Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2603(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0241/2015

Dibattiti :

PV 12/03/2015 - 6.2
CRE 12/03/2015 - 6.2

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2015 - 8.2

Testi adottati :

P8_TA(2015)0072

Testi adottati
PDF 249kWORD 84k
Il-Ħamis, 12 ta' Marzu 2015 - Strasburgu
Is-Sudan t'Isfel, inkluż is-sekwestru reċenti ta' tfal
P8_TA(2015)0072RC-B8-0241/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-Sudan t'Isfel, inkluż is-sekwestru reċenti ta' tfal (2015/2603(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan t'Isfel, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Jannar(1) u tat-13 ta' Novembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel(2),

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied u kondiviżjoni tal-poter tat-2 ta' Frar 2015 bejn il-President Salva Kiir u l-ex Viċi President Riek Machar iffirmat f'Addis Ababa taħt l-awspiċji tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-3 ta' Frar 2015 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon dwar it-taħditiet ta' paċi fis-Sudan t'Isfel,

–  wara li kkunsidra l-komunikat tal-10 ta' Frar 2015 tal-laqgħa ta' livell għoli tal-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) tal-IGAD-NU dwar il-kriżijiet umanitarji fis-Sudan t'Isfel,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-25 ta' Frar 2015 tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għat-Tfal u l-Konflitti Armati,

–  wara li kkunsidra l-komunikat konġunt tar-Repubblika tas-Sudan t'Isfel u tan-NU ta' Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza sesswali relatata mal-konflitti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 2155 (2014) u 2206 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li jistabbilixxu s-sisien għal sanzjonijiet immirati fuq dawk li jostakolaw il-paċi fis-Sudan t'Isfel,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Marzu 2015 tal-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Federica Mogherini dwar in-nuqqas tal-partijiet fil-konflitt fis-Sudan t'Isfel li jilħqu ftehim ta' paċi,

–  wara li kkunsidra t-tiġdid tal-Pjan ta' Azzjoni tas-Sudan t'Isfel fl-2012 biex jintemmu r-reklutaġġ u l-użu tat-tfal mill-forzi armati tal-gvern u ksur gravi ieħor fil-konfront tat-tfal,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana li Tirregola l-Aspetti Specifici tal-Problemi tar-Rifugjati fl-Afrika,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet u l-Ġid tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta ' Kull Forma ta ' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-2010 tal-UE dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Nru 182 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar l-Agħar Forom tax-Xogħol tat-Tfal, adottata fl-1999, li telenka "r-reklutaġġ furzat u obbligatorju tat-tfal għall-użu f'konflitti armati" fost l-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Komprensiv ta' Paċi (CPA) Sudaniż tal-2005,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-15 u s-16 ta' Frar 2015, madwar 89 tifel u tifla, u possibbilment mijiet aktar, inħatfu mill-komunità ta' Wau Shilluk fl-Istat tan-Nil ta' Fuq minn grupp ta' milizzji allegatament immexxi minn Johnson Oloni, kmandant tal-Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu Sudaniż (SPLA); billi skont ix-xhieda, suldati armati ċċirkondaw il-komunità u fittxew f'kull dar, hekk kif is-subien ta' 'l fuq minn 12-il sena, fil-maġġoranza tagħhom, ittieħdu minn posthom bil-forza;

B.  billi f'Diċembru 2013, tilwima politika fi ħdan il-partit fil-gvern fis-Sudan t'Isfel, il-Moviment għal-Liberazzjoni tal-Poplu Sudaniż (SPLM), eskalat f'konfrontazzjoni armata f'Juba bejn il-forzi leali lejn il-President Kiir u dawk leali lejn l-ex Viċi President Riek Machar;

C.  billi wara l-konflitt armat intern li faqqa' f'Diċembru 2013, madwar 1,4 miljun persuna sfaw spostati internament, 500 000 ħarbu lejn pajjiżi ġirien u madwar 12 000 tifel u tifla ġew reklutati biex jimmilitaw fil-forzi u l-gruppi armati; billi eluf ta' tfal ġie rrappurtat li nqatlu, ġew stuprati, sfaw spostati jew spiċċaw orfni;

