Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2604(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0242/2015

Dibattiti :

PV 12/03/2015 - 6.3
CRE 12/03/2015 - 6.3

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2015 - 8.3

Testi adottati :

P8_TA(2015)0073

Testi adottati
PDF 242kWORD 78k
Il-Ħamis, 12 ta' Marzu 2015 - Strasburgu
It-Tanzanija, b'mod partikolari l-kwistjoni tal-approprjazzjoni tal-art
P8_TA(2015)0073RC-B8-0242/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 dwar it-Tanzanija, b'mod partikolari l-kwistjoni tal-approprjazzjoni tal-art (2015/2604(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Land Transparency Initiative tal-G8 tal-2013,

–  wara li kkunsidra l-Framework and Guidelines on Land Policy in Africa (ALPFG) tal-Unjoni Afrikana (Qafas u Linji Gwida dwar il-Politika tal-Artijiet fl-Afrika) u l-"Policy Framework for Pastoralism in Africa": "Securing, Protecting and Improving the Lives, Livelihoods and Rights of Pastoralist Communities" (Qafas Politiku għall-Pastoraliżmu fl-Afrika: is-Sigurtà, il-Protezzjoni u t-Titjib tal-Ħajjiet, tal-Għajxien u tad-Drittijiet tal-Komunitajiet tar-Raħħala) adottati mill-Konferenza tal-Ministri tal-Agrikoltura tal-Afrika f'Ottubru 2010 u approvati mit-18-il sessjoni ordinarja tal-Kunsill Eżekuttiv li saret f'Addis Ababa f'Jannar 2011 (Dok. EX.CL/631 XVIII) u d-Dikjarazzjoni tal-Unjoni Afrikana tal-2009 dwar Kwistjonijiet u Sfidi relatati mal-Artijiet,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Summit Dinji dwar is-Sigurtà Alimentari, adottata f'Ruma fl-2010, il-Prinċipji għall-Investimenti Agrikoli Responsabbli li jirrispettaw id-drittijiet, l-għajxien u r-riżorsi (PRAI), u l-Linji Gwida Volontarji għal Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art Applikabbli għall-Art, għas-Sajd u għall-Foresti fil-Kuntest tas-Sigurtà Alimentari Nazzjonali (VGGT) tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO),

–  wara li kkunsidra l-Guiding Principles on Large-Scale Land Based Investments in Africa (LSLBI) (Prinċipji Gwida dwar l-Investimenti bbażati fuq l-Art fuq skala kbira fl-Afrika) tal-Unjoni Afrikana, tal-Bank Afrikan tal-Iżvilupp u tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Afrika,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-11 ta' Ġunju 2009 tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt għall-Ikel, Olivier De Schutter, bl-isem "Large-scale land acquisitions and leases: a set of core principles and measures to address the human rights challenge" (Akkwist u kiri ta' art ta' skala kbira: ġabra ta' prinċipji fundamentali u miżuri biex tiġi ttrattata l-isfida tad-drittijiet tal-bniedem),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tat-8 ta' Settembru 2000 li tistabbilixxi l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs), b'mod partikolari l-għanijiet 1, 3 u 7,

–  wara li kkunsidra r-rapport tan-NU dwar l-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millennju tal-2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, li sar f'Rio de Janeiro (il-Brażil) mill-20 sat-22 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Insedjamenti Umani (UN-Habitat) tal-2008 bit-titolu "Secure Land Rights for All" (Drittijiet tal-Art Siguri għal Kulħadd) u l-gwida tal-UN-Habitat dwar "How to Develop a Pro-Poor Land Policy: Process, Guide and Lessons" (Kif Tiżviluppa Politika dwar l-Art Orjentata Lejn il-Fqar: Proċess, Gwida u Lezzjonijiet),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjon tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP) u l-Konvenzjoni dwar il-Popli Indiġeni u Tribali (Nru 169) tal-1989 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO),

–  wara li kkunsidra l-Att Nru 5 tal-1999 dwar l-Art tal-Villaġġi u l-Att tal-1982 dwar il-Gvern Lokali tar-Repubblika Unita tat-Tanzanija,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Politika tal-Artijiet tal-2004 li toffri gwida għall-iżvilupp u l-programmazzjoni tal-politika tal-artijiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

