Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2169(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0059/2015

Testi mressqa :

A8-0059/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/03/2015 - 20.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0084

Testi adottati
PDF 225kWORD 60k
L-Erbgħa, 25 ta' Marzu 2015 - Brussell
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Ivan Jakovčić
P8_TA(2015)0084A8-0059/2015

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Marzu 2015 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Ivan Jakovčić (2014/2169(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Ivan Jakovčić, imressqa fil-5 ta' Settembru 2014 mill-avukat tal-parti offiża bħala rikorrent f'konnessjoni ma' proċedimenti kriminali pendenti quddiem il-Qorti Muniċipali f'Pazin (il-Kroazja) (Ref. No K-143/14), u mħabbra fis-seduta plenarja tat-23 ta' Ottubru 2014,

–  wara li kkunsidra l-ittri tar-Rappreżentant Permanenti tar-Repubblika tal-Kroazja għall-UE tal-14 ta' Frar 2014 u tas-16 ta' Jannar 2015 li jikkonfermaw li, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi Kroata, il-parti offiża bħala rikorrenti tista' titlob it-tneħħija tal-immunità ta' Membru Kroat tal-Parlament Ewropew,

–  wara li sema' lil Ivan Jakovčić bi qbil mal-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid- 19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2009 dwar l-immunità parlamentari fil-Polonja(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 23 u 28 tal-Ordnijiet Permanenti tal-Parlament Kroat,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 61(1) tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali Kroat,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0059/2015),

A.  billi l-avukat ta' rikorrent privat talab għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Membru tal-Parlament Ewropew, Ivan Jakovčić, b'konnessjoni ma' proċedimenti legali dwar allegat reat ta' malafama;

B.  billi bl-ittra tal-14 ta' Frar 2014, ir-Rappreżentant Permanenti tar-Repubblika tal-Kroazja għall-UE informa lill-President tal-Parlament li, fin-nuqqas ta' regoli proċedurali speċifiċi fir-rigward tat-talba għat-tneħħija tal-immunità tal-Membri Kroati tal-Parlament Ewropew, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità tal-Membri tal-Parlament nazzjonali għandhom japplikaw u li, skont dawn id-dispożizzjonijiet, talba għal approvazzjoni ta' żamma ta' persuna taħt arrest matul il-kawża (kustodja) jew għall-bidu ta' proċedimenti kriminali kontra Membru tista' ssir minn kwalunkwe korp statali awtorizzat, mill-parti offiża bħala attur jew minn rikorrent privat;

C.  billi bl-ittra tas-16 ta' Jannar 2015, ir-Rappreżentant Permanenti tar-Repubblika tal-Kroazja għall-UE kkonferma li l-proċedimenti legali, li b'konnessjoni magħhom intalbet it-tneħħija tal-immunità tas-Sur Jakovčić, kienu fil-fatt pendenti quddiem il-qorti kompetenti fil-Kroazja;

D.  billi, skont l-Artikolu 8 tal-Protokol dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu soġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċedimenti legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom;

E.  billi l-iskop ta' din id-dispożizzjoni huwa li jiżgura li l-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu l-libertà ta' espressjoni bħala kwistjoni ta' prinċipju, iżda billi dan id-dritt għal-libertà ta' espressjoni ma jawtorizzax il-kalunja, il-libell, l-inċitament għall-mibegħda jew li l-unur tal-oħrajn jitqiegħed fid-dubju;

F.  billi t-talba għat-tneħħija tal-immunità tirrigwarda l-proċedimenti kriminali istitwiti kontra s-Sur Jakovčić skont l-Artikolu 147(1) u (2) tal-Kodiċi Kriminali Kroat, f'konnessjoni ma' dikjarazzjonijiet ta' malafama li huwa allegatament għamel f'intervista mar-Radjuteleviżjoni Kroata HRT fit-22 ta' Lulju 2014;

G.  billi skont l-Artikolu 61(1) tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali Kroat (Zakon o kaznenom postupku), f'każ ta' prosekuzzjoni privata, il-ħlas privat għandu jiġi ppreżentat fi żmien tliet xhur mid-data li fiha persuna fiżika jew ġuridika awtorizzata saret taf bir-reat u l-awtur tiegħu.

H.  billi, skont l-Artikolu 9(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, talbiet għat-tneħħija tal-immunità għandhom ikunu ikkunsidrati mingħajr dewmien, imma billi titqies il-komplessità relattiva tagħhom;

I.  billi s-Sur Jakovčić kien Membru tal-Parlament Ewropew meta saret l-intervista; billi, madankollu, id-dikjarazzjonijiet li allegatament saru jirrigwardaw kwistjoni li tmur lura għal żmien meta hu ma kienx għadu fil-kariga;

J.  billi, minħabba dan, id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni ma għandhomx konnessjoni diretta u ovvja mal-qadi tad-dmirijiet tas-Sur Jakovčić bħala Membru tal-Parlament Ewropew u lanqas ma jikkostitwixxu opinjoni espressa jew vot mitfugħ fil-qadi ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7;

K.  billi s-Sur Jakovčić ma jistax, għalhekk, jitqies li kien qed jaġixxi fil-qadi ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

1.  Iqis li t-talba għat-tneħħija tal-immunità tas-Sur Jakovčić ġiet sottomessa mill-awtorità kompetenti fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 9(1) tar-Regoli ta' Proċedura u li, għal din ir-raġuni, għandha tiġi meqjusa ammissibbli; iqis, barra minn hekk, li, fid-dawl tal-Artikolu 9(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, l-ebda terminu ma jista' jiġi imposta fuq il-Parlament biex tintlaħaq deċiżjoni dwar talba għat-tneħħija tal-immunità;

2.  Iddeċieda li jneħħi l-immunità ta' Ivan Jakovčić;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-Kroazja u lil Ivan Jakovčić.

(1) Sentenza fil-Kawża 101/63 Wagner v Fohrmann u Krier, EU:C:1964:28; sentenza fil-Kawża 149/85 Wybot vs Faure et, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza fil-Kawża T-345/05 Mote vs Il-Parliament, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza fil-Kawżi Magħquda C-200/07 u C-201/07 Marr vs De Gregorio u Clemente, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza fil-Kawża T‑42/06 Gollnisch vs Parliament, EU:T:2010:102; sentenza fil-Kawża C-163/10 Patriciello, ECLI:EU:C:2011:543; sentenza fil-Kawżi Magħquda T-346/11 u T-347/11 Gollnisch vs Il-Parliament, EU:T:2013:23.
(2) ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 72.

Avviż legali - Politika tal-privatezza