D.  billi huwa stmat li 4 miljun persuna qegħdin f'riskju għoli ta' insigurtà u nuqqas ta' ikel, u n-NU qed twissi ripetutament li l-kriżi umanitarja u l-ġuħ se jiżdiedu, jekk il-ġlied ikompli; billi, flimkien ma' nuqqas ta' kura medika u infrastruttura, jidher li s-sitwazzjoni ma tistax ħlief tmur għall-agħar;

E.  billi l-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika tas-Sudan t'Isfel (UNMISS) issa qed tipprovdi hija stess kenn sikur għal aktar minn 100 000 persuna li kienu internament spostati u li kienu qed ifittxu rifuġju mill-vjolenza, u hija stess sfat attakkata;

F.  billi, skont il-kalkoli tan-NU, aktar minn nofs il-popolazzjoni fil-kampijiet tar-rifuġjati huma tfal, li b'hekk qed iħabbtu wiċċhom ma' theddid sinifikanti għas-sigurtà fiżika, l-iżvilupp u l-benessri tagħhom; billi r-rati ta' mortalità tat-trabi fis-Sudan t'Isfel huma fost l-ogħla fid-dinja u l-indikaturi tal-edukazzjoni tal-pajjiż huma l-aktar baxxi fuq livell mondjali; billi 400 000 tifel u tifla telqu mill-iskola minħabba l-konflitt li għaddej bħalissa;

G.  billi l-partijiet fil-konflitt attakkaw persuni ċivili abbażi tal-etniċità u l-affinità politika perċepita tagħhom, ikkommettew atti ta' vjolenza sesswali u għamlu ħerba rampanti u serq mill-proprjetà;

H.  billi, fis-7 ta' Jannar 2014, il-partijiet differenti fil-konflitt fis-Sudan t'Isfel bdew negozjati f'Addis Ababa taħt l-awspiċji tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD); billi minkejja l-ftehimiet preċedenti biex jieqaf il-ġlied, bl-aktar wieħed reċenti jkun il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied iffirmat fit-2 ta' Frar 2015 f'Addis Ababa, u l-isforzi kontinwi tal-IGAD biex tinnegozja soluzzjoni politika għall-konflitt, il-ġlied baqa' għaddej, ikkaratterizzat minn nuqqas totali ta' attenzjoni għad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u d-dritt umanitarju, mingħajr ebda responsabbiltà għall-abbużi mwettqa fil-kuntest tal-konflitt;

I.  billi l-gvern u r-ribelli ma rnexxielhomx jilħqu l-iskadenza tal-5 ta' Marzu 2015 stabbilita mill-IGAD biex jintlaħaq ftehim ta' kondiviżjoni tal-poter u billi t-taħdititet ta' paċi ġew estiżi b'mod indefinit; billi l-medjatur ewlieni tal-IGAD ħabbar li n-NU u l-Unjoni Afrikana (UA) issa jistgħu jkollhom rwol dirett fin-negozjati;

J.  billi l-UA waqqfet Kummissjoni ta' Inkjesta f'Marzu 2014, iżda r-rapport finali tagħha kien għadu ma ġiex ippubblikat, minkejja li dan kien ippreżentat quddiem il-Kummissjoni tal-UA f'Ottubru 2014;

K.  billi d-deċiżjoni li tiddewwem il-pubblikazzjoni ntlaqgħet b'diżappunt ġenerali u qed titqies bħala daqqa ta' ħarta għar-responsabbiltà u għat-tmiem tal-impunità, b'personalitajiet bħall-Assistent Segretarju Ġenerali tan-NU Ivan Simonovic, l-ex Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Navi Pillay u membri prominenti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tas-Sudan t'Isfel jesprimu d-diżappunt tagħhom;

L.  billi fit-3 ta' Marzu 2015, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU approva unanimament sistema li permezz tagħha timponi sanzjonijiet fuq dawk responsabbli jew kompliċi fit-tkomplija tal-konflitt jew fit-tfixkil tal-paċi fis-Sudan t'Isfel; billi s-sanzjonijiet japplikaw ukoll għal dawk li jimmiraw lejn persuni ċivili, jew jattakkaw sptarijiet, siti reliġjużi, skejjel jew postijiet fejn persuni ċivili jkunu qed ifittxu rifuġju, u jirreklutaw jew jużaw lit-tfal f'forzi jew gruppi armati;