–  wara li kkunsidra t-tħabbira tal-Kummissjoni tad-9 ta' April 2014 dwar il-ħolqien ta' programm ġdid bis-somma ta' EUR 33 000 000, immirat biex itejjeb il-governanza tal-artijiet u s-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni għall-familja ta' bdiewa u għall-komunitajiet vulnerabbli fl-Afrika Sub-Saħarjana,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-2011,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Parlamentari Konġunta AKP-UE bit-titolu "the social and environmental impact of pastoralism in ACP countries" (ir-riperkussjonijiet soċjali u ambjentali tal-pastoraliżmu fil-pajjiżi AKP) adottata f'Novembru 2013 (ACP-EU/101.526/13/fin),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-2015 bit-titolu "Addressing the Human Rights Impact of Land Grabbing" (Nindirizzaw l-impatt tal-approprjazzjoni tal-art fuq id-drittijiet tal-bniedem ) ikkummissjonat mill-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim rivedut ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-isfidi ewlenin tas-seklu 21 – sikurezza alimentari, skarsità tal-enerġija, nuqqas ta' ilma, tkabbir urban u żieda demografika, degrad ambjentali, tibdil fil-klima, diżastri naturali u fraġilità tal-istat – huma relatati mal-kwistjonijiet ta' governanza tal-art, li jirrinfurzaw il-ħtieġa li tingħata prijorità lil riforma tal-artijiet komprensiva u jassiguraw id-drittijiet għall-art;

B.  billi l-awtoritajiet tat-Tanzanija ħabbru pjan ta' bejgħ ta' 1 500 km2 artijiet tal-Maasai fis-Serengeti tal-Punent lil kumpanija privata fil-qasam tal-kaċċa u tas-safari b'sede fl-Emirati Għarab Magħquda; billi dan il-pjan jinvolvi l-iżgumbrament ta' popolazzjoni 40 000 Maasai li jgħixu mill-pastoraliżmu;

C.  billi minħabba pressjonijiet internazzjonali, il-President tat-Tanzanija, Jakaya Kikwete, f'Novembru 2014 iddikjara li abbanduna l-pjan u wiegħed li qatt mhu se jkeċċi lill-poplu Maasai 'l barra mill-artijiet tal-antenati tagħhom; billi minkejja din il-wegħda, eluf ta' Maasai kienu żgumbrati illegalment minn artijiethom; billi rapporti reċenti jindikaw li nqerdu 'l fuq minn 200 dar u l-bhejjem ikkonfiskati mill-awtoritajiet tat-Tanzanija, li ħallew aktar minn 3 000 ruħ bla dar u mingħajr kenn;

D.  billi l-Maasai tat-Tanzanija ilhom iż-żmien jissieltu fuq tilwim dejjem aktar dwar is-sjieda tal-art mal-awtoritajiet tat-Tanzanija, sa mill-1992 meta l-Ortello Business Corporation (OBC) ta' pussess barrani ngħatat id-drittijiet tal-kaċċa fil-Loliondo Game Control Area, li hija abitata u b'sjieda legali tar-raħħala Maasai;

E.  billi petizzjoni mill-komunità Maasai tad-distrett ta' Ngorongoro ġiet iffirmata minn aktar minn 2 miljun persuna fid-dinja kollha fuq l-internet permezz tal-pjattaforma AVAAZ;

F.  billi l-investituri privati u l-gvernijiet qegħdin juru interess dejjem akbar fl-akkwist jew fil-kiri fit-tul ta' artijiet fuq skala kbira għal produzzjoni tal-ikel jew tal-enerġija jew għall-estrazzjoni tal-minerali, l-aktar fil-pajjiżi Afrikani li qegħdin jiżviluppaw, b'mod speċjali fit-Tanzanija;

G.  billi t-Tanzanija rat żieda sinifikanti fl-interess barrani u intern għat-twaqqif ta' pjantaġġuni fuq skala kbira tal-bijokarburant fil-pajjiż, fejn, bejn l-2005 u l-2008, madwar 640 000 ettaru art kienet allokata lill-investituri, b'hekk ir-raħħala u l-unitajiet domestiċi rurali ġew imċaħħda mill-artijiet u mill-għajxien tagħhom u żdiedet l-insigurtà tal-ikel tagħhom;

H.  billi madwar 1,4 biljun ettaru fid-dinja huma rregolati minn normi konswetudinarji; billi l-aċċess għall-art għall-popli indiġeni ngħata forom speċifiċi ta' protezzjoni skont il-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, filwaqt li l-Artikolu 10 ta' din tal-aħħar jiggarantixxi d-dritt li ma jitkeċċewx bil-forza mill-artijiet u t-territorji tagħhom u jiddikjara li l-ebda trasferiment ma għandu jsir mingħar il-kunsens infurmat, liberu u preliminari tal-popli indiġeni u wara ftehim dwar kumpens ġust u ekwu kif ukoll, fejn possibbli, bil-possibbiltà ta' ritorn;

