentattivi biex jinfluwenzaw investigazzjonijiet u proċedimenti ġudizzjarji li għaddejjin;
7. Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' kwalunkwe progress sinifikanti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata ta' livell għoli, li huwa ostakolu konsiderevoli fit-triq għall-iżvilupp demokratiku, soċjali u ekonomiku tal-Kosovo; jenfasizza l-ħtieġa ta' sinjal ċar mill-gvern li l-Kosovo qiegħed b’mod sistematiku jindirizza l-korruzzjoni fil-livelli kollha u jiġġieled kontra l-kriminalità organizzata; jitlob li jittieħdu passi ulterjuri biex jipprevjenu kwalunkwe rabta possibbli bejn il-kriminalità organizzata u l-persuni fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika; jinsab imħasseb ukoll dwar is-sjieda illegali mifruxa ta’ ta’ armi tan-nar u jistieden lill-Gvern tal-Kosovo jimplimenta b'mod effettiv il-programmi eżistenti biex jiġbor dawn l-armi tan-nar, b'mod partikolari l-istrateġija nazzjonali u l-pjan ta' azzjoni dwar il-kontroll u l-ġbir tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW) għall-perjodu 2013-2016; jistieden lill-Kosovo jikkoopera mal-grupp ta’ esperti tal-UE dwar it-traffikar tal-armi u mal-pajjiżi ġirien fit-teħid ta’ azzjoni preventiva, u jitlob lill-UE tipprovdi kull forma ta’ assistenza teknika meħtieġa għal dak l-għan;
8. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-parteċipazzjoni tal-Kosovo fil-koalizzjoni biex tiġġieled it-terroriżmu, l-emendi għal-liġi kriminali tal-Kosovo maħsuba biex tittieħed azzjoni deċiżiva kontra ġellieda barranin, u l-azzjoni meħuda mill-awtoritajiet biex iressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk involuti fir-reklutaġġ ta' żgħażagħ biex jingħaqdu ma’ grupp estremisti; jinnota bi tħassib rapporti dwar ir-radikalizzazzjoni dejjem tikber fost iż-żgħażagħ fil-Kosovo, fejn uħud minnhom ingħaqdu ma' ġellieda terroristiċi fis-Sirja u l-Iraq; jitlob lill-UE tgħin biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet soċjali li huma parti mir-raġuni għaliex gruppi radikali jkunu jistgħu jirreklutaw żgħażagħ fil-Kosovo;
9. Jinnota li waħda mill-prijoritajiet tal-gvern il-ġdid huwa l-ħolqien tal-Forzi Armati tal-Kosovo, li se joperaw skont il-Kostituzzjoni u taħt kontroll ċivili sħiħ; jifhem il-prinċipju tad-difiża territorjali bħala aspett tas-sovranità nazzjonali, iżda jistieden lill-forzi armati jkunu kompatibbli mal-UE, u huwa tal-fehma li jeħtieġ li aktar sforzi jkunu mmirati biex jipprovdu lill-pulizija tal-Kosovo aktar riżorsi bil-għan li tiżdied l-effikaċja tal-prestazzjoni tagħhom b’effett immedjat;
10. Jinnota n-nuqqas ta’ progress fl-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u tal-pjan ta’ azzjoni; jistieden lill-Kosovo jlesti l-qafas leġiżlattiv għas-servizz ċivili, filwaqt li jiżgura d-depolitiċizzazzjoni tas-servizz, bl-inklużjoni ta' valutazzjonijiet tal-prestazzjoni;
11. Jistieden lill-awtoritajiet jadottaw fil-pront leġiżlazzjoni komprensiva kontra d-diskriminazzjoni u jiffokaw ukoll fuq miżuri ta' prevenzjoni u sensibilizzazzjoni; jilqa' l-fatt li fis-17 ta' Mejju 2014 ġiet organizzata l-ewwel "Pride parade", kif ukoll it-twaqqif ta' Grupp ta' Konsulenza u Koordinament għad-Drittijiet tal-Komunità LGBT;
12. Jilqa' l-progress miksub fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, bħall-emenda tal-leġiżlazzjoni sabiex is-superstiti ta' vjolenza relatata mal-kunflitt, bħal stupri tal-gwerra, jiġu rikonoxxuti bħala tali; jenfasizza li xorta għad baqa' sfidi, b'mod partikolari fil-qasam tal-vjolenza domestika u l-vjolenza sessista, id-drittijiet tal-proprjetà u r-rappreżentanza tan-nisa f'pożizzjonijiet ta' tmexxija;