M.  billi minkejja l-vot tal-Parlament biex jirratifikahom, is-Sudan t'Isfel għadu ma ffirma ebda wieħed mit-trattati internazzjonali jew reġjonali ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem, bħalma huma l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, il-Konvenzjoni tal-UA li Tirregola l-Aspetti Specifici tal-Problemi tar-Rifugjati fl-Afrika, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa;

N.  billi l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali jgħid li l-lieva, l-arrwolament jew l-użu ta' tfal taħt l-età ta' 15-il sena għall-ġlied, min-naħa ta' forzi armati nazzjonali jew gruppi armati, jikkostitwixxu delitt tal-gwerra;

O.  billi fil-Parlament tas-Sudan t’Isfel kien taħt konsiderazzjoni abbozz ta’ liġi dwar organizzazzjonijiet mhux governattivi li tirrestrinġi d-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni, ir-reġistrazzjoni issir obbligatorja, l-NGOs ikunu pprojbiti milli joperaw jekk ma jkunux ġew irreġistrati, u tikkriminalizza attivitajiet volontarji mwettqa mingħajr ċertifikat ta’ reġistrazzjoni;

P.  billi l-iskejjel għadhom qed jintużaw, inter alia, għal skopijiet militari, bħala siti ta' okkupazzjoni, jew bħala postijiet ta’ reklutaġġ; billi fl-aħħar ta’ Frar 2015, 30 skola kienu allegatament għadhom qed jintużaw għal skopijiet militari;

Q.  billi apparti d-donaturi u l-għajnuna umanitarja, l-ekonomija tas-Sudan t’Isfel tiddependi kważi esklussivament fuq is-settur taż-żejt, bl-esportazzjonijiet taż-żejt jammontaw għal aktar minn 70 % tal-PDG u madwar 90 % tad-dħul tal-gvern; billi d-dħul iġġenerat mill-industrija taż-żejt kompla saħħaħ il-konflitti vjolenti;

R.  billi l-vjolenza li qed isseħħ bħalissa fis-Sudan t'Isfel għandha prezz umanitarju insopportabbli, bin-NU jistmaw li hemm bżonn ta' USD 1,81 biljun f'għajnuna umanitarja fl-2015; billi n-NU ddikjaraw livell ta' emerġenza 3 għas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel, li hu l-agħar livell ta' kriżi umanitarja;

S.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha pprovdew kważi EUR 300 miljun f’għajnuna umanitarja fl-2014 biex twieġeb għall-kriżi umanitarja u biex tittratta l-ħtiġijiet urġenti tar-rifuġjati tas-Sudan t’Isfel fir-reġjun;

1.  Jinsab imħasseb sew bid-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja u ta’ sigurtà fis-Sudan t’Isfel li tista’ tiddestabilizza r-reġjun kollu tal-Afrika tal-Lvant; jitlob b’urġenza lill-partijiet kollha jwaqqfu l-vjolenza, iwaqqfu l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, jifformaw gvern ta’ tranżizzjoni ta’ unità nazzjonali, u jippermettu li jkun hemm aċċess sħiħ għall-għajnuna umanitarja; jistieden lill-partijiet kollha jtemmu l-attakki fuq il-bini edukattiv u pubbliku u jieqfu jużaw l-iskejjel għal skopijiet militari, inkluż għar-reklutaġġ ta' suldati tfal; Ifakkar, f’dan ir-rigward, l-appoġġ tiegħu għal-linji gwida għall-Protezzjoni tal-Iskejjel u l-Universitajiet minn Użu Militari waqt Konflitt Armat;

