Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2045(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0052/2015

Testi mressqa :

A8-0052/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/03/2015 - 20.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0085

Testi adottati
PDF 404kWORD 78k
L-Erbgħa, 25 ta' Marzu 2015 - Brussell
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2014/016 IE/Lufthansa Technik - Irlanda
P8_TA(2015)0085A8-0052/2015
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Marzu 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2014/016 IE/Lufthansa Technik, ippreżentata mill-Irlanda) (COM(2015)0047 – C8-0038/2015 – 2015/2045(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0047 – C8-0038/2015),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0052/2015),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG),

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, biex tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu finanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.  billi l-Irlanda ressqet l-applikazzjoni EGF/2014/016 IE/Lufthansa Technik għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara ammont totali ta' 424 sensja mogħtija mil-Lufthansa Technik Airmotive Ireland Ltd (LTAI) u minn żewġ fornituri tagħha fl-Irlanda;

E.  billi l-awtoritajiet Irlandiżi, apparti lill-250 benefiċjarju fil-mira, se joffru servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG lil massimu ta' 200 żagħżugħ(a) li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) taħt l-età ta' 25 sena fid-data ta' preżentazzjoni tal-applikazzjoni;

F.  billi l-applikazzjoni ma tissodisfax il-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG u hija bbażata fuq id-dispożizzjoni dwar ċirkustanzi eċċezzjonali li tinsab fl-Artikolu 4(2) ta' dak ir-Regolament;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali mressqa mill-awtoritajiet Irlandiżi, jiġifieri li s-sensji jħallu impatt serju fuq l-impjiegi u fuq l-ekonomija lokali u reġjonali, jiġġustifikaw deroga għall-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-FEG, u li, għaldaqstant, l-Irlanda hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dak ir-Regolament; jinnota, madankollu, li ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali f'dan il-każ jirrelataw biss ma' 250 persuna; f'dan ir-rigward, jirrakkomanda li l-Kummissjoni tistabbilixxi kriterji ċari għal applikazzjonijiet li jirrelataw ma' anqas minn 500 ħaddiem; jissottolinja li, jekk il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) ta' dak ir-Regolament ma jkunux issodisfati kompletament, l-applikazzjonijiet għandhom jiġu vvalutati każ b'każ, u li m'għandu jkun hemm l-ebda approvazzjoni awtomatika ta' applikazzjonijiet li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet bażiċi;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Irlandiżi ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fid-19 ta' Settembru 2014 u ssupplimentawha b'informazzjoni addizzjonali sal-14 ta' Novembru 2014, u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fis-6 ta' Frar 2015;

3.  Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Irlandiżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fis-7 ta' Diċembru 2013, ferm qabel id-deċiżjoni dwar l-għoti ta' appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost u saħansitra qabel l-applikazzjoni għal tali appoġġ; jinnota li dawk is-servizzi personalizzati li diġà ġew offruti se jkunu eliġibbli għal finanzjament mill-FEG;

4.  Iqis li s-sensji fis-settur tat-'tiswija u installazzjoni ta' makkinarju u tagħmir' fir-reġjun tan-Nofsinhar u l-Lvant tal-Irlanda huma marbuta ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni, kif juri l-għeluq ta' LTAI bħala riżultat ta' tibdil serju fil-kummerċ tal-oġġetti u s-servizzi tal-Unjoni li seħħ minħabba bidla teknoloġika lejn il-produzzjoni ta' inġenji tal-ajru u ta' komponenti ta' ġenerazzjoni ġdida, bidla lejn firxa aktar wiesgħa ta' prattiki ta' produzzjoni tal-komponenti tal-inġenji tal-ajru li kellha impatti fuq il-mudell kummerċjali sottostanti ta' LTAI, u bidla fil-post tal-produzzjoni dinjija tal-inġenji tal-ajru; jinnota li t-tendenza tal-kumpaniji tal-ajru tal-Ewropa tal-Punent u tal-Istati Uniti hija li jibagħtu l-inġenji tal-ajru tagħhom b'buq wiesa' lejn iċ-Ċina għall-manutenzjoni maġġuri u li anki l-kumpanija prinċipali Lufthansa Technik iddeċidiet li tibbaża l-operazzjonijiet dinjija tagħha tal-Airbus A330/340 MRO fil-kumpanija sussidjarja tagħha Lufthansa Technik Philippines;

5.  Jinnota li s'issa s-settur tat-'tiswija u installazzjoni ta' makkinarju u tagħmir' kien is-suġġett ta' żewġ applikazzjonijiet għall-FEG; dan il-każ huwa wieħed minnhom filwaqt li l-każ l-ieħor kien ibbażat fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali(4);

