Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2080(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0111/2015

Testi mressqa :

A8-0111/2015

Dibattiti :

PV 28/04/2015 - 16
CRE 28/04/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0124

Testi adottati
PDF 359kWORD 93k
L-Erbgħa, 29 ta' April 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2013: Baġit ġenerali tal-UE - Il-Qorti tal-Ġustizzja
P8_TA(2015)0124A8-0111/2015
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja (2014/2080(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 (COM(2014)0510) – C8-0149/2014)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0111/2015),

1.  Jagħti l-kwittanza lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Qorti tal-Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2013;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 66, 8.3.2013.
(2) ĠU C 403, 13.11.2014, p. 1.
(3) ĠU C 398, 12.11.2014, p. 1.
(4) ĠU C 403, 13.11.2014, p. 128.
(5) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(6) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.


2.Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja (2014/2080(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tas-26 ta' Frar 2015 li tagħlaq l-inkjesta fuq inizjattiva proprja tagħha OI/1/2014/PMC dwar l-iżvelar ta' għemil ħażin moħbi (whistleblowing),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0111/2015),

1.  Jinnota b'sodisfazzjon li, fir-rapport annwali tagħha tal-2013, il-Qorti tal-Awdituri osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati relatati mar-riżorsi umani u l-qasam tal-akkwist għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (''il-Qorti tal-Ġustizzja'');

2.  Jilqa' l-fatt li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-pagamenti b'mod ġenerali għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013 għan-nefqa amministrattiva u ta' tip ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi kienu ħielsa minn żbalji materjali;

3.  Jinnota li fl-2013, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha approprjazzjonijiet li jammontaw għal EUR 354 880 000 (EUR 348 300 000 fl-2012), u li r-rata ta' implimentazzjoni kienet ta' 96,3 %; jiddispjaċih dwar it-tnaqqis fir-rata ta' użu fl-2013 meta mqabbel mas-98,6 % fl-2012;

4.  Jieħu nota li r-rata baxxa ta' implimentazzjoni tista' tiġi attribwita għall-fatt li l-approprjazzjonijiet inizjali għall-2013 kienu inkludew aġġustament propost għas-salarji u l-pensjonijiet, li jammonta għal EUR 6 000 000 filwaqt li ma kien konċess ebda aġġustament mill-Kunsill; jindika li r-raġunijiet li wasslu għas-sentenza mhux mistennija dwar l-aġġustament tas-salarju m'għadhomx japplikaw wara l-ftehim li ntlaħaq dwar ir-Regolament il-ġdid tal-Persunal fl-2014;

5.  Jenfasizza madankollu li l-baġit tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa purament amministrattiv, b'ammont kbir li qed jintuża fuq l-ispiża relatata ma' persuni li jaħdmu fi ħdan l-istituzzjoni; jieħu nota tal-ġustifikazzjoni għat-tnaqqis fir-rata ta' użu ddikjarata fir-rapport ta' attività annwali tal-Qorti tal-Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2013;

6.  Jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja kkompletat 701 kawża fl-2013 (595 kawża kkompletata fl-2012), tressqu quddiemha 699 kawża ġdida (632 fl-2012), inklużi 450 appell u referenza għal deċiżjoni preliminari; jappoġġja r-riżultati statistiċi pożittivi u jqis li minkejja l-eżitu tajjeb, xorta għad hemm lok għal titjib;

7.  Jieħu nota tal-fatt li fl-2013, il-Qorti Ġenerali rċeviet 790 kawża ġdida, ġew indirizzati 702 kawżi u kellha 1325 kawża pendenti, u li dan jikkostitwixxi żieda ġenerali fl-għadd ta' proċedimenti meta mqabbel mal-2012; jinnota wkoll li t-tul tal-proċedimenti naqas bi ftit; jindika li l-ħolqien tad-disa' awla ma kkontribwixxiex fl-2013 għal żieda fl-effiċjenza tal-Qorti Ġenerali iżda minkejja dan, itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-Qorti Ġenerali teħtieġ tisħiħ fil-qasam tar-riżorsi umani;

