Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 15 ta' Jannar 2015 - Strasburgu
Ir-Russja, b'mod partikolari l-każ ta' Alexei Navalny
 Il-Pakistan, b'mod partikulari s-sitwazzjoni wara l-attakk fuq l-iskola f'Peshawar
 Il-Kirgiżistan, abbozz ta' liġi dwar il-propaganda omosesswali
 Ir-rapport annwali tal-Ombudsman Ewropew fl-2013
 Is-sitwazzjoni fil-Libja
 Is-sitwazzjoni fl-Ukraina
 Is-sitwazzjoni fl-Eġittu
 Il-każ taż-żewġ 'Marò' Taljani
 Libertà ta' espressjoni fit-Turkija: Arresti reċenti ta' ġurnalisti, diriġenti fis-settur tal-midja u pressjoni sistematika kontra l-midja

Ir-Russja, b'mod partikolari l-każ ta' Alexei Navalny
PDF 235kWORD 71k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2015 dwar ir-Russja, b'mod partikolari l-każ ta' Alexei Navalny (2015/2503(RSP))
P8_TA(2015)0006RC-B8-0046/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Russja, b'mod partikolari l-Artikolu 118 tagħha, li jiddikjara li l-ġustizzja fil-Federazzjoni Russa għandha tiġi amministrata biss mill-qrati, u l-Artikolu 120 tagħha, li jiddisponi li l-imħallfin huma indipendenti u huma subordinati biss għall-Kostituzzjoni Russa u għad-dritt federali;

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar restrizzjonijiet komuni rigward il-viżi għal uffiċjali Russi involuti fil-każ ta' Sergei Magnitsky(1), tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-istat tad-dritt fir-Russja(2), tat-13 ta' Marzu 2014 dwar ir-Russja: l-għoti ta' sentenzi lil dimostranti involuti fl-avvenimenti ta' Pjazza Bolotnaya(3), u tat-23 ta' Ottubru 2014 dwar l-għeluq tal-NGO 'Memorial' (rebbieħ tal-Premju Sakharov 2009) fir-Russja(4) u r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-2 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' restrizzjonijiet komuni rigward il-viża għal uffiċjali Russi involuti fil-każ ta' Sergei Magnitsky(5),

−  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2012 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(6),

−  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-30 ta' Diċembru 2014 dwar il-kundanna ta' Alexei Navalny u ħuh Oleg Navalny mill-Qorti ta' Zamoskvoretsky,

−  wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem tat-28 ta' Novembru 2013,

−  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni eżistenti li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra (FSK), kif ukoll in-negozjati li jinsabu sospiżi għal ftehim ġdid bejn l-UE u r-Russja,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, il-Federazzjoni Russa, bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u firmatarja tad-dikjarazzjoni tan-NU, impenjat ruħha li tħares il-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem; billi, minħabba l-bosta każijiet ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt u l-adozzjoni ta' liġijiet restrittivi tul ix-xhur li għaddew, hemm tħassib kbir rigward il-konformità tar-Russja mal-obbligi internazzjonali u nazzjonali; u billi l-UE ripetutament offriet għajnuna u kompetenza addizzjonali, permezz tas-Sħubija għall-Modernizzazzjoni, biex tgħin lir-Russja timmodernizza u tirrispetta l-ordni kostituzzjonali u ġuridiku tagħha, skont l-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa; billi hemm ruxxmata każijiet ġudizzjarji li fihom jintużaw raġunijiet maħluqa politikament biex tiġi eliminata l-kompetizzjoni politika, biex tiġi mhedda s-soċjetà ċivili u biex iċ-ċittadini jiġu skoraġġuti milli jipparteċipaw f'dimostrazzjonijiet u protesti pubbliċi li jopponu t-tmexxija attwali tal-pajjiż;

B.  billi Alexei Navalny kixef b'mod konsistenti l-korruzzjoni enormi fl-ogħla livelli tal-makkinarju statali Russu; billi l-ewwel verdett tal-qorti li imponiet sentenza ta' ħames snin f'Lulju 2013 tqies bħala wieħed politiku; billi fi Frar 2014 tqiegħed taħt arrest domiċiljari għal xahrejn, u f'Marzu 2014 poġġewlu brazzuletta elettronika biex isegwu l-attivitajiet tiegħu;

C.  billi Alexei Navalny rebaħ 27 % tal-vot fl-elezzjonijiet għall-kariga ta' sindku ta' Moska li saru f'Settembru 2013, u b'hekk ikkonferma lilu nnifsu bħala wieħed mill-uċuħ l-aktar prominenti tal-oppożizzjoni Russa għall-Kremlin;

D.  billi t-tieni verdett tal-qorti ta' Alexei Navalny kellu jitħabbar fil-15 ta' Jannar 2015, iżda inspjegabbilment il-qorti antiċipat id-data għat-30 ta' Diċembru 2014, meta l-biċċa l-kbira tar-Russi jkunu qed igawdu l-vaganzi tal-Ewwel tas-Sena; billi l-istess teknika ta' antiċipazzjoni tad-data ntużat fil-każ ta' Mikhail Khodorkovsky;

E.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja marret għall-agħar b'mod drammatiku tul dawn l-aħħar snin u l-awtoritajiet Russi adottaw sensiela ta' liġijiet li fihom dispożizzjonijiet ambigwi li qed jintużaw biex jillimitaw aktar lill-oppożizzjoni u l-atturi tas-soċjetà ċivili, u jxekklu l-libertajiet tal-espressjoni u tal-għaqda;

F.  billi matul l-aħħar snin il-leġiżlazzjoni dwar l-NGOs u dwar id-dritt għal-libertà tal-għaqda ntużat biex titrażżan is-soċjetà ċivili, jinħonqu l-opinjonijiet politiċi tal-oppożizzjoni u jingħata fastidju lill-NGOs, lill-oppożizzjoni demokratika u lill-midja; billi, skont il-liġi dwar l-'aġenti barranin', l-organizzazzjoni tad-drittijiet indipendenti 'Memorial' de facto ngħalqet; billi l-implimentazzjoni ta' din il-liġi inkludiet azzjonijiet severi bl-għan li jwaqqfu u jiddisswadu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluża l-organizzazzjoni tal-Ommijiet tas-Suldati, milli jwettqu xogħolhom;

G.  billi fl-aħħar ta' Diċembru 2014, il-Ministeru għall-Ġustizzja tal-Federazzjoni Russa emenda sostanzjalment il-lista ta' 'aġenti barranin' u żied diversi organizzazzjonijiet li jagħtu l-appoġġ għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż iċ-Ċentru Sakharov, biex b'hekk ifixkel partikolarment l-attivitajiet tagħhom u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja;

H.  billi, matul dawn l-aħħar snin, ħafna proċessi u proċedimenti ġudizzjarji, bħall-każjiet Magnitsky, Khodorkovsky, Politkovskaya u każijiet oħrajn, tefgħu dubju fuq l-indipendenza u l-imparzjalità tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji tal-Federazzjoni Russa; billi tali każijiet prominenti bħal dak ta' Alexei Navalny huma sempliċement l-aktar każijiet magħrufa barra mir-Russja ta' dak li jirrappreżenta falliment sistematiku tal-Istat Russu li jirrispetta l-istat tad-dritt u jiggarantixxi l-ġustizzja għaċ-ċittadini tiegħu; billi d-deċiżjoni tal-qorti attwali tirrappreżenta tentattiv politikament motivat biex jikkastiga lil Alexei Navalny bħala wieħed mill-aktar rivali prominenti tal-gvern;

I.  billi hemm bżonn dejjem akbar ta' politika tal-UE soda, koerenti u komprensiva dwar ir-Russja, appoġġata mill-Istati Membri kollha, b'appoġġ u assistenza msaħħa permezz ta' kritika soda u ġusta;

1.  Jesprimi l-akbar tħassib tiegħu għall-fatt li, fir-Russja, il-liġi qed tintuża bħala strument politiku; jenfasizza li l-kundanna tal-avukat prominenti, attivist soċjali u kontra l-korruzzjoni Alexei Navalny, li ngħata sentenza sospiża ta' tliet snin u nofs u sentenza ta' ħabs ta' tliet snin u nofs għal ħuh, Oleg Navalny, kienet ibbażata fuq akkużi mhux sostanzjati; jiddeplora bil-qawwa li l-prosekuzzjoni tidher li kienet politikament motivata;

2.  Jinnota bi tħassib li, għalkemm Alexei Navalny mhux qed jinżamm il-ħabs, ħuh Oleg Navalny jinsab attwalment fil-ħabs, u li dan qed jirriżulta fi tħassib fir-rigward tal-użu politiku possibbli ta' membru tal-familja sabiex wieħed mill-mexxejja tal-oppożizzjoni tar-Russja, Alexei Navalny, jiġi intimidat u jżomm fommu sieket; ifakkar li ħu Alexei, Oleg, missier żewġt itfal żgħar u ex eżekuttiv tas-servizz postali statali, qatt ma kellu rwol fil-moviment tal-oppożizzjoni Russu;

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi Russi biex iwettqu dmirijiethom b'mod imparzjali u indipendenti, ħielsa mill-interferenza politika u biex jiżguraw li l-proċedimenti ġudizzjarji fil-każijiet Navalny, u l-investigazzjonijiet u l-proċessi l-oħrajn kollha kontra attivisti tal-oppożizzjoni, jissodisfaw l-istandards aċċettati b'mod internazzjonali; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji jkunu ħielsa mill-indħil politiku, ikunu indipendenti u jittieħdu f'konformità sħiħa mal-istat tad-dritt;

4.  Jappoġġa għalkollox il-kampanja kontra l-korruzzjoni fir-Russja mibdija minn Alexei Navalny, u jappoġġa l-isforzi tal-poplu Russu biex isib arranġament li jiżgura d-demokrazija, il-pluraliżmu politiku, l-unità u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

5.  Huwa tal-fehma li l-Federazzjoni Russa, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, trid tissodisfa l-obbligi li impenjat ruħa fir-rigward tagħhom; jinnota li l-iżviluppi reċenti ħadu direzzjoni li hija kuntrarja għall-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura fil-pajjiż;

6.  Jistieden lill-Presidenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif ukoll il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), biex ikomplu jsegwu mill-qrib dawn il-każijiet, iqajmu dawn il-kwistjonijiet f’formati u laqgħat differenti mar-Russja u jirrapportaw lura lill-Parlament dwar l-iskambji tagħhom mal-awtoritajiet Russi;

7.  Jenfasizza li l-libertà tal-għaqda fil-Federazzjoni Russa hi mnaqqxa fl-Artikolu 31 tal-Kostituzzjoni Russa u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li r-Russja hi firmatarja tagħhom, u li l-awtoritajiet Russi huma obbligati jikkonformaw magħhom;

8.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jiżviluppa politika komuni fir-rigward tar-Russja li timpenja lit-28 Stat Membru tal-UE u lill-istituzzjonijiet tal-UE li jibagħtu messaġġ komuni qawwi dwar ir-rwol tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja u dwar il-bżonn li jintemm it-trażżin tal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni fir-Russja;

9.  Jitlob lill-VP/RGħ biex toħroġ, b'mod urġenti, bi strateġija komprensiva għar-Russja, bl-għan li żżomm l-integrità territorjali u s-sovranità tal-istati Ewropej, u li tappoġġa, fl-istess waqt, it-tisħiħ tal-prinċipji demokratiċi, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fir-Russja;

10.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-mewġa kontinwa ta' attakki kontra l-organizzazzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem u l-gruppi tas-soċjetà ċivili, li huwa sinjal ieħor tat-trażżin tal-vuċijiet indipendenti, xejra li hija ta' tħassib li dejjem qed jikber għall-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE, sabiex fir-rigward tal-fażi ta' programmar tal-istrumenti finanzjarji tal-UE li għaddejja bħalissa, iżidu l-assistenza finanzjarja lis-soċjetà ċivili Russa permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem u tal-fondi tal-organizzazzjonijiet għas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet lokali, u biex jinkludu lill-Forum tas-Soċjetà Ċivili bejn l-UE u r-Russja fl-Istrument ta' Sħubija sabiex jiżguraw appoġġ sostenibbli u kredibbli fit-tul; jilqa' d-deċiżjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED) li tippermetti li l-Fond jestendi l-ħidma tiegħu wkoll għar-Russja;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

(1) ĠU C 68 E, 7.3.2014, p. 13.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0284.
(3) Testi adottati, P7_TA(2014)0253.
(4) Testi adottati, P8_TA(2014)0039.
(5) Testi adottati, P7_TA(2014)0258.
(6) Testi adottati, P7_TA(2013)0575.


Il-Pakistan, b'mod partikulari s-sitwazzjoni wara l-attakk fuq l-iskola f'Peshawar
PDF 239kWORD 75k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2015 dwar il-Pakistan, b'mod partikulari s-sitwazzjoni wara l-attakk fuq l-iskola f'Peshawar (2015/2515(RSP))
P8_TA(2015)0007RC-B8-0050/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Pakistan, b'mod partikulari dawk tas-27 ta' Novembru 2014(1), tas-17 ta' April 2014(2), tal-10 ta' Ottubru 2013(3) u tas-7 ta' Frar 2013(4),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-President tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2014 u tal-presidenti tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem u tad-Delegazzjoni għar-Relazzjonijiet mal-Pajjiżi tal-Asja t'Isfel tas-17 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-16 ta' Diċembru 2014 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-attakk fuq skola f'Peshawar, il-Pakistan, id-Dikjarazzjoni Lokali tal-UE tal-24 ta' Diċembru 2014 dwar l-issuktar tal-eżekuzzjonijiet fil-Pakistan u l-istqarrija għall-istampa tad-29 ta' Ottubru 2014 dwar iż-żjara tar-Rappreżentant Speċjali għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Pakistan,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-16 ta' Diċembru 2014 tar-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi u tal-Premju Sakharov, Malala Yousafzai,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Pakistan u l-UE, il-Pjan ta' Impenn fuq Ħames Snin, id-Djalogu strateġiku UE-Pakistan u l-iskema GSP+ ta' preferenzi kummerċjali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-16 ta' Diċembru 2014 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tat-Tfal u tas-17 ta' Diċembru 2014 tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal rigward l-attakk terroristiku fuq skola f'Peshawar,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948;

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2009 dwar il-libertà reliġjuża u tat-twemmin, li fihom il-Kunsill saħaq fuq l-importanza strateġika ta' din il-libertà u tal-ġlieda kontra l-intolleranza reliġjuża,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-5 ta' Awwissu 2011 ippreżentat lill-Assemblea Ġenerali tan-NU mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Dritt għall-Edukazzjoni dwar il-ħarsien tal-edukazzjoni matul l-emerġenzi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar ir-rwol reġjonali u r-relazzjonijiet politiċi tal-Pakistan mal-UE(5),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Pakistan huwa firmatarju tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura,

A.  billi fis-16 ta' Diċembru 2014, seba' rġiel armati attakkaw Skola Pubblika tal-Armata fil-belt ta' Peshawar – li hija mdawra minn tliet naħat miż-Żoni Tribali Amministrati Federalment (FATA) – u qatlu 'l fuq minn 140 persuna, fosthom 134 tifel u tifla, u darbu kważi daqstant oħrajn;

B.  billi dan l-attakk nissel xokk kbir fil-Pakistan u lil hinn minnu, u ġie perċepit bħala l-aktar att terroristiku krudili fl-istorja tal-Pakistan, aktar u aktar għall-fatt li l-forzi militari damu tmien sigħat biex ħadu lura f'idejhom il-kontroll tal-iskola; billi ħafna studenti u membri tal-persunal tal-iskola nqatlu jew sfaw midruba matul dawk is-sigħat, u dawk li baqgħu ħajjin għadhom trawmatizzati profondament;

C.  billi Malala Yousafzai, l-iżgħar persuna li qatt rebħet il-Premju Nobel għall-Paċi u rebbieħa tal-Premju Sakharov, f'Ottubru 2012 qalgħet tiri ta' arma tan-nar f'rasha minn Talibani li sparawlha talli kienet għamlet kampanja favur l-edukazzjoni tat-tfal bniet fil-Pakistan;

D.  billi t-Tehrik-e-Taliban Pakistan (TTP) assumew ir-responsabbiltà għall-massakru u qalu li waħda mir-raġunijiet għala attakkaw l-iskola kienet biex jibagħtu messaġġ qawwi lis-sostenituri ta' Malala, li tippromwovi l-edukazzjoni għan-nisa u t-tfal, kif ukoll biex "jivvendikaw ruħhom" għall-kampanja tal-armata kontra l-militanti;

E.  billi minn meta bdiet l-offensiva tal-gvern kontra t-Taliban u gruppi militanti oħrajn fiż-żona FATA, waħda mill-ifqar żoni tal-Pakistan, 'il fuq minn miljun persuna ġew spostati lejn l-Afganistan jew partijiet differenti tal-Pakistan;

F.  billi l-libertà tat-twemmin u t-tolleranza reliġjuża fil-Pakistan it-tnejn huma mhedda mill-vjolenza terroristika u mill-abbuż mifrux tal-liġijiet li jikkriminalizzaw l-atti blasfemi; billi n-nisa u t-tfajliet huma esposti doppjament, kemm għall-konverżjoni sfurzata kif ukoll għal vjolenza sesswali mifruxa;

G.  billi skont ir-rapport tal-Koalizzjoni Globali għall-Protezzjoni tal-Edukazzjoni kontra l-Attakki (GCPEA), bejn l-2009 u l-2012 saru 'l fuq minn 800 attakk fuq skejjel fil-Pakistan; billi l-militanti rreklutaw anke tfal minn skejjel u 'madrassas', xi wħud minnhom biex jikkommettu attakki suwiċida; billi, skont ir-rapport, tal-inqas 30 tifel u tifla, għexieren ta' għalliema u membri oħra tal-persunal skolastiku, inkluż ministru tal-edukazzjoni provinċjali, inqatlu f'attakki fuq skejjel u mezzi tat-trasport tal-iskejjel bejn l-2009 u l-2012;

H.  billi l-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal issuġġerixxa li l-Pakistan jistabbilixxi sistema ta' rispons rapidu kull meta jkun hemm attakki fuq istituzzjonijiet edukattivi, sabiex dawn jissewwew malajr jew jinbnew mill-ġdid u l-materjal edukattiv jiġi sostitwit sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jidħlu lura fl-iskejjel u fl-universitajiet kemm jista' jkun malajr; billi permezz ta' bidliet fil-kostituzzjoni, reċentement l-edukazzjoni obbligatorja b'xejn saret dritt fundamentali;

I.  billi ftit sigħat wara l-attakk fuq l-Iskola Pubblika tal-Armata f'Peshawar, il-Prim Ministru Nawaz Sharif neħħa l-moratorju fuq il-piena tal-mewt li kien ilu fis-seħħ għal sitt snin; billi s'issa ngħataw il-forka diversi priġunieri li kienu kkundannati għall-mewt fuq akkużi ta' terroriżmu; billi skont uffiċjali Pakistani fil-ġimgħat li ġejjin jistgħu jingħataw il-forka mal-500 persuna kkundannata għall-mewt; billi huwa stmat li fil-Pakistan hemm madwar 8 000 persuna kkundannata għall-mewt;

J.  billi fis-6 ta' Jannar 2015, b'reazzjoni għall-massakru fl-iskola, il-Parlament Pakistani għadda emenda kostituzzjonali li għas-sentejn li ġejjin lill-qrati militari tagħtihom is-setgħa li jipproċedu kontra militanti Iżlamisti, u dan jista' jwassal lill-akkużati mill-arrest għall-forka fi ftit ġimgħat; billi bħala firmatarju tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), il-Pakistan għandu l-obbligu li jieħu miżuri biex jiżgura proċessi bażiċi ġusti u ma jistax juża l-qrati militari biex jipproċedi kontra persuni ċivili meta l-qrati regolari jkunu jiffunzjonaw;

K.  billi l-Pakistan reċentement irratifika sebgħa mill-aktar disa' ftehimiet internazzjonali sinifikanti dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, li fihom firxa ta' dispożizzjonijiet dwar l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, id-dritt għal proċess ġust, l-ugwaljanza quddiem il-liġi u n-nondiskriminazzjoni;

L.  billi r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati fir-rapport tagħha tal-4 ta' April 2013 jinkludu r-riforma tal-ordinament ġuridiku sabiex ikun żgurat li d-drittijiet fundamentali jiġu rispettati u s-sistema tkun effikaċi; billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem jiġbdu l-attenzjoni dwar il-korruzzjoni fl-ordinament ġuridiku;

M.  billi l-UE u l-Pakistan approfondixxew u wessgħu r-rabtiet bilaterali tagħhom, pereżempju permezz tal-pjan ta' impenn fuq ħames snin, imniedi fi Frar 2012, u t-tieni Djalogu Strateġiku UE-Pakistan, li sar f'Marzu 2014; billi l-għan tal-pjan ta' impenn fuq ħames snin bejn l-UE u l-Pakistan huwa li jibni relazzjoni strateġika u jsawwar sħubija għall-paċi u l-iżvilupp imsejsa fuq valuri u prinċipji kondiviżi;

N.  billi l-istabbiltà tal-Pakistan hija ta' importanza ewlenija għall-paċi fin-Nofsinhar tal-Asja u lil hinn minnu; billi l-Pakistan għandu rwol importanti fit-trawwim tal-istabbiltà fir-reġjun u jista' jiġi mistenni jmexxi bl-eżempju fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

1.  Jikkundanna bil-qawwa, bħala att orribbli u kodard, il-massakru brutali ta' tfal tal-iskola mwettaq mis-sottogrupp dissidenti ta' Taliban Pakistani, Tehreek-e-Taliban (TTP), jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi tal-attakk fuq l-iskola f'Peshawar u jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-poplu u l-awtoritajiet tal-Pakistan;

2.  Jesprimi l-impenn sħiħ tiegħu li jindirizza t-theddida tat-terroriżmu u tal-estremiżmu reliġjuż u jiddikjara li hu lest jassisti ulterjorment lill-Gvern Pakistani f'dan ir-rigward;

