Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 dwar l-isfruttament sostenibbli tal-ispnott (2015/2596(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għas-Sajd,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-informazzjoni xjentifika dwar l-istatus tal-istokk tal-ispnott hija insuffiċjenti, b'mod partikolari d-data disponibbli dwar il-limiti preċiżi, il-perkorsi tal-passa tal-istokk u l-postijiet ta' riproduzzjoni tal-ispnott;
B. billi l-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) jidentifika erba' tipi ta' stokkijiet tal-ispnott: il-Baħar Ċeltiku/il-Kanal Ingliż/il-Baħar tat-Tramuntana, il-Golf tal-Biskalja, l-ilmijiet fil-Punent tal-Peniżola Iberika, u l-ilmijiet fil-Punent tal-Iskozja/Irlanda;
C. billi diversi studji juru li l-istat tal-istokk tal-ispnott huwa inkwetanti, minkejja li fil-passat il-Kummissjoni ħadet miżuri ta' emerġenza;
D. billi, minħabba l-fatt li l-mortalità għadha għolja ħafna u li l-ispnott huwa speċi li jikber bil-mod u jimmatura tard, l-ispnott jeħtieġ perjodu ta' żmien twil biex jirkupra d-daqs tal-popolazzjoni;
E. billi l-ispnott huwa speċi nobbli, mitlub ħafna mill-industrija tas-sajd għal valur ekonomiku sinifikanti tiegħu;
F. billi għadd konsiderevoli ta' dgħajjes huma involuti fis-sajd tal-ispnott, u huwa sajd eteroġenju f'termini ta' daqs ta' laneċ tas-sajd, l-istaġuni tas-sajd u l-irkaptu użat;
G. billi l-qbid mis-sajd rikreattiv huwa sinifikanti u jikkontribwixxi għal mill-inqas kwart tal-qbid ta' din l-ispeċi;
H. billi r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd(1) jipprevedi li l-istokkijiet għandhom jiġu ripristinati jew jinżammu f'livelli ogħla mir-rendiment massimu sostenibbli;
I. billi l-ispnott huwa speċi li mhuwiex soġġett għall-qabdiet totali permissibbli (TAC);
J. billi l-Kummissjoni ħadet miżuri ta' emerġenza li jipprojbixxu sajd tal-ispnott bl-użu ta' xbieki tat-tkarkir pelaġiċi fil-Baħar Ċeltiku, fil-Kanal Ingliż, fil-Baħar Irlandiż u fin-Nofsinhar tal-Baħar tat-Tramuntana sat-30 ta' April 2015;
K. billi miżuri ta' ġestjoni nazzjonali meħuda s'issa huma insuffiċjenti biex tinżamm l-ispeċi u ma jsolvux il-problemi tal-kondiviżjoni u tal-aċċess għar-riżorsi;
L. billi l-isfruttament tal-ispnott matul il-perjodi ta' riproduzzjoni għandu jkun partikolarment limitat peress li dan inaqqas b'mod viżibbli it-tiġdid tal-istokk u jipprevjeni l-irkupru tiegħu;
M. billi fl-Irlanda s-sajd tal-ispnott huwa riservat għas-sajd rikreattiv;
N. billi l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) jirrakkomanda tnaqqis fil-mortalità mis-sajd tal-ispnott ta' madwar 60 %;
O. billi x-xogħol tal-Group ta' Ħidma Inter-AC dwar l-ispnott jirrakkomanda miżuri ta' ġestjoni Ewropej;
P. billi l-isfruttament sostenibbli tal-ispnott jinvolvi għażliet politiċi, li għandhom jsiru bl-involviment tal-partijiet interessati rilevanti kollha;
1. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw l-istat tal-istokk tal-ispnott u d-delimitazzjoni tiegħu, il-passa tal-ispeċi u l-postijiet eżatti ta' riproduzzjoni; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibnu fuq il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, li jipprovdi finanzjament sostanzjali għall-ġbir ta' data xjentifika;
2. Jenfasizza l-importanza li jiġu evalwati b'mod preċiż is-segment ta' diversi attivitajiet tas-sajd tal-ispnott u s-segment tal-perċentwali ta' qabdiet fis-sajd rikreattiv;
3. Iqis li jinħtieġu miżuri għall-immaniġġjar tat-tħaddim tas-sajd tal-ispnott fil-livell Ewropew sabiex titħares din l-ispeċi; iqis, barra minn hekk, li dawn il-miżuri għandhom jieħdu kont b'mod suffiċjenti tal-għarfien xjentifiku u jiffavorixxu l-ġestjoni tal-prossimità u l-prinċipju tar-reġjonalizzazzjoni;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi pjan ta' ġestjoni pluriennali dwar l-ispnott bil-għan li l-istokk jiġi ripristinat f'livell ogħla mir-rendiment massimu sostenibbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu involuti sajjieda professjonisti u dilettanti u kunsilli konsultattivi fit-tħejjija ta' dan il-pjan ta' ġestjoni;
5. Ifakkar li l-pjanijiet ta' ġestjoni pluriennali għandhom jitħejjew skont il-proċedura ta' kodeċiżjoni;
6. Iqis li, sabiex jiġi żviluppat pjan ta' ġestjoni pluriennali għall-ispnott, huwa importanti li jiġu evalwati miżuri differenti ta' ġestjoni għas-sajd kummerċjali, b'mod partikolari l-introduzzjoni ta' qabdiet totali permissibli (TAC) u l-ħtieġa ta' deċiżjoni xjentifikament soda dwar id-daqs minimu ta' żbark u l-għeluq spazjotemporali għas-sajd bil-għan li titħares ir-riproduzzjoni u miżuri tekniċi oħra;
7. Jirrikonoxxi l-problemi li l-introduzzjoni ta' TAC taf tiġġenera, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-qabdiet storiċi, id-distribuzzjoni tal-kwoti fil-livell nazzjonali bejn l-attivitajiet differenti u d-diffikultà li jiġi kopert is-sajd rikreattiv, iżda, fid-dawl tan-neċessità assoluta li jiġi indirizzat l-istat tal-istokkijiet tal-ispnott, jenfasizza li tali miżura għandha tiġi kkunsidrata;
8. Jemmen li l-miżuri tal-UE huma neċessarji għas-sajd rikreattiv f'forma ta' limiti kwantitattivi, li l-forma tagħhom għad trid tiġi definita;
9. Iqis li l-miżuri għas-sajd kummerċjali u għas-sajd rikreattiv għandhom ikunu koerenti ma' xulxin sabiex l-istokk jinżamm ogħla mir-rendiment massimu sostenibbli, f'konformità mal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.