8.  Jinnota li fl-2013 it-Tribunal tas-Servizz Ċivili ikkompleta 184 kawża, meta mqabbla mal-121 fl-2012 (ie. żiedata' 52 %), b'hekk naqqas l-għadd pendenti b'24 (i.e. tnaqqis ta' kawżi b'lura ta' 11 %); jemmen li l-eliminazzjoni tat-Tribunal tas-Servizz Ċivili mhijiex soluzzjoni adegwata sabiex jiġi indirizzat l-imblukkar fit-tul min-naħa tal-Kunsill;

9.  Iqis li xorta għad hemm lok għal titjib fi ħdan ir-riżorsi eżistenti għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja; jenfasizza li r-riformi interni implimentati fl-2013, jiġifieri l-ħolqien ta' awla ġdida fil-Qorti Ġenerali u l-Avukat Ġenerali l-ġdid, kif ukoll ir-riforma tar-Regoli ta' Proċedura li jmexxu l-operat tal-Qorti tal-Ġustizzja, partikolarment fl-oqsma tal-lingwi u l-użu tat-teknoloġija, u regoli supplementarji oħra kkontribwixxew għal tibdil pożittiv fis-sistema li ppermetta li jsir progress fl-użu aħjar tar-riżorsi; jinkoraġġixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tkompli b'dan l-approċċ;

10.  Jirrakkomanda li l-istituzzjoni tkun organizzata mill-ġdid b'tali mod li jkun hemm separazzjoni aktar ċara bejn il-funzjonijiet legali u amministrattivi, b'hekk tkun organizzata b'mod aktar konformi mal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem sabiex l-Imħallfin ma jkollhomx aktar ir-riskju li jridu jagħtu sentenza fuq appell kontra atti li fihom l-awtoritajiet tagħhom ikunu involuti direttament;

11.  Ifakkar li fir-risposta tagħha dwar ir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-2012 il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li l-fatt li jsiru aktar seduti ta' smigħ u li jingħataw aktar sentenzi ma jżidx il-produttività b'mod sinifikanti; jirrimarka li min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet żieda fl-għadd tal-Imħallfin; iħeġġeġ lill-Qorti tal-Ġustizzja titlob reviżjoni esterna tal-pari sabiex ikollha strumenti esterni li jidentifikaw soluzzjonijiet possibbli għall-problemi mqajma mill-Qorti tal-Ġustizzja;

12.  Jenfasizza l-importanza partikolari tar-rispett għall-multilingwiżmu fil-Qorti tal-Ġustizzja għaliex dan irid jiggarantixxi mhux biss aċċess ugwali għall-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja imma wkoll opportunitajiet indaqs għall-partijiet involuti f'litigazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;

13.  Jiddispjaċih dwar l-informazzjoni insuffiċjenti li waslet matul il-proċedura ta' kwittanza dwar il-listi ta' attivitajiet esterni li jsiru mill-Imħallfin; jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippubblika fuq il-paġna ewlenija reġistru li jinkludi informazzjoni dettaljata dwar l-attivitajiet esterni ta' kull Imħallef li jkollhom impatt fuq il-baġit tal-Unjoni;

14.  Jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ taż-żewġ tradutturi rtirati li ingħataw kuntratti ta' traduzzjoni, biex tfassal rapport li jagħmilha possibbli li jkun verifikat li s-sitwazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolamenti tal-Persunali tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kemm fir rigward tal-konflitti ta' interessi kif ukoll tal-ħlas;

15.  Jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tqis konsolidament tar-Reġistri tal-Qorti tal-Ġustizzja f'Reġistru uniku sabiex tiżgura koordinament aħjar tal-azzjonijiet proċedurali bejn il-Qrati;

16.  Jieħu nota tat-titjib li sar fl-applikazzjoni e-Curia; jirrikonoxxi li l-applikazzjoni għadha ma laħqitx il-potenzjal sħiħ tagħha; jirrakkomanda li l-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi pjan sabiex tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jużawha;

17.  Jirrikonoxxi t-tnedija fl-2013 tal-proġett b'rabta mar-rapporti tal-ġurisprudenza diġitali biex jieħdu post ir-rapporti tal-ġurisprudenza stampati; huwa tal-fehma li dan il-proġett seta' jiġi implimentat qabel;