3.  Jistenna li l-Gvern tal-Pakistan jieħu miżuri urġenti u effikaċi, f'konformità mal-istandards tal-istat tad-dritt rikonoxxuti internazzjonalment, biex jindirizza t-theddida għas-sigurtà rappreżentata mill-gruppi militanti kollha li joperaw fil-Pakistan u fir-reġjun tal-madwar, mingħajr eċċezzjoni; jenfasizza li l-ebda forma ta' terroriżmu jew estremiżmu m'għandu jkollha l-appoġġ tal-awtoritajiet;

4.  Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan jiżgura s-sikurezza tal-iskejjel u jaċċerta ruħu li t-tfal, irrispettivament mill-ġeneru, ma jkunu qatt intimidati fi triqithom lejn l-iskola; jemmen li l-gvern għandu juri determinazzjoni aktar qawwija u jsaħħaħ l-isforzi tiegħu biex jiġu arrestati u mtella' l-qorti fuq akkużi ta' vjolenza l-militanti tat-TTP u oħrajn li jattakkaw l-iskejjel, u li jekk ma jagħmilx hekk il-kredibbiltà internazzjonali tiegħu tiddgħajjef;

5.  Ifakkar fl-oppożizzjoni kostanti tiegħu għall-piena tal-mewt, ikunu x'ikunu ċ-ċirkustanzi; jiddeplora d-deċiżjoni tal-Prim Ministru tal-Pakistan Nawaz Sharif li jneħħi moratorju mhux uffiċjali ta' erba' snin fuq il-piena kapitali, u jappella biex dan il-moratorju jerġa' jiddaħħal minnufih;

6.  Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan jħalli l-liġijiet antiterroristiċi għall-atti ta' terroriżmu biss, minflok ma jużahom fil-proċedimenti ta' każijiet kriminali ordinarji; jiddeplora bil-qawwa li wieħed jirrikorri għal ġustizzja militari mgħaġġla li hija nieqsa mill-kundizzjonijiet minimi tal-istandards internazzjonali tal-istat tad-dritt, u jenfasizza li l-għoti fit-tul ta' preferenzi GSP+ huwa marbut mal-ilħuq ta' ċerti standards bażiċi minquxa fil-konvenzjonijiet tan-NU u tal-ILO;

7.  Jilqa' r-rieda tal-partiti politiċi tal-Pakistan li joħorġu bi pjan nazzjonali biex jindirizzaw it-terroriżmu; jenfasizza li fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu reliġjuż hija kruċjali li jiġu indirizzati il-kawżi aħħarin tagħhom, fost l-oħrajn bl-indirizzar tal-faqar, l-iżgurar tat-tolleranza reliġjuża u tal-libertà tat-twemmin, it-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-garanzija li t-tfal bniet u subien ikollhom dritt u aċċess sikur għall-edukazzjoni; jappella għal strateġija fit-tul biex ttipprevjeni r-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ fil-Pakistan u tindirizza l-"kriżi mifruxa fit-tagħlim" li l-UNESCO identifikat fil-Pakistan, b'mod partikulari billi jiżdied l-investiment f'sistema edukattiva ffinanzjata b'fondi pubbliċi u billi jiġi aċċertat li l-iskejjel reliġjużi jkollhom il-materjal li jeħtieġu biex jipprovdu edukazzjoni bilanċjata u inklużiva liż-żgħażagħ;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Pakistan biex jirrispetta l-ftehimiet internazzjonali li rratifika dan l-aħħar rigward id-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, li lill-awtoritajiet jobbligawhom jiżguraw proċessi bażiċi ġusti filwaqt li jipprojbixxulhom li jużaw qrati militari għal proċessi ta' persuni ċivili dment li l-qrati regolari jkunu jiffunzjonaw;

9.  Jappella għal impenn internazzjonali mġedded favur il-ġlieda kontra l-finanzjament u l-isponsorizzar ta' netwerks terroristiċi;

10.  Jitlob li l-Kummissjoni, il-Viċi President / Rappreżentant Għoli Federica Mogherini, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Kunsill jikkommettu ruħhom bis-sħiħ li jindirizzaw it-theddida li jirrappreżenta t-terroriżmu u li jagħtu assistenza ulterjuri lill-Gvern u lill-poplu tal-Pakistan huma u jissuktaw bl-isforzi tagħhom biex jeqirdu t-terroriżmu;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Gvern u l-Parlament tal-Pakistan.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0064.
(2) Testi adottati, P7_TA(2014)0460.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0422.
(4) Testi adottati, P7_TA(2013)0060.
(5) Testi adottati, P7_TA(2014)0208.


Il-Kirgiżistan, abbozz ta' liġi dwar il-propaganda omosesswali
PDF 232kWORD 70k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2015 dwar il-Kirgiżistan, l-abbozz ta’ liġi dwar il-propoganda omosesswali (2015/2505(RSP))
P8_TA(2015)0008RC-B8-0054/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kirgiżistan u r-repubbliki tal-Asja Ċentrali, b’mod partikolari dik tal-15 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali(1),

–  wara li kkunsidra l-kostituzzjoni tal-Kirgiżistan, u b’mod partikolari l-Artikoli 16, 31, 33 u 34 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-obbligi u l-istrumenti internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk li jinsabu fil-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jipprojbixxu d-diskriminazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li jiggarantixxi l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-għaqda, id-dritt għar-rispett għall-ħajja personali, privata u tal-familja tal-individwi u d-dritt għall-ugwaljanza, u jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fit-tgawdija ta' dawk id-drittijiet,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU A/HRC/17/19 tas-17 ta’ Ġunju  2011 r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU A/HRC/27/32 tal-24 ta’ Settembru 2014 dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Kirgiżistan tal-24 ta’ Ottubru 2014,

–  wara li kkunsidra l-istatus ta’ "Sieħeb għad-demokrazija” tal-Parlament tal-Kirgiżistan fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (APKE),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-APKE 1984 (2014) tat-8 ta' April 2014 dwar it-Talba għal status ta' Sieħeb għad-Demokrazija mal-Assemblea Parlamentari mressqa mill-Parlament tar-Repubblika Kirgiża, b’mod partikolari l-paragrafi 15.24, 15.25 u 15.26 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min naħa waħda, u r-Repubblika Kirgiża min-naħa l-oħra, b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 92 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottati f’Ġunju tal-2004 u rieżaminati fl-2008, u l-Linji Gwida għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tat-Tgawdiha tad-Drittijiet tal-Bniedem kollha mill-Persuni Lesbjani, Gay, Bisesswali, Transġeneri u Intersesswali (LGBTI), adottati mill-Kunsill fl-24 ta’ Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), adottata fl-1979,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju u l-aġenda ta’ wara l-2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kirgiżistan irnexxielha tagħmel progress kbir tul is-snin imgħoddija meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra fir-reġjun, b’mod l-aktar partikolari billi saret demokrazija parlamentari, intensifikat l-isforzi fil-ġlieda lill-korruzzjoni, u impenjat ruħha għall-istandards tad-drittijiet tal-bniedem universali;

B.  billi l-UE għandha interess ċar f’Kirgiżistan li hija paċifika, demokratika u ekonomikament prospera; billi l-UE impenjat ruħha, b’mod partikolari permezz tal-Istrateġija tagħha għall-Asja Ċentrali, li taġixxi bħala sieħba tal-pajjiżi li hemm fir-reġjun;

C.  billi l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali jiffaċċjaw għadd ta’ sfidi komuni, bħalma huma l-faqar u theddid serju għas-sigurtà tal-bniedem, u l-ħtieġa li jissaħħu d-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt;

D.  billi l-bnedmin kollha huma mwielda liberi u indaqs fid-dinjità u d-drittijiet; billi l-istati kollha għandhom l-obbligu li jipprevjenu l-vjolenza u d-diskriminazzjoni, inkluża dik abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru;

E.  billi l-persuni lesbjani, gay, bisesswali, transġeneri u intersesswali (LGBTI) għandhom igawdu l-istess drittijiet tal-bniedem bħan-nies l-oħra kollha;

F.  billi r-Repubblika Kirgiża id-dekriminalizzat l-omosesswalità tal-irġiel fl-1998;

G.  billi fil-15 ta’ Ottubru 2014 il-Parlament Kirgiż għadda fl-ewwel qari l-abbozz ta’ liġi 6‑11804/14, li fih emendi lill-Kodiċi Kriminali, lill-Kodiċi tar-Responsabilità Amministrattiva, lill-Liġi dwar l-Assemblea Paċifika u lill-Liġi dwar il-Midja tal-Massa immirati biex jipprojbixxu l-“promozzjoni ta’ relazzjonijiet sesswali mhux tradizzjonali b’mod miftuh jew indirett” u li jiddisponi għal sa sena priġunerija;

H.  billi xi midja u xi mexxejja politiċi u reliġjużi fil-pajjiż kulma jmur qed ifittxu aktar u aktar li jintimidaw lill-persuni LGBTI, jillimitaw id-drittijiet tagħhom u jilleġittimizzaw il-vjolenza kontrihom.

I.  billi għadd kbir ta’ kapijiet ta’ stat u ta’ gvern, mexxejja tan-Nazzjonijiet Uniti, rappreżentanti ta’ gvern u parlamentari, u l-Unjoni Ewropea, inklużi l-Kunsill, il-Parlament, il-Kummissjoni u dik li kienet ir-Rappreżentant Għoli Catherin Ashton, ikkundannaw bil-qawwa liġijiet simili "ta’ kontra l-propaganda”;

J.  billi d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru huma marbuta bejniethom, u billi diversi NGOs u n-NU ġibdu l-attenzjoni lejn il-fatt li l-inugwaljanzi bejn is-sessi għadhom sinifikanti, u li l-bniet u n-nisa fil-Kirgiżistan għadhom qed isofru abbużi bħalma huma l-ħtif u ż-żwieġ sfurzat, għalkemm il-liġi tal-1994 li tipprojbixxi dan ġiet imsaħħa f'Jannar 2013;

1.  Jiddispjaċih bil-kbir minħabba l-preżentazzjoni ta’ dan l-abbozz ta’ liġi, u kwalunkwe azzjoni li tista’ twassal għal trattament krudil, inuman u degradanti, u jistieden lill-pajjiżi kollha jitterminaw immedjatament il-kriminalizzazzjoni tal-omosesswalità;

2.  Itenni l-fatt li l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru huma kwistjonijiet li jaqgħu fl-isfera tad-dritt tal-individwu għall-privatezza, kif iggarantit mil-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, skont liema liġi l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni għandhom jiġu protetti, filwaqt li l-libertà tal-espressjoni għandha tiġi ggarantita;

3.  Ifakkar lill-Parlament Kirgiż fl-obbligi internazzjonali tiegħu u fil-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni mal-Unjoni Ewropea, li jinkludi r-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem bħala element essenzjali tas-sħubija u jitlob li jiġi rtirat l-abbozz ta’ liġi dwar “it-tifrix ta’ informazzjoni dwar relazzjonijiet sesswali mhux tradizzjonali” li bħalissa qed tiġi rieżaminata fil-parlament;

4.  Jinnota li l-abbozz ta’ liġi għadda l-ewwel qari tiegħu u għandu jiġi vvutat darbtejn oħra qabel ma jmur għand il-President għall-firma, u jenfasizza li l-adozzjoni ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni dwar “relazzjonijiet mhux tradizzjonali” ma għandhiex tmur kontra l-obbligi u l-impenji tal-Kirgiżistan fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Kirgiżi jaffermaw mill-ġdid pubblikament li n-nies kollha fil-Kirgiżistan għandhom id-dritt li jgħixu ħielsa mid-diskriminazzjoni u l-vjolenza abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom u tal-identità tal-ġeneru tagħhom u li kwalunkwe att li hu kuntrarju għal dan huwa illegali u se jitressaq għal prosekuzzjoni;

6.  Jistieden lill-Parlament Kirgiż isegwi r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fir-Riżoluzzjoni 1984 (2014) dwar it-Talba għal status ta’ Sieħeb għad-Demokrazija, b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet 15.24, 15.25 u 15.26;

7.  Jistieden lill-Parlament Kirgiż jirrispetta l-kostituzzjoni tiegħu, inkluż l-Artikolu 16, li jiddikjara li l-“liġijiet li jiċħdu jew jidderogaw id-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem u dawk ċivili ma għandhomx jiġu adottati fir-Repubblika Kirgiża”, u l-Artikoli 31, 33 u 34, li jaffermat il-libertà tal-kelma, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-għaqda, u jiċħad l-abbozz ta’ liġi 6-11804/14;

8.  Jinsab imħasseb profondament dwar il-konsegwenzi negattivi tad-diskussjoni u l-adozzjoni potenzjali ta’ dan l-abbozz, li qed ikomplu jżidu l-istigmatizzazzjoni, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra l-individwi LGBTI; jistieden lill-politikanti u lill-mexxejja reliġjużi jżommu lura mir-retorika ta’ kontra l-LGBTI, inkluż diskors ta’ mibgħeda u tixwix għall-mibegħda;

9.  Jinsab imħasseb dwar l-effetti li possibbli jkollha tali leġiżlazzjoni fuq id-donaturi internazzjonali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-organizzazzjonijiet umanitarji li qed jaħdmu fuq il-kwistjonijiet tal-LGBTI u l-prevenzjoni tal-HIV;

10.  Jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU iqis, bħala parti mir-Rieżami Perjodiku Universali tal-Kirgiżistan, l-injorar tal-prinċipji tal-ugwaljanza u tan-nondiskriminazzjoni rrappreżentati minn dan l-abbozz ta’ liġi;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet Kirgiżi jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ikunu jistgħu jkomplu bil-ħidma tagħhom ta’ promozzjoni u protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem mingħajr xkiel;

12.  Iħeġġeġ lill-Kirgiżistan, fil-perjodu li jwassal għall-erbatax-il laqgħa tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika Kirgiża, tkompli bir-riformi li jwasslu għat-trasparenza, l-indipendenza tal-ġudikatura, ir-rikonċiljazzjoni bejn il-gruppi etniċi u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, peress li dawn huma l-fatturi ewlenin għall-iżvilupp sostenibbli fit-tul tal-pajjiż;

13.  Jilqa’ l-progress li sar mill-awtoritajiet Kirgiżi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-perjodu bejn ir-raba’ u l-ħames rawnd tad-Djalogu bejn l-UE u r-Repubblika Kirgiża dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet Kirgiżi jkomplu jagħmlu progress f'dan il-qasam;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lis-Servizz għall-Azzjoni Esterna jagħmluha ċara lill-awtoritajiet Kirgiżi li l-adozzjoni eventwali ta' dan l-abbozz ta' liġi jista' jaffettwa r-relazzjonijiet mal-UE skont l-Artikolu 92(2) tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni; barra minn hekk jistieden lill-Kunsill u lis-Servizz għall-Azzjoni Esterna jqajmu din il-kwistjoni fil-fori internazzjonali rilevanti, bħalma huma l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u n-Nazzjonijiet Uniti;

15.  Jistieden lill-awtoritajiet Kirgiżi jiżguraw li l-allegazzjonijiet ta’ tortura u ta’ trattament inuman u degradanti jiġu investigati fil-pront u b'mo’ effiċjenti u li min hu ħati jiġi pproċessat quddiem qorti; jitlob, barra minn hekk, li l-priġunieri tal-kuxjenza jiġu meħlusa kollha, fir-rigward b’mod partikolari ta’ Azimjon Askarov sakemm issir investigazzjoni sħiħa, imparzjali u ġusta, inkluż dwar l-allegazzjonijiet tiegħu ta’ tortura u trattament ħażin;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-Parlament tal-Kirgiżistan u lill-President tal-Kirgiżistan.

(1) ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 91.


Ir-rapport annwali tal-Ombudsman Ewropew fl-2013
PDF 271kWORD 105k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2015 dwar ir-rapport annwali li jikkonċerna l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2013 (2014/2159(INI))
P8_TA(2015)0009A8-0058/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman fis-sena 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 228 tat-Trattat KE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman(1),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi Ewropew ta' Kondotta Amministrattiva Tajba kif adottat mill-Parlament Ewropew f'Settembru 2001,

–   wara li kkunsidra l-prinċipji ta' trasparenza u integrità fl-attivitajiet tal-lobbying ippubblikati mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 220(2), it-tieni u t-tielet sentenza, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8‑0058/2014),

A.  billi r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2013 tressaq uffiċjalment lill-President tal-Parlament fil-15 ta' Settembru 2014, u l-Ombudsman, Emily O'Reilly, ippreżentat ir-rapport lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi Brussell fl-24 ta' Settembru 2014;

B.  billi l-Artikolu 24 TFUE jistabbilixxi l-prinċipju li kull ċittadin tal-Unjoni jista' jressaq rikors quddiem l-Ombudsman stabbilit skont l-Artikolu 228;

C.  billi l-Artikolu 228 tat-TFUE jagħti s-setgħa lill-Ombudsman Ewropew jilqa' l-ilmenti li jinvolvu każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha;

D.  billi l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jgħid illi: "Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni";

E.  billi l-Artikolu 43 tal-Karta jgħid li: "Kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandu d-dritt li jirrikorri għand l-Ombudsman Ewropew f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha";

F.  billi din id-definizzjoni ma tillimitax l-amministrazzjoni ħażina għall-każijiet li fihom ir-regola jew il-prinċipju li jkunu qed jinkisru jkunu legalment vinkolanti; billi l-prinċipji tal-amministrazzjoni tajba jmorru lil hinn mid-dritt; billi skont l-ewwel Ombudsman Ewropew, "l-amministrazzjoni ħażina tokkorri meta korp pubbliku ma jaġixxix skont regola jew prinċipju li jorbtu"; billi dan jirrikjedi li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni mhux biss jirrispettaw l-obbligi legali tagħhom, iżda jaġixxu fl-ispirtu tas-servizz u jiżguraw li l-membri kollha tal-pubbliku jiġu ttrattati b'mod xieraq u jgawdu d-drittijiet tagħhom bis-sħiħ;

G.  billi n-nozzjoni ta' amministrazzjoni tajba għandha titwessa' għal nozzjoni ta' amministrazzjoni aħjar, mifhuma bħala proċess ta' titjib kontinwu dejjem għaddej;

H.  billi l-prijorità ewlenija tal-Ombudsman Ewropew hija li tiżgura li d-drittijiet taċ-ċittadini jiġu rispettati bis-sħiħ u li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jirrifletti l-ogħla standards kif mistenni mill-istituzzjonijiet tal-UE, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni; billi l-Ombudsman Ewropew għandha rwol vitali biex tgħin lill-istituzzjonijiet tal-UE jsiru aktar miftuħa, effikaċi u favur iċ-ċittadini bil-għan li tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fl-UE;

I.  billi Emily O'Reilly ġiet eletta Ombudsman Ewropew mill-Parlament Ewropew waqt is-sessjoni plenarja tat-3 ta' Lulju 2013 u ħadet il-ġurament fit-30 ta' Settembru 2013;

J.  billi 23 245 ċittadin talbu l-għajnuna lis-servizzi tal-Ombudsman fl-2013; billi, fir-rigward ta' dak li ntqal hawn fuq, 19 418-il ċittadin irċevew pariri permezz tal-gwida interattiva li tinsab fis-sit tal-Ombudsman, filwaqt li 1 407 talbiet kienu talbiet għal informazzjoni; billi 2 420 talba ġew irreġistrati bħala ilmenti (2 442 fl-2012); billi 2 354 azzjoni ttieħdu mill-Uffiċċju tal-Ombudsman dwar l-ilmenti rċevuti fl-2013;

K.  billi huwa importanti li l-Ombudsman tipprovdi informazzjoni aktar dettaljata dwar il-format tal-ilmenti, b'tali mod li matul is-snin ikun jista' jsir tqabbil bejn l-ilmenti li jkunu waslu f'format elettroniku, permezz tal-websajt interattiva tal-Ombudsman Ewropew, u l-ilmenti rċevuti offline;

L.  billi fl-2013, l-Uffiċċju tal-Ombudsman fetaħ 350 inkjesta (465 fl-2012), li minnhom 341 infetħu abbażi ta' ilmenti u 9 kienu inkjesti fuq inizjattiva proprja;

M.  billi fl-2013, l-Uffiċċju tal-Ombudsman għalaq 461 inkjesta (390 fl-2012), li minnhom 441 kienu bbażati fuq ilmenti u 20 kienu inkjesti fuq inizjattiva proprja; billi, mill-inkjesti li ngħalqu, 340 (77,1 %) tressqu minn ċittadini individwali u 101 (22,9 %) minn kumpaniji, assoċjazzjonijiet jew entitajiet ġuridiċi oħra;

N.  billi l-inkjesti li ngħalqu fl-2013 kienu jikkonċernaw dawn li ġejjin: talbiet għal informazzjoni u aċċess għal dokumenti (25,6 %), il-Kummissjoni bħala gwardjana tat-Trattati (19,1 %), kwistjonijiet istituzzjonali u ta' politika (17,6 %), l-amministrazzjoni u r-Regolamenti tal-Persunal (16,5 %), il-kompetizzjonijiet u l-proċeduri ta' selezzjoni (14,8 %), l-għoti ta' tenders jew għotjiet (9,5 %), u l-eżekuzzjoni ta' kuntratti (7,4 %);

O.  billi, fir-rigward tal-inkjesti li nbdew mill-Ombudsman fl-2013, jistgħu jiġu identifikati t-temi ewlenin li ġejjin: it-trasparenza fi ħdan l-istuzzjonijiet tal-UE, il-kwistjonijiet etiċi, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonjiet tal-UE, il-proġetti u l-programmi ffinanzjati mill-UE, id-drittijiet fundamentali u l-kultura tas-servizz;