I.  billi akkwisti ta' art fuq skala kbira jistgħu jiġu definiti skont id-Dikjarazzjoni ta' Tirana tal-2011 bħala "approprjazzjoni tal-art" meta japplika wieħed jew aktar mis-segwenti: meta jkun hemm ksur ċar tad-drittijiet tal-bniedem; meta l-ispostament tal-komunitajiet lokali milquta jsir mingħajr il-kunsens infurmat, liberu u preliminari; meta ma jkunx abbażi ta' kuntratti trasparenti; u meta jkun ġie vvalutat impatt negattiv soċjali, ekonomiku u ambjentali;

J.  billi, skont il-Bank Afrikan tal-Iżvilupp, 75 % tal-popolazzjoni tat-Tanzanija huma bdiewa fuq skala żgħira; billi l-komunitajiet jgħixu tajjeb u f'armonija mal-flora u l-fawna selvaġġi protetti u jirrapreżentaw madwar 10 % tal-popolazzjoni tat-Tanzanija, inklużi l-Maasai, iżda għadhom iħabbtu wiċċhom mat-telf ta' artijiethom minħabba l-bejgħ ta' art mingħajr l-għarfien adegwat tal-konsegwenzi ġuridiċi u prattiċi, allokazzjoni korrotta u illegali tal-art lill-barranin u l-klassifikazzjoni ta' art bħala "trust land", riservi jew parks nazzjonali mill-awtoritajiet;

K.  billi l-Artikolu 17 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem jirrikonoxxi d-dritt ta' kulħadd biex jippossjedi proprjetà kemm waħdu jew f'assoċjazzjoni ma' oħrajn, u jipprevedi li ħadd m'għandu jiġi mċaħħad arbitrarjament mill-proprjetà tiegħu;

L.  billi l-kumpaniji internazzjonali, inklużi l-kumpaniji Ewropej, għandhom rwol sinifikanti fl-akkwisti ta' art fuq skala kbira fit-Tanzanija, u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali kienu involuti fil-finanzjament ta' ftehimiet dwar artijiet fuq skala kbira fil-pajjiż

M.  billi l-Qafas u l-Linji gwida dwar il-Politika tal-Art fl-Afrika jitlob ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tal-komunitajiet, inklużi r-rispett tad-drittijiet konswetudinarji tal-art u ta' riżorsi li ġejjin mill-art;

N.  billi f'Mejju 2014 l-UE nediet programm ġdid biex issaħħaħ il-governanza tal-art u tgħin fit-titjib tas-sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni tal-familji ta' bdiewa u komunitajiet vulnerabbli fil-pajjiżi Afrikani;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-ispostament illegali ta' komunitajiet lokali rurali, il-qerda tal-villaġġi u tal-istil tradizzjonali ta' ħajja tagħhom, u l-vjolazzjoni tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem, inklużi id-dritt għall-ikel xieraq, id-dritt għall-ilma, u d-dritt għall-alloġġi xierqa;

2.  Jikkundanna b'mod partikolari l-azzjonijiet li ma jirrikonoxxux il-leġittimità ta' arranġamenti konswetudinarji ta' pussess tal-art li jipprovdu drittijiet statutorji lill-individwi u lill-komunitajiet, u li jipprevjenu l-esproprjazzjoni u l-abbużi tad-drittjiet tal-art, li huma prevalenti b'mod speċjali fil-komunitajiet Afrikani;

3.  Jistieden lill-Gvern tat-Tanzanija jimplimenta b'mod immedjat l-VGGT u jiggarantixxi l-ġustizzjabbiltà b'mod effikaċi tad-drittijiet tal-bniedem minquxa fih; isostni l-ewwel prinċipju fundamentali tal-Prinċipji Gwida tal-LSLBI, li jinkludi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tal-komunitajiet u tad-drittijiet konswetudinarji tal-art u li jikkontribwixxi għall-governanza responsabbli tal-art u tar-riżorsi li ġejjin mill-art f'konformità mal-istat tad-dritt; u għal titjib tad-drittijiet tal-art tan-nisa, li jammontaw għal mill-anqas nofs il-forza tax-xogħol fil-biedja u fil-kummerċ, iżda li l-aċċess tagħhom għad-drittijiet tal-proprjetà u għas-servizzi anċillari ta' dawn id-drittijiet (eż. aċċess għall-banek u parteċipazzjoni f'assoċjazzjonijiet) huwa ristrett, kif ukoll id-drittijiet tal-art għall-komunitajiet u gruppi soċjali vulnerabbli, bħall-komunitajiet tar-raħħala;