18.  Iqis li l-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li titqies id-data pprovduta fir-rapport ta' attività annwali, tista' tnaqqas ulterjorment l-għadd ta' kopji stampati mingħajr ma tikkomprometti r-responsabbiltajiet tagħha;

19.  Billi l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-ewwel xandir bil-web streaming fl-2013, iħeġġeġ lill-Qorti tal-Ġustizzja tuża ulterjorment it-teknoloġija u twessa' l-applikazzjoni tagħha għal kwistjonijiet relatati max-xogħol;

20.  Jirrikonoxxi li l-kwalità tal-interpretazzjoni fil-Qorti tal-Ġustizzja hija fundamentali u li mhux possibbli li jiġi kkontrollat l-għadd ta' seduti; jemmen madankollu li huwa possibbli li jkun hemm ippjanar aktar effiċjenti tal-kalendarju tas-seduti; jissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex fir-relazzjonijiet interistituzzjonali tagħha tfittex l-aħjar prattiki adottati minn istituzzjonijiet oħrajn b'rabta ma' din il-kwistjoni;

21.  Jinnota l-politika tal-Qorti tal-Ġustizzja li tippreferi tuża r-riżorsi interni, b'mod partikolari fi ħdan is-servizzi tat-traduzzjoni; jifhem id-diffikultajiet sabiex jinstabu ċerti taħlitet ta' lingwi flimkien ma' esperjenza fil-qasam ġuridiku; jinsab imħasseb madankollu dwar il-livell għoli ta' approprjazzjonijiet li ma ntużawx, ta' EUR 2 200 000, allokati għat-traduzzjoni esterna; iqis, għalhekk, li l-esternalizzazzjoni, jekk meħtieġa, għandha twassal għal iffrankar ulterjuri;

22.  Jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra timplimenta sistema ta' traduzzjoni ''skont il-bżonn'' għal każijiet speċifiċi, u tagħmel aktar użu mill-għodod ta' traduzzjoni teknoloġiċi;

23.  Jitlob lill-Qorti tivverfika fuq il-bażi ta' każ każ il-ħtieġa ta' traduzzjoni jekk ikun hemm relevanza limitata għaċ-ċittadini tal-Unjoni;

24.  Josserva bi tħassib id-disparitajiet enormi fl-ispejjeż tat-traduzzjoni għall-istituzzjonijiet differenti tal-Unjoni; jitlob, konsegwentement, li l-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali dwar it-Traduzzjoni jidentifika l-kawżi għal dawn id-disparitajiet u jressaq soluzzjonijiet li jtemmu dan l-iżbilanċ u jipproduċu spejjeż tat-traduzzjoni armonizzati b'rispett sħiħ għall-kwalità u d-diversità lingwistika; jirrimarka, b'dan il-ħsieb, li l-Grupp ta' Ħidma għandu jerġa' jniedi l-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet sabiex jaqsmu bejniethom l-aħjar prattiki u eżiti, u jidentifikaw dawk l-oqsma li fihom jistgħu jissaħħu l-kooperazzjoni jew il-ftehimiet interistituzzjonali; jinnota li l-Grupp ta’ Ħidma għandu wkoll ikollu l-għan li jistabbilixxi metodoloġija unifikata għall-preżentazzjoni tal-ispejjeż tat-traduzzjoni li jkunu jistgħu jużawha l-istituzzjonijiet kollha, sabiex jiġu ssimplifikati l-analiżi u l-paragun tal-ispejjeż; jinnota li l-Grupp ta’ Ħidma għandu jippreżenta r-riżultati ta’ dan il-ħidma qabel tmiem l-2015; jitlob li l-istituzzjonijiet kollha jkollhom sehem attiv fix-xogħol tal-Grupp ta’ Ħidma Interistituzzjonali; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-importanza fundamentali tar-rispett għall-multilingwiżmu fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex niżguraw li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jingħataw trattament u opportunitajiet ugwali;

25.  Iqis li fi żmien ta' kriżi u tnaqqis baġitarju b'mod ġenerali, l-ispejjeż tal-'away days' għall-persunal fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandu jitnaqqas u li dawn l-avvenimenti, fejn ikun possibbli, għandhom isiru fil-binjiet tal-istituzzjonijiet stess, peress li l-valur miżjud li jirriżulta mill-'away days' ma jiġġustifikax spejjeż daqstant għolja;

