Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2086(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0109/2015

Testi mressqa :

A8-0109/2015

Dibattiti :

PV 28/04/2015 - 16
CRE 28/04/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0123

Testi adottati
PDF 372kWORD 105k
L-Erbgħa, 29 ta' April 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2013: Baġit ġenerali tal-UE - Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
P8_TA(2015)0123A8-0109/2015
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima X – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (2014/2086(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 (COM(2014)0510) – C8–0155/2014)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99 u 164 sa 167 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0109/2015),

1.  Jagħti l-kwittanza lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għall-implimentazzjoni tal-baġit tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għas-sena finanzjarja 2013;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 66, 8.3.2013.
(2) ĠU C 403, 13.11.2014, p. 1.
(3) ĠU C 398, 12.11.2014, p. 1.
(4) ĠU C 403, 13.11.2014, p. 128.
(5) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(6) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.


2.Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima X – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (2014/2086(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima X – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tas-26 ta' Frar 2015 dwar inkjesta fuq inizjattiva proprja tagħha OI/1/2014/PMC dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0109/2015),

1.  Jilqa' l-fatt li fit-tielet sena finanzjarja tiegħu, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) kompla jimplimenta l-baġit tiegħu mingħajr ma ġew identifikati żbalji kbar mill-Qorti tal-Awdituri; jinnota l-progress li sar sabiex jissewwew l-iżbalji li ġew identifikati fis-snin preċedenti, u jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet għal aktar titjib li sar mill-Qorti tal-Awdituri fir-rapport annwali tagħha; jilqa' r-Rapport Speċjali Nru 11/2014 dwar l-istabbiliment tas-SEAE, ippubblikat mill-Qorti tal-Awdituri, u l-bosta suġġerimenti utli għal titjib li dak ir-rapport fih li nisperaw li se jiġu implimentati mill-aktar fis possibbli;

2.  Jirrimarka li fir-rapport annwali tal-2011, l-2012 u tal-2013, il-Qorti tal-Awdituri b'mod ripetut daħħlet osservazzjonijiet dwar is-SEAE fir-rigward ta' pagamenti ta' salarji għall-persunal, dgħufijiet fil-ġestjoni ta' allowances tal-familja mwettqa f'isem is-SEAE mill-PMO, l-akkwist ta' servizzi ta' sigurtà fid-Delegazzjonijiet u kuntratti għal servizzi tal-IT;

3.  Jinsab imħasseb mill-fatt li l-allowances għall-persunal diġà kienu punt ta' tħassib u kienu soġġetti għal żbalji fis-snin preċedenti; jitlob li jsiru kontrolli aktar stretti rigward din il-kwistjoni, b'mod partikolari billi l-persunal jitfakkar regolarment biex jiddikjara l-allowances li jirċievi minn sorsi oħra;

4.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, fl-2013, is-sistema PMO kienet għadha mhux kompletament funzjonali, li wasslet għal ħlas mhux korrett ta' allowances soċjali lill-membri tal-persunal, jitlob lis-SEAE jestendi s-sistema lill-uffiċjali tal-Istati Membri kollha;

5.  Ifakkar li s-Sede tas-SEAE trid tagħti attenzjoni regolari għal kwalunkwe tip ta' proċedura ta' akkwist f'kull stadju tal-proċedura ta' akkwist, b'mod speċjali fid-Delegazzjonijiet; jikkunsidra li għandu jingħata appoġġ kontinwu permezz ta' gwida ċara lill-persunal tad-Delegazzjonijiet involut b'mod li jitnaqqas l-esponiment għar-riskji inerenti, partikolarment għall-proċeduri ta' offerti u l-kuntratti sensittivi; jilqa' l-ħolqien ta' task force dedikat fis-Sede tas-SEAE għall-kuntratti tas-servizzi ta' sigurtà fid-Delegazzjonijiet;

