Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2081(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0113/2015

Testi mressqa :

A8-0113/2015

Dibattiti :

PV 28/04/2015 - 16
CRE 28/04/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0125

Testi adottati
PDF 362kWORD 96k
L-Erbgħa, 29 ta' April 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2013: Baġit ġenerali tal-UE - Il-Qorti tal-Awdituri
P8_TA(2015)0125A8-0113/2015
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri (2014/2081(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 (COM(2014)0510) – C8–0155/2014)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u t al-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0113/2015),

1.  Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 66, 8.3.2013.
(2) ĠU C 403, 13.11.2014, p. 1.
(3) ĠU C 398, 12.11.2014, p. 1.
(4) ĠU C 403, 13.11.2014, p. 128.
(5) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(6) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.


2.Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri (2014/2081(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0113/2015),

1.  Jinnota li l-eżerċizzju tal-awditjar tal-kontijiet annwali tal-Qorti tal-Awdituri jsir minn awditur estern indipendenti – PricewaterhouseCoopers SARL – bil-għan li jiġu applikati l-istess prinċipji ta' trasparenza u ta' obbligu ta' rendikont li tapplika hi stess fil-konfront ta' dawk suġġetti għall-awditjar tagħha; jieħu nota tal-opinjoni tal-awditur li r-"rapporti finanzjarji jagħtu stampa veritiera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Qorti";

2.  Jenfasizza li fl-2013, il-Qorti tal-Awdituri kellha approprjazzjonijiet finali li jammontaw għal total ta' EUR 142 761 000 (EUR 142 477 000 fl-2012) u li r-rata ta' implimentazzjoni globali għall-baġit kienet 92 %; jiddispjaċih mit-tnaqqis fir-rata ta' użu fl-2013 meta mqabbla mas-96 % fl-2012;

3.  Jenfasizza, madankollu, li l-baġit tal-Qorti tal-Awdituri huwa purament amministrattiv, u li ammont kbir qed jintuża fuq in-nefqa relatata ma' persuni li jaħdmu fi ħdan l-istituzzjoni; jieħu nota tal-ġustifikazzjoni għat-tnaqqis fir-rata tal-utilizzazzjoni ddikjarata fir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja għall-2013;

4.  Jieħu nota tal-istrateġija l-ġdida tal-Qorti tal-Awdituri għall-2013-2017 biex jiġi massimizzat ir-rwol tagħha bħala l-awditur estern tal-Unjoni; japprova l-pjan stabbilit għall-2013 u l-intenzjoni tagħha biex ittejjeb il-kwantità u l-kwalità tar-rapporti tal-awditu tal-prestazzjoni billi żżid l-effiċjenza u r-riżorsi allokati għalihom; jieħu nota, barra minn hekk, taż-żieda ta’ 60 % fin-numru ta’ rapporti bħal dawn mill-2008 u jinsisti li l-kwantità m’għandhiex tkun ta' detriment għall-kwalità;

5.  Ifakkar lill-Qorti tal-Awdituri li l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu fil-punt 54 tal-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati mill-2012 li l-aspetti kollha ta’ awditjar estern esternalizzat “jibqgħu taħt ir-responsabbiltà sħiħa tal-QEA, li tamministra l-proċeduri kollha meħtieġa amministattivi u ta’ akkwist u tiffinanzjahom, kif ukoll kwalunkwe spiża oħra assoċjata mal-awditjar estern esternalizzat, mill-baġit proprju tagħha”; jistenna li l-Qorti tal-Awdituri ssegwi dan l-approċċ komuni u tikkuntratta u tħallas għall-awdituri esterni tal-aġenziji;

6.  Jitlob lill-Qorti tal-Awdituri biex twettaq verifika dwar l-effetti ta’ konsolidament tar-reġistri tal-Qorti tal-Ġustizzja f’reġistru wieħed sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni aħjar ta’ azzjonijiet proċedurali bejn il-Qrati;