P.  billi l-kwistjonijiet l-aktar komuni li tqajmu fil-qasam tat-trasparenza għandhom x'jaqsmu maċ-ċaħda tal-aċċess għad-dokumenti jew l-informazzjoni mill-istituzzjonijiet, mal-laqgħat li saru bil-magħluq u man-nuqqas ta' trasparenza fil-ħatriet tal-membri li jiffurmaw il-gruppi ta' esperti tal-UE; billi l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti huwa wieħed mid-drittijiet garantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

Q.  billi fl-2013 l-Ombudsman irċieviet bosta ilmenti relatati maʼ kunflitti taʼ interessi jew mal-prattika tar-‘revolving door’ bil-moviment taʼ karigi għolja bejn setturi pubbliċi u privati relatati mill-qrib; billi l-amministrazzjoni tal-UE trid turi l-ikbar importanza lill-imġiba etika eżemplari; billi l-Ombudsman, għaldaqstant, ippubblikat sett ta' prinċipji u standards etiċi tas-servizz pubbliku; billi bosta NGOs isostnu li l-Kummissjoni ma tiġġestixxix bʼmod adegwat il-prattiki tar-‘revolving door’ li huma kkunsidrati taʼ natura sistematika;

R.  billi l-Uffiċċju tal-Ombudsman jaħdem mill-qrib ma' diversi netwerks, u l-aktar prominenti fosthom huwa n-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, li huwa magħmul minn 94 uffiċċju f'35 pajjiż Ewropew; billi l-ilmenti li ma jaqgħux fil-mandat tal-Ombudsman jiġu referuti lill-membru tan-Netwerk li jkun fl-aħjar pożizzjoni biex jiġġestixxi l-każ; billi 52,5 % tal-ilmenti li waslu ġew trasferiti lil membri oħra tan-Netwerk;

S.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament huwa membru sħiħ tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen; billi fl-2013 l-Uffiċċju tal-Ombudsman irrefera 51 każ lil dan il-Kumitat; billi 178 każ ġew referuti lill-Kummissjoni u 503 lil istituzzjonijiet u entitajiet oħra;

T.  billi l-Ombudsman tikkoopera wkoll ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, bħan-NU; billi l-Ombudsman, il-Parlament, il-Kummissjoni, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u l-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità (EDF) flimkien isawru l-Qafas tal-UE skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD); billi dan il-qafas għandu l-kompitu li jipproteġi, jippromwovi u jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-UE;

U.  billi r-rapport annwali għall-2013 ma jinkludix ċifri eżatti dwar il-perċentwal tal-ilmenti li kienu jaqgħu jew dawk li ma jaqgħux fil-mandat tal-Ombudsman; billi huwa essenzjali li jiġu inklużi numri konkreti fir-rapporti annwali futuri kollha, sabiex ikun jista' jsir tqabbil bejn is-snin u sabiex ix-xejriet u t-tendenzi fir-rigward tal-ammissibilità jew l-inammissibilità tal-ilmenti jkunu jistgħu jiġu identifikati faċilment; billi skont ir-rapport, minn 100 ilment tipiku li waslu, 68 ma jaqgħux fil-mandat tal-Ombudsman u jew jiġu trasferiti lill-ombudsmen nazzjonali jew reġjonali, jintbagħtu lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament, jew jiġu referuti lil entitajiet oħra li jiġġestixxu l-ilmenti bħall-Kummissjoni Ewropea, SOLVIT, Your Europa Advice, jew iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi; billi proċedura ta' segwitu u informazzjoni dwar ilmenti trasferiti lill-istituzzjonijiet jew korpi oħra huma meħtieġa biex jiġi żgurat li l-affarijiet taċ-ċittadini jiġu mmaniġġjati b'mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli;

V.  billi minn 100 ilment tipiku li jaslu, 32 biss jaqgħu fil-mandat tal-Ombudsman; billi 17 minn dawn ma jwasslux għal inkjesta (9 huma meqjusa inammissibbli u 8 jinstab li huma ammissibbli iżda ma fihomx biżżejjed raġunijiet biex tinfetaħ inkjesta); billi minn 100 ilment tipiku li jaslu, 15-il ilment iwasslu għal inkjesta; billi 4 minn dawn jiġu solvuti matul l-inkjesta, 4 jwasslu għall-konklużjoni li ma kienx hemm amministrazzjoni ħażina, 1 iwassal biex tinstab amministrazzjoni ħażina u 6 jitqiesu li ma fihomx raġunijiet għal inkjesti ulterjuri;

W.  billi 80 % (40 każ) tal-inkjesti fejn instab li kien hemm amministrazzjoni ħażina ngħalqu b'kummenti kritiċi indirizzati lill-istituzzjoni kkonċernata u 18 % (9 każijiet) ngħalqu b'abbozzi ta' rakkomandazzjonijiet li kienu aċċettati għalkollox jew parzjalment mill-istituzzjoni; billi f'każ wieħed (2 %) l-Uffiċċju tal-Ombudsman fassal 'Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew fl-inkjesta fuq inizjattiva proprja OI/5/2012/BEH-MHZ li tikkonċerna l-Frontex'; billi n-numru ta' Rapporti Speċjali mressqa mill-Ombudsman huwa medja ta' wieħed fis-sena;

X.  billi r-Rapport Speċjali ppreżentat lill-Parlament kien ir-riżultat ta' inkjesta fuq inizjattiva proprja komprensiva li tikkonċerna l-obbligi tal-Frontex fir-rigward tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u fl-aħħar mill-aħħar kien motivat prinċipalment mir-rispons tal-aġenzija għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-Ombudsman b'rabta mar-rimedju għall-assenza ta' mekkaniżmu ta' appell għal persuni li jfittxu asil;

Y.  billi Rapport Speċjali huwa l-aħħar strument li tirrikorri għalih l-Ombudsman Ewropew biex tindirizza każijiet ta' amministrazzjoni ħażina mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni; billi l-Ombudsman għandha tesplora ulterjorment is-setgħat politiċi tagħha u tiżviluppa l-istrumenti għad-dispożizzjoni tagħha;

Z.  billi l-konformità mal-proposti tal-Ombudsman fl-2012 kienet 80 %; billi l-Kummissjoni, li tikkostitwixxi l-ogħla proporzjon tal-inkjesti tal-Ombudsman, kellha rata ta' konformità ta' 84 %; billi, ta' kull sena, l-Uffiċċju tal-Ombudsman jippubblika rendikont komprensiv ta' kif l-istituzzjonijiet tal-UE jkunu wieġbu għall-proposti tal-Ombudsman għat-titjib tal-amministrazzjoni tal-UE; billi r-rata ta' 20% ta' nuqqas ta' konformità mal-proposti tal-Ombudsman hija theddida serja li tista' twassal għal aktar erożjoni tal-fiduċja taċ-ċittadini fl-effikaċja tal-istituzzjonijiet Ewropej;

AA.  billi l-Kummissjoni Ewropea hija l-istituzzjoni li dwarha l-Ombudsman tirċievi l-ogħla numru ta' ilmenti; billi waħda mill-investigazzjonijiet konklużi fl-2013 kienet relatata mad-dokumenti dwar il-klawżola ta' eżenzjoni tar-Renju Unit b'rabta mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

AB.  billi t-tul medju tal-inkjesti fil-każijiet li ngħalqu mill-Ombudsman fl-2013 kien ta' 13-il xahar; billi 22 % tal-każijiet ngħalqu fi żmien 3 xhur, 37 % fi żmien 3 sa 12-il xahar, 14 % fi żmien 12 sa 18-il xahar, u 27 % wara aktar minn 18-il xahar;

AC.  billi l-baġit tal-Ombudsman fl-2013 kien ta' EUR 9 731 371 u billi t-tabella tal-persunal tal-Ombudsman tikkonsisti f'67 pożizzjoni; billi ż-żamma ta' baġit u riżorsi umani suffiċjenti hija essenzjali biex tiġi żgurata l-effiċjenza tas-servizzi tal-Ombudsman Ewropew u r-rispons rapidu għall-ilmenti taċ-ċittadini;

AD.  billi Emily O’Reilly kienet l-ewwel mara eletta għall-pożizzjoni ta' Ombudsman Ewropew;

1.  Japprova r-rapport annwali għas-sena 2013 ippreżentat mill-Ombudsman Ewropew; jifraħ lil Emily O'Reilly għall-ewwel rapport annwali tagħha bħala Ombudsman u jilqa' l-approċċ tagħha favur iż-żamma ta' relazzjonijiet ta' ħidma u kooperazzjoni pożittivi mal-Parlament, b'mod partikolari mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu; jirrikonoxxi li l-2013 kienet sena ta' tranżizzjoni u li r-rapport annwali fil-biċċa l-kbira tiegħu jkopri l-ħidma ta' Nikiforos Diamandouros, l-Ombudsman Ewropew li temm il-kariga tiegħu, u jfisser l-ammirazzjoni għall-wirt li ħalla warajh;

2.  Jikkommetti ruħu li jerġa' jibda jħaddem il-prattika tal-Parlament li jistieden lill-Ombudsman għas-sessjoni plenarja immedjatament wara li jkun ġie elett/tkun ġiet eletta;

3.  Jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-objettiv aħħari ddikjarat mill-Ombudsman il-ġdida, jiġifieri li tgħin biex jissaħħu l-istrutturi u l-istituzzjonijiet tal-obbligu ta' rendikont u t-trasparenza fil-livell Ewropew, sabiex tiġi promossa amministrazzjoni tajba għal kull ċittadin u resident tal-UE, u tittejjeb il-kwalità tad-demokrazija fl-Unjoni; itenni r-rwol kruċjali tal-Ombudsman Ewropew li tindirizza t-tħassib taċ-ċittadini u tgħin biex jitnaqqas id-distakk wiesa' li jeżisti bejnhom u l-istituzzjonijiet tal-UE;

4.  Jenfasizza l-importanza tal-midja soċjali bħala kanal ta' komunikazzjoni, u jħeġġeġ lill-uffiċċju tal-Ombudsman biex jagħmel użu akbar minn tali mezzi bil-għan li jissensibilizza lill-pubbliku dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman, u jippromwovi d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE; iqis, madankollu, li d-diġitalizzazzjoni ulterjuri tas-servizzi tal-Ombudsman m'għandhiex twassal għall-esklużjoni ta' ċerti ċittadini li m'għandhomx aċċess għall-internet jew li ma jistgħux jużawh; jistieden lill-Ombudsman tagħti attenzjoni speċjali lill-ħtiġijiet ta' dawn iċ-ċittadini, sabiex kull ċittadin tal-UE jingħata garanzija ta' aċċess ugwali għas-servizzi tal-Ombudsman u b'hekk ikun jista' jagħmel użu sħiħ minnhom;

5.  Jinnota li r-rapport annwali tal-Ombudsman ingħata sura ġdida għall-2013 u li, flimkien mal-verżjoni stampata tradizzjonali, hemm disponibbli wkoll verżjoni interattiva li tista' titniżżel mill-internet f'format e-book; jinnota wkoll li r-rapport inqasam f'żewġ taqsimiet: taqsima waħda hija test ta' referenza li jista' jinqara faċilment u li jippreżenta l-aktar fatti u ċifri importanti dwar il-ħidma tal-Ombudsman għall-2013, u t-taqsima l-oħra fiha rendikont dettaljat tal-każijiet ewlenin li ġew investigati mill-Ombudsman fl-2013(2);

6.  Ifaħħar dan l-approċċ ġdid min-naħa tal-Ombudsman, li ġie adottat biex jirrifletti x-xewqa tagħha li lill-istituzzjoni tagħha tagħmilha kemm jista' jkun aċċessibbli u faċli għall-utent; iħeġġeġ lill-partijiet interessati jaqraw it-taqsima dwar l-investigazzjonijiet fil-fond, jiġifieri t-taqsima intitolata: 'L-amministrazzjoni tajba fil-prattika: id-deċiżjonijiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2013', u jagħtu widen għall-kunsiderazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman;

7.  Jinnota li fl-2013, l-Istat Membru bl-akbar numru ta' ilmenti kienet Spanja (416), segwita mill-Ġermanja (269), il-Polonja (248) u l-Belġju (153); jinnota li fir-rigward tal-inkjesti li nfetħu għal kull Stat Membru, il-Belġju (53) jinsab fl-ewwel post, segwit mill-Ġermanja (40), l-Italja (39) u Spanja (34);

8.  Jinnota li l-kwistjonijiet marbuta mat-trasparenza għal darba oħra jinsabu fil-quċċata tal-lista tal-inkjesti li ngħalqu tal-Ombudsman (64,3 %) fatt li jirrapreżenta żieda meta mqabbel mal-2012 (52,7 %); jinnota li t-temi ewlenin l-oħra fl-ilmenti kienu kwistjonijiet etiċi, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, il-proġetti ffinanzjati mill-UE, id-drittijiet fundamentali u l-kultura tas-servizz;

9.  Iqis li t-trasparenza, il-ftuħ, l-aċċess għall-informazzjoni, ir-rispett għad-drittijiet taċ-ċittadini u standards etiċi għoljin huma essenzjali biex tinbena u tinżamm il-fiduċja taċ-ċittadini u r-residenti, u l-istituzzjonijiet fis-servizz pubbliku Ewropew; jenfasizza l-fatt li l-fiduċja bejn iċ-ċittadini, ir-residenti u l-istituzzjonijiet hija ta' importanza kbira fis-sitwazzjoni ekonomika diffiċli tal-lum; jaqbel mal-Ombudsman li t-trasparenza hija l-pedament ta' demokrazija avvanzata, li tippermetti li jsir skrutinju tal-attivitajiet tal-awtoritajiet pubbliċi, li ssir valutazzjoni tal-prestazzjoni tagħhom u li jinżammu responsabbli ta' dak li jwettqu; jaqbel ukoll li l-ftuħ u l-aċċess pubbliku għad-dokumenti jagħmlu parti essenzjali mis-sistema ta' kontrolli istituzzjonali; jagħraf id-dritt taċ-ċittadini għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali tagħhom;

10.  Jinnota li r-rakkomandazzjonijiet u r-rimarki ta' kritika mhumiex legalment vinkolanti, iżda jisħaq fuq il-fatt li l-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jużawhom bħala opportunità biex isolvu problema, jitgħallmu lezzjoni għall-futur u jevitaw li jokkorru mill-ġdid każijiet simili ta' amministrazzjoni ħażina; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-Unjoni jikkooperaw bis-sħiħ mal-Ombudsman u jiżguraw konformità sħiħa mar-rakkomandazzjonijiet tagħha, kif ukoll li jagħmlu użu sħiħ minn kummenti kritiċi; ifakkar li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (l-Artikolu 41) tinkludi d-dritt għal amministrazzjoni tajba bħala dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea;

11.  Jinnota li maġġoranza kbira ta' inkjesti li tmexxew mill-Ombudsman tul l-aħħar sena (64,3 %) kienu jikkonċernaw lill-Kummissjoni Ewropea; jirrikonoxxi l-fatt li l-Kummissjoni hija l-istituzzjoni li d-deċiżjonijiet tagħha x'aktarx jolqtu b'mod dirett liċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet u n-negozji tas-soċjetà ċivili; jifhem li l-Kummissjoni, għaldaqstant, hija l-oġġett ewlieni tal-iskrutinju pubbliku; jinnota, bi tħassib, madankollu, li l-proporzjoni ta' lmenti li jirrigwardaw lill-Kummissjoni żdied meta mqabbel mal-2012, meta kien ta' 52,7 %; iħeġġeġ lill-Ombudsman teżamina r-raġunijiet għal din iż-żieda sabiex tgħin fit-titjib tal-amministrazzjoni tal-Kummissjoni u, għaldaqstant, il-kredibilità tal-istituzzjonijiet tal-UE b'mod ġenerali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni rapida biex ittejjeb il-prestazzjoni tagħha bil-għan li tnaqqas in-numru ta' ilmenti kontriha; iqis li l-involviment tal-Kummissjoni f'entitajiet opaki bħat-Trojka ma jiffavorixxix il-promozzjoni tat-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont fi ħdan l-Unjoni, u lanqas jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà;

12.  Jinnota bi tħassib li l-perċentwal tal-ilmenti li jirrigwardaw l-aġenziji tal-UE kważi rdoppja, minn 12,5 % fl-2012 għal 24 % fl-2013; jissuġġerixxi li l-Ombudsman tindika jekk din iż-żieda kinitx ir-riżultat ta' sensibilizzazzjoni akbar tal-pubbliku fir-rigward tal-proċeduri tal-ilmenti jew jekk hijiex ikkawżata minn fatturi oħra, bħan-nuqqas ta' konformità probabbli ta' aġenziji tal-UE mar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman minn snin preċedenti; iħeġġeġ lill-Ombudsman twettaq monitoraġġ tal-iżviluppi li jsiru fl-aġenziji u tagħti rendikont tal-konklużjonijiet fi żmien debitu; jappoġġa l-pjanijiet tal-Ombudsman li tikkomunika ma' diversi aġenziji bil-għan li tenfasizza l-importanza tal-amministrazzjoni tajba, il-ġestjoni tajba tal-ilmenti u kultura ta' servizz;

13.  Bi pjaċir jinnota li l-perċentwal tal-ilmenti li jirrigwardaw lill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) naqas b'aktar minn nofs fl-2013, u niżel minn 16,8 % fl-2012 għal 7,1 % fl-2013; jesprimi l-pjaċir tiegħu wkoll għall-fatt li l-perċentwal tal-ilmenti kontra l-Parlament Ewropew naqas minn 5,2 % fl-2012 għal 4,3 % fl-2013; jirrikonoxxi l-ħidma tal-Ombudsman u l-EPSO fit-tnaqqis tan-numru ta' ilmenti kontra dik l-aġenzija;

14.  Jinnota li fl-2013 l-Ombudsman ippubblika verżjoni ġdida tal-Kodiċi Ewropew ta' Kondotta Amministrattiva Tajba; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha jirrispettaw u jimplimentaw bis-sħiħ dan il-kodiċi; jistieden lill-Kummissjoni l-ġdida tadotta regoli vinkolanti komuni u prinċipji komuni dwar il-proċedura amministrattiva fl-amministrazzjoni tal-UE, u b'mod partikolari tippreżenta abbozz ta' regolament għal dan l-iskop; ifakkar li l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistipula li "Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni";

15.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-UE biex itejbu l-prestazzjoni tagħhom billi jżidu l-impenn tagħhom fir-rigward tal-amministrazzjoni tajba u l-prinċipji ta' kultura tas-servizz liċ-ċittadini; jistidinhom jassistu lill-Ombudsman billi jwieġbu minnufih għar-rikjesti tagħha u jikkolaboraw magħha aktar mill-qrib sabiex jitnaqqsu l-iskadenzi fil-proċess ta' inkjesta għall-ilmenti; jappoġġa lill-Ombudsman fl-isforzi tagħha biex tħaffef il-proċess ta' inkjesta u tqassar il-perjodu ta' żmien li jiġi ddedikat għat-tfassil tat-tweġibiet fl-ipproċessar tal-ilmenti bil-għan li jinqdew iċ-ċittadini li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom f'ħin opportun u b'mod xieraq;

16.  Jinnota li l-konformità ġenerali mar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman fl-2012 kienet ta' 80 %, ftit inqas mit-82 % tal-2011; jappoġġa lill-Ombudsman fl-ambizzjoni tagħha biex ittejjeb ir-rata ta' konformità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, biex tagħmel kull sforz ħalli ttejjeb ir-rata ta' konformità tagħha; jinsab imħasseb rigward ir-rata ta' nonkonformità ta' 20 %, u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni biex jirrispondu u jirreaġixxu fi żmien raġonevoli għall-kummenti ta' kritika tal-Ombudsman u biex jagħmlu l-isforzi kollha meħtieġa sabiex itejbu r-rata ta' segwitu tagħhom permezz tal-implimentazzjoni fil-pront tar-rakkomandazzjonijiet u l-kummenti ta' kritika tal-Ombudsman; jinsab ħerqan għall-informazzjoni speċifika li se tiġi pprovduta mir-rapport annwali dwar il-konformità fl-2013 li se jiġi ppreżentat mill-Ombudsman;

17.  Jinnota li l-Uffiċċju tal-Ombudsman sab li kien hemm amministrazzjoni ħażina f'10,8 % tal-inkjesti li ngħalqu fl-2013 u li fi 80 % ta' dawn il-każijiet indirizza kummenti kritiċi lill-istituzzjoni kkonċernata; jinnota li fi 18 % tal-każijiet ta' amministrazzjoni ħażina, l-abbozzi ta' rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman ġew aċċettati għalkollox jew parzjalment mill-istituzzjoni;

18.  Jinnota li l-Uffiċċju tal-Ombudsman bagħat Rapport Speċjali wieħed lill-Parlament dwar l-assenza ta' mekkaniżmu fl-aġenzija Frontex għall-ġestjoni tal-ilmenti b'rabta ma' ksur tad-drittijiet fundamentali li jirriżulta mill-ħidma tal-aġenzija; jinsab kunfidenti li dan ir-Rapport Speċjali se jkun is-suġġett ta' rapport li se jitfassal mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu f'kooperazzjoni mal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu;

19.  Iħeġġeġ lill-Ombudsman japprofondixxi r-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni tiegħu mad-diversi netwerks, b'mod partikolari n-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen kif ukoll il-qafas tal-UE skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità; ifakkar fit-talba tal-Parlament li saret fir-Rapport Annwali tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet għas-sena 2012 għat-twaqqif, min-naħa tal-Parlament, ta' netwerk li jkun iħaddan fih il-kumitati għall-petizzjonijiet fl-Istati Membri, li jista' jkun supplimentari għan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen;

20.  Ifakkar li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu huwa membru sħiħ taż-żewġ netwerks imsemmija hawn fuq; jinnota li fl-2013 l-Uffiċċju tal-Ombudsman irrefera 51 ilment lill-Kumitat; iqis li minħabba l-ħidma parallela u xi kultant kumplimentari li jagħmel il-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex jiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE tiġi implimentata kif xieraq f'kull livell tal-amministrazzjoni, aktar riżorsi għandhom jiġu ddedikati għal dan il-kumitat, b'mod analogu għal dawk tal-Ombudsman Ewropew;