6.  Jikkonstata li, fir-rigward tal-kuntratti qafas mogħtija mis-SEAE, trid tiġi żgurata l-attenzjoni dovuta f'dak li għandu x'jaqsam mat-traċċabilità tal-operazzjonijiet billi, għal kull kuntratt, tiġi rreġistrata d-dokumentazzjoni xierqa irrispettivament min-natura speċifika tiegħu; jitlob lis-Sede tas-SEAE tkompli tiżviluppa l-ħiliet tal-persunal u l-kuxjenza dwar din il-kwistjoni fid-Delegazzjonijiet u, b'mod aktar ġenerali, rigward l-applikazzjoni effikaċi tal-istandards ta' kontroll intern relatati; jikkonstata li l-kwalità tal-informazzjoni hi waħda mid-dgħufijiet l-aktar importanti identifikati mill-kontrolli ex ante mwettqa fl-2013 u jappella biex din is-sitwazzjoni tiġi rrimedjata malajr sabiex ikollu aċċess għal informazzjoni preċiża u komprensiva dwar il-ġestjoni u l-amministrazzjoni;

7.  Jistieden lis-SEAE jsaħħaħ l-istrateġija l-ġdida tiegħu kontra l-frodi li tkopri pajjiżi terzi u jilqa' l-fatt li l-Memorandum amministrattiv ta' Ftehim mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) ġie finalment iffirmat fit-23 ta' Jannar 2015;

8.  Jitlob lis-SEAE jirrapporta dwar il-progress li sar fir-rigward tal-istrateġija l-ġdida kontra l-frodi għad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni li kienet ippjanata li tiġi ffinalizzata fl-2013;

9.  Huwa mħasseb dwar id-dewmien fl-adozzjoni tar-regoli dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta; jistieden lis-SEAE biex jimplimentahom mingħajr aktar dewmien;

10.  Jistieden lis-SEAE biex fir-rapporti annwali tal-attività tiegħu jinkludi, b'konformità mar-regoli eżistenti dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data, ir-riżultati u l-konsegwenzi tal-każijiet magħluqa tal-OLAF, fejn l-istituzzjoni jew xi ħadd mill-individwi li jaħdmu għaliha kienu s-suġġett tal-investigazzjoni;

11.  Jikkonstata li l-baġit finali għas-sena 2013 għas-Sede tas-SEAE kien ta' EUR 508,8 miljun, li jirrappreżenta żieda ta' 4,09 %, u l-baġit kien maqsum kif ġej: EUR 195,81 miljun għas-Sede tas-SEAE u EUR 312,95 miljun għad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni; jikkonstata li, apparti l-baġit innifsu tas-SEAE, il-Kummissjoni kkontribwixxiet EUR 272,4 miljun;

12.  Jieħu nota tal-fatt li, fis-Sede tas-SEAE, 69 % tal-baġit hu maħsub għall-ħlas tas-salarji u d-drittijiet l-oħra tal-persunal statutorju u ta' dak estern (i.e. EUR 134,59 miljun) u 10 % (jew EUR 19,92 miljun) għall-bini u l-ispejjeż assoċjati; jikkonstata li, fir-rigward tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, EUR 106,6 miljun (34 %) għandhom x'jaqsmu mar-remunerazzjoni tal-persunal statutorju, EUR 62,2 miljun (19,9 %) huma għall-persunal estern u EUR 99,6 miljun (31,8 %) għall-bini u l-ispejjeż assoċjati;

13.  Huwa tal-opinjoni li s-SEAE għadu ma jiżvolġix il-funzjonijiet u r-rwoli kollha ta' servizz diplomatiku tal-Unjoni minħabba l-limitazzjonijiet tar-riżorsi; jikkunsidra li l-Kummissjoni u l-Istati Membri huma l-atturi xierqa biex jagħfsu biex is-SEAE jiġi kkonsolidat;

14.  Jirrimarka li l-prinċipju tan-newtralità baġitarja qed jintlaqa' tajjeb ħafna, imma li dan ma jistax jitqies b'mod iżolat mill-iffrankar li għamlu l-Istati Membri mit-twaqqif tas-SEAE;