13. Jappella għal miżuri biex jindirizzaw b'saħħa l-isfidi u l-problemi li jikkonċernaw il-vjolenza domestika u l-vjolenza bbażata fuq is-sess; jenfasizza l-ħtieġa għal ġbir komprensiv ta’ data dwar l-ammont ta’ vjolenza domestika u vjolenza sessista;
14. Jistieden lill-Kosovo jadotta sistema effettiva u komprensiva tal-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali fuq il-midja, u, fuq kollox, biex jimplimenta l-liġijiet eżistenti b’mod aktar effettiv, ħalli jiggarantixxi l-libertà tal-espressjoni; għadu mħasseb dwar it-theddid u l-attakki fuq il-ġurnalisti u n-nuqqas ta’ trasparenza fil-midja; itenni l-importanza tal-libertà u l-indipendenza tal-midja bħala waħda tal-valuri fundamentali tal-UE u l-pedament ta’ kull demokrazija, li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt; jistieden lill-awtoritajiet sabiex jimlew malajr in-nuqqasijiet sistematiċi fil-leġiżlazzjoni biex jiżguraw il-libertà tal-midja, b’mod partikolari bil-ħsieb tat-trasparenza tas-sjieda tal-midja u fir-rigward tal-kwistjoni tal-malafama, u biex jiggarantixxu l-indipendenza u s-sostenibbiltà tax-xandara pubbliċi u jevitaw li jkun hemm xi interferenza politika, wara proċess ta’ konsultazzjoni tal-pubbliku bir-reqqa u komprensiv; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo jieħdu azzjoni ulterjuri biex jipprevjenu u jiġġieldu d-diskors ta’ mibegħda, it-theddid u s-sejħiet għall-vjolenza;
15. Itenni li l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-minoranzi etniċi u tad-drittijiet kulturali għadha sfida fil-Kosovo, minkejja li sar xi progress; jenfasizza l-ħtieġa kontinwa għal sforzi serji fir-rigward tal-implimentazzjoni sħiħa tal-liġi li tinkludi dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ minoritajiet etniċi, bil-ħsieb li tiġi evitata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta; jinnota li l-komunitajiet Rom, Eġizzjani u Ashkali, b’mod partikolari, komplew iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi fl-oqsma soċjoekonomiċi, edukattivi u tal-kura tas-saħħa; jistenna bil-ħerqa l-qafas il-ġdid tal-gvern il-ġdid maħsub biex ittejjeb is-sitwazzjoni tar-Roma, l-Eġizzjani u l-Ashkali, partikolarment billi jistabbilixxi kundizzjonijiet ugwali ta’ protezzjoni tas-sikurezza u tas-saħħa; jenfasizza l-importanza li jsir aktar faċli għar-Roma, l-Eġizzjani u l-Ashkali li jirritornaw; jirrakkomanda li d-drittijiet tal-Gorani fir-reġjuni ta’ Zhupa u Gora jkunu stabbiliti fil-liġi u żgurati fil-prattika;
16. Jistieden lill-awtoritajiet fil-livell nazzjonali u lokali jimplimentaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni adattata u b’hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp ulterjuri ta’ soċjetà multietnika vera u proprja, b’mod partikolari rigward il-kwistjonijiet tal-edukazzjoni u l-impjiegi; jirrakkomanda li jittieħdu miżuri prattiċi sabiex dejjem aktar jinvolvu r-rappreżentanti tal-minoranzi etniċi fil-korpi tal-gvern kemm nazzjonali kif ukoll lokali;
17. Ifakkar lill-awtoritajiet tal-Kosovo r-responsabbiltà tagħhom li jirrispettaw, jikkonservaw u jipproteġu l-monumenti kulturali u reliġjużi Serbi, u l-oħrajn kollha, li jiffurmaw parti mill-wirt kulturali u storiku komuni Ewropew; jilqa’ l-miżuri meħuda f’dan ir-rigward;
18. Iħeġġeġ lill-Kosovo jikkonsultaw il-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, li tagħha hija saret membru f’Ġunju, għall-opinjoni u l-appoġġ tagħha fit-tfassil tal-leġiżlazzjoni l-ġdida;