2.  Jesprimi diżappunt kbir li wara aktar minn sena ta’ negozjati taħt l-awspiċji tal-IGAD, ma sar l-ebda progress sinifikanti; iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-konflitt biex jilħqu ftehim ta’ kondiviżjoni tal-poter u jappoġġa bis-sħiħ il-proċess ta’ negozjati li għaddej bħalissa, filwaqt li jappella għal waqfien mill-ġlied mingħajr kundizzjonijiet, komplet u immedjat u li jintemmu l-ostilitajiet kollha kif ukoll il-waqfien immedjat tar-reklutaġġ u l-mobilizzazzjoni ta’ ċivili; jitlob li jsiru sforzi biex jinstab mod kif jinkisbu l-paċi dejjiema u l-istabilità; iħeġġeġ lill-gvern u r-ribelli jimpenjaw ruħhom f'taħditiet politiċi bla kundizzjonijiet u inklużivi, li jsiru b'rieda tajba bil-għan li n-negozjati jiġu konklużi b'suċċess; iħeġġeġ il-kontinwazzjoni tal-isforzi tal-Unjoni Afrikana u tal-IGAD fil-promozzjoni ta' djalogu inklużiv u ta' medjazzjoni;

3.  Jitlob għall-ħelsien immedjat u r-ritorn sikur tat-tfal kollha reklutati mill-forzi armati sa mill-bidu tal-konflitt f’Diċembru 2013; ifakkar b’urġenza lill-partijiet kollha involuti fil-konflitt li r-reklutaġġ u l-użu ta' tfal f'forzi u gruppi armati huwa ksur gravi tad-dritt internazzjonali;

4.  Jistieden lill-SPLA u l-forzi tal-oppożizzjoni biex b’mod rigoruż u trasparenti jivverifikaw li ma għadx hemm tfal fosthom u li minnufih jiżviluppaw u jimplimentaw pjan ta’ azzjoni f’koordinazzjoni man-NU biex itemmu l-vjolazzjonijiet gravi tad-drittijiet tat-tfal;

5.  Ifakkar l-impenn li sar fl-2009, u mġedded fl-2012, mill-awtoritajiet tas-Sudan t’Isfel biex itemmu r-reklutaġġ u l-użu tat-tfal f’konflitti, biex jeħilsu lil tfal kollha assoċjati ma’ forzi tas-sigurtà tal-gvern, biex jipprovdu servizzi għar-riunifikazzjoni u r-riintegrazzjoni tal-familji tagħhom, u biex jinvestigaw vjolazzjonijiet gravi kontra t-tfal; jiddeplora l-fatt li dan l-impenn ma ġiex rispettat kompletament; jappella lill-partijiet kollha biex jimplimentaw bis-sħiħ il-linji gwida stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tassisti fil-mobilizzazzjoni tar-riżorsi biex jiffaċilitaw ir-riintegrazzjoni fuq terminu twil tat-tfal reklutati fil-forzi armati u dawk milquta mill-konflitt, f’koordinazzjoni mal-Uffiċċju tar-Rappreżentant Speċjali tan-NU għat-tfal f’Konflitti Armati, l-UNICEF u aġenziji oħra;

7.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jitnaqqas id-distakk bejn intervent f’każ ta’ kriżi umanitarja u kooperazzjoni għall-iżvilupp fit-tul; huwa tal-fehma, b’mod partikolari, li programmar ta' żvilupp fit-tul għat-tfal affettwati minn konflitti armati (CAACs) jeħtieġ li jiffoka, inter alia, fuq is-sistemi ta’ protezzjoni tat-tfal, l-edukazzjoni u l-iskemi ta’ impjieg; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-provvista ta’ appoġġ umanitarju u jipprovdu aċċess għar-riżorsi għal bdiewa u produtturi lokali;

8.  Iħeġġeġ lill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana biex jippubblika r-rapport tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta dwar is-Sudan t’Isfel tal-Unjoni Afrikana (AUCISS) dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż u biex jagħti segwitu għas-sejbiet tiegħu, mingħajr aktar dewmien;

9.  Jenfasizza l-fatt li l-pubblikazzjoni tar-rapport huwa pass kruċjali lejn il-paċi u r-rikonċiljazzjoni; jirrikonoxxi li l-poplu kollu tas-Sudan t’Isfel għandu d-dritt għall-verità u l-ġustizzja u li mijiet ta’ vittmi u xhieda ta’ atroċitajiet għamlu sforzi personali kbar biex jimpenjaw ruħhom mal-AUCISS, fejn ta' spiss ħadu riskji personali sinifikanti meta rrakkuntaw esperjenzi koroh sabiex jikkontribwixxu għal stampa aktar kompluta tal-konflitt;