15.  Jikkunsidra li s-SEAE għad għandu amministrazzjoni b'wisq nies fil-pożizzjonijiet superjuri, u dan hemm bżonn jitranġa; hu tal-fehma li l-miżuri li diġà ġew implimentati biex din il-kwistjoni titranġa huma pass fid-direzzjoni t-tajba u jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-impenn tagħha biex ittejjeb il-kooperazzjoni bejn is-servizzi; jitlob lill-istituzzjoni tirrapporta dwar it-tnaqqis tal-postijiet AD15 u AD16 fir-rapport annwali tal-attività li jmiss tagħha; jinnota barra minn hekk in-nuqqas ta' qafas ta' kompetenza għal maniġers bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-kandidati magħżula minn qabel; jenfasizza li l-kompetenza fil-qasam tal-affarijiet barranin teħtieġ tibqa' l-kriterju ewlieni li fuqu jiġu bbażati d-deċiżjonijiet dwar l-ingaġġ;

16.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-maniġment superjuri tas-SEAE jiġi razzjonalizzat u li l-proċessi deċiżjonali jiġu semplifikati;

17.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-titjib tal-bilanċ ġeografiku f'termini tal-għadd ta' persunal tas-SEAE li ġej minn Stati Membri li ssieħbu mal-Unjoni mill-2004 'l hawn, li issa jirrappreżentaw 18 % tal-persunal amministrattiv u 17.7 % tal-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet, kif imqabbla mad-daqs relattiv tal-popolazzjoni ta' dawk il-pajjiżi, li bħalissa huwa ta' 21 %; jenfasizza l-ħtieġa għal bilanċ ġeografiku fir-reklutaġġ u l-ħatra tal-persunal; huwa tal-opinjoni li rappreżentanza ġeografika ekwivalenti fi ħdan is-SEAE hija element importanti li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-prestazzjoni tiegħu u jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem f'din id-direzzjoni;

18.  Jinnota l-isforzi magħmula biex jitjieb il-bilanċ bejn is-sessi u biex jitneħħew l-ostakoli potenzjali għall-progress fil-karriera; iħeġġeġ lis-SEAE jkompli jaħdem sabiex inaqqas l-iżbilanċ bejn is-sessi speċjalment fil-kategorija ta' impjegati f'livell għoli;

19.  Jesprimi t-tħassib tiegħu, madankollu, dwar in-nuqqas ta' nisa f'pożizzjonijiet ta' responsabilità fis-SEAE (204 irġiel u 55 mara fid-Delegazzjonijiet, filwaqt li l-proporzjon f'pożizzjonijiet ta' maniġment għoljin huwa 42 raġel għal 4 nisa – jiġifieri 8,7 % nisa biss); jappella li jiġi implimentat pjan ta' opportunitajiet indaqs li jimmira lejn pożizzjonijiet maniġerjali sabiex jirrimedja dan l-iżbilanċ mill-aktar fis possibbli;

20.  Jikkonstata li l-objettiv statutorju li mill-inqas terz tal-persunal fil-livell ta' amministratur (AD) fi ħdan is-SEAE għandu jiġi minn fost id-diplomatiċi mill-Istati Membri ntlaħaq fl-2013; jikkonstata madankollu l-għadd relattivament għoli ta' esperti nazzjonali sekondati mill-Istati Membri (397 f'Ġunju 2014) u jitlob kjarifika ulterjuri rigward l-istatus/drittijiet tagħhom u l-ispejjeż għall-baġit tas-SEAE;

21.  Itenni t-talba tas-sena l-oħra li s-SEAE ikollu tabella eżawrjenti tar-riżorsi umani kollha għad-dispożizzjoni tiegħu, imqassma skont il-grad, is-sess u n-nazzjonalità; jikkonstata li din it-tabella għandha tkun inkluża awtomatikament fir-rapport annwali tal-attività tal-istituzzjoni;