19. Jilqa’ l-inizjalar tal-FSA f’Lulju 2014, li jipprovdi għal djalogu politiku msaħħaħ, integrazzjoni mqarrba tal-kummerċ u forom ġodda ta’ kooperazzjoni; jistieden lill-Kunsill jadotta, mill-aktar fis possibbli, u mhux aktar tard minn nofs l- 2015, id-deċiżjoni li jiffirma u jikkonkludi l-FSA, billi dan jipprovdu inċentiv b’saħħtu għall-implimentazzjoni u l-istituzzjonalizzazzjoni tar-riformi u possibbiltajiet ġodda għall-Kosovo li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-ġirien tiegħu u jikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni tar-reġjun; jistieden lill-Kunsill, barra minn hekk, biex jadotta d-deċiżjoni li jiffirma u jikkonkludi ftehim qafas dwar il-parteċipazzjoni tal-Kosovo fil-programmi tal-UE, li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Kosovo u l-UE f’varjetà ta’ setturi, u jemmen li dawn il-programmi għandhom ikunu ffukati fuq oqsma speċifiċi li jikkorrispondu għall-obbligi meħuda mill-Kosovo fit-triq Ewropea tiegħu u għandhom jiġu implimentati b’mod trasparenti u mingħajr dewmien;
20. Iħeġġeġ lill-ħames Stati Membri li fadal jipproċedu bir-rikonoxximent tal-Kosovo; jenfasizza li dan kieku jiffaċilita aktar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn Belgrad u Pristina; jitlob lill-Istati Membri tal-UE kollha jagħmlu ħilithom sabiex jiffaċilitaw ir-relazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u politiċi u l-kuntatti bejn iċ-ċittadini tagħhom u dawk tal-Kosovo;
21. Ifaħħar il-ħidma tat-Task Force Investigattiva Speċjali (SITF) li, fis-sejbiet investigattivi tiegħu maħruġa f’Lulju 2014, sabet evidenza konvinċenti kontra ċerti ex uffiċjali għolja tal-KLA, iżda mhux kontra l-KLA kollha kemm hi; jilqa' l-fatt li t-talba għat-twaqqif ta' Qorti Speċjali li tkun topera fi ħdan is-sistema ġudizzjarja tal-Kosovo iżda b'kamra fin-Netherlands, ġiet ippreżentata lill-Gvern Netherlandiż, li laqagħha; jistieden lill-Assemblea tal-Kosovo tadotta l-pakkett leġiżlattiv meħtieġ l-aktar kmieni possibbli; u jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jkomplu jikkooperaw mas-SITF;
22. Jilqa’ l-progress li għamel il-Kosovo fit-twaqqif tal-Unità għall-Protezzjoni tax-Xhieda tiegħu stess u tal-oqfsa legali u amministrattivi ta' appoġġ, u l-progress li wettaq fil-ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE, iżda jisħaq li jinħtieġ appoġġ addizzjonali biex jiffaċilita r-rilokazzjoni ta' xhieda futuri lejn pajjiżi terzi;
23. Jinsab imħasseb serjament dwar l-allegazzjonijiet riċenti ta' korruzzjoni fi ħdan il-EULEX; jemmen li l-EULEX żvolġiet, u xorta għandha u tista' tiżvolġi rwol importanti fil-Kosovo u b'hekk jilqa' r-reazzjoni pronta tar-RGħ/VP Mogherini li taħtar espert indipendenti biex jinvestiga fil-fond l-ipproċessar ta' tali allegazzjonijiet; jappella għal trasparenza sħiħa f’din l-investigazzjoni u iħeġġeġ lil dawk kollha kkonċernati jikkooperaw b’mod sħiħ sabiex l-investigazzjoni tkun tista' tiġi konkluża b'ħeffa; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-espert ikun jista’ jwettaq investigazzjoni komprensiva li tkopri l-aspetti kollha tal-każ; jinsab imħasseb dwar il-fatt li dokumenti sensittivi dwar l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fi ħdan l-EULEX għebu; jitlob li jkun hemm investigazzjoni bir-reqqa u komprensiva; jenfasizza li huwa tal-akbar importanza li l-kredibbiltà tal-UE fil-Kosovo u f'pajjiżi oħra tiġi stabbilita mill-ġdid u li t-tagħlimiet miksuba