10.  Jitlob li l-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jappoġġaw b’mod attiv l-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni ta’ Inkjesta, inkluż fir-rigward tal-istabbiliment possibbli ta’ qorti ibrida biex tittratta l-atroċitajiet, kif issuġġerit mis-Segretarju Ġenerali tan-NU;

11.  Jilqa’ l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 2206 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li timponi sanzjonijiet immirati li jaffettwaw direttament lil dawk li istigaw il-konflitt, u jappella għall-implimentazzjoni immedjata tagħha; jenfasizza l-ħtieġa għall-adozzjoni ta’ embargo komprensiv fuq l-armi fil-livell reġjonali u internazzjonali biex iwaqqaf il-provvista ta’ armi lil individwi u gruppi li wettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità, u biex jitħarsu ċ-ċivili li jinsabu f’riskju serju;

12.  Jistieden lill-Gvern tas-Sudan t’Isfel biex iwettaq investigazzjonijiet fil-pront, rigorużi, imparzjali u indipendenti dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem bil-ħsieb li l-individwi suspettati li wettqu delitti skont id-dritt internazzjonali u ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-ħtif u r-reklutaġġ ta’ tfal f’konflitt armat kif ukoll vjolenza sesswali kontra n-nisa u t-tfal jitressqu quddiem il-ġustizzja u jinżammu responsabbli;

13.  Ifakkar il-Protokoll tal-IGAD tal-25 ta’ Awwissu 2014 li jiddikjara speċifikament li individwi identifikati mill-AUCISS bħala responsabbli ta' delitti serji mhux se jkunu eliġibbli biex jipparteċipaw fil-Gvern ta’ Transizzjoni;

14.  Jistieden lill-Gvern tas-Sudan t’Isfel biex jiffinalizza b'mod urġenti l-emendi leġiżlattivi li jikkriminalizzaw ir-reklutaġġ u l-użu ta’ tfal, biex juża din il-leġiżlazzjoni fil-prosekuzzjoni tat-trasgressuri u biex jiffinalizza l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, inklużi l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-2002 u biex jaderixxi mal-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

15.  Jistieden lill-Gvern tas-Sudan t’Isfel biex jirrifjuta leġiżlazzjoni li tillimita s-setturi li fihom l-NGOs u l-assoċjazzjonijiet jistgħu jwettqu l-ħidma tagħhom, u li tista' tfixkel serjament l-iżvilupp tas-soċjetà u l-isforzi umanitarji ta' sokkors;

16.  Jistieden lill-Gvern tas-Sudan t’Isfel biex jissodisfa r-responsabbiltà tiegħu li jipprovdi għall-poplu tiegħu u jħeġġeġ lid-donaturi internazzjonali biex iżidu l-għajnuna, filwaqt li minħabba l-iskala u l-urġenza tal-ħtiġijiet, jistieden lill-komunità internazzjonali biex tlaqqa' konferenza ġdida tad-donaturi internazzjonali għas-Sudan t’Isfel meta jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet għal paċi kollha u jkun ġie stabbilit mekkaniżmu ta’ distribuzzjoni tad-dħul xieraq;

17.  Iħeġġeġ il-ġestjoni responsabbli tar-riżorsi naturali tas-Sudan t’Isfel biex jiżgura li d-dħul miż-żejt ma jħeġġiġx il-konflitt; jistieden lill-partijiet kollha li qed jieħdu sehem fin-negozjati sabiex fit-taħdidiet ta' paċi u f'kull ftehim finali jinkludu l-kwistjoni tat-trasparenza u tal-iskrutinju pubbliku fir-rigward tas-settur taż-żejt, b'tali mod li d-dħul iġġenerat minn din ir-riżorsa jkun jista' jintuża għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż u biex jitjieb il-livell ta' għajxien tal-popolazzjoni tiegħu;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel, lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tas-Sudan t'Isfel, lill-Assemblea Leġiżlattiva Nazzjonali tas-Sudan t'Isfel, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0042.
(2) Testi adottati, P8_TA(2014)0053.

Avviż legali - Politika tal-privatezza