4.  Jappella għal ftuħ ta' investigazzjoni indipendenti dwar it-tilwim fuq l-artijiet fiż-żona ta' Loliolindo;

5.  Iħeġġeġ lill-Gvern tat-Tanzanija jippromwovi politiki ta' investiment agrikolu li jibbenefika lill-popolazzjoni lokali fir-reġjuni kkonċernati, jikkonforma u jinforza l-politiki tiegħu dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali u ambjentali, inklużi valutazzjonijiet ta' impatt fuq il-produzzjoni tal-ikel lokali, qabel il-bidu ta' kwalunkwe proġett ta' investiment, u jirrispetta kif xieraq id-dispożizzjonijiet dwar konsultazzjoni u kumpens fil-każ ta' esproprju ta' art;

6.  Ifakkar b'mod partikolari li l-popli indiġeni ngħataw forom speċifiċi ta' protezzjoni tad-drittijiet tagħhom fuq l-art skont id-dritt internazzjonali; jenfasizza, bi qbil mad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, li kull tibdil fl-użu tal-art għandu jseħħ biss bil-kunsens liberu, preliminari u infurmat tal-komunitajiet lokali kkonċernati; jinsisti li l-istati għandhom jipprovdu mekkaniżmi effikaċi għall-prevenzjoni u r-rimedju għal kwalunkwe azzjoni li għandha l-għan jew l-effett li tesproprja popli indiġeni mill-artijiet, mit-territorji jew mir-riżorsi tagħhom;

7.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' informazzjoni preċiża u s-segretezza dwar in-numru ta' investimenti fit-Tanzanija; jitlob lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet jiżguraw li l-ftehimiet dwar l-art isiru b'mod pubbliku u trasparenti u jkunu adattati għal dawk il-persuni mobbli li jrabbu l-annimali u r-raħħala;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, timpenja ruħha b'mod attiv mal-awtoritajiet tat-Tanzanija bil-għan li tħeġġiġhom jippreżentaw rikonoxximent kodifikat u ġuridikament vinkolanti dwar id-drittijiet tal-poplu Maasai, b'referenza partikolari għall-artijiet tal-antenati tagħhom, biex b'hekk jipprovdu l-protezzjoni ġuridika meħtieġa biex jipprevjenu tilwim fil-futur;

9.  Jenfasizza, li l-iżgurar tal-pussess tal-art għall-komunitajiet rurali huwa essenzjali biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs); jitlob lill-UE ssaħħaħ il-bini tal-kapaċità tal-qrati f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw bil-għan li l-liġi dwar il-proprjetà tiġi infurzata b'mod effikaċi u li jiġu riżolti t-tilwimiet dwar l-art bħala parti minn approċċ olistiku maħsub biex jikkonsolida s-sistemi ġudizzjarji u l-istat tad-dritt;

10.  Ifakkar li l-proġetti ta' skala kbira spiss jikkawżaw ħsara lill-ambjent naturali, fosthom il-qerda tal-foresti, it-telfien tal-bijodiversità u l-kontaminazzjoni tal-ilma;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura l-allinjament tal-linji gwida għall-politika tagħha dwar l-art mal-VGGT, u tagħtih aktar importanza fil-programmi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, fil-politika ta' kummerċ u investiment u fl-involviment tagħha f'istituzzjonijiet ta' finanzjament multilaterali;

12.  Itenni li d-drittijiet tal-bniedem u r-regoli li jipprojbixxu l-approprjazzjoni tal-art għandhom jiġu integrati fil-ftehimiet ta' kummerċ u invesitment tal-UE, inkluża s-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati (SPĠ);

13.  Jisħaq fuq l-importanza tat-trasparenza u r-responsabilità sħiħa tal-operazzjonijiet tal-kumpaniji u l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE f'investimenti ta' kummerċ agrikolu ta' skala kbira u l-akkwisti tal-art fit-Tanzanija, u jappella għal mekkaniżmu tal-UE b'saħħtu u effikaċi biex iwettaq monitoraġġ ta' dawn l-operazzjonijiet;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament dwar in-nefqa fi programmi għall-iżvilupp u l-baġit tal-UE relatat mal-governanza tal-artijiet, bil-għan li jiġi żgurat li dawk il-programmi jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u jittrattaw l-isfidi relatati mal-approprjazzjoni tal-art;

15.  Jisħaq li l-proċessi tal-politika tal-artijiet iridu jirrikonoxxu b'mod effikaċi r-rwol ta' istituzzjonijiet u strutturi, lokali u bbażati fil-komunità, għall-amministrazzjoni/ġestjoni tal-artijiet, flimkien ma' istituzzjonijiet u strutturi tal-istat;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Unjoni Afrikana u lill-Gvern u l-Parlament tat-Tanzanija.

Avviż legali - Politika tal-privatezza