Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2056(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0124/2015

Testi mressqa :

A8-0124/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/04/2015 - 16.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0090

Testi adottati
PDF 329kWORD 71k
L-Erbgħa, 15 ta' April 2015 - Brussell
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2014/017 FR/Mory-Ducros - Franza
P8_TA(2015)0090A8-0124/2015
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2014/017 FR/Mory-Ducros, ippreżentata minn Franza) (COM(2015)0068 – C8-0058/2015 – 2015/2056(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0068 – C8-0058/2015),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0124/2015),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex toffri appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u u għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-FEG;

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill tiżdied billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli jiġu estiżi għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu finanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.  billi Franza ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2014/017 FR/Mory-Ducros għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 2 513-il sensja fl-impriża Mory-Ducros SAS li topera fid-diviżjoni 49 ta' NACE Rev. 2 ("Trasport bl-art u transport permezz ta' sistemi ta' pajpijiet"), b'sensji mifruxin fuq 84 sit fit-territorju kollu ta' Franza kontinentali;

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati u li, għalhekk, Franza hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dak ir-Regolament;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fis-6 ta' Ottubru 2014 u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fit-23 ta' Frar 2015; jilqa' l-evalwazzjoni rapida li ħadet anqas minn ħames xhur;

3.  Jinnota li l-ispiża totali hija ta' EUR 10 087 000, li minnhom EUR 35 000 huma allokati għall-kontroll u ċ-ċertifikazzjoni, u li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG tammonta għal EUR 6 052 200, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali;

4.  Iqis li s-sensji fl-impriża Mory-Ducros SAS huma marbuta mat-tnaqqis ġenerali ta' produzzjoni fiżika fl-Ewropa, li wassal għal tnaqqis fil-volum ittrasportat u għal gwerra tal-prezzijiet fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, fatturi li wasslu għal deterjorament kostanti fil-marġnijiet ta' operazzjoni u telf fuq ieħor għas-settur fi Franza mill-2007 'l hawn; jinnota li wara dan kien hemm mewġa ta' fallimenti, inkluż dak ta' Mory-Ducros; jikkonkludi li dawk l-avvenimenti huma direttament marbuta mal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali;

5.  Jenfasizza li b'riżultat tal-ftehim wara l-għeluq ta' Mory-Ducros SAS, entità ġdida bl-isem ta' MORY Global kisbet 50 aġenzija minn total ta' 84 u impjegat mill-ġdid 2 107 ħaddiema minn fost 4 911, u b'hekk fir-realtà kien hemm 2 804 ħaddiema li ngħataw is-sensja;

6.  Jenfasizza li aktar minn 17 % tal-benefiċjarji li mistennija li jkunu fil-mira tal-azzjonijiet proposti għandhom bejn 55 u 64 sena, u li l-parteċipazzjoni tagħhom f'dawn il-miżuri ta' appoġġ proposti se tgħinhom jevitaw il-qgħad fit-tul u l-esklużjoni soċjali;

7.  Jinnota li, sal-lum, is-settur tat-"Trasport bl-art u t-trasport permezz ta' sistemi ta' pajpijiet" kien is-suġġett ta' applikazzjoni oħra għall-FEG (EGF/2011/001 AT/Nieder- und Oberoesterreich), li kienet ibbażata wkoll fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali;

8.  Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Franċiżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fl-24 ta' Frar 2014, ferm qabel id-deċiżjoni u saħansitra qabel l-applikazzjoni dwar l-għoti ta' appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

9.  Jinnota li s-servizzi personalizzati li jridu jiġu offruti jikkonsistu f'azzjoni waħda biss li trid tiġi implimentata minn punt uniku ta' servizz (Cellule de reclassement) li huwa mmexxi minn tliet aġenziji kuntrattwali; jinnota li Franza qed titlob biss il-finanzjament ta' dan il-punt uniku ta' servizz mill-FEG; jistenna li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi jsegwu strettament il-prinċipju li skontu l-pagamenti lill-aġenziji jridu jsiru permezz ta' ħlas bin-nifs u abbażi tar-riżultati miksuba;

10.  Jinnota li t-tliet kuntratturi li joperaw is-Cellule de reclassement intgħażlu mill-amministratur ġudizzjarju wara konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, bl-objettiv li jiġi kopert kemm jista' jkun it-territorju ta' Franza kontinentali u li tiġi żgurata r-riintegrazzjoni tal-akbar numru possibbli ta' ħaddiema fil-mira;

11.  Iqis li l-monitoraġġ tal-attività tal-aġenziji permezz ta' rapporti regolari bil-miktub jiżgura l-użu xieraq tal-finanzjament mill-FEG biex il-parteċipanti jiġu offruti mappa tal-karriera personalizzata, numru suffiċjenti ta' offerti ta' xogħol u konsulenza għall-ħolqien ta' negozju fil-qafas tas-sistema ta' punt uniku ta' servizz;

12.  Ifakkar li l-finanzjament mill-FEG għandu l-għan li jgħin lill-ħaddiema jsibu impjieg ġdid permezz ta' taħriġ u li fl-ebda każ m'għandu jintuża biex jappoġġja lill-aġenziji u l-ispejjeż amministrattivi tagħhom;

13.  Jinnota li l-kompitu tal-kuntratturi huwa li jassistu u jiggwidaw lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u jgħinuhom isibu soluzzjonijiet li jippermettulhom jibqgħu fis-suq tax-xogħol u jidħlu f'impjiegi ġodda;

14.  Iqis li l-ħaddiema li għandhom bejn il-55 u l-64 sena jinsabu f'riskju ogħla ta' qgħad fit-tul u esklużjoni mis-suq tax-xogħol; iqis għaldaqstant li dawn il-ħaddiema għandhom bżonnijiet speċifiċi biex jiġu pprovduti b'approċċ personalizzat;

15.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jkun imfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-kapaċitajiet meħtieġa fil-ġejjieni fis-suq tax-xogħol, u għandu jkun jaqbel mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

16.  Jilqa' l-użu tal-fondi tal-Fond Soċjali Ewropew għal miżuri attivi ulterjuri (pereżempju korsijiet ta' taħriġ itwal), li mhumiex inklużi fl-applikazzjoni ppreżentata minn Franza;

17.  Jiddeplora n-nuqqas ta' fondi dedikati għall-miżuri ta' komunikazzjoni u promozzjoni rigward il-FEG; iqis li l-pubbliċità u l-informazzjoni rigward dawn l-azzjonijiet jiżvolġu rwol importanti mhux biss biex jiġbdu lill-benefiċjarji, iżda wkoll biex jenfasizzaw l-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam soċjali;

18.  Jistenna li l-awtoritajiet Franċiżi se jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-FEG fir-rigward tal-forniment ta' informazzjoni u l-pubbliċità dwar l-azzjonijiet finanzjati, minkejja li dawn ma talbux il-finanzjament ta' attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità.

19.  Jinnota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li jrid jiġi finanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet finanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Franċiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha bil-għan li jkun żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma tkun tista' sseħħ l-ebda duplikazzjoni tas-servizzi finanzjati mill-Unjoni;

20.  Japprezza l-proċedura mtejba stabbilita mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fir-rilaxx tal-għotjiet; jinnota l-pressjoni fil-ħin li jġib magħha l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-fajls;

21.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni EGF/2014/017 FR/Mory-Ducros ippreżentata minn Franza)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2015/738.)

Avviż legali - Politika tal-privatezza