22.  Jiddispjaċih, madankollu, li għadu ma nkisibx bilanċ ġeografiku u jitlob lis-SEAE jsaħħaħ il-bilanċ ġeografiku, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħatriet għall-karigi maniġerjali u l-karigi ta' Kapijiet ta' Delegazzjonijiet; itenni l-ħtieġa għal bilanċ ġeografiku infurzat tal-Istati Membri f'kull livell tal-amministrazzjoni u jħeġġeġ lis-SEAE jimplimenta miżuri li jikkontribwixxu għal rappreżentanza aħjar u aktar ibbilanċjata tal-Istati Membri kollha;

23.  Jikkunsidra li r-responsabilitajiet tar-Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni mhuma ċari xejn u jonqsuhom monitoraġġ u analiżi tal-prestazzjoni xierqa; jissuġġerixxi li jiġu integrati fis-SEAE b'mod li din il-lakuna timtela;

24.  Ifakkar fl-importanza li l-baġit tar-Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni jiġi trasferit mill-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) għall-baġit tas-SEAE bħala appoġġ aħjar għall-integrazzjoni fis-SEAE;

25.  Jinnota l-iżviluppi li saru fil-qasam tar-riżorsi umani, allavolja jaqbel mal-kummenti tal-Qorti tal-Awdituri li hemm bżonn ta' ħila esperta tematika fid-Delegazzjonijiet; jesprimi t-tħassib tiegħu li d-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom nuqqas ta' persunal fis-sezzjonijiet politiċi tagħhom u għall-ippjanar u l-implimentazzjoni operattivi ta' missjonijiet tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK); jikkonstata wkoll li hemm diffikultajiet prattiċi għad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni biex jirċievu u jittrattaw ir-rappurtar tal-intelligence; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta, flimkien mas-SEAE, approċċ koordinat biex jiġi ottimizzat il-profil tal-persunal tad-Delegazzjonijiet;

26.  Jikkonstata li s-SEAE qed ikompli ma jiddedikax biżżejjed riżorsi għall-aspetti esterni tal-politiki interni u li m'għandux il-persunal meħtieġ biex jipprovdi kontribut adegwat dwar l-ipprogrammar tal-istrumenti finanzjarji, u li dan qed ixekkel il-koerenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni;

27.  Jemmen li f'dan iż-żmien ta' kriżi u ta' tnaqqis ġenerali ta' baġits, l-ispejjeż ta' “Away Days” għall-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jitnaqqsu u li dawn għandhom jinżammu, kull fejn ikun possibbli, fil-bini tal-istituzzjonijiet, peress li l-valur miżjud li joħorġu minn “Away Days” ma jiġġustifikax tali spejjeż għoljin;

28.  Jistieden lis-SEAE jikseb prospettiva ġenerali aħjar tal-ispejjeż mill-proċeduri ta' reklutaġġ; jappella lis-SEAE biex juża soluzzjonijiet innovattivi bħall-video konferenzi għall-intervisti għal xogħol u, kemm jista' jkun, joħroġ bi proposti simili għat-taħriġ tal-persunal;

29.  Itenni l-ħtieġa li s-SEAE jintroduċi rekwiżit li l-persunal tiegħu li jkun għadu kif inħatar jagħti dikjarazzjoni fuq l-unur li, fl-imgħoddi, qatt ma jkun ħadem għal servizzi ta' intelligence;

30.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri li jippromwovu koordinament u kooperazzjoni aħjar bejn is-servizzi għar-relazzjonijiet esterni tagħhom u s-SEAE mingħajr ma jinjoraw il-kwistjonijiet tematiċi orizzontali;

31.  Jenfasizza li jista' jsir iffrankar sinifikanti fl-ispejjeż permezz ta' kooperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri f'termini tal-politika estera u ta' sigurtà tagħhom u billi jidentifikaw b'mod proattiv l-isforzi konġunti li s-SEAE tista' tieħu f'idejha b'mod gradwali sabiex l-Unjoni tkun kemm aktar b'saħħitha kif ukoll attur globali aktar effiċjenti;

32.  Jenfasizza li għandhom jiġu żviluppati aktar il-prattiki ta' xogħol biex tkun żgurata l-kooperazzjoni mad-DĠ għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni (DEVCO) u biex ikunu appoġġjati d-diviżjonijiet tematiċi (bħad-Direttorat għall-Prevenzjoni tal-Kunflitti u l-Politika ta' Sigurtà);