26.  Jistenna li l-Qorti tal-Ġustizzja se tkompli tfittex sinerġiji interni ġodda, b'mod partikolari fil-qasam tat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni;

27.  Itenni t-talba tiegħu li fir-rapport ta' attività annwali tas-sena korrispondenti tkun annessa l-aġenda tal-laqgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja;

28.  Jirrakkomanda l-istabbiliment ta' ċerti kriterji oġġettivi biex jiġi spjegat id-dewmien eċċessiv fil-perjodu tal-għoti tas-sentenzi;

29.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Istati Membri li daħlu fl-Unjoni wara l-2004 mhumiex rappreżentati fil-maniġment għoli tal-istituzzjoni; itenni l-ħtieġa għal bilanċ ġeografiku akbar fil-livelli kollha fi ħdan l-amministrazzjoni;

30.  Jinsab imħasseb bin-nuqqas ta' nisa fil-pożizzjonijiet ta' responsabbiltà fil-Qorti tal-Ġustizzja (70 % - 30 %); jitlob li jitħaddem pjan favur opportunitajiet indaqs, b’mod partikolari fir-rigward ta’ karigi maniġerjali, bl-għan li dan l-iżbilanċ jiġi kkoreġut mill-aktar fis possibbli;

31.  Jieħu nota tal-fatt li r-regoli applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja li jirregolaw l-użu privat tal-karozzi uffiċjali huma simili għal dawk applikati f'istituzzjonijiet oħra; huwa tal-fehma li dawk ir-regoli għandhom jiġu aġġornati sabiex jonqsu l-ispejjeż, partikolarment fil-każ tal-użu privat;

32.  Jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra tnaqqas l-għadd ta' karozzi uffiċjali għad-dispożizzjoni tal-Membri u l-persunal, u tgħaddi rapport lill-Parlament bl-iffrankar li jkun sar; huwa tal-fehma li dan se jitlob reviżjoni tal-assenjament tal-karigi tax-xufiera; jirrimarka li l-ispejjeż tas-servizzi privati estiżi provdut mis-sewwieqa qed jitħallas mit-taxxi taċ-ċittadini tal-Unjoni;

33.  Jemmen li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ttejjeb l-impenn ambjentali tagħha billi tiżviluppa ulterjorment il-miżuri eżistenti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, u tinkludi kriterji ambjentali fil-qasam tal-akkwist;

34.  Jieħu nota tal-impenn tal-Qorti tal-Ġustizzja li tkompli ttejjeb is-sistema tagħha għal monitoraġġ u kontroll f'waqthom tal-proċeduri ta' reklutaġġ u ta' akkwist; jappoġġja l-Qorti tal-Ġustizzja fl-isforzi kontinwi tagħha biex tissorvelja l-ġestjoni ta' allowances u biex ittejjeb il-livelli ta' prestazzjoni tagħha;

35.  Iqis li l-ammont ta' kuntratti konklużi skont il-proċedura nnegozjata huwa pjuttost għoli; jitlob li jiġi infurmat tajjeb dwar ir-raġunijiet għal dawn id-deċiżjonijiet;

36.  Jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex fir-rapporti annwali tal-attività tagħha tinkludi, b'konformità mar-regoli eżistenti dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data, ir-riżultati u l-konsegwenzi tal-każijiet magħluqa tal-OLAF, fejn l-istituzzjoni jew xi ħadd mill-individwi li jaħdmu għaliha kienu s-suġġett tal-investigazzjoni;

37.  Jieħu nota tal-politika tal-Qorti tal-Ġustizzja b'rabta mal-bini, annessa mar-rapport ta' attività annwali ;

38.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Qorti tal-Ġustizzja ħejjiet rapport ta' attività annwali rigoruż u fid-dettall u li fih inkludiet informazzjoni komprensiva dwar il-ġestjoni tar-riżorsi umani tagħha, kif mitlub mill-Parlament;

39.  Jinsab imħasseb dwar id-dewmien fl-adozzjoni tar-regoli dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta; jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja timplimenta dawn mingħajr aktar dewmien.

Avviż legali - Politika tal-privatezza