21.  Jieħu nota tal-istrateġija l-ġdida tal-Ombudsman 'Lejn l-2019', li hija ffurmata minn tliet pilastri ewlenin indikati mill-kliem Impatt, Relevanza u Viżibilità; jifhem li l-Ombudsman biħsiebha tagħmel impatt akbar billi twettaq investigazzjonijiet strateġiċi fi problemi sistemiċi, li hija tixtieq issaħħaħ ir-rwol tagħha billi tikkontribwixxi f'dibattiti ewlenin tal-UE, u li biħsiebha żżid il-viżibilità tagħha billi ttejjeb il-ħidma tagħha biex tilħaq il-partijiet ikkonċernati u tiġbed l-attenzjoni għall-każijiet importanti;

22.   Iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli bl-isforzi tagħha biex ittejjeb il-kanali ta' komunikazzjoni u tibni fuq il-ħidma mwettqa fil-qafas tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013, kif ukoll ittejjeb is-servizz ta' għoti tal-informazzjoni liċ-ċittadini Ewropej sabiex ikunu informati kif suppost dwar is-servizzi u l-isfera tar-responsabbiltà tal-Ombudsman;

23.  Itenni l-importanza tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej bħala għodda ġdida li tippermetti l-involviment dirett taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-preparazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea;

24.  Jilqa' għadd ta' investigazzjonijiet importanti varati mill-Ombudsman, bħalma huma l-inkjesti dwar in-nuqqas ta' trasparenza fin-negozjati tas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP), l-iżvelar ta' informazzjoni protetta (il-whistleblowing) fl-istituzzjonijiet tal-UE, in-nuqqas ta' trasparenza fil-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni, każijiet ta' 'revolving door' u ta' kunflitt ta' interessi, drittijiet fundamentali fil-politika ta' koeżjoni u l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej; jistenna b'ħerqa s-sejbiet ta' dawn l-inkjesti;

25.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jippubblika d-direttivi ta' negozjati tal-UE għan-negozjati tat-TTIP li għaddejjin bejn l-UE u l-Istati Uniti; jilqa' bl-istess mod id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tippubblika aktar testi dwar in-negozjati tal-UE u tippermetti aċċess usa' għal dokumenti oħra fil-kuntest tan-negozjati TTIP; iqis li t-twettiq ta' monitoraġġ mill-qrib tat-trasparenza fin-negozjati TTIP saħħaħ ir-rwol tal-Ombudsman bħala gwardjana tat-trasparenza tal-UE; jappoġġa t-talba tal-Ombudsman għall-adozzjoni min-naħa tal-istuzzjonijiet Ewropej ta' approċċ ta' politika ta' trasparenza u kampanja ta' informazzjoni dwar it-TTIP; jieħu l-impenn li jibni fuq l-eżiti tal-konsultazzjoni dwar it-trasparenza fit-TTIP, b'mod partikolari billi jikkunsidra l-petizzjonijiet li rċieva b'rabta ma' din il-kwistjoni, speċjalment fid-dawl tal-impatt li jistgħu jkollhom it-TTIP u negozjati dwar il-kummerċ oħra fuq il-ħajjiet taċ-ċittadini Ewropej;

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-Ombudsmen tal-Istati Membri jew lill-entitajiet kompetenti simili.

(1) ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.
(2) http://www.ombudsman.europa.eu/mt/activities/annualreports.faces


Is-sitwazzjoni fil-Libja
PDF 255kWORD 91k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Libja (2014/3018(RSP))
P8_TA(2015)0010RC-B8-0011/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libja, b'mod partikolari dik tal-15 ta’ Settembru 2011(1), tat-22 ta’ Novembru 2012(2) u tat-18 ta' Settembru 2014(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà Federica Mogherini dwar il-Libja, inklużi dawk tas-16 u t-30 ta’ Diċembru 2014 u tal-10 ta’ Jannar 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-15 ta' Awwissu u tat-30 ta’ Awwissu 2014, tal-20 ta’ Ottubru 2014, tas-17 u tat-18 ta’ Novembru 2014, u tal-15 ta’ Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-11 ta' Jannar 2015 tal-gvernijiet ta' Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti dwar il-Libja,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 1970, 1973 (2011) u 2174 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tas-27 ta' Awwissu 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-4 ta' Settembru 2014, aġġornat fis-27 ta' Diċembru 2014, tal-Missjoni ta' Appoġġ fil-Libja tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSMIL) intitolat "Ħarsa ġenerali lejn il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali matul il-vjolenza li għaddejja bħalissa fil-Libja" ("Overview of violations of international human rights and humanitarian law during the ongoing violence in Libya"),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom tal-1977, u l-obbligu li l-partijiet involuti f'kunflitt armat għandhom biex jirrispettaw u jiżguraw ir-rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali f'kull ċirkostanza,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK tat-22 ta' Mejju 2013 li permezz tagħha nħolqot il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya),

–  wara li kkunsidra l-Pakkett tal-PEV dwar il-Libja ta' Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra s-Summit tas-Saħel li sar fil-Mawritanja fid-19 ta’ Diċembru 2014, li kien jinkludi mexxejja mill-Mawritanja, mill-Mali, min-Niġer, miċ-Ċad u mill-Burkina Faso,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta li ħarġet fit-22 ta’ Settembru 2014 minn 13-il pajjiż(4), li wiegħdet politika ta' non-interferenza fil-kwistjonijiet tal-Libja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fi Frar 2011 il-Libjani niżlu fit-toroq biex jitolbu d-drittijiet politiċi tagħhom, u kellhom iħabbtu wiċċhom ma' repressjoni indiskriminata min-naħa tal-Istat li tat bidu għal disa' xhur ta' kunflitt ċivili u wasslet għat-tneħħija tar-reġim ta' Gaddafi;

B.  billi l-Libja organizzat it-tielet elezzjonijiet ġenerali demokratiċi u liberi tagħha f'Ġunju 2014 biex teleġġi Kamra tad-Deputati li tieħu post il-Kungress Nazzjonali Ġenerali elett f'Lulju 2012;

C.  billi minkejja l-elezzjonijiet parlamentari nazzjonali f'Ġunju 2014, l-aspirazzjonijiet li l-waqgħa tal-Kurunell Gaddafi ġabet magħha għall-poplu Libjan ġew imfixkla mill-firda politika u l-vjolenza f'dak li qed jinbidel fi gwerra ċivili aperta; billi fi Tripli u Tobruk ilhom joperaw għal diversi xhur gvernijiet u parlamenti rivali;

D.  billi il-Libja baqgħet involuta fi ġlied politiku intern li evolva fi ġlieda vjolenti għall-poter bejn żewġ sedi rivali ta’ gvern u diversi fazzjonijiet rivali ta' forzi nazzjonalisti, Islamisti, tribali u reġjonali li qed twassal għal aktar tbatija għall-popolazzjoni ċivili, imwiet, spostjar tal-massa u kriżi umanitarja dejjem aktar estensiva;

E.  billi ż-żewġ naħat huma rrapurtati li wettqu sensiela wiesgħa ta' ksur u abbużi skont id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; billi l-UNSMIL tikkalkula li tal-inqas 400 000 Libjan ġew spostati internament mill-aħħar mewġa ta' ġlied filwaqt li 150 000 oħra, fosthom ħafna ħaddiema migranti, telqu mill-pajjiż; billi ħaddiema umanitarji u diplomatiċi barranin, fosthom il-persunal tal-UE u tal-UNSMIL, ġew evakwati mil-Libja; billi l-influss massiċċ ta' rifuġjati Libjani fit-Tuneżija qed jitfa' pressjoni sinifikanti fuq il-kapaċitajiet u l-istabilità ta' dan il-pajjiż ġar tagħha; billi huwa stmat li hemm aktar minn miljun Libjan li diġà qed jgħixu fit-Tuneżija;

F.  billi fit-23 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, Zeid Raas al‑Hussein, qal li l-bumbardament indiskriminat taċ-ċivili fil-Libja se jwassal għal prosekuzzjoni ta' delitti tal-gwerra;

G.  billi l-Mibgħut Speċjali tan-NU Bernadino León fittex attivament li jagħmilha ta' medjatur fit-taħdidiet bejn il-fazzjonijiet rivali u fit-tnedija ta' djalogu nazzjonali lejn proċess ta' rikonċiljazzjoni u l-formazzjoni ta' gvern ta' unità nazzjonali; billi l-ewwel ċiklu tat-taħdidiet seħħ f'Ghadames fid-29 ta’ Settembru 2014 u kompla fi Tripli fil-11 ta’ Ottubru 2014, filwaqt li ċiklu ieħor, inizjalment skedat għall-5 ta’ Jannar 2015, ġie pospost minħabba nuqqas ta’ qbil fuq iż-żewġ naħat; billi UNSMIL ħabbret li l-partijiet Libjani issa qablu li jorganizzaw ċiklu ġdid ta’ taħdidiet f’Ġinevra, aktarx fl-14 ta’ Jannar 2015; billi ż-żewġ kampijiet s’issa wrew li ma tantx kienu lesti jew ma setgħux jinvolvu ruħhom f’kompromess;

H.  billi l-Mibgħuta tan-NU għar-reġjun tas-Saħel, Hiroute Guebre Sellassie, wissiet lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li l-kriżi Libjana tista’ tiddestabilizza r-reġjun kollu fil-futur qrib, u ddikjarat ukoll li netwerks terroristiċi u kriminali fil-Libja kienu qegħdin jiżviluppaw rabtiet eqreb mal-Mali u n-Niġerja ta’ fuq, bin-negozjar tal-bejgħ tal-armi u t-traffikar tad-drogi fost kummerċ illegali ieħor;

I.  billi l-unità tal-istat Libjan hija mhedda u hemm riskju veru ta' separazzjoni f'tal-anqas tliet reġjuni (Fezzan, Cyrenaika u Tripolitania) jekk ma tinstabx soluzzjoni ta' kompromess u jekk ma jinbediex proċess ta' rikonċiljazzjoni;

J.  billi l-ġlied reċenti ffaċilita bil-kbir it-tixrid u l-insedjar ta' gruppi terroristiċi bħall-ISIS fil-pajjiż; billi, jekk ma jiġix indirizzat, dan jista’ jirrappreżenta theddida ewlenija għas-sigurtà tar-reġjun u tal-UE; billi l-fergħa tal-Lvant tal-Libja tal-IS qalet fit-8 ta’ Jannar 2015 li kienet wettqet eżekuzzjoni ta' riporter Sofiene Chourabi u ta' operatur tal-kamera Nadhir Ktari;

K.  billi nhar l-4 ta’ Jannar 2015 ajruplani tal-gwerra mill-forzi leali lejn il-gvern rikonoxxut internazzjonalment ibbumbardjaw tanker taż-żejt taħt operat Grieg fiż-żona militari tal-port ta’ Derna, u dan wassal biex inqatlu żewġ persuni tal-ekwipaġġ, Grieg u Rumen, u biex indarbu tnejn oħra; billi l-port hu kkontrollat minn militanti Iżlamisti u ġie attakkat diversi drabi matul is-sena li għaddiet;

L.  billi nhar it-3 ta' Jannar 2015, fi stqarrija uffiċjali tal-gvern, ġie ddikjarat li l-milizja tal-Istat Iżlamiku qatlet 14-il suldat tal-armata Libjana u li l-gvern apella lill-komunità internazzjonali biex tneħħi l-embargo tal-armi fuq il-pajjiż sabiex ikun jista' jiġġieled kontra din il-milizja, li hu jikkwalifika bħala terroristi;

M.  billi l-ISIS qed tħarreġ lill-kumbattenti fil-Libja u qed tistabbilixxi fergħa fil-parti tal-Lvant tal-pajjiż; billi nhar it-30 ta' Diċembru 2014 terroristi splodew karozza bomba f'Tobruk, indirizzata kontra sessjoni tal-Kamra tad-Deputati; billi ġie rappurtat li ġew stabbiliti ċentri loġistiċi fil-periferija tan-Nofsinhar tal-Libja minn elementi tal-Al-Qaeda fil-Magreb Iżlamiku; billi, skont stqarrija uffiċjali tal-gvern, fit-3 ta' Jannar 2015 il-milizzji tal-Istat Iżlamiku qatlu 14-il suldat tal-armata Libjana;

N.  billi nhar it-28 ta’ Diċembru 2014 il-kmandant tal-milizja, il-Ġeneral Heftar, mexxa attakki mill-ajru kontra Misrata, fortizza tal-grupp ta' milizzji Iżlamist 'Żerniq il-Libja', f’dik li hija meqjusa bħala l-vendetta għall-attakki tal-milizzji Iżlamisti tal-25 ta’ Diċembru 2014 fuq l-akbar terminal taż-żejt tal-Libja f'Sidra u fuq is-suldati tal-armata Libjana f’Sirte, fejn inqatlu 22 minnhom;

O.  billi nħatfu 20 Nisrani Koptu Eġizzjan minn militanti tal-grupp Ansar al-Sharia f’Sirte, taħt il-kontroll tal-milizja, f'dak li hu l-aħħar attakk minn numru dejjem jiżdied ta’ attakki fuq Insara u minoranzi reliġjużi oħra fil-Libja; billi żdiedu b'rata kontinwa d-detenzjonijiet, il-ħtif, it-tortura u l-eżekuzzjonijiet ta’ min ikun issuspettat li jkun kumbattent fuq in-naħat kollha;

P.  billi mijiet ta' migranti u rifuġjati, li qed jaħarbu mill-vjolenza fil-Libja, qed ikunu rappurtati mejta filwaqt li qed jippruvaw jaqsmu l-Mediterran lejn l-Ewropa, li jwassal għal kriżi ewlenija ta' rifuġjati fl-Italja u f'Malta; billi l-Libja hi punt ta' tluq primarju għal migranti li qed jippruvaw jilħqu l-Ewropa;

Q.  billi fis-6 ta’ Novembru 2014 il-Qorti Suprema Libjana qatgħet is-sentenza li l-elezzjonijiet parlamentari ta’ Ġunju li stabbilixxew il-Kamra tad-Deputati bbażata f'Tobruk li hi rikonoxxuta internazzjonalment ma kinux leġittimi;

R.  billi l-Kamra tad-Deputati rrifjutat din id-deċiżjoni, waqt li qalet li din id-deċiżjoni toħroġ mil-limiti tal-mandat tal-qorti, li saret taħt pressjoni mill-milizzji Iżlamisti fi Tripli u li l-Kamra tad-Deputati u l-gvern se jibqgħu jiffunzjonaw;

S.  billi r-Riżoluzzjoni 2174 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tawtorizza l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar ta' assi fil-konfront ta' "l-individwi u l-entitajiet li l-Kumitat ikun stabbilixxa li huma involuti fi jew qed jipprovdu appoġġ għal atti oħra li jheddu l-paċi, l-istabilità jew is-sigurtà tal-Libja, jew li jxekklu jew jippreġudikaw it-tlestija b'suċċess tat-tranżizzjoni politika tagħha";

T.  billi element kruċjali tal-kunflitt jikkonċerna l-kontroll u l-amministrazzjoni tal-Korporazzjoni Nazzjonali taż-Żejt; billi ż-żewġ naħat fil-kunflitt ħatru ministri tagħhom taż-żejt fi sforz biex jidderieġu d-dħul miż-żejt lin-naħa tagħhom; billi ż-żejt jirrappreżenta 95 % tad-dħul tal-Istat tal-Libja u 65 % tal-PDG tal-pajjiż; billi l-Libja għandha l-akbar riżervi taż-żejt fl-Afrika u l-ħames l-akbar fid-dinja;

1.  Jikkundanna bil-qawwa ż-żieda qawwija ta’ vjolenza fil-Libja, partikolarment immirata fuq iċ-ċivili, li tipperikola b’mod serju l-prospetti futuri għal soluzzjoni paċifika; jappoġġa bil-qawwa t-taħdidiet negozjati min-NU f’Ġinevra u jappella lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jaċċettaw il-waqfien immedjat ta' operazzjonijiet militari propost mir-Rappreżentant Speċjali tan-NU, Bernardino León, sabiex jinħoloq ambjent favorevoli;

2.  Jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-vjolenza biex jimpenjaw ruħhom f'waqfien mill-ġlied mhux kundizzjonali, biex ma jwettqux azzjonijiet li joħolqu iktar diviżjonijiet u polarizzazzjoni, biex jiddikjaraw pubblikament li mhumiex se jittolleraw tali azzjonijiet u biex jimpenjaw ruħhom mingħajr prekundizzjoni bl-isforzi tar-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja, Bernardino León, bl-għan li l-gruppi rivali joqorbu lejn xulxin fi djalogu politiku nazzjonali inklużiv; jinsisti li tingħata attenzjoni lill-involviment tan-nisa u tal-minoranzi f'dan il-proċess; ifakkar li m'hemm l-ebda soluzzjoni militari għal dan il-kunflitt;

3.  Itenni l-appoġġ b'saħħtu u sħiħ tiegħu għall-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja; ifaħħar l-isforzi bla waqfien tar-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja, Bernardino León, biex jiġi negozjat dan id-djalogu politiku; jilqa' l-fatt li hemm skedat ċiklu ġdid ta' djalogu politiku li se jsir f'Ġinevra fil-jiem li ġejjin;

4.  Jistieden lill-UE tappoġġa dawn l-isforzi billi hija wkoll timponi minnufih sanzjonijiet immirati, fosthom l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni tal-ivvjaġġar, fil-konfront ta' dawk responsabbli mill-vjolenza bl-armi u l-ksur u l-abbuż tad-drittijiet tal-bniedem u li qed jibbojkottjaw in-negozjati sponsorjati min-NU;

5.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Kamra tad-Deputati f'Tobruk bħala l-uniku korp leġittimu li ħareġ mill-elezzjonijiet ta' Ġunju 2014; itenni l-appell tiegħu lill-Kamra tad-Deputati eletta u lill-gvern uffiċjali biex iwettqu l-kompiti tagħhom abbażi tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem, fi spirtu ta' inklużività, fl-interess tal-pajjiż u bil-għan li jħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini Libjani kollha, inklużi l-minoranzi reliġjużi u etniċi;

6.  Jinsab imħasseb serjament mill-preżenza dejjem tiżdied tal-gruppi terroristiċi marbutin mal-Al-Qaeda, il-milizzji tal-Istat Iżlamiku u l-organizzazzjonijiet u l-movimenti estremisti l-oħrajn fil-Libja; jemmen li r-reġjun qiegħed fir-riskju li jispiċċa f’kaos qerriedi simili għal dak li qed jiġri fis-Sirja u fl-Iraq; jemmen li dawn il-gruppi jirrappreżentaw theddida ewlenija għall-istabilità u s-sigurtà tar-reġjun kollu, u anke għas-sigurtà tal-Ewropa; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jintużaw il-mezzi kollha biex jiġi miġġieled, skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali, inklużi d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u dak umanitarju, it-theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżat minn atti terroristiċi;

7.  Jappella lill-UE u lill-komunità internazzjonali biex ikomplu jappoġġaw l-isforzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu b'rispett dovut lejn id-dritt internazzjonali u jwaqqfuh milli jkompli jinfirex aktar u milli jistabbilixxi bażijiet ġodda fil-Libja;

8.  Jissottolinja l-impatt destabbilizzanti li l-kunflitt Libjan qed ikollu fuq pajjiżi oħra fir-reġjun tas-Saħel kif ukoll fuq is-sigurtà Ewropea; jistieden lill-pajjiżi ġirien u atturi reġjonali, speċjalment l-Eġittu, il-Qatar, l-Arabja Sawdija, it-Turkija u l-UAE, biex iżommu lura minn azzjonijiet li jistgħu jżidu diviżjonijiet attwali u jimminaw transizzjoni demokratika tal-Libja, u sabiex jappoġġaw bis-sħiħ il-proċess Ghadames immexxi min-NU; ifakkar li dawk li attivament qed joħolqu ostakli għal soluzzjoni politika kunsenswali qed jiksru r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar il-Libja u jridu jiffaċċjaw il-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħhom;

9.  Jilqa' d-dikjarazzjonijiet reċenti mill-Unjoni Afrikana fit-3 ta' Diċembru 2014 u mil-Lega tal-Istati Għarab fil-5 ta' Jannar 2015 u l-impenn pubbliku tagħhom biex jappoġġaw il-proċess immexxi min-NU;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa għal azzjoni komuni u kkoordinata mit-28 Stat Membru taħt is-superviżjoni tar-Rappreżentant Għoli; jappella lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jikkoordinaw l-azzjoni tal-Istati Membri u jikkonċentraw l-appoġġ tagħhom fuq il-bini tal-istat u l-bini tal-istituzzjonijiet u biex, flimkien mal-Istati Membri, in-NU, in-NATO u s-sħab reġjonali, jgħinu fil-ħolqien ta' forzi tas-sigurtà effikaċi u taħt kmand u kontroll nazzjonali (forzi armati u forzi tal-pulizija) li jistgħu jiżguraw il-paċi u l-ordni fil-pajjiż, kif ukoll jagħtu l-appoġġ tagħhom għall-bidu ta' ftehim ta' waqfien mill-ġlied u jfasslu mekkaniżmu għall-monitoraġġ tiegħu; jisħaq fuq il-fatt li l-UE jmissha tagħti prijorità lill-assistenza għar-rifoma tas-sistema ġudizzjarja Libjana, kif ukoll setturi kruċjali oħrajn għall-governanza demokratika;