7.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-programm ta' riforma interna tal-Qorti tal-Awdituri inkluż fl-istrateġija tagħha għall-2013-2017 li huwa bbażat fuq ir-rapport bejn il-pari tal-2014, ir-rapport tal-Parlament dwar il-futur tal-Qorti tal-Awdituri u fuq l-analiżi interna proprja tal-Qorti tal-Awdituri; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex tirrapporta b’mod regolari lill-Parlament dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tar-riforma;

8.  Jemmen li huwa meħtiep ċertu ammont ta’ flessibilità fil-programm ta’ ħidma tal-Qorti tal-Awdituri biex jassigura li tadatta malajr għal avvenimenti maġġuri mhux mistennija li jistgħu jeħtieġu awditjar jew attenzjoni speċifiċi u li tkun kapaċi tinjora punti fuq il-programm li m’għadhomx relevanti; iqis li huwa importanti wkoll li l-Qorti tal-Awdituri għandha tilħaq ċertu livell ta’ diversifikazzjoni u bilanċ, pjuttost milli tikkonċentra wisq u ta’ spiss fuq ċerti oqsma ta’ attività; jiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Awdituri għall-prijoritajiet ta' politika tal-leġiżlaturi u l-kwistjonijiet ta' interess ewlieni għaċ-ċittadini tal-Unjoni kif ikkomunikat mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament;

9.  Jappoġġa lill-Qorti tal-Awdituri fl-isforzi tagħha biex tiddedika aktar riżorsi għall-awditi tal-prestazzjoni; ifakkar li l-Qorti tal-Awdituri għandha tiżgura li l-awdituri assenjati biex iwettqu awditi speċifiċi għandu jkollhom l-għarfien tekniku u l-ħiliet metodoloġiċi meħtieġa;

10.  Ifakkar lill-Qorti tal-Awdituri fil-ħtieġa li ttejjeb il-kalendarji ppjanati tagħha, b'mod partikolari fil-każ tar-Rapporti Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri, bla ma tikkomprometti l-kwalità ta' dawn ir-rapporti; jiddispjaċih li l-puntwalità tal-konklużjonijiet tal-awditu għadha 'l bogħod mill-objettiv fit-tul; jirrakkomanda li l-Qorti tal-Awdituri tistabbilixxi l-objettiv li tnaqqas it-tul ta' kull fażi tal-pjan tal-awditjar tal-prestazzjoni;

11.  Jinnota li l-metodoloġija tal-Qorti tal-Awdituri għandha tkun konsistenti u applikati għall-oqsma kollha ta’ ġestjoni; jifhem li l-allinjament ulterjuri jista’ jwassal għal inkonsistenzi fid-definizzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri ta’ tranżazzjoni illegali f’ġestjoni diretta u konġunta;

12.  Jinnota li ż-żmien medju għar-realizzazzjoni ta' Rapport Speċjali għadu ta' 20 xahar, kif kien fl-2012; jiddispjaċih li l-Qorti tal-Awdituri ma laħqitx l-objettiv strateġiku ta' 18-il xahar bħala żmien medju għar-realizzazzjoni tar-Rapporti Speċjali; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex tehmeż ma' kull Rapport Speċjali id-dettalji dwar l-isfond tiegħu u dettalji dwar id-diversi stadji tat-tfassil;

13.  Iqis li r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporti Speċjali għandhom ikunu aktar ċari u għandhom jiżvelaw b'mod konsistenti l-imġiba pożittiva u negattiva tal-pajjiżi kkonċernati;

14.  Jinnota li l-aħħar bidiliet fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, immirati biex jiżdied l-involviment tal-kumitati parlamentari f’oqsma differenti fir-rigward tar-Rapporti Speċjali, ma laħqux l-aspettattivi; jagħmel ħiltu biex jeżamina modi biex jitjiebu l-proċeduri parlamentari li japplikaw għar-Rapporti Speċjali mill-Qorti tal-Awdituri;