6.  Jinnota li dawn is-sensji mistennija jkollhom impatti negattivi enormi fuq l-Irlanda tan-Nofsinhar u tal-Lvant, żoni li fihom inħawi ta' żvantaġġ lokali konsiderevoli, bħalma juru l-indikaturi soċjoekonomiċi li ġejjin: livelli baxxi ta' kwalifiki edukattivi, nuqqas ta' kwalifiki professjonali u livelli għoljin ta' akkomodazzjoni provduti mill-awtoritajiet lokali; jikkunsidra li dawn il-fatturi kollha jindikaw żvantaġġ u faqar lokali konsiderevoli u li, barra minn hekk, sensiela ta' sensji f'impriżi f'dan is-settur matul dawn l-aħħar snin kompliet tagħmilha aktar diffiċli li jsibu impjieg ġdid il-ħaddiema b'ħiliet speċifiċi ħafna li diffiċilment jistgħu jisfruttawhom f'setturi oħra biex isibu impjieg ieħor; jinnota li Blanchardstown-Tyrrelstown, Tallaght-Killinarden, Clondalkin-Rowlagh u Tallaght-Fettercairn huma wħud miż-żoni ta' residenza tal-ħaddiema ta' Lufthansa fejn ir-rata medja tal-qgħad hija ta' madwar 23 %;

7.  Jirrimarka li l-ħaddiema f'dan is-settur għandhom ħiliet speċifiċi ħafna li diffiċilment jintużaw f'setturi oħra, b'tali mod li l-ħaddiema ma jsibuhiex faċli jsibu impjieg ġdid; jiddispjaċih li dan jgħodd partikolarment għal dawk il-ħaddiema li huma eqreb kejn l-età tal-pensjoni (madwar 20 % tal-ħaddiema ta' Lufthansa Technik) jew li ilhom ma' dik l-istess kumpanija għal għadd ta' snin;

8.  jinnota li bħalissa hemm madwar 1 150 impjegat f'dan is-settur fl-Irlanda, u li ċ-ċifri mressqa mill-awtoritajiet Irlandiżi juru tnaqqis ta' madwar 52 % fl-impjiegi totali f'dak il-qasam;

9.  Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li jridu jiġu kofinanzjati jikkonsisti minn gwida u ppjanar tal-karriera, għotjiet ta' finanzjament mill-FEG għat-taħriġ, programmi ta' taħriġ u ta' tkomplija tal-edukazzjoni, programmi ta' edukazzjoni għolja, appoġġi għall-intraprenditorija u għal dawk li jaħdmu għal rashom, u appoġġi tal-introjtu li jinkludu l-iskema ta' kontribuzzjoni mill-FEG għall-ispejjeż tal-korsijiet;

10.  Jinnota li l-awtoritajiet Irlandiżi ddeċidew li joffru servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG lil massimu ta' 200 żagħżugħ u żagħżugħa qiegħda li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) taħt l-età ta' 25 sena, minbarra lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja; jinnota barra minn hekk li n-NEETs la jappartjenu għall-grupp ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja u lanqas ma kienu impjegati fl-istess settur;

11.  Jinnota li s-servizzi personalizzati li sejrin jingħataw lin-NEETs jikkonsistu mill-istess għażliet bħal dawk tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, imma se jkunu mfassla apposta għal kull NEET individwali skont ma jkun il-każ; ifakkar li l-azzjonijiet proposti għandhom iqisu d-differenzi bejn il-ħtiġijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja u n-NEETs;

12.  Jilqa' l-fatt li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira u mar-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll mat-trejdunjins;

13.  Jilqa' l-fatt li d-Dipartiment tal-Ħarsien Soċjali għamel stħarriġ komprensiv fost l-impjegati affettwati bil-għan li jidentifika l-ħaddiema fil-mira, l-isfond ta' edukazzjoni u ta' taħriġ tagħhom u l-ħtiġijiet potenzjali tagħhom għal servizz personalizzat biex itejbu l-opportunitajiet tagħhom li jerġgħu jsibu impjieg;

14.  Jinnota li l-awtoritajiet jippjanaw li jużaw il-massimu permess, 35 %, tal-ispejjeż kollha fuq allowances u inċentivi fil-forma ta' appoġġi għad-dħul li jinkludu kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż ta' korsijiet (CECs); jirrikonoxxi li dawk l-allwances ma jiħdux post il-miżuri provduti minn fondi nazzjonali;

15.  Japprezza l-intenzjoni tal-awtoritajiet Irlandiżi li jistabbilixxu forum konsultattiv, jew proċess interattiv ieħor, biex jikkomplementa x-xogħol li twettaq l-Unità ta' Koordinazzjoni tal-FEG, ladarba l-appoġġ tal-FEG ikun ingħata;

16.  Ifakkar fl-importanza li l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kollha tittejjeb permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali nnifsu;

17.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jkun imfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-kapaċitajiet meħtieġa fil-ġejjieni tas-suq tax-xogħol, u għandu jkun jaqbel mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

18.  Jisħaq fuq il-fatt li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss il-miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg sostenibbli u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG m'għandhiex tissostitwixxi la l-azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont id-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li l-minimu rikjest ta' ħaddiema ssensjati jitnaqqas għal 200 għal proġetti tal-FEG, minħabba l-impatt fuq il-qgħad iġġenerat minn sensji f'SMEs milquta mill-kriżi ekonomika;

19.  Jilqa' l-fatt li l-prinċipji tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom;

20.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) EGF/2009/021 IE/SR Technics.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni EGF/2014/016 IE/Lufthansa Technik, ippreżentata mill-Irlanda)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2015/643.)

Avviż legali - Politika tal-privatezza