11.  Ifakkar fl-impenn qawwi tal-UE għall-unità u l-integrità territorjali tal-Libja u l-ħtieġa li tiġi evitata l-firxa tat-terroriżmu; ifakkar fir-Riżoluzzjoni KSNU 2174, adottata nhar is-27 ta' Awwissu 2014, li twessa' s-sanzjonijiet internazzjonali eżistenti fuq il-Libja biex jinkludu r-responsabbiltà kriminali ta' min jappoġġa jew ikun involut f'atti li "jheddu l-paċi, l-istabilità jew is-sigurtà tal-Libja, jew li jxekklu jew jippreġudikaw it-tlestija b'suċċess tat-tranżizzjoni politika tagħha"; jistieden lill-UE tikkunsidra aktar azzjonijiet, inklużi miżuri restrittivi;

12.  Jenfasizza l-ħtieġa li tkun żgurata r-responsabbiltà għall-każijiet kollha ta' ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u dak umanitarju; jinnota d-dikjarazzjoni minn UNSMIL li ħafna każijiet ta' ksur u abbuż kommessi fil-Libja jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-QKI, u jitlob biex din tal-aħħar tingħata r-riżorsi politiċi, loġistiċi u finanzjarji adegwati sabiex tkun tista' tinvestiga dawn ir-reati; jemmen li t-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta' responsabbiltà internazzjonali jistgħu jiddisswadu lill-milizzji milli jwettqu aktar abbużi u ksur, u jitlob li jiġi kkunsidrat l-istabbiliment ta’ Kummissjoni ta’ Inkjesta tan-NU jew mekkaniżmu simili biex tinvestiga l-ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u dak umanitarju;

13.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Libjan; jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tgħin lill-poplu Libjan jissodisfa l-ambizzjoni tiegħu li jistabbilixxi Stat demokratiku, stabbli u prosperu, f'konformità mal-impenji stabbiliti fil-politiki tal-viċinat tagħha għan-Nofsinhar tal-Mediterran; jappella għat-tkomplija tal-għajnuna umanitarja, finanzjarja u politika mill-UE u l-komunità internazzjonali biex jindirizzaw is-sitwazzjoni umanitarja fil-Libja, il-qagħda ta’ min jiġi spostat internament u tar-rifuġjati u dik taċ-ċivili li qed jaffaċċjaw taqlib fl-aċċess għas-servizzi bażiċi;

14.  Jistieden lill-partijiet kollha fil-Libja biex jiggarantixxu s-sigurtà u l-libertà tal-Kristjani u gruppi oħra ta' minoranza reliġjużi li qed jiffaċċjaw żieda ta' diskriminazzjoni u persekuzzjoni u jsibu ruħhom f'attakki minn diversi inħawi fl-istess ħin; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jiżguraw li ftehimiet bilaterali futuri jinkludu mekkaniżmi ta' monitoraġġ effettivi għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-minoranzi reliġjużi;

15.  Jinsisti fuq iż-żamma tan-newtralità tal-istituzzjonijiet Libjani ewlenin, b’mod partikolari l-Bank Ċentrali, il-Korporazzjoni Nazzjonali taż-Żejt u l-fond tal-ġid sovran, li huma awtorizzati min-NU biex jirċievu dħul miż-żejt minn barra l-pajjiż;

16.  Ifaħħar l-ospitalità li t-Tuneżija tat lil madwar 1,5 miljun ċittadin Libjan li bħalissa qegħdin fit-Tuneżija li qed jaħarbu mill-vjolenza; jitlob lill-UE tipprovdi appoġġ finanzjarju u loġistiku lill-Gvern Tuneżin għal dan il-għan;

17.  Jitlob lill-kumpaniji internazzjonali, qabel ma jikkonkludu xi tranżazzjoni li tinvolvi ż-żejt Libjan, li jappartjeni lill-poplu Libjan, biex jiżguraw li tranżazzjonijiet bħal dawn ma jiffinanzjawx, direttament jew indirettament, il-milizzji involuti fil-kunflitt; jitlob lill-kumpaniji internazzjonali involuti fil-Libja, għal darb’oħra, biex jiżvelaw in-negozji finanzjarji tagħhom fis-settur tal-enerġija;

18.  Jibqa’ mħasseb dwar il-proliferazzjoni ta’ armi, munizzjon, splussivi u l-kuntrabandu tal-armi, li joħloq riskju għall-popolazzjoni u għall-istabilità tal-Libja u tar-reġjun;

19.  Itenni t-talba tiegħu lir-Rappreżentant Għoli biex jirrevedi l-mandat tal-Missjoni tal-Fruntiera tal-Unjoni Ewropea (EUBAM) fil-Libja, li attwalment tinsab wieqfa u stazzjonata fit-Tuneżija, sabiex titqies is-sitwazzjoni fil-pajjiż li nbidlet b’mod drammatiku, u bil-għan li titfassal missjoni tal-Politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni (PSDK) kkoordinata tajjeb biex topera f’koordinazzjoni man-NU u mal-imsieħba reġjonali fil-każ li tinstab soluzzjoni politika; huwa tal-fehma li din il-missjoni tal-PSDK għandu jkollha l-għan li tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ soluzzjoni politika, għandha tagħti prijorità lir-riforma tas-settur tas-sigurtà (SSR) u d-diżarm, id-demobilizzazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid (DDR) u għandha wkoll twieġeb għal bżonnijiet urġenti oħra ta’ governanza; barra minn hekk, jesprimi l-fehma li f’sitwazzjoni ta’ gwerra twila fil-Libja u fil-każ li jiżdiedu l-instabilità u t-theddid serju għas-sigurtà Ewropea, il-missjoni tal-PSDK għandha tkun disposta li tipparteċipa f'azzjoni b'mandat u kkoordinazzjoni tal-UNSC sabiex tistabbilizza l-Libja;

20.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu għad-destin tal-migranti, tal-applikanti għall-ażil u tar-rifuġjati fil-Libja minħabba li s-sitwazzjoni diġà prekarja tagħhom qed tkompli teħżien; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex effettivament jgħinu lill-Italja fl-isforzi ta' min ifaħħar biex tindirizza l-flussi li qed jiżdiedu ta' migranti u rifuġjati mill-Afrika ta' Fuq, partikolarment mil-Libja;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern Libjan u lill-Kamra tad-Deputati Libjana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lil-Lega Għarbija u lill-Unjoni Afrikana.

(1) ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 114.
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0465.
(3) Testi adottati, P8_TA(2014)0028.
(4) L-Alġerija, l-Eġittu, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, is-Saudi Arabia, Spanja, it-Tuneżija, it-Turkija, l-Emirati Għarab Magħquda, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti tal-Amerika, kif ukoll l-UE u n-NU.


Is-sitwazzjoni fl-Ukraina
PDF 338kWORD 100k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina (2014/2965(RSP))
P8_TA(2015)0011RC-B8-0008/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat u s-Sħubija tal-Lvant (SL),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet preliminari tal-OSKE/ODHIR dwar l-elezzjonijiet parlamentari bikrin fl-Ukraina fis-26 ta' Ottubru 2014,

–  wara li kkunsidra t-tmien rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina tal-15 ta' Diċembru 2014 u r-rapport tas-sitwazzjoni tal-Ukraina nru 22 sa mis-26 ta' Diċembru 2014 mill-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinament tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA),

–  wara li kkunsidra l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina (FA) fis-27 ta' Ġunju 2014, li jinkludi Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTA), u r-ratifika simultanja tiegħu min-naħa tal-Parlament Ewropew u tal-Verkhovna Rada fis-16 ta' Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Mink tal-5 ta' Settembru 2014 u l-Memorandum ta' Minsk tad-19 ta' Settembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' paċi kompost minn 12-il punt,

–  wara li kkunsidra r-rapport tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 ta' Novembru 2014 dwar il-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina tal-Lvant u r-rapporti ta' Human Rights Watch dwar l-abbużi fil-Krimea,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Kummissjoni NATO-Ukraina tat-2 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Ukraina tal-21 ta' Marzu 2014, tas-27 ta' Ġunju 2014, tas-16 ta' Lulju 2014, tat-30 ta' Awwissu 2014 u tat-18 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina tal-15 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fis-26 ta' Ottubru 2014 l-Ukraina organizzat elezzjonijiet parlamentari li tmexxew b'mod effiċjenti, paċifiku u f'ordni u fir-rispett ġenerali tal-libertajiet fundamentali, minkejja l-kunflitt li kien għaddej fir-reġjuni tal-Lvant u l-annessjoni tal-Krimea mir-Russja;

B.  billi l-gvern il-ġdid, iffurmat mill-forzi pro-Ewropej, għandu maġġoranza kostituzzjonali biex imexxi 'l quddiem ir-riformi u diġà adotta l-ftehim ta' koalizzjoni li joħloq l-pedamenti għal proċess ta' riforma rigoruż immirat lejn it-trawwim ta' aktar integrazzjoni Ewropea, modenizzazzjoni, żvilupp tal-pajjiż u stabbiliment ta' demokrazija u stat tad-dritt ġenwini kif ukoll żvilupp tal-modifiki kostituzzjonali kif propost mill-pjan ta' paċi tal-President Poroshenko;

C.  billi l-hekk imsejħa "elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali" li saru f'Donetsk u f'Luhansk fit-2 ta' Novembru 2014 kisru d-dritt Ukrain u l-ftehimiet ta' Minsk, u għaldaqstant ma jistgħux jiġu rikonoxxuti; billi l-organizzazzjoni ta' dawn l-elezzjonijiet kellha impatt negattiv fuq il-proċess ta' paċi u rikonċiljazzjoni;

D.  billi l-waqfien mill-ġlied tal-5 ta' Settembru 2014 inkiser mis-separatisti u mill-forzi Russi kuljum; billi mid-9 ta' Diċembru 2014, bis-saħħa tal-inizjattiva tal-President Poroshenko li appella għal "reġim ta' silenzju", in-numru ta' ksur naqas drastikament; billi, madankollu, il-punti ewlenin tal-memorandum tad-19 ta' Settembru 2014 ma ġewx implimentati mis-separatisti appoġġati mir-Russja; billi, skont sorsi kredibbli, ir-Russja għadha tappoġġa l-milizzji separatisti permezz ta' fluss kostanti ta' tagħmir militari, merċenarji u unitajiet regolari Russi, inklużi tankijiet kbar tal-gwerra, artillerija u sistemi kontra l-inġenji tal-ajru sofistikati;

E.  billi l-kunflitt armat fil-parti tal-Lvant tal-Ukraina rriżulta f'eluf ta' vittmi militari u ċivili, b'ħafna aktar feruti u mijiet ta' eluf ħarbu minn djarhom, il-biċċa l-kbira lejn ir-Russja, filwaqt li s-sitwazzjoni fiż-żona ta' kunflitt hija kwistjoni ta' tħassib kbir kemm mil-lat umanitarju kif ukoll minn dak ta' saħħa;

F.  billi l-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea kienet l-ewwel każ ta' inkorporazzjoni forzata ta' parti minn pajjiż min-naħa ta' ieħor fl-Ewropa mit-Tieni Gwerra Dinjija u tikser id-dritt internazzjonali, inklużi l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Att Finali ta' Ħelsinki u l-Ftehim ta' Budapest tal-1994;

G.  billi l-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE tas-17 ta' Novembru 2014 ħa deċiżjoni fil-prinċipju dwar aktar sanzjonijiet immirati lejn il-mexxejja separatisti;

H.  billi għadhom qed isiru ħafna abbużi tad-drittijiet tal-bniedem kemm fil-Lvant okkupat tal-Ukraina kif ukoll fil-Krimea, imġarrba b'mod partikolari mit-Tatari tal-Krimea, fosthom l-intimidazzjoni u mewġa ġdida ta' każijiet ta' persuni nieqsa;

I.  billi kooperazzjoni eqreb bejn l-UE u l-Istati Uniti f'politiki marbuta mal-Ukraina tkun ta' benefiċċju;

J.  billi, fit-23 ta' Diċmebru 2014, il-Parlament Ukrain ivvota biex jirrinunzja għall-istatus ta' pajjiż mhux allineat;

1.  Jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-Ukraina u mal-poplu tagħha; itenni għal darb'oħra l-impenn tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità, l-integrità territorjali, l-invjolabbiltà tal-fruntieri u l-għażla Ewropea tal-Ukraina;

2.  Jikkundanna l-atti ta' terroriżmu u ta' mġiba kriminali tas-separatisti u tal-forzi irregolari l-oħra fl-Ukraina tal-Lvant;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-valutazzjoni pożittiva tal-elezzjonijiet ġenerali tas-26 ta' Ottubru 2014, minkejja ċirkostanzi ta' sigurtà u ta' politika ibsin, u l-inawgurazzjoni sussegwenti tal-Verkhovna Rada l-ġdida; jilqa' pożittivament l-impenn politiku qawwi tal-President Poroshenko, tal-Prim Ministru Yatsenyuk u tal-kelliem Groysman biex jikkooperaw flimkien u jsaħħu l-proċess ta' riforma rigoruż; iħeġġeġ bis-sħiħ lill-gvern u lill-parlament il-ġodda tal-Ukraina jadottaw u jimplimentaw ir-riformi politiċi u soċjoekonomiċi tant meħtieġa mingħajr dewmien sabiex jinbena stat demokratiku u prosperu bbażat fuq l-istat tad-dritt;

4.  Jiddispjaċih li bħala riżultat tas-sitwazzjoni attwali fil-pajjiż, mhux il-partijiet kollha tat-territorju u l-popolazzjoni tal-Ukraina huma rappreżentati fil-Verkhovna Rada; ifakkar li l-Gvern u l-Parlament tal-Ukraina għandhom bżonn jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet u l-ħtiġijiet ta' dawk iċ-ċittadini li ma għandom l-ebda rappreżentanza fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-istat;

5.  Jikkundanna b'enerġija l-politika aggressiva u espansjonistika tar-Russja, li tikkostitwixxi theddida għall-unità u għall-indipendenza tal-Ukraina u toħloq theddida potenzjali għall-Unjoni Ewropea nnifisha, inkluża l-annessjoni illegali tal-Krimea u gwerra ibrida mhux dikjarata kontra l-Ukraina, inklużi l-gwerra ta' informazzjoni, fejn jiġu kkombinati elementi ta' gwerra ċibernetika, użu ta' forzi regolari u irregolari, propaganda, pressjonijiet ekonomiċi, rikatti fil-qasam tal-enerġija, diplomazija u destabbilizzazzjoni politika; jenfasizza li dawn l-azzjonijiet imorru kontra d-dritt internazzjonali u jikkostitwixxu sfida gravi għall-qagħda tas-sigurtà Ewropea; jenfasizza li ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni għall-użu ta' forza militari fl-Ewropa għad-difiża tal-hekk imsejħa raġunijiet storiċi u ta' sigurtà jew għall-protezzjoni tal-hekk imsejħin "kompatrijotti li jgħixu barra mill-pajjiż"; jistieden lil Moska tieqaf taggrava s-sitwazzjoni billi twaqqaf minnufih il-fluss ta' armi, merċenarji u truppi f'appoġġ tal-milizzji separatisti u tuża l-influwenza tagħha mas-separatisti biex tikkonvinċihom jidħlu fi proċess politiku;

6.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jimplimentaw b'mod sħiħ il-Protokoll ta' Minsk mingħajr aktar dewmien u b'hekk juru l-impenn veru tagħhom lejn it-tnaqqis tat-tensjonijiet u il-moderazzjoni massima; jistieden lir-Russja tippermetti monitoraġġ internazzjonali tal-fruntieri bejn ir-Russja u l-Ukraina, biex tuża l-influwenza tagħha fuq is-separatisti biex jiġi żgurat li jirrispettaw il-waqfien mill-ġlied, u biex jaħdmu b'mod kostruttiv għall-implimentazzjoni tal-arranġamenti ta' Minsk; jinkoraġġixxi l-adozzjoni ta' miżuri għall-bini tal-fiduċja li jappoġġaw l-isforzi għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza ta' djalogu politiku inklużiv u ta' programm ekonomiku għar-riabilitazzjoni tal-ekonomija tar-reġjun tad-Donbas;

7.  Jappella għat-tkomplija tar-reġim ta' sanzjonijiet attwali tal-UE, partikolarment fid-dawl tal-laqgħa imminenti tal-Kunsill f'Marzu 2015, sakemm ma r-Russja ma tirrispettax bis-sħiħ u, fuq kollox, tottempera għall-obbligi ta' Minsk tagħha, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssib modi kif iżżid is-solidarjetà fost l-Istati Membri f'każ li l-kriżi mar-Russja tkompli; jisħaq fuq il-bżonn ta' adozzjoni ta' ġabra ċara ta' punti ta' riferiment li, meta jintlaħqu, jistgħu jipprevjenu l-impożizzjoni ta' miżuri restrittivi ġodda kontra r-Russja jew iwasslu għar-revoka ta' dawk preċedenti, fosthom: l-implimentazzjoni ta' waqfien mill-ġlied, l-irtirar inkundizzjonat mill-Ukraina tat-truppi Russi u tal-gruppi armati u tal-merċenarji illegali appoġġati mir-Russja kollha, l-iskambju tal-priġunieri kollha fosthom Nadia Savchenko u l-kontroll mill-ġdid tal-Ukraina fuq it-territorju kollu tagħha, inkluża l-Krimea; fil-każ ta' kwalunkwe azzjoni addizzjonali Russa li tiddestabbilizza l-Ukraina, jistieden lill-Kunsill Ewropew jieħu aktar miżuri restrittivi, u jwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom billi jkopri s-settur nukleari u billi jillimita l-kapaċità tal-entitajiet Russi li jwettqu tranżazzjonijiet finanzjarji internazzjonali; jirrikonoxxi li l-UE trid tkun lesta tappoġġa l-Istati Membri li huma mal-fruntiera u li għandhom jingħataw l-istess livell ta' sigurtà bħall-Istati Membri kollha;

8.  Jemmen li s-sanzjonijiet għandhom ikunu parti minn approċċ usa' tal-UE fil-konfront tar-Russja u mill-isforzi tal-VP/RGħ intiżi li jsaħħu d-djalogu; ifakkar li l-għan uniku ta' dawn is-sanzjonijiet hu li jorbot lill-Gvern Russu jbiddel il-politika attwali tiegħu u jikkontribwixxi b'mod siewi għal soluzzjoni paċifika tal-kriżi tal-Ukraina; jenfasizza li ż-żamma, it-tisħiħ jew r-reversibilità tal-miżuri restrittivi tal-UE jiddependu mill-attitudni tar-Russja u mis-sitwazzjoni fl-Ukraina;

9.  Jenfasizza li l-kanali politiċi u diplomatiċi lejn ir-Russja għandhom jibqgħu miftuħa sabiex jippermettu soluzzjonijiet diplomatiċi għall-kunflitt, u għalhekk jappoġġa l-formati bħal ta' Ġinevra u tan-Normandija jekk jistgħu jinkisbu riżultati tanġibbli;

10.  Jappoġġa l-politika li ma tiġix rikonoxxuta l-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja u, f'dan il-kuntest, jieħu nota pożittiva tas-sanzjonijiet addizzjonali li ġew adottati dan l-aħħar fuq l-investimenti, is-servizzi u l-kummerċ fir-rigward tal-Krimea u ta' Sevastopol;

11.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-FA/DCFTA għandha tikkostitwixxi pjan direzzjonali għal riformi rapidi meħtieġa li hemm bżonn jiġu implimentati b'mod urġenti, minkejja l-kuntest diffiċli tal-gwerra f'partijiet tar-reġjuni ta' Luhansk u ta' Donetsk; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jistinkaw biex jgħinu lill-Ukraina fl-adozzjoni u, fuq kollox, fl-implimentazzjoni ta' dawn ir-riformi bil-ħsieb li titwitta t-triq għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bilaterali UE-Ukraina; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, it-tnedija tal-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea (EUAM); jikkondividi l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja li, sabiex riforma kostituzzjonali tirnexxi, huwa essenzjali li r-riforma tkun ippreparata b'mod inklużiv, billi jiġu żgurati l-konsultazzjonijiet pubbliċi wesgħin;

12.  Jappella għal assistenza teknika aktar rapida u sostanzjali mill-"Grupp ta' Appoġġ għall-Ukraina" tal-Kummissjoni, inkluża l-identifikazzjoni tas-setturi li fihom tali assistenza hija meħtieġa biex l-Ukraina tingħata appoġġ fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta' programm ta' riformi komprensiv u fir-rikors għal konsulenti u esperti mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-Istati Membri; jistieden lill-awtoritajiet Ukraini joħolqu Ministeru jew Uffiċċju għall-Koordinament tal-Assistenza u għall-Integrazzjoni fl-UE, kif ukoll kumitat ta' koordinament interministerjali ta' livell għoli, li jiġu fdati bis-setgħat biex jimmonitorjaw u jissorveljaw b'mod effikaċi l-progress ta' tqarrib lejn l-UE u r-riformi u li jkunu jistgħu jħejju u jikkoordinaw l-implimentazzjoni tagħhom;

13.  Jemmen bis-sħiħ li fl-Ukraina hemm ħtieġa urġenti ta' programm ambizzjuż kontra l-korruzzjoni, inkluża tolleranza żero fir-rigward tal-korruzzjoni; jistieden lill-mexxejja Ukraini jiżradikaw il-korruzzjoni sistematika permezz tal-implimentazzjoni immedjata u effikaċi tal-Istrateġija Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni, u jisħaq fuq il-fatt li l-ġlieda kontra din il-prattika għandha tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-gvern il-ġdid; jagħti parir, għal dan il-għan, biex jitwaqqaf Uffiċċju kontra l-Korruzzjoni li jkun politikament indipendenti, mogħni b'kompetenzi u riżorsi suffiċjenti sabiex jikkontribwixxi b'mod sinifikanti fit-tiswir ta' istituzzjonijiet tal-istat li jiffunzjonaw sew; jilqa' t-talba tal-Ukraina indirizzata lill-Interpol u l-ħruġ ta' mandat ta' arrest għall-ex President Yanukovych b'akkużi ta' approprjazzjoni indebita ta' fondi pubbliċi; jistieden lill-Istati Membri jwettqu l-mandat ta' arrest tal-Interpol u jirkupraw l-assi misruqa; jilqa' t-twaqqif tal-istituzzjoni "Business Ombudsman"; jistieden lill-Gvern Ukrain jippreżenta abbozz ta' liġi dwar it-twaqqif ta' "Business Ombudsman";