jiġu kkunsidrati għal missjonijiet futuri; jinnota li kemm l-Ombudsman kif ukoll l-OLAF iddeċidew li jibdew investigazzjonijiet indipendenti dwar l-allegata mġiba ħażina tal-EULEX u jistieden lill-investigaturi kollha jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom b'mod effikaċi u jagħmlu skambju ta' informazzjoni; iqis, madankollu, li jeħtieġ li jkun hemm analiżi wiesgħa u fil-fond, sabiex tiġi vvalutata l-effettività kumplessiva tal-EULEX u l-adegwatezza tal-prestazzjoni tagħha, u li jiġi aġġornat ir-rapport ippubblikat f’Ottubru 2012 mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri;
24. Jistieden lill-EULEX twettaq il-mandat tagħha bi sforz aktar qawwi; jenfasizza kemm hu importanti li jkun hemm trasparenza u responsabbiltà sħiħa u aktar effiċjenza fil-ħidma tagħha, li turi riżultati aktar konkreti u ta' livell għoli u li tikkomunika b'mod regolari u komprensiv dwar l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet tagħha; jenfasizza l-importanza tal-EULEX biex jintlaħqu l-awtoritajiet lokali u jiġu mħeġġa jonoraw l-impenji tagħhom rigward ir-riformi dwar l-istat tad-dritt, is-sjieda u l-introduzzjoni ta’ emendi leġiżlattivi għat-twaqqif ta’ proċedimenti ġudizzjarji rilokati; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jkomplu jirrispettaw il-mandat tal-EULEX u jappoġġaw l-eżerċizzju tal-mandat eżekuttiv tagħha;
25. Jieħu nota tal-progress li għamel il-Kosovo biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali għal-liberizzazzjoni tal-viża; jistieden lill-awtoritajiet jagħmlu aktar sforzi u biex jagħtu prova tal-impenn tagħhom biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet, inkluż billi jadottaw l-erba’ biċċiet ta’ leġiżlazzjoni pendenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel l-aħjar sforz biex tħaffef il-proċess ta’ liberalizzazzjoni tal-viża għall-Kosovo billi huwa l-aħħar pajjiż fir-reġjun b’obbligu ta’ viża; jesprimi tħassib serju dwar iż-żieda reċenti fl-għadd ta' ċittadini li qed jitilqu mill-Kosovo lejn pajjiżi tal-UE, inklużi Rom, Ashkali u Albaniżi; jitlob lill-awtoritajiet ta’ Pristina jieħdu azzjoni effettiva kontra n-netwerks kriminali involuti fit-traffikar tal-bnedmin u, bl-għajnuna tal-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea fi Pristina, jispjegaw b’mod ċar lill-pubbliku ġenerali li ftit li xejn hemm ċans li l-applikazzjonijiet għall-ażil jiġu aċċettati; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kawżi sottostanti li minħabba fihom iċ-ċittadini jħallu l-Kosovo, inkluż billi jsir investiment f’edukazzjoni ta’ kwalità, speċjalment għal komunitajiet ta’ minoranzi u dawk marġinalizzati;
26. Jistieden lill-awtoritajiet Serbi u Kosovari jistabbilixxu arranġamenti ta' kooperazzjoni bil-għan li jrażżnu u jżarmaw in-netwerks kriminali li qegħdin jikkontrollaw, jisfruttaw u jittraffikaw migranti irregolari mill-Kosovo lejn ċerti Stati Membri tal-UE bi transitu mis-Serbja;
27. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jadottaw strateġija u pjan ta’ azzjoni ġodda dwar id-drittijiet tat-tfal, u jenfasizza l-importanza tal-investiment fl-edukazzjoni, is-saħħa u n-nutrizzjoni, partikolarment għal komunitajiet ta’ minoranzi u dawk marġinalizzati; jenfasizza l-importanza tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tat-Tfal, bil-ħsieb li titwaqqaf sistema għall-protezzjoni tat-tfal li tiffunzjona; jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet fil-livell ċentrali u dak lokali bil-għan li jissorveljaw l-implimentazzjoni tad-drittijiet tat-tfal;