33.  Jenfasizza li d-diviżjonijiet tematiċi għandhom ikunu involuti fl-ipprogrammar matul l-istadji kollha sabiex jiġi evitat li l-prevenzjoni tal-kunflitti, il-bini tal-paċi, l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tal-bniedem ikunu żidiet tal-aħħar minuta;

34.  Hu tal-fehma li l-politika barranija attwali tal-Unjoni għadha influwenzata ħafna mill-politiki barranin tal-Istati Membri partikolari; jenfasizza li l-politika li jiġu marġinalizzati l-pajjiżi b'ħila esperta speċifika rigward uħud mill-kunflitti għaddejjin, speċifikament il-kunflitt bejn l-Ukraina u r-Russja, qiegħda tiddomina r-riżultati tal-politika barranija tal-Unjoni; jistieden lis-SEAE jimmonitorja dan b'mod konsistenti u jqis l-effett possibbli li l-politika barranija ta' Stati Membri partikolari għandha fuq il-politika barranija tal-Unjoni;

35.  Jenfasizza kemm huwa importanti li tiġi rikonoxxuta u appoġġjata l-ħidma iebsa tal-persunal ċivili u militari li jaħdem b'mod separat fiż-żoni l-aktar instabbli u perikolużi tad-dinja fejn l-Unjoni għandha tkun ukoll rappreżentata u twettaq il-ħidma tagħha; iqis li huwa essenzjali, għaldaqstant, li l-persunal li jgħix u jaħdem taħt pressjoni kbira, f'termini kemm ta' sikurezza u mobbiltà, unità/separazzjoni tal-familja kif ukoll ta' fatturi kulturali u soċjali, igawdu l-ogħla livelli ta' protezzjoni u sigurtà u grad suffiċjenti ta' flessibbiltà; jiffavorixxi żieda fil-baġit intiż għall-ispejjeż tas-sigurtà tad-delegazzjonijiet konċernati; iqis li jkun utli ħafna li jkun hemm statistika komparattiva għall-persunal tas-SEAE u l-persunal tal-azzjoni esterna tal-Istat Membru li jaħdmu f'dawk is-sitwazzjonijiet;

36.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-iskema baġitarja għall-appoġġ tad-Delegazzjonijiet tiġi semplifikata; jenfasizza s-sitwazzjoni diffiċli li qed jaffaċċjaw id-Delegazzjoni bl-inqas membri tal-persunal bħala riżultat tar-regoli kumplessi u riġidi dwar id-delegar tal-awtorizzazzjonijiet għal pagamenti bejn is-SEAE u l-persunal tal-Kummissjoni; jappella lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex jikkunsidraw kif il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-fondi tista' ssir aktar faċli waqt li jiżguraw li jkun hemm konformità mar-regoli dwar il-kontroll finanzjarju;

37.  Jenfasizza li r-regolamenti finanzjarji kif applikati attwalment mid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għadhom qed ikunu ta' piż amministrattiv kbir għall-Kap tad-Delegazzjoni, li jfixkel ir-responsabilità primarja tal-ħidma politika mill-Kap tad-Delegazzjoni; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni jsibu soluzzjoni għal din il-kwistjoni, li tista' tinvolvi bidla fir-regolamenti finanzjarji, sakemm dan ma jkunx jinvolvi wkoll tnaqqis fil-kwalità u r-rigorożità tal-ġestjoni finanzjarja tad-Delegazzjonijiet; jinnota wkoll l-użu kontinwu ta' linji baġitarji kemm mill-baġit tas-SEAE kif ukoll minn dak tal-Kummissjoni għan-nefqa amministrattiva, li tikkomplika ċ-ċirkwiti finanzjarji bla bżonn;