14.  Ifakkar li fis-16 ta' Lulju 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea revoka l-embargo fuq l-armi minn fuq l-Ukraina, u għaldaqstant issa ma hemm l-ebda oġġezzjoni, inkluzi restrizzjonijiet ġuridiċi, għall-Istati Membri biex jipprovdu armi ta' difiża lill-Ukraina; iqis li l-UE għandha teżamina modi kif tappoġġa lill-gvern Ukrain fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' difiża tiegħu u l-ħarsien tal-fruntieri esterni tiegħu, abbażi tal-esperjenza tat-trasformazzjoni tal-forzi armati tal-Istati Membri tal-UE li kienu membri tal-Patt ta' Varsavja, b'mod speċjali fil-qafas ta' missjonijiet ta' taħriġ diġà pprovduti lil forzi armati f'partijiet oħra tad-dinja; jappoġġa l-kunsinna eżistenti ta' tagħmir mhux letali;

15.  Jinnota l-adozzjoni ta' liġi li tneħħi l-"istatus newtrali" tal-istat, li ġie introdott fl-2010; filwaqt li jirrikonoxxi d-dritt tal-Ukraina li tagħmel l-għażliet proprji, jappoġġa l-pożizzjoni tal-President Poroshenko dwar il-fatt li l-Ukraina issa teħtieġ urġentement li tiffoka fuq riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali u li l-adeżjoni man-NATO hija kwistjoni li għandha tgħaddi mill-ġudizzju tal-poplu f'referendum fl-Ukraina kollha fi stadju aktar tard; jenfasizza li relazzjoni aktar mill-qrib tal-Ukraina mal-UE hija distinta mill-kwistjoni ta' adeżjoni tan-NATO:

16.  Jenfasizza l-importanza ta' impenn mill-komunità internazzjonali biex tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika u politika u r-riforma fl-Ukraina; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw pjan maġġuri ta' asisstenza għall-Ukraina bbażat fuq il-prinċipji "aktar għal aktar" u l-kondizzjonalità, u jżidu l-isforzi tagħhom fl-għoti ta' assistenza lill-Ukraina, billi, fost l-oħrajn, jorganizzaw konferenza dwar id-donaturi u l-investiment u jikkooperaw mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bil-għan li jiddefinixxu l-passi ulterjuri sabiex jindirizzaw l-irkupru ekonomiku u finanzjarju tal-Ukraina; jilqa' l-pakkett ta' sostenn ta' EUR 11-il biljun għall-Ukraina li se jkunu qed jinħarġu matul il-ftit snin li ġejjin, u jilqa' wkoll il-proposta tal-Kummissjoni li testendi EUR 1,8 biljun oħra f'self fuq perjodu ta' żmien medju;

17.  Itenni l-opinjoni tiegħu, f'dan ir-rigward, li dan il-ftehim ma jikkostitwixxix l-għan aħħari tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina; jirrimarka, barra minn hekk, li skont l-Artikolu 49 tat-TUE, l-Ukraina – bħal kwalunkwe Stat Ewropew ieħor – għandha perspettiva Ewropea u tista' tapplika sabiex issir membru tal-Unjoni Ewropea, sakemm taderixxi mal-kriterji ta' Kopenħagen u l-prinċipji tad-demokrazija, tirrispetta l-libertajiet fundamentali u d-drittjiet tal-bniedem u dawk tal-minoranzi kif ukoll tiżgura l-istat tad-dritt; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jirratifikaw il-FA qabel is-samit ta' Riga;

18.  Jisħaq fuq l-importanza tas-sigurtà tal-enerġija fl-Ukraina u jissottolinja l-ħtieġa għal riformi fis-settur tal-enerġija tal-Ukraina, f'konformità mal-Impenji tagħhom fi ħdan il-Komunità tal-Enerġija; jilqa' l-ftehim bejn l-UE, ir-Russja u l-Ukraina fir-rigward tal-pakkett għax-xitwa li jiggarantixxi l-kunsinna tal-gass mir-Russja sa Marzu 2015, u s-solidarjetà li wriet l-UE bl-ammonti ta' gass li qed jaslu fl-Ukraina permezz tal-flussi fid-direzzjoni opposta li ġejjin mill-Istati Membri tal-UE;

19.  Jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħu b'mod radikali s-sigurtà, l-indipendenza u r-reżiljenza mill-pressjoni esterna tal-enerġija tal-UE, kif ukoll li titnaqqas id-dipendenza enerġetika tal-UE fuq ir-Russja, filwaqt li jiġu stabbiliti alternattivi konkreti sabiex tingħata għajnuna lil dawk l-Istati Membri li attwalment jiddependu fuq ir-Russja bħala fornitur uniku; jistieden lill-UE taħdem biex tikseb Politika Esterna Komuni dwar l-Enerġija, kif ukoll toħloq Unjoni tal-Enerġija Ewropea; iħeġġeġ l-infurzar sħiħ tas-suq komuni tal-enerġija intern, u l-inklużjoni tat-tielet pakkett tal-enerġija u t-tkomplija indiskriminata tal-kawża pendenti fil-qorti kontra Gazprom;

20.  Jisħaq fuq il-fatt li għandha tingħata prijorità lill-proġett tal-pipeline li jiddiversifika l-provvista tal-enerġija tal-UE, u jilqa' l-waqfien tal-proġett South Stream; jistieden lill-Komunità Ewropea tal-Enerġija toħloq aġenda ta' kooperazzjoni mal-Ukraina, kif ukoll mal-Kawkasu tan-Nofsinhar, l-Asja Ċentrali, il-Lvant Nofsani u l-pajjiżi Mediterranji, maħsuba biex tiżviluppa infrastruttura u interkonnettività bejn l-UE u l-ġirien Ewropej indipendentement mill-ġeopolitika tal-gass tar-Russja; jirrikonoxxi l-fatt li l-provvisti stabbli ta' gass li qed jaslu l-Ukraina wkoll huma kruċjali biex jiżguraw is-sigurtà tal-enerġija tal-Istati Membri;

21.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE, flimkien mal-awtoritajiet Ukraini, jiddedikaw aktar attenzjoni lill-kriżi umanitarja fl-Ukraina u l-Krimea, u jindirizzaw is-sitwazzjoni umanitarja katastrofika, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tal-IDPs (persuni spostati f'pajjiżhom); jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet iħejju azzjoni umanitarja li ilha biex issir, b'saħħitha u diretta, filwaqt li jħallu barra organizzazzjonijiet intermedjarji, f'forma ta' azzjoni umanitarja tat-tip "Konvoj Blu", li tkun immarkata b'mod ċar li ġejja mill-UE; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta dan il-pjan ta' azzjoni lill-Parlament Ewropew fix-xahrejn li ġejjin; jisħaq fuq il-ħtieġa għal aktar assistenza għall-Ukraina min-naħa tal-UE u l-Istati Membri sabiex din tkun tista' tlaħħaq mal-kriżi umanitarja estrema; itenni t-twissijiet mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-fatt li l-Lvant tal-Ukraina qed iħabbat wiċċu ma' emerġenza fil-qasam tas-saħħa, minħabba l-fatt li l-isptarijiet mhumiex jiffunzjonaw għalkollox u hemm skarsezza ta' mediċini u vaċċini, u jappella biex tingħata assistenza umanitarja aktar effikaċi lill-persuni spostati f'pajjiżhom, fir-rigward, b'mod partikolari, tat-tfal u tal-anzjani, u jitlob ukoll li l-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar jingħata aċċess sħiħ u mingħajr xkiel għaż-żoni tal-kunflitt; jilqa' l-promulgazzjoni tal-liġi tal-IDP tant mistennija, kif ukoll id-deċiżjoni li jiġu skjerati esperti tal-UE permezz tal-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni Ewropea biex tagħti pariri lill-awtoritajiet tal-Ukraina dwar kwistjonijiet tal-IDP;

22.  Jitlob għal aktar għajnuna u assistenza umanitarji għall-popolazzjonijiet milquta mill-kunflitt; ifakkar li t-twassil ta' għajnuna umanitarja fil-Lvant tal-Ukraina jrid isir f'konformità sħiħa mad-dritt umanitarju internazzjonali u mal-prinċipji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza u f'koordinament mill-qrib mal-Gvern Ukrain, man-NU u mal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (KISA); jistieden lir-Russja tippermetti spezzjoni internazzjonali ta' bastimenti umanitarji lejn Donbas sabiex jittajru d-dubji dwar il-merkanziji tagħhom;

23.  Jenfasizza l-fatt li l-OSKE għandha rwol ewlieni fis-soluzzjoni tal-kriżi tal-Ukraina minħabba l-esperjenza tagħha bil-mod kif tindirizza l-kunflitti armati u l-kriżijiet, u l-fatt li kemm il-Federazzjoni Russa kif ukoll l-Ukraina huma membri ta' din l-organizzazzjoni; jiddispjaċih li l-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE għadha nieqsa mill-persunal u, sussegwentment, qiegħda tipproduċi riżultati insuffiċjenti; jistieden lill-Istati Membri, lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni jagħmlu aktar sforzi sabiex tissaħħaħ il-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE fl-Ukraina permezz ta' persunal u tagħmir; jemmen li l-UE għandha tiskjera, jekk mitluba mill-awtoritajiet Ukraini, missjoni ta' monitoraġġ tal-UE li tikkontribwixxi għal kontroll u monitoraġġ effikaċi tal-fruntiera bejn l-Ukraina u r-Russja;

24.  Jistieden lir-Rappreżentant Għoli Mogherini u l-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jiffaċilitaw soluzzjoni politika għall-kriżi fl-Ukraina li tkun rispettata mill-partijiet kollha involuti; jenfasizza li soluzzjoni bħal din għandha tevita xenarju ta' kunflitt iffriżat fil-Lvant tal-Ukraina kif ukoll fil-Krimea; jistieden lill-VP/RGħ ifassal approċċ li jgħaqqad flimkien pożizzjoni msejsa fuq il-prinċipji u b'saħħitha f'dak li għandu x'jaqsam mas-sovranità, l-integrità territorjali u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali, mal-ħidma biex tintlaħaq soluzzjoni nnegozjata għall-kriżi fil-Lvant tal-Ukraina u l-Krimea; itenni li l-għaqda u l-koeżjoni tal-Istati Membri tal-UE huma prerekwiżiti għas-suċċess ta' kwalunkwe strateġija tal-UE fir-rigward tar-Russja; f'dan il-kuntest, jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri jastjenu minn azzjonijiet u retorika unilaterali, u jintensifikaw l-isforzi biex tiżviluppa pożizzjoni komuni Ewropea fil-konfront tar-Russja;

25.  Jitlob li jerġa' jibda djalogu nazzjonali ġenwin u inklużiv li jkun jista' jwassal ukoll għal soluzzjoni għall-ħlas ta' allowances soċjali u pensjonijiet u l-għoti ta' assistenza umanitarja mill-Gvern Ukrain lill-popolazzjoni fiż-żona tal-kunflitt; huwa tal-fehma li huwa ta' importanza kruċjali li jiġu investigati b'mod imparzjali u effettiv l-azzjonijiet ewlenin kollha ta' vjolenza, inklużi dawk ta' Maidan, Odessa, Mariupol, Slovyansk, Ilovaysk u Rymarska; jemmen li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jista' jkollhom rwol importanti fl-aġevolazzjoni ta' kuntatti interpersonali u fil-fehim komuni fl-Ukraina, kif ukoll fil-promozzjoni ta' tibdil demokratiku u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-UE żżid l-appoġġ tagħha favur is-soċjetà ċivili;

26.  Jilqa' pożittivament id-deċiżjoni li ttieħdet mill-Gvern Franċiż biex iwaqqaf il-forniment ta' "helicopter carriers" tal-klassi Mistral, u jappella lill-Istati Membri jieħdu approċċ simili fir-rigward tal-prodotti għal esportazzjoni mhux koperti mid-deċiżjonijiet tal-UE dwar sanzjonijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-armi u l-materjali b'użu doppju;

27.  Jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir biex fi żmien xahrejn jippreparaw u jippreżentaw strateġija ta' komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew, bil-għan li jikkuntrastaw il-kampanja ta' propaganda Russa diretta lejn l-UE, il-ġirien tagħha tal-Lvant u r-Russja stess, kif ukoll sabiex jiżviluppaw strumenti li jippermettu lill-UE u lill-Istati Membri jindirizzaw il-kampanja ta' propaganda fil-livell Ewropew u nazzjonali;

28.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-investigazzjoni internazzjonali taċ-ċirkostanzi tat-twaqqigħ traġiku tat-titjira tal-Malaysian Airlines MH17 u jtenni l-appell tiegħu biex dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja; jiddispjaċih dwar l-ostakli li nibtu f'dan il-proċess u jħeġġeġ lill-partijiet kollha juru rieda ġenwina għal kooperazzjoni, jiggarantixxu aċċess sigur u mingħajr restrizzjonijiet għas-sit fejn waqa' l-ajruplan MH17 u jagħtu aċċess għar-riżorsi rilevanti l-oħra kollha li jistgħu jikkontribwixxu fl-investigazzjoni; jesprimi x-xewqa tiegħu li jinżamm infurmat dwar il-progress ta' din l-investigazzjoni;

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri, lill-President tal-Ukraina, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u tal-Federazzjoni Russa, lill-Assemblea Parlamentari Euronest, u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.


Is-sitwazzjoni fl-Eġittu
PDF 272kWORD 109k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu (2014/3017(RSP))
P8_TA(2015)0012RC-B8-0012/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tas-6 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu(1) u tas-17 ta' Lulju 2014 dwar il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda fl-Eġittu(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-Eġittu ta' Awwissu 2013 u ta' Frar 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar l-Eġittu, inklużi dawk tal-21 ta' Settembru 2014 dwar il-bombi fil-Ministeru Eġizzjan għall-Affarijiet Barranin u tat-3 ta' Diċembru 2014 dwar id-deċiżjonijiet tal-qorti fl-Eġittu,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-23 ta' Ġunju 2014 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, u l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, dwar is-sentenzi ta' ħabs għal diversi ġurnalisti u l-konferma tas-sentenzi tal-mewt għal diversi membri u sostenituri tal-Frattellanza Musulmana ; wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-Moon tal-25 ta' Ottubru 2014 dwar l-attakki terroristiċi fis-Sinaj,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu tal-2001, li daħal fis-seħħ fl-2004, imsaħħaħ mill-Pjan ta' Azzjoni tal-2007, u r-rapport ta' progress tal-Kummissjoni tal-20 ta' Marzu 2013 dwar l-implimentazzjoni tiegħu, wara li kkunsidra l-Politika Ewropea tal-Viċinat u r-rapport ta' progress l-aktar reċenti dwar l-Eġittu ta' Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Eġittu, adottata permezz ta' referendum fl-14 u l-15 ta' Jannar 2014, u b'mod partikolari l-Artikoli 65, 70, 73, 75 u 155 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Liġi 107 tal-Eġittu tal-24 ta' Novembru 2013 dwar id-Dritt għal Laqgħat Pubbliċi, Purċissjonijiet u Dimostrazzjonijiet Paċifiċi,

–  wara li kkunsidra d-digriet presidenzjali, il-Liġi 136 tal-2014, li jqiegħed il-"faċilitajiet pubbliċi u essenzjali" kollha taħt ġurisdizzjoni militari għal sentejn,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar Strateġija dwar il-Libertà Diġitali fil-politika barranija tal-UE(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar il-libertà tal-istampa u tal-midja fid-dinja(4),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali 2013 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, bit-titolu "Kooperazzjoni tal-UE mal-Eġittu fil-Qasam tal-Governanza",

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali tat-22 ta' Lulju 2014 tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE għall-elezzjonijiet presidenzjali fl-Eġittu,

–  wara li kkunsidra d-diskorsi tal-President Eġizzjan Abdel Fattah al-Sisi tal-1 ta' Jannar 2015 dwar l-estremiżmu Iżlamiku u tas-6 ta' Jannar 2015 dwar il-ħtieġa ta' relazzjonijiet paċifiċi u kostruttivi bejn il-Musulmani u l-Insara fl-Eġittu,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline, il-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tat-Tgawdija tad-Drittijiet tal-Bniedem kollha minn Persuni Leżbjani, Gay, Bisesswali, Transġeneru u Intersesswali (LGBTI), u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Eġittu huwa firmatarju tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-għaqda huma pilastri indispensabbli ta' soċjetà demokratika u pluralistika; billi l-libertà tal-istampa u tal-midja hija elementi vitali għad-demokrazija u għal soċjetà miftuħa; billi fil-Kostituzzjoni tal-Eġittu adottata fl-2014 hemm minquxa l-libertajiet fundamentali, fosthom il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda;

B.  billi l-Eġittu ilu għal żmien twil sieħeb strateġiku tal-Unjoni Ewropea, b'miri komuni ta' bini ta' stabbiltà, paċi u prosperità fir-reġjuni tal-Mediterran u tal-Lvant Nofsani; billi l-Eġittu għadda minn diversi sfidi politiċi diffiċli sa mir-rivoluzzjoni tal-2011 u l-poplu tiegħu għandu bżonn l-appoġġ u l-assistenza tal-komunità internazzjonali biex jindirizza l-isfidi ekonomiċi, politiċi u ta' sigurtà tal-pajjiż;

C.  billi mindu l-armata ħadet il-kontroll f'Ġunju 2013, il-Gvern Eġizzjan wettaq kampanja fuq skala kbira ta' detenzjoni arbitrarja, fastidju, intimidazzjoni u ċensura kontra kritiċi tal-gvern, u dan talli sempliċement eżerċitaw id-dritt tagħhom tal-libertà tal-għaqda, ta' assoċjazzjoni u tal-espressjoni, inklużi ġurnalisti, studenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u kontra avversarji politiċi, inklużi membri tal-Fratellanza Musulmana; billi rapporti jindikaw li, minn Lulju 2013 'l hawn, ġew arrestati 'l fuq minn 40 000 persuna insegwitu ta' mewġiet mingħajr preċedent ta' arresti tal-massa, u huwa stmat li madwar 1 400 dimostrant inqatlu bħala riżultat tal-użu eċċessiv u arbitrarju tal-forza min-naħa tal-forzi tas-sigurtà; billi l-libertajiet ta' assoċjazzjoni, tal-għaqda u tal-espressjoni ilhom oqsma ta' tħassib partikolari minn Lulju 2013; billi l-Eġittu huwa kklassifikat bħala "mhux liberu" mir-rapport "2014 Freedom in the World" maħruġ minn Freedom House;

D.  billi eluf ta' dimostranti u priġunieri tal-kuxjenza ġew detenuti fl-Eġittu minn mindu l-armata Eġizzjana ħadet il-poter f'Lulju 2013; billi baqgħu jseħħu arresti u każijiet ta' detenzjoni arbitrarja mill-elezzjoni tal-President al-Sisi f'Mejju 2014 'l hawn; billi fil-11 ta' Ġunju 2014 qorti kkundannat lil Alaa Abdul Fattah, attivist prominenti li kellu rwol ewlieni fir-rivoluzzjoni tal-2011, u oħrajn għal 15-il sena ħabs fuq akkużi li kisru l-Liġi 107 tal-2013 dwar id-Dritt għal Laqgħat Pubbliċi, Purċissjonijiet u Dimostrazzjonijiet Paċifiċi (il-Liġi dwar id-Dimostrazzjonijiet); billi attivisti prominenti oħra, fosthom Mohamed Adel, Ahmed Douma u Ahmed Maher, kif ukoll difensuri ewlenin tad-drittijiet tan-nisa, bħal pereżempju Yara Sallam u Sana Seif, għadhom taħt arrest; billi fit-28 ta' April 2014, il-Qorti tal-Kajr għall-Kwistjonijiet Urġenti ddeċidiet favur il-projbizzjoni tal-Moviment taż-Żgħażagħ tas-6 ta' April;

E.  billi fl-10 ta' Jannar 2015, qorti Eġizzjana fil-provinċja tad-Delta tan-Nil ta' Baheira ikkundannat lil Karim al-Banna, student ta' 21 sena, għal tliet snin ħabs talli ħabbar fuq Facebook li huwa ateu u talli insulta lill-Iżlam;

F.  billi l-awtoritajiet Eġizzjani ssikkaw l-ingassa fuq il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda bl-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni repressiva, u b'hekk għamluha aktar faċli għall-gvern li jsikket lill-kritiċi tiegħu u juża mezzi repressivi fuq il-protesti;

G.  billi, fin-nuqqas ta' parlament, għaddew għadd ta' liġijiet repressivi mill-gvern tal-President al-Sisi bħad-digriet presidenzjali, il-Liġi 136 tal-2014, li ddikjara l-proprjetà pubblika kollha bħala stallazzjonijiet militari, fatt li l-konsegwenza l-aktar immedjata tiegħu hi li kull delitt li jsir fuq proprjetà pubblika jista' jinstema' fi qrati militari u b'effett retroattiv; billi l-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, hija u tinterpreta l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (li l-Eġittu huwa stat firmatarju tagħha), qalet li l-qrati militari taħt l-ebda ċirkostanza m'għandu jkollhom ġurisdizzjoni fuq iċ-ċivili;

H.  billi l-Eżami Perjodiku Universali tan-NU ħareġ 300 rakkomandazzjoni, inkluż il-ħelsien ta' kull min ġie arrestat talli eżerċita l-libertà tal-espressjoni; billi seba' gruppi tad-drittijiet tal-bniedem ibbażati fl-Eġittu ma ħadux sehem fir-rieżami tan-NU tal-prestazzjoni ta' pajjiżhom, minħabba biża' ta' prosekuzzjoni;