28. Josserva bi tħassib iċ-ċifri għolja tal-qgħad, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, kif ukoll id-diskriminazzjoni bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol; jinnota li l-progress dwar id-drittijiet tal-proprjetà għadu bil-mod wisq u li dan joħloq ostaklu għat-tkabbir ekonomiku fit-tul; jieħu nota tat-tnaqqis sinifikanti fl-investimenti diretti barranin fit-tielet kwart tal-2014; jistieden lill-Gvern tal-Kosovo jaħdem biex itejjeb l-ambjent tan-negozju, b’mod partikolari għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, u biex joħloq ambjent sigur li tiġbed aktar investimenti diretti barranin għall-benefiċċju ta’ kulħadd fil-Kosovo; jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-imprendituri żgħażagħ bħala parti mill-fondi tal-IPA, inkluż b'miżuri li jaġevolaw ir-rabtiet ma' intraprendituri mill-Istati Membri tal-UE;
29. Jinnota bi tħassib li l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar ix-Xogħol għadha mhix sodisfaċenti, bħalma hija dik dwar il-Liġi dwar l-Istrajks; jinnota li r-rata tal-qgħad fil-Kosovo hija madwar 30 % u taffettwa speċjalment il-parteċipazzjoni tan-nisa fix-xogħol;
30. Jiddispjaċih li, minħabba l-avvenimenti elettorali fiż-żewġ pajjiżi, il-pass tan-negozjati ta' livell għoli bejn il-Kosovo u s-Serbja naqas; jilqa’ t-tkomplija tal-laqgħat bejn Belgrad u Pristina fi Brussell fid-9 ta’ Frar 2015; jinnota, madankollu, li ġew organizzati laqgħat fil-livell tekniku u li sar xi progress, inkluż dwar il-libertà tal-moviment; jiddispjaċih li l-biċċa l-kbira tal-ftehimiet iffirmati miż-żewġ naħat ma ġewx implimentati kompletament u jistieden lis-Serbja u lill-Kosovo jipproċedu bl-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet li diġà ntlaħaq qbil dwarhom b'determinazzjoni mġedda; jinsisti fuq l-importanza li jiġi spjegat lill-popolazzjoni s-sinifikat u l-implikazzjonijiet ta’ dawn il-ftehimiet; jenfasizza li l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien jistgħu jservi l-interessi taż-żewġ pajjiżi;
31. Itenni l-importanza li jiġi żgurat li l-Kosovo jiġi assenjat kodiċi telefoniku internazzjonali għalih mill-aktar fis possibbli, peress li dan jgħin biex jagħti viżibilità internazzjonali msaħħa lill-Kosovo;
32. Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-ratifika tad-deċiżjoni tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali li jagħti rikonoxximent sħiħ lill-Kumitat Olimpiku Nazzjonali tal-Kosovo u jħeġġeġ lil federazzjonijiet sportivi oħra jaġixxu b'konsegwenza, biex b’hekk l-isportivi nisa u rġiel Kosovari jkunu jistgħu jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet sportivi Ewropej u internazzjonali bħala ċittadini ta’ pajjiżhom;
33. Jenfasizza l-fatt li għandu jkun prijorità għall-Kosovo li jingħaqad ma’ organizzazzjonijiet u mekkaniżmi internazzjonali u reġjonali; jitlob li r-relazzjonijiet u r-rappreżentanza tal-Kosovo fi ħdan l-organizzazzjonijiet reġjonali, aġenziji u korpi internazzjonali bħall-Kunsill tal-Ewropa u istituzzjonijiet kulturali u tal-wirt, jissaħħaw għal sħubija sħiħa, u li r-rappreżentanza tagħha f’organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali tal-midja wkoll jiġu aġġornati bil-għan li l-artisti Kosovari jkunu jistgħu jieħdu sehem fl-avvenimenti kulturali internazzjonali kollha, inkluż l-Eurovision Song Contest; ifakkar, f’dan il-kuntest, l-importanza tal-konformità mal-ftehim milħuq dwar il-kooperazzjoni reġjonali;