38.  Jirrimarka li l-persunal tal-Unjoni fid-Delegazzjonijiet u l-persunal tal-Unjoni fuq missjonijiet tal-PESK fl-istess lokalitajiet huma ttrattati b'mod differenti fir-rigward ta' ġranet ta' liv, titjiriet, allowances u benefiċċji oħra; jappella għal paragun dettaljat ta' pagamenti u benefiċċji għal persunal tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni u tal-persunal tal-Unjoni dwar missjonijiet tal-PESK f'Mogadixu (is-Somalja) u Bangui (Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana) mill-1 ta' Jannar 2014, pereżempju, u jinsisti li jingħataw raġunijiet fejn it-trattament huwa differenti;

39.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata flessibilità akbar fil-finanzjament tal-missjonijiet tal-PSDK biex tiġi garantita s-sigurtà interna u esterna tal-Unjoni minħabba l-periklu kkawżat mill-kunflitti fil-pajjiżi konfinanti magħha, kif ukoll ir-riskju ogħla tal-possibilità ta' attivitajiet terroristiċi;

40.  Jenfasizza l-importanza vitali tat-twaqqif ta' Ċentru għal Servizzi Kondiviżi li jista' jwassal għal iffrankar importanti ta' spejjeż billi jipprovdi assistenza ċentralizzata għal-loġistika, assistenza ta' akkwist u dik amministrattiva għall-missjonijiet tal-PSDK u għar-Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni u l-uffiċċji tagħhom; jiddeplora d-dewmien twil għat-twaqqif taċ-Ċentru u jħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha involuti biex jaħdmu biex jilħqu ftehim b'mod urġenti dwar Ċentru għal Servizzi Kondiviżi ambizzjuż, li kapaċi jappoġġja missjonijiet b'mod effiċjenti, speċjalment fil-bidu tagħhom, fl-istandardizzazzjoni tal-proċessi ta' ħidma u fl-għoti ta' akkwist aktar mgħaġġel u kosteffikaċi;

41.  Iħeġġeġ lis-SEAE timmassimizza l-benefiċċji tal-ekonomiji ta' skala billi toħloq sinerġiji ġodda fi ħdan is-Sede u d-Delegazzjonijiet tas-SEAE, kif ukoll f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u s-servizzi diplomatiċi nazzjonali fl-ispirtu ta' politika u servizzi esterni ġenwini tal-Unjoni; jikkonstata b'sodisfazzjon li l-kolokazzjoni tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni u r-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri qiegħda tiżdied, anke jekk tkompli tkun limitata; jitlob lis-SEAE ikompli jfittex modi biex ikompli jżid il-kolokazzjoni;

42.  Jesiġi li l-politika dwar il-bini tas-SEAE tinhemeż mar-rapport annwali tal-attività tiegħu, speċjalment peress li huwa importanti li l-ispejjeż ta' tali politika jiġu razzjonalizzati kif jixraq u li ma jkunux eċċessivi;

43.  Iħeġġeġ lis-SEAE jipprovdi lill-awtorità ta' kwittanza bil-lista tal-kuntratti ta' bini li ġew konklużi fl-2013, inklużi d-dettalji tal-kuntratti, il-pajjiż fejn il-kuntratt ikun ġie stabbilit u t-tul tal-kuntratt, kif sar fir-rapport annwali 2011 tal-attività tas-SEAE, u jitlob lis-SEAE jipprovdi l-istess dettalji tal-kuntratti ta' bini fir-rapport annwali 2014 tal-attività tiegħu;

44.  Jirrikonoxxi li għad fadal xogħol xi jsir fir-rigward tas-servizzi konsulari; jenfasizza l-potenzjal ta' ffrankar tal-ispejjeż li jipprovdi servizzi konsulari permezz tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni; jistieden lis-SEAE jħejji analiżi dettaljata dwar l-implikazzjonijiet finanzjarji tiegħu u lill-Istati Membri jaqblu dwar din il-kwistjoni sabiex jiżviluppaw regoli u leġiżlazzjoni armonizzati;

45.  Jappella lill-Qorti tal-Awdituri biex, fir-rapport annwali li jmiss tagħha, tinkludi rieżami tas-segwitu mogħti mis-SEAE għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament f'din ir-riżoluzzjoni.

Avviż legali - Politika tal-privatezza