I.  billi l-libertà tal-istampa għadha taħt pressjoni kbira fl-Eġittu u l-ġurnalisti għadhom qed jiġu detenuti fuq allegazzjonijiet mingħajr bażi; billi għadd ta' ġurnalisti ttellgħu l-qorti fl-2014 fuq akkużi li kienu ta' theddida għall-unità nazzjonali u l-paċi soċjali, mexxew rapporti ta' aħbarijiet foloz u kkollaboraw mal-Fratellanza Musulmana; billi l-ogħla qorti tal-ġustizzja tal-Eġittu, il-Qorti tal-Kassazzjoni, iddeċidiet li kien hemm nuqqasijiet proċedurali fil-proċess tal-ġurnalisti tal-Al-Jazeera Mohammed Fahmy, Peter Greste u Baher Mohamed; billi madankollu, it-tliet ġurnalisti se jerġa' jkollhom proċess ieħor u l-akkużi ta' ''falsifikazzjoni tal-aħbarijiet'' u ta' ''involviment mal-Fratellanza Musulmana'' li għandhom kontra tagħhom għadhom ma waqgħux; billi tliet ġurnalisti oħrajn – Sue Turton, Dominic Kane u Rena Netjes – ingħataw sentenza ta' 10 snin ħabs in absentia; billi l-ġurnalisti Eġizzjani Mahmoud Abdel Nabi, Mahmoud Abu Zeid, Samhi Mustafa, Ahmed Gamal, Ahmed Fouad u Abdel Rahman Shaheen ġew ikkundannati talli sempliċement wettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom; billi teżisti polarizzazzjoni estrema tal-midja Eġizzjana f'fazzjonijiet favur u kontra Morsi, li qed issaħħaħ il-polarizzazzjoni tas-soċjetà Eġizzjana;

J.  billi fit-2 ta' Diċembru 2014, qorti kriminali Eġizzjana tat pieni tal-mewt provviżorji kontra 188 imputat fit-tielet każ ta' sentenzjar tal-massa fl-2014; billi dawn il-proċessi tal-massa prinċipalment kellhom fil-mira lill-Fratellanza Musulmana, l-akbar moviment tal-oppożizzjoni tal-Eġittu, li ġie ddikjarat grupp terroristiku mill-awtoritajiet f'Diċembru 2013; billi dawn is-sentenzi huma l-aktar reċenti f'sensiela ta' prosekuzzjonijiet u proċeduri tal-qorti li kienu karatterizzati minn irregolaritajiet proċedurali u li kienu jiksru d-dritt internazzjonali; billi dan kien it-tielet tali sentenzjar tal-massa fl-2014; billi ħadd ma nżamm responsabbli għall-użu eċċessiv tal-vjolenza f'Awwissu 2013, meta l-forzi tas-sigurtà rrejdjaw kampijiet fil-Pjazza Rabaa al-Adawiya u, skont kumitat ta' tiftix tal-fatti indipendenti Eġizzjan, qatlu 607 dimostrant favur Morsi;

K.  billi l-biċċa l-kbira tal-pieni tal-mewt, iżda mhux kollha, li ngħataw fil-proċessi tal-massa f'Marzu u April 2014 kontra membri tal-Fratellanza Musulmana u allegati sostenituri tal-eks President Morsi nbidlu f'sentenza ta' għomor il-ħabs;

L.  billi attwalment huma detenuti 167 membru tal-kmamar inferjuri u superjuri tal-parlament elett fl-2011;

M.  billi l-eks President Mubarak, l-eks Ministru tal-Intern tiegħu, Habib al-Adly, u sitt membri oħra tal-persunal tiegħu nħelsu fid-29 ta' Novembru 2014 wara li twaqqgħu l-akkużi ta' qtil u korruzzjoni kontrihom, abbażi ta' żball tekniku; billi fit-13 ta' Jannar 2015 il-Qorti Eġizzjana tal-Kassazzjoni bidlet il-kundanni tal-eks President Hosni Mubarak u ż-żewġt uliedu subien għal approprjazzjoni indebita u ordnat li jerġa' jkollhom proċess ieħor abbażi tal-fatt li l-proċeduri ġuridiċi ma kinux ġew segwiti sew;

N.  billi dawn il-prattiki ġudizzjarji reċenti jpoġġu f'dubju serju l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja u l-abbiltà tagħha li tiżgura r-responsabbiltà; billi, b'mod partikolari, dawn is-sentenzi li jwasslu għall-piena tal-mewt jissugraw li jimminaw il-prospetti għal stabbiltà fit-tul fl-Eġittu;

O.  billi l-Eġittu qed jiffaċċja sfidi ekonomiċi serji, inkluż eżodu ta' flus barranin, inflazzjoni dejjem togħla, qgħad u dejn pubbliku dejjem jikber, kif ukoll sfidi ta' sigurtà dovuti għat-theddida globali rappreżentata mit-terroriżmu; billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fis-Sinaj hija waħda kritika u mijiet ta' suldati qed jinqatlu minn gruppi ġiħadisti li joperaw fiż-żona; billi fl-24 ta' Ottubru 2014 mill-anqas 33 suldat inqatlu f'attakk terroristiku; billi qed iseħħu atti ta' terroriżmu f'dan ir-reġjun kważi ta' kuljum; billi l-istat ordna t-tkeċċija ta' eluf ta' residenti f'Rafah u stabbilixxa żona ta' lqugħ ta' 500 metru tul il-fruntiera ta' Gaża u billi fil-peniżola ilu ddikjarat stat ta' emerġenza sa mill-24 ta' Ottubru 2014; billi n-netwerks kriminali għadhom qed joperaw fuq ir-rotot ta' traffikar tal-bnedmin/kuntrabandu fi ħdan u lejn is-Sinaj;

P.  billi l-Artikolu 75 tal-Kostituzzjoni tal-Eġittu jiddikjara li ċ-ċittadini kollha għandu jkollhom id-dritt li jiffurmaw assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet mhux governattivi fuq bażi demokratika; billi proposti ġodda ta' leġiżlazzjoni jkomplu jirrestrinġu l-ħidma ta' NGOs domestiċi u barranin, li jinsabu partikolarment imħassba dwar abbozz ta' liġi ġdida li twaqqaf il-flus u l-materjal milli jilħqu terroristi u gruppi oħra armati, imma timpedixxi l-NGOs milli jirċievu fondi barranin, li bosta jiddependu minnhom; billi digriet presidenzjali tal-21 ta' Settembru 2014 li jemenda l-kodiċi penali jipprevedi kastigi severi, inklużi sentenzi ta' għomor il-ħabs, għall-NGOs li jirċievu finanzjament barrani bl-iskop, ifformulat b'mod vag, li "jagħmlu ħsara lill-interess nazzjonali";

Q.  filwaqt li jieħu nota tad-diskors tal-President al-Sisi fl-Università tal-Kajr dwar il-ħtieġa li l-mod tal-ħsieb Iżlamiku jiġi modernizzat u riformat;

R.  billi huwa rrappurtat li l-vjolenza kontra n-nisa qed tmur għall-agħar, minkejja l-adozzjoni ta' liġi ġdida dwar il-fastidju sesswali, li l-applikazzjoni tagħha għadha mhijiex osservata, skont NGOs Eġizzjani li joperaw fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa; billi l-attivisti nisa Eġizzjani jinsabu f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli u ta' spiss ikunu soġġetti għal vjolenza, attakki sesswali u forom oħra ta' trattament degradanti b'rabta mal-attivitajiet paċifiċi tagħhom; billi, minkejja l-ħruġ ta' liġi fl-2008 li tikkriminalizza l-prattika tal-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF), din il-prattika għadha mifruxa ħafna, u ma kienx hemm prosekuzzjonijiet b'suċċess ta' dawk li wettquha fuq il-bniet;

S.  billi fix-xhur reċenti kien hemm żieda fl-arresti tal-irġiel omosesswali; billi kien hemm għadd ta' interventi mill-pulizija f'postijiet fejn kien maħsub li jiltaqgħu l-omosesswali madwar l-Eġittu; billi l-komunità LGBT qed tiġi ppersegwitata u umiljata pubblikament; billi l-Inizjattiva Eġizzjana għad-Drittijiet Personali tqis li mill-anqas 150 ruħ ġew arrestati matul dawn l-aħħar 18-il xahar fuq akkużi ta' debuxxjar; billi fit-12 ta' Jannar 2015 qorti Eġizzjana ħelset 26 raġel li kienu ġew arrestati x-xahar ta' qabel f'rejd li kien sar f'hammam fil-Kajr, u li kienu ġew akkużati b'''inċitament ta' debuxxjar'';

T.  billi l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2014 fl-Eġittu seħħew f'kuntest fejn kienet ristretta ferm il-libertà tal-espressjoni u mrażżna kull forma ta' dissens u ta' kritika, inkluż dawk minn organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-elezzjonijiet parlamentari kienu mħabbra uffiċjalment għall-21 ta' Marzu u l-25 ta' April 2015;

U.  billi s-settur taż-żejt huwa l-akbar settur li jattira l-investiment mill-investituri barranin fl-Eġittu, u billi ż-żejt huwa l-akbar prodott bażiku li jesporta l-Eġittu; billi l-Eġittu ngħata kunsinni taż-żejt mingħajr ħlas mill-Istati tal-Golf sabiex jappoġġa lill-gvern il-ġdid; billi l-gvern qed jadotta pjan iddikjarat biex jeħles minn sussidji fuq l-enerġija fi żmien ħames snin minn Lulju 2014 'il quddiem, u billi għandu l-għan li jimplimenta pjan għat-tqassim tal-fjuwil permezz ta' "smart cards" f'April 2015, sabiex ikun jista' jikkontrolla l-kuntrabandu taż-żejt lejn pajjiżi ġirien u jkun jista' jiskopri r-rekwiżiti eżatti f'termini ta' fjuwil;

V.  billi l-Eġittu daħal f'negozjati mal-FMI aktar minn darba wara r-rivoluzzjoni ta' Jannar 2011, fejn huwa fittex self ta' USD 4,8 biljun, iżda billi n-negozjati waqfu wara t-30 ta' Ġunju 2013; billi saru xi kuntatti mill-ġdid,u esperti tal-FMI żaru l-Eġittu f'Novembru 2014 biex iwettqu konsultazzjonijiet skont l-Artikolu IV, valutazzjoni minn esperti tal-FMI tas-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika ta' pajjiż;

W.  billi l-livell ta' impenn tal-UE fil-konfront tal-Eġittu għandu jkun abbażi ta' inċentivi, bi qbil mal-prinċipju "aktar għal aktar" tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, u għandu jiddependi mill-progress fir-riformi tal-istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

X.  billi l-UE hija tradizzjonalment is-sieħeb kummerċjali ewlieni tal-Eġittu, u kopriet 22,9 % tal-volum ta' kummerċ tal-Eġittu fl-2013, u b'hekk kienet l-ewwel kemm bħala s-sieħeb tal-Eġittu għall-importazzjoni kif ukoll għall-esportazzjoni; billi, insegwitu tat-Task Force UE-Eġittu, il-Kummissjoni ħadet l-impenn li tipprovdi appoġġ finanzjarju addizzjonali lill-Eġittu b'ammont totali ta' kważ EUR 800 miljun; billi dan huwa magħmul minn EUR 303 miljun fil-forma ta' għotjiet (EUR 90 miljun mill-fondi Spring u EUR 50 miljun bħala komponent ta' għotja tal-operazzjoni ta' assistenza mikrofinanzjarja, u l-bqija mill-Faċilità ta' Investiment tal-Viċinat) u EUR 450 miljun fil-forma ta' self (assistenza makrofinanzjarja); billi, madankollu, l-UE se tipprovdi dan l-appoġġ finanzjarju biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet politiċi u demokratiċi meħtieġa, b'tiftix u tisħiħ ta' tranżizzjoni demokratika inklużiva bis-sħiħ u b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u għad-drittijiet tan-nisa;

Y.  billi fis-16 ta' Ġunju 2014, is-Sur Stavros Lambrinidis, ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, żar il-Kajr u kellu laqgħat mal-Presidenza, il-Kunsill tax-Shoura u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; billi d-diskussjonijiet iffukaw fuq it-tħejjijiet għal liġi ġdida dwar l-NGOs, u ġiet enfasizzata l-importanza li l-UE tagħti lir-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili fl-Eġittu;

1.  Jenfasizza l-importanza li l-UE tagħti lill-kooperazzjoni tagħha mal-Eġittu bħala ġar u sieħeb importanti; jenfasizza l-importanza tar-rwol tal-Eġittu għall-istabbiltà tar-reġjun; jenfasizza s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Eġittu u huwa impenjat li jkompli jappoġġa l-Eġittu fil-proċess ta' bini tal-istituzzjonijiet demokratiċi tiegħu, filwaqt li jirrispetta u jiddefendi d-drittijiet tal-bniedem u jippromovi l-ġustizzja soċjali u s-sigurtà; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Eġittu jissodisfa l-impenji internazzjonali tiegħu bħala sieħeb importanti fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran;

2.  Ifakkar lill-Gvern Eġizzjan li s-suċċess fit-tul tal-Eġittu u tal-poplu tiegħu jiddependi mill-protezzjoni tad-drittijiet universali tal-bniedem u fuq il-fatt li jkunu stabbiliti u ankrati istituzzjonijiet demokratiċi u trasparenti li jkunu wkoll impenjati li jipproteġu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini; jistieden, għalhekk, lill-awtoritajiet Eġizzjani jimplimentaw b'mod sħiħ il-prinċipji tal-konvenzjonijiet internazzjonali;

3.  Jesprimi tħassib kbir dwar ir-restrizzjonijiet attwali fuq id-drittijiet fundamentali, speċjalment il-libertajiet tal-espressjoni, ta' assoċjazzjoni u tal-għaqda, il-pluraliżmu politiku u l-istat tad-dritt fl-Eġittu; jappella sabiex jieqfu l-atti kollha ta' vjolenza, inċitament, diskors ta' mibegħda, fastidju, intimidazzjoni jew ċensura kontra avversarji politiċi, dimostranti, ġurnalisti, bloggers, studenti, trejdunjonisti, attivisti tad-drittijiet tan-nisa, atturi tas-soċjetà ċivili u minoranzi min-naħa tal-awtoritajiet tal-istat, il-forzi u s-servizzi tas-sigurtà u gruppi oħra fl-Eġittu; jikkundanna l-użu tal-vjolenza eċċessiva fil-konfront tad-dimostranti;

4.  Jilqa' l-fatt li Yasser Ali, il-kelliem preċedenti tal-President Morsi li tneħħa, u figura prominenti fil-Fraternità Musulmana ġie rilaxxat u liberat mill-akkużi; jitlob għall-ħelsien fi żmien qasir tal-priġunieri politiċi kollha.

5.  Jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri tal-kuxjenza kollha, kif ukoll ta' dawk kollha li ġew arrestati talli b'mod paċifiku eżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-libertà tal-espressjoni, ta' assoċjazzjoni u tal-għaqda, kif ukoll dawk arrestati minħabba sħubija allegata mal-Fratellanza Musulmana; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jiżguraw id-dritt għal proċess ġust skont l-istandards internazzjonali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jieħdu passi konkreti sabiex jiżguraw li jiġu implimentati bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni l-ġdida dwar id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, inklużi l-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda;

6.  Jenfasizza li r-rispett għall-libertà tal-istampa, tal-informazzjoni u tal-opinjoni (online u offline) kif ukoll il-pluraliżmu politiku huma fundamentali għad-demokrazija; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jiggarantixxu li dawk il-libertajiet ikunu jistgħu jiġu eżerċitati mingħajr limiti arbitrarji jew ċensura fil-pajjiż, u jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw il-libertà tal-espressjoni; jemmen li l-ġurnalisti kollha jeħtiġilhom jitħallew jirrappurtaw dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu mingħajr il-biża' ta' prosekuzzjoni, priġunerija, intimidazzjoni, jew restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-kelma jew tal-espressjoni tagħhom;

7.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jwettqu investigazzjonijiet pronti, imparzjali u indipendenti dwar allegazzjonijiet ta' użu eċċessiv tal-forza, trattament ħażin u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż abbuż sesswali, min-naħa tal-forzi tal-infurzar tal-liġi matul protesti, jikkastigaw lill-persuni responsabbli, jagħtu kumpens lill-vittmi u jistabbilixxu mekkaniżmu indipendenti għall-monitoraġġ u l-investigazzjoni tal-imġiba tal-forzi tas-sigurtà; jistieden lill-Eġittu jirratifika l-Istatut ta' Ruma u jsir membru tal-QKI;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Eġittu jirtiraw il-pieni tal-mewt li ngħataw mingħajr kunsiderazzjoni għal proċess adegwat li jirrispetta d-drittijiet tal-imputati u jirrevokaw il-liġijiet repressivi u mhux kostituzzjonali li jirrestrinġu bil-kbir id-drittijiet u l-libertajiet bażiċi tal-bniedem, b'mod partikolari d-digriet presidenzjali, il-Liġi 136 tal-2014; jistieden lill-awtoritajiet jannullaw il-verdetti kollha kontra ċ-ċivili li ngħataw mill-qrati militari minn Lulju 2013 'l hawn; jappella għall-ħelsien tal-167 membru tal-parlament elett fl-2011 u li attwalment jinsabu taħt arrest; jistieden lill-awtoritajiet jistabbilixxu minnufih moratorju uffiċjali fuq l-eżekuzzjonijiet bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jirrevokaw il-Liġi dwar id-Dimostrazzjonijiet ta' Novembru 2013 u jidħlu fi djalogu ġenwin mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-esperti ġuridiċi sabiex jippromulgaw leġiżlazzjoni dwar l-assoċjazzjoni u l-għaqda f'konformità mal-istandards internazzjonali, u jissalvagwardaw id-dritt li wieħed jifforma assoċjazzjoni minqux fl-Artikolu 75 tal-Kostituzzjoni Eġizzjana, inkluż id-dritt li wieħed jirċievi jew jgħaddi finanzjament; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jeżaminaw mill-ġdid l-abbozz tal-liġi l-ġdida dwar l-organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs) ippreżentat mill-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali; iħeġġeġ biex il-liġi l-ġdida proposta tkun konformi mal-Kostituzzjoni Eġizzjana u mat-trattati internazzjonali kollha li l-Eġittu huwa pajjiż firmatarju tagħhom;

10.  Ifakkar lill-Gvern Eġizzjan fir-responsabbiltà tiegħu li jiżgura s-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini kollha, irrispettivament mill-fehmiet politiċi, l-affiljazzjoni jew it-twemmin tagħhom; jinsisti li huwa biss permezz tal-bini ta' soċjetà realment pluralistika, li tkun tirrispetta d-diversità tal-fehmiet u l-istili ta' għajxien, li wieħed jista' jiżgura stabbiltà u sigurtà fit-tul fl-Eġittu, u jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jieħdu l-impenn lejn id-djalogu u n-nonvjolenza, kif ukoll lejn il-governanza inklużiva;

11.  Jilqa' u jinkoraġġixxi l-passi li ħa l-Gvern Eġizzjan bħala appoġġ għar-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet tal-komunitajiet reliġjużi; ifakkar fid-dispożizzjoni inkluża fl-Artikolu 235 tal-Kostituzzjoni Eġizzjana, li tistipula li l-parlament elett il-ġdid, matul l-ewwel leġiżlatura tiegħu, irid joħroġ liġi li tirregola l-kostruzzjoni u r-rinnovament tal-knejjes b'mod li jiggarantixxi l-libertà tal-prattika reliġjuża għall-Insara; jilqa' l-fatt li l-President al-Sisi sar l-ewwel president li attenda quddiesa fi knisja fil-Kajr, lejlet il-Milied tal-Kopti, u jemmen li din hija dikjarazzjoni simbolika importanti fl-isforzi biex tinbena l-unità fi ħdan is-soċjetà Eġizzjana;

12.  Jenfasizza l-importanza tal-Eġittu bħala attur internazzjonali u jittama li jkompli jkollu rwol attiv fit-tnedija ta' negozjati ġenwini ta' paċi li jġibu fi tmiemu l-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina, u li jagħti l-kontribut kostruttiv tiegħu fit-tiftix għall-istabbiltà fir-reġjun tal-Mediterran, attwalment l-aktar fil-Libja u fil-Lvant Nofsani; jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet taċ-ċittadini Eġizzjani maħtufa kollha li bħalissa qed jinżammu fil-Libja, inkluż l-20 Eġizzjan Kopt fit-3 ta' Jannar 2015; itenni r-rieda tal-UE li taħdem mal-Eġittu bħala sħab fir-reġjun biex jiġu indirizzati dawn id-theddidiet serji;

13.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki terroristiċi reċenti fuq il-Peniżola tas-Sinaj u l-atti l-oħra kollha ta' terroriżmu kontra l-Eġittu; jagħti l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi; jenfasizza l-fatt li l-UE u l-komunità internazzjonali jeħtiġilhom jappoġġaw u jikkooperaw mal-Eġittu fil-ġlieda tiegħu kontra t-terroriżmu; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jagħmlu dak kollu li huwa possibbli sabiex iwaqqfu n-netwerks kriminali li għadhom qed joperaw fuq ir-rotot ta' traffikar tal-bnedmin/kuntrabandu fi ħdan u lejn is-Sinaj;

14.  Ifakkar lill-awtoritajiet Eġizzjani fl-obbligi nazzjonali u internazzjonali tagħhom, u jistedinhom jagħtu prijorità lill-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u jiżguraw ir-responsabbiltà għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz tal-amministrazzjoni indipendenti u imparzjali tal-ġustizzja;

15.  Jinnota li t-tnaqqis fil-prezzijiet taż-żejt se jwassal direttament għal allokazzjonijiet aktar baxxi tas-sussidji fuq l-enerġija, u din hija l-akbar sfida li ffaċċjaw ir-reġimi ta' wara r-rivoluzzjoni sa mir-Rivoluzzjoni tal-25 ta' Jannar; jinsab imħasseb li dan it-tnaqqis jista' jkollu impatt enormi fuq ħafna pjanijiet tal-gvern, li l-aktar importanti fosthom huma l-isforzi sabiex jinżamm marġni sikur fuq il-muniti barranin;