34. Jistieden lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u lill-forzi tal-pulizija tal-Kosovo jaħdmu b’mod attiv u jikkooperaw mal-kontropartijiet Ewropej tagħhom sabiex jiksbu koordinazzjoni aħjar fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u t-traffikar tal-bnedmin, u jenfasizza f’dan il-kuntest l-importanza ta’ sħubija sħiħa tal-Kosovo fil-Europol u l-Interpol;
35. Jinnota li sar xi progress fir-rigward tat-Tramuntana, b'mod partikolari l-elezzjoni ta' sindki bis-saħħa ta' elezzjonijiet li saru fil-Kosovo kollu, u ż-żieda fin-numru ta' proġetti ffinanzjati mill-UE fit-Tramuntana; jisħaq, madankollu, fuq il-bżonn li jissokta t-twaqqif tal-Assoċjazzjoni tal-Muniċipalitajiet Serbi, li għandha tkompli tnaqqas il-ħtieġa ta' strutturi paralleli; jinnota, fl-istess ħin, li se jinħtieġu sforzi kontinwi ulterjuri biex il-komunità Albaniża u dik Serba jitressqu aktar lejn xulxin; jappella sabiex ikun hemm soluzzjoni konġunta għall-problema tal-pont ta' Mitrovica, li bħalissa qed ixekkel il-moviment liberu tal-persuni;
36. Itenni l-bżonn li l-konklużjonijiet tad-djalogu bejn Belgrad u Pristina jiġu kkomunikati bi trasparenza kompleta u li l-parlamenti u s-soċjetajiet ċivili jiġu involuti fil-proċess ta' implimentazzjoni;
37. Jistieden lill-awtoritajiet Serbi jipprovdu l-assistenza sħiħa fir-ripartijazzjoni tal-iġsma tal-persuni Kosovari nieqsa li nstabu fis-Serbja, u jkomplu fix-xogħol ta’ skavi fl-inħawi identifikati jew f’inħawi fejn huwa allegat li hemm oqbra tal-massa u li fihom huwa preżunt li hemm midfuna persuni nieqsa.
38. Jappoġġa t-tkomplija tal-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra fil-livell nazzjonali, u jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-prosekuzzjoni tal-istupri tal-gwerra;
39. Jistieden lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri jestendu l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kosovo lil hinn mit-28 ta' Frar 2015;
40. Jinnota bi tħassib li l-isplużjoni tas-6 ta' Ġunju 2014 fl-impjant Kosovo A hija prova tal-fraġilità tas-sistema u jħeġġeġ mill-ġdid li l-impjant jiġi dekummissjonat sa mhux aktar tard mill-2017; huwa konvint li l-Gvern tal-Kosovo għandu jfassal politika tal-enerġija ċara u vijabbli minħabba li dan huwa essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku tiegħu; jisħaq fuq il-bżonn li tiġi promossa l-effiċjenza enerġetika u li jitwettqu studji ta' valutazzjoni tal-ħtiġijiet enerġetiċi qabel ma jiġu kkummissjonati impjanti ġodda tal-enerġija;
41. Jilqa' l-isforzi biex jiġu ddiversifikati s-sorsi ta' enerġija u jiġu żviluppati s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mat-tnedija ta' xogħlijiet ta' kostruzzjoni ta' tliet impjanti idroelettriċi ġodda; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza li l-istandards ambjentali tal-UE jiġu adottati u applikati bis-sħiħ; għal darb'oħra jfakkar lill-awtoritajiet kemm hu importanti li b’mod konsistenti jkunu konformi mal-istandards ambjentali meta jfasslu l-istrateġija għall-iżvilupp tal-pajjiż;
42. Jesprimi tħassib dwar l-ammont kbir ta' residwi radjuattivi f'forma solida u likwida li għadhom jinsabu f'muniċipalitajiet madwar il-Kosovo kollu mingħajr protezzjoni sikura; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi assistenza u taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet tal-Kosovo bil-ħsieb li ssib soluzzjoni permanenti għal din il-problema;
43. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna kif ukoll lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Kosovo.