16.  Iħeġġeġ lill-Gvern Eġizzjan biex jimplimenta bis-sħiħ strateġiji nazzjonali għall-ġlieda kontra l-vjolenza fil-konfront tan-nisa u biex jelimina kull forma ta' diskriminazzjoni, filwaqt li jiżgura l-konsultazzjoni u l-involviment effikaċi tal-organizzazzjonijiet tan-nisa u ta' gruppi oħra tas-soċjetà ċivili matul il-proċess;

17.  Jesprimi r-rabja tiegħu għar-restrizzjonijiet li qed jintensifikaw fuq il-komunità LGBT fl-Eġittu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jieqfu jikkriminalizzaw persuni LGBT abbażi ''tal-liġi tad-debuxxjar'', talli jesprimu l-orjentazzjoni sesswali tagħhom u talli jingħaqdu, u biex jeħilsu lill-persuni LGBT kollha li ġew arrestati u li ntbagħtu l-ħabs skont dik il-liġi;

18.  Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jikkooperaw bis-sħiħ mal-mekkaniżmi ta' drittijiet tal-bniedem tan-NU, inkluż billi japprovaw it-talbiet pendenti għal żjarat min-naħa ta' bosta rapporteurs speċjali tan-NU, u jaġixxu fuq l-impenn tal-Eġittu li jiftaħ bureau reġjonali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

19.  Itenni, bi qbil mas-sejbiet tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE għall-elezzjonijiet presidenzjali tal-2014, li l-elezzjonijiet ma laħqux l-istandards internazzjonali applikabbli u ma rrispettawx bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Kostituzzjoni l-ġdida adottata, minħabba li kien hemm limitazzjoni għal-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda u regolamentazzjoni insuffiċjenti dwar l-iffinanzjar tal-kampanja, id-dritt li wieħed jipparteċipa bħala kandidat u d-dritt għall-vot; jistieden lill-Gvern Eġizzjan jindirizza n-nuqqasijiet fl-elezzjonijiet presidenzjali fit-tħejjijiet għall-elezzjonijiet parlamentari mħabbra għall-21 ta' Marzu u l-25 ta' April 2015;

20.  Jitlob strateġija komuni fost l-Istati Membri fir-rigward tal-Eġittu; jerġa' jħeġġeġ lill-Kunsill, lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni biex jaħdmu b'mod attiv skont il-prinċipju tal-kundizzjonalità ("aktar għal aktar") u biex fir-relazzjonijiet bilaterali tagħhom mal-pajjiż u fl-appoġġ finanzjarju tagħhom iqisu l-isfidi ekonomiċi serji li qed jiffaċċja l-Eġittu; itenni t-talba tiegħu li jkun hemm punti ta' riferiment ċari u miftiehma b'mod konġunt f'dan ir-rigward; jikkonferma l-impenn tiegħu li jgħin lill-poplu Eġizzjan fil-proċess lejn riforma demokratika u ekonomika;

21.  Iħeġġeġ lir-rappreżentanti tad-Delegazzjoni tal-UE u l-ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE fil-Kajr ikunu preżenti waqt il-proċessi tal-qorti politikament sensittivi ta' ġurnalisti, bloggers, trejdujonisti u attivisti tas-soċjetà ċivili Eġizzjani u barranin fil-pajjiż;

22.  Itenni t-talbiet tiegħu lill-VP/RGħ biex tiċċara l-miżuri speċifiċi meħuda b'rispons għad-deċiżjoni tal-Kunsill Affarijiet Barranin li tiġi rieżaminata l-assistenza tal-UE lill-Eġittu, b'riferiment ukoll għar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri tal-2013; jitlob, b'mod partikolari, kjarifika tal-istatus: (i) tal-programm ippjanat dwar ir-riforma tal-ġustizzja; (ii) tal-programmi għall-appoġġ baġitarju tal-UE; (iii) tal-programm għat-tisħiħ domestiku u kummerċjali; u (iv) tal-parteċipazzjoni tal-Eġittu fi programmi reġjonali tal-UE bħall-Euromed Pulizija u Euromed Ġustizzja; jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika s-salvagwardji stabbiliti fi ħdan il-programmi ffinanzjati permezz tal-Faċilità ta' Investiment tal-Viċinat, fir-rigward tar-riskji ta' korruzzjoni kif ukoll tal-entitajiet ekonomiċi u finanzjarji kkontrollati mill-militar;

23.  Jitlob li jkun hemm projbizzjoni madwar l-UE kollha fuq l-esportazzjonijiet lejn l-Eġittu ta' teknoloġiji ta' intrużjoni u ta' sorveljanza li jistgħu jintużaw għal spjunaġġ u repressjoni taċ-ċittadini; jitlob, f'konformità mal-Arranġament Wassenaar, li jkun hemm projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' tagħmir ta' sigurtà jew għajnuna militari li jistgħu jintużaw għar-repressjoni ta' protesti paċifiċi jew kontra l-interessi strateġiċi u ta' sigurtà tal-UE;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, u lill-President tar-Reppubblika Għarbija tal-Eġittu u lill-gvern interim tiegħu.

(1) Testi Adottati, P7_TA(2014)0100.
(2) Testi adottati, P8_TA(2014)0007.
(3) Testi Adottati, P7_TA(2012)0470.
(4) Testi Adottati, P7_TA(2013)0274.


Il-każ taż-żewġ 'Marò' Taljani
PDF 221kWORD 60k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2015 dwar il-każ taż-żewġ 'Marò' Taljani (2015/2512(RSP))
P8_TA(2015)0013RC-B8-0006/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-Protokolli tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, b'mod partikolari l-Artikoli 9, 10 u 14 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi-President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà fil-każ taż-żewġ morini (Marò) Taljani Massimiliano La Torre u Salvatore Girone,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2012 dwar il-piraterija marittima(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Jannar 2015 mill-kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Ban Ki-Moon, li fiha jistieden liż-żewġ pajjiżi – l-Italja u l-Indja – biex jipprovaw jilħqu soluzzjoni raġonevoli u aċċettabbli reċiprokament,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi matul il-lejl tal-15 ta' Frar 2012 il-bastiment kummerċjali Taljan Enrica Lexie, fir-rotta minn Singapor għal Ġibuti, iltaqa’ mal-lanċa tas-sajd St Anthony 'l barra mill-kosta tal-Kerala, fl-Indja;

B.  billi sitt morini (Marò) Taljani kienu abbord l-Enrica Lexie biex jipproteġu l-bastiment minn attakki potenzjali minn pirati; billi, fil-biża' ta' attakk minn pirati, ġew sparati tiri ta' twissija lejn il-lanċa li kienet qiegħda toqrob u żewġ sajjieda Indjani, Valentine magħruf ukoll bħala Jelastine u Ajeesh Pink, sfaw traġikament maqtula;

C.  billi, fid-19 ta’ Frar 2012 membri tal-forza tal-Pulizija Indjana mbarkaw il-bastiment, ikkonfiskaw l-armi tal-morini u arrestaw lit-tnejn li kienu ġew identifikati bħala dawk responsabbli għall-ftuħ tan-nar fuq il-lanċa tas-sajd;

D.  billi dawn l-avvenimenti kkaġunaw tensjonijiet diplomatiċi, minħabba l-inċertezza ġuridika li tikkaratterizza l-każ taż-żewġ morini Taljani; billi, minkejja li għaddew tliet snin, il-kapi ta’ akkuża għadhom ma tressqux mill-awtoritajiet Indjani;

E.  billi wieħed mis-suldati, Massimiliano Latorre, ħalla l-Indja sabiex jgħaddi erba’ xhur id-dar wara li sofra iskemija ċerebrali u għadu jeħtieġ kura medika, u billi s-Sur Girone għadu fl-Ambaxxata Taljani fl-Indja;

F.  billi, waqt li ż-żewġ partijiet qed jinvokaw id-dritt internazzjonali, l-Italja tafferma li l-inċident seħħ f'ibħra internazzjonali u li l-morini għandhom ikunu proċessati fl-Italja jew f'qorti internazzjonali; billi, madankollu, l-Indja ssostni li tista' tipproċessa lill-morini minħabba li l-inċident seħħ f'ibħra kostali taħt ġuriżdizzjoni Indjana;

G.  billi fil-15 ta’ Ottubru 2014 ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ta' dak iż-żmien, Catherine Ashton, għamlet stqarrija dwar l-aġir tal-awtoritajiet Indjani, u inkoraġġiet lill-gvern biex isib soluzzjoni rapida u sodisfaċenti f’konformità mal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Liġi tal-Baħar u mad-dritt internazzjonali;

H.  billi fis-16 ta’ Diċembru 2014 ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ġdida, Federica Mogherini, esprimiet id-diżappunt tagħha għan-nuqqas ta’ klemenza murija fir-rispons għat-talba ta’ Massimiliano Latorre għal estensjoni tas-soġġorn tiegħu fl-Italja għal trattament mediku;

I.  billi fl-14 ta' Jannar 2015 il-Qorti Suprema tal-Indja tat estensjoni biex tippermetti lis-surġent Latorre jqatta' iżjed ħin fl-Italja għal skopijiet mediċi;

J.  billi ż-żewġ Marò huma ċittadini Ewropej, u billi fil-15 ta’ Frar 2012 huma kienu abbord bastiment kummerċjali Taljan, fir-rotta 'l barra mill-kosta tal-Istat tal-Kerala u kienu qed iwettqu l-funzjonijiet tagħhom bħala parti minn attivitajiet internazzjonali kontra l-piraterija, li l-UE hija impenjata favurihom bil-qawwa;

1.  Jesprimi niket kbir għat-telfa traġika taż-żewġ sajjieda Indjani u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu;

2.  Jenfasizza li l-konsegwenzi tal-ġrajja tal-15 ta’ Frar 2012 madankollu għandhom jiġu trattati strettament fl-istat tad-dritt, b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet legali ta’ dawk allegatament involuti;

3.  Jesprimi tħassib qawwi dwar id-detenzjoni tal-morini Taljani mingħajr kapi ta' akkuża; jenfasizza li l-morini għandhom jiġu ripatrijati; jenfasizza li dewmien konsiderevoli u restrizzjonijiet tal-libertà tal-moviment tal-morini huma inaċċettabbli u jirrappreżentaw ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom;

4.  Jiddispjaċih bil-mod li bih il-kwistjoni ġiet immexxija u jsostni l-isforzi tal-partijiet involuti kollha biex jaħdmu urġentement favur soluzzjoni raġonevoli u reċiprokament aċċettabbli fl-interess tal-familji kollha – Indjani u Taljani – kif ukoll taż-żewġ pajjiżi;

5.  Jittama, fid-dawl tal-pożizzjonijiet meħuda mill-Italja, bħala Stat Membru, rigward il-ġrajjiet relatati mal-inċident, li l-ġuriżdizzjoni tingħata lill-awtoritajiet Taljani u/jew lill-arbitraġġ internazzjonali;

6.  Jinkoraġġixxi lir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà biex tieħu kull azzjoni neċessarja sabiex tipproteġi ż-żewġ morini Taljani bil-għan li tintlaħaq riżoluzzjoni rapida u sodisfaċenti tal-każ;

7.  Ifakkar lill-Kummissjoni fl-importanza li tenfasizza s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-qafas tar-relazzjonijiet mal-Indja u għaldaqstant li tikkunsidra miżuri ulterjuri biex tiffaċilita riżoluzzjoni pożittiva tal-każ;

8.  Ifakkar li d-drittijiet u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE f’pajjiżi terzi għandhom ikunu salvagwardati mir-rappreżentanza diplomatika tal-UE, li għandha taħdem b'mod attiv favur id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini tal-UE detenuti f'pajjiż terz;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, u lill-President u l-Gvern tal-Indja.

(1) ĠU C 261 E, 10.9.2013, p. 34.


Libertà ta' espressjoni fit-Turkija: Arresti reċenti ta' ġurnalisti, diriġenti fis-settur tal-midja u pressjoni sistematika kontra l-midja
PDF 232kWORD 65k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2015 ta' dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija: l-arresti reċenti ta’ ġurnalisti u ta' diriġenti tal-media u l-pressjoni sistematika fuq il-media (2014/3011(RSP))
P8_TA(2015)0014RC-B8-0036/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-16 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-15 ta' Diċembru 2014 tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati ta' Tkabbir tal-14 ta’ Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-2014 dwar it-Turkija tat-8 ta' Ottubru 2014,

–  wara li kkunsidra d-Dokument tal-Kummissjoni dwar Strateġija Indikattiva għat-Turkija (2014-2020) tas-26 ta' Awwissu 2014,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1996, b'mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-14 ta' Diċembru 2014 il-pulizija Torka arrestat ġurnalisti u diriġenti tal-media, fosthom Ekrem Dumanlı, kap editur tal-gazzetta Zaman, u Hidayet Karaca, maniġer ġenerali tas-Samanyolu Broadcasting Group; billi mandat, maħruġ minn imħallef f’Istanbul, jiddikjara li kienu qed isirulhom investigazzjonijiet kriminali fuq akkużi li kienu ffurmaw organizzazzjoni li 'bi pressjoni, intimidazzjoni u theddid ippruvat taħtaf il-poter tal-istat' u li dan kienet għamlitu 'billi gidbet, ċaħħdet lil persuni mil-libertà tagħhom u ffalsifikat id-dokumenti';

B.  billi għadd ta' persuni li sfaw arrestati f'Diċembru 2014 inħelsu; billi fid-19 ta’ Diċembru 2014 il-Qorti ta’ Istanbul ħabbret ir-rilaxx ta’ Ekrem Dumanlı, soġġett għal probation u għal projbizzjoni tal-ivvjaġġar sakemm tintemm investigazzjoni kriminali, iżda li Hidayet Karaca kienet se tibqa' fid-detenzjoni sa ma l-investigazzjoni tintemm; billi fil-31 ta’ Diċembru 2014 qorti ta’ Istanbul irrifjutat l-oġġezzjoni ta' prosekutur għar-rilaxx ta’ Ekrem Dumanlı u ta' seba’ persuni oħra;

C.  billi r-reazzjoni tal-gvern għall-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni f’Diċembru 2013 qajmet dubji serji dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, u wriet intolleranza dejjem akbar rigward l-oppożizzjoni politika, il-protesti min-naħa tal-pubbliku u l-media kritika;

D.  billi t-Turkija diġà għandha numru kbir ta’ ġurnalisti fil-ħabs u ta' ġurnalisti li qed jistennew li jingħaddu proċess, u l-pressjoni kontra l-media kibret tul dawn l-aħħar snin, inkluż kontra sidien u eżekuttivi ta’ gruppi tal-media kif ukoll ta' pjattaformi online u tal-media soċjali; billi dikjarazzjonijiet intimidanti minn politiċi u proċedimenti istitwiti kontra ġurnalisti li esprimew kritika, flimkien mal-istruttura tas-sjieda tas-settur tal-media, kienu fatturi li wasslu biex ħafna sidien tal-media u ġurnalisti ħaddmu l-awtoċensura, u wkoll għat-tkeċċija ta' xi ġurnalisti; billi, l-aktar spiss, il-Gvern Tork lill-ġurnalisti jakkużahom taħt l-Att Kontra t-Terroriżmu (TMK) u taħt l-artikoli tal-Kodiċi Kriminali relatati ma’ 'organizzazzjonijiet terroristiċi';

E.  billi fis-6 ta' Jannar 2015 il-pulizija arrestaw il-korrispondenta Netherlandiża Frederike Geerdink f'Diyarbakir, interrogawha u ħelsuha dakinhar stess, wara li involva ruħu l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tan-Netherlands li nzerta kien qed iżur it-Turkija f'dak il-waqt, u billi fis-7 ta' Jannar 2015, ġurnalist Netherlandiż ieħor, Mehmet Ülger, ġie arrestat malli telaq mill-ajruport ta' Istanbul, ġie interrogat f'għassa tal-pulizija u nħeles aktar tard dakinhar;

F.  billi r-rispett tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali, inkluża l-libertà tal-espressjoni, jinsabu fil-qalba tal-valuri tal-UE, li t-Turkija ħadet impenn formali favurihom bl-applikazzjoni tagħha għall-adeżjoni mal-UE u bin-negozjati relatati, kif ukoll bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa;

G.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha kkritikaw bil-qawwa l-arresti li saru fl-14 ta’ Diċembru 2014, u qalu li l-arresti huma 'inkompatibbli mal-valuri Ewropej' u 'inkompatibbli mal-libertà tal-media'; billi l-President Erdogan irrifjuta bil-qawwa l-kritika mill-UE;

1.  Jikkundanna r-raids tal-pulizija ta' dan l-aħħar u d-detenzjoni ta’ għadd ta’ ġurnalisti u rappreżentanti tal-media fit-Turkija fl-14 ta' Diċembru 2014; jenfasizza li dawn l-azzjonijiet iqajmu dubji rigward ir-rispett tal-istat tad-dritt u tal-libertà tal-media, libertà li hija prinċipju ċentrali tad-demokrazija;

2.  Ifakkar li stampa ħielsa u pluralista hija komponent essenzjali ta’ kwalunkwe demokrazija, bħalma huma wkoll il-proċessi regolari, il-preżunzjoni tal-innoċenza u l-indipendenza ġudizzjarja; jisħaq fuq il-ħtieġa, għalhekk, li fir-rigward ta' dan l-aħħar ċiklu ta’ arresti, fil-każijiet kollha (i) tingħata informazzjoni abbundanti u trasparenti dwar l-allegazzjonijiet kontra l-akkużati, (ii) l-akkużati jingħataw aċċess sħiħ għall-evidenza inkriminatorja flimkien ma' drittijiet sħaħ ta’ difiża, u (iii) jiġi żgurat li l-każijiet jitmexxew sewwa b'tali mod li jistabbilixxu l-veraċità tal-akkużi bla dewmien u lil hinn minn kull dubju raġjonevoli; ifakkar lill-awtoritajiet tat-Turkija li jeħtiġilhom jimxu bl-akbar attenzjoni meta jkunu qed jittrattaw mal-media u mal-ġurnalisti, peress li l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-media jibqgħu ċentrali għall-funzjonament ta’ soċjetà demokratika u miftuħa;

3.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-gvern sejjer lura mill-impenji tiegħu rigward riformi demokratiċi, u b’mod partikolari li t-tolleranza tal-gvern rigward protesti mill-pubbliku u rigward il-media kritika qiegħda tonqos; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-arresti tal-14 ta' Diċembru 2014 jikkonformaw ma' skema deplorevoli ta' aktar pressjoni u restrizzjonijiet fuq il-mezzi tal-istampa u tal-media, inkluż fuq il-media soċjali u fora fuq l-internet; jinnota li projbizzjonijiet tas-siti tal-internet għandhom portata sproporzjonata fit-Turkija; jiddeplora l-għadd ta’ ġurnalisti li qed jinżammu f'detenzjoni qabel is-smigħ tal-kawża tagħhom, b'tali mod li effettivament qed jiġu kkastigati, u jistieden lill-awtoritajiet ġudizzjarji tat-Turkija biex jirrieżaminaw u jindirizzaw dawn il-każijiet mill-aktar fis possibbli;

4.  Iħeġġeġ lit-Turkija biex taħdem fuq ir-riformi li għandhom jipprevedu kontrolli u ekwilibriji li jiggarantixxu bis-sħiħ il-libertà, inklużi l-libertà tal-ħsieb, tal-espressjoni u tal-media, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

5.  Jissottolinja l-importanza li għandhom il-libertà tal-istampa u r-rispett tal-valuri demokratiċi għall-proċess ta' tkabbir tal-UE; jenfasizza li għadd ta’ dispożizzjonijiet tal-qafas ġuridiku tat-Turkija u l-interpretazzjoni tagħhom minn membri tal-ġudikatura għadhom ixekklu l-libertà tal-espressjoni, inkluża l-libertà tal-media; ifakkar li l-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-media jinsabu fil-qalba tal-valuri Ewropej, u li stampa indipendenti hija kruċjali għal soċjetà demokratika, għax tati lok li ċ-ċittadini jieħdu sehem attiv fil-proċessi kollettivi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fuq bażi informata, u għaldaqstant issaħħaħ id-demokrazija; iħeġġeġ lill-Gvern tat-Turkija, f'dan ir-rigward, biex jindirizza l-libertà tal-media bħala kwistjoni prijoritarja u jipprovdi qafas ġuridiku adegwat li jiggarantixxi l-pluraliżmu bi qbil mal-istandards internazzjonali; jitlob ukoll li l-pressjoni u l-intimidazzjoni kontra l-mezzi tal-espressjoni tal-kritika u l-ġurnalisti jintemmu;

6.  Jinnota li l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Prevenzjoni ta’ Vjolazzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ma jipprevedix reviżjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tal-Liġi kontra t-Terroriżmu jew tal-Kodiċi Kriminali, li intużaw biex jillimitaw il-libertà tal-espressjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir riforma ta’ dawn il-liġijiet bħala kwistjoni ta’ prijorità;

7.  Jenfasizza li, kif ġie konkluż mill-Kunsill fis-16 ta' Diċembru 2014, l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II) għall-perjodu 2014-2020 jipprevedi l-introduzzjoni ta’ aktar koerenza bejn l-assistenza finanzjarja u l-progress globali li jsir fl-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ qabel l-adeżjoni, inkluż ir-rispett sħiħ tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali;

8.  Jitlob li l-media indipendenti tingħata aktar attenzjoni fi ħdan il-qafas tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni; jissottolinja f'dan ir-rigward, barra minn hekk, l-importanza li jingħataw sostenn ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, għaliex biss soċjetà ċivili trasparenti u li taħdem sewwa tista' tibni l-fiduċja u l-kunfidenza fost il-komponenti differenti ta' soċjetà ħajja u demokratika;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija.

Avviż legali - Politika tal-privatezza