15.  Jappoġġa t-tisħiħ kontinwu tal-karigi fil-qasam tal-awditjar fl-2013; jieħu nota tas-suċċess fir-reklutaġġ ta' persunal ġdid f'karigi fil-qasam tal-awditjar u t-tnaqqis ta' postijiet battala fi tmiem l-2013, meta mqabbla mal-2012;

16.  Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri tiddikjara li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-kriterji ġeografiċi fil-ħatra ta’ persunal għal karigi maniġerjali; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri, f’dan ir-rigward, biex tagħmel dak li huwa meħtieġ sabiex jinstab rimedju għas-sitwazzjoni attwali ta’ żbilanċ kbir fil-Qorti tal-Awdituri fil-ġejjieni, b’mod speċjali fir-rigward tal-karigi maniġerjali;

17.  Jiddispjaċih li l-pjan tal-opportunitajiet indaqs imniedi mill-Qorti tal-Awdituri fl-2012 biex tiggarantixxi l-bilanċ bejn is-sessi ma tax ir-riżultati mistennija, speċjalment fejn huma kkonċernati l-karigi maniġerjali; jinnota li fost is-70 kariga maniġerjali u ta’ kap ta’ unità, 21 biss huma okkupati minn nisa, u li, barra minn hekk, il-maġġoranza ta’ dawn il-karigi huma fid-direttorati tat-traduzzjoni u l-amministrazzjoni; jenfasizza u jilqa’ ż-żieda fin-numru ta’ awdituri femminili, li bla dubju li se jkollhom effett fuq in-numru ta’ nisa f’karigi ta’ maniġment fl-awditjar; jieħu nota tal-impenn tal-Qorti tal-Awdituri li taġixxu malajr biex tirrevedi l-pjan favur l-ugwaljanza bil-ħsieb li jiġu identifikati soluzzjonijiet effettivi li jagħmluha possibbli li jintlaħqu l-miri stabbiliti f’dan il-qasam mill-aktar fis possibbli;

18.  Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex tinkludi, fir-rapport annwali tal-attività, ħarsa ġenerali tal-persunal li għandu kariga maniġerjali mqassma skont iċ-ċittadinanza, is-sess u l-kariga;

19.  Jinnota b'sodisfazzjon it-tlestija tal-bini K3 fiż-żmien stabbilit u skont il-baġit;

20.  Jeżiġi li l-politika dwar il-bini tal-Qorti tal-Awdituri tinhemeż mar-rapport annwali tal-attività tagħha, speċjalment peress li hu importanti li l-ispejjeż ta' tali politika jiġu razzjonalizzati kif jixraq u li dawn ma jkunux eċċessivi;

21.  Jieħu nota tal-varjazzjoni sostanzjali fil-prezzijiet għall-ispejjeż ta’ traduzzjoni għal kull lingwa (b’varjazzjonijiet sa aktar minn EUR 100 għal kull paġna, skont il-lingwa) fil-Qorti tal-Awdituri; hu tal-opinjoni li diskrepanza tal-ispejjeż daqstant għolja, anke jekk ikunu inklużi l-ispejjeż indiretti, għandha tiġi analizzata u korreġuta;

22.  Jinnota bi tħassib id-differenzi enormi bejn l-ispejjeż tat-traduzzjoni fost id-diversi istituzzjonjiet tal-Unjoni; jitlob, għalhekk, lill-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali dwar it-Traduzzjoni biex jidentifika l-kawżi ta' dawk id-disparitajiet u jippreżenta soluzzjonijiet li jtemmu n-nuqqas ta' ekwilibriju u jarmonizzaw l-ispejjeż tat-traduzzjoni, filwaqt li jiżguraw rispett sħiħ tal-kwalità u d-diversità lingwistika; jirrimarka, b'dan il-ħsieb, li l-grupp ta' ħidma għandu jerġa' jniedi l-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet sabiex jikkondividu l-aħjar prattiki u eżiti, u jiddeterminaw f'liema oqsma jistgħu jissaħħu l-kooperazzjoni jew il-ftehimiet interistituzzjonali; jinnota li l-grupp ta’ ħidma għandu jkollu wkoll l-għan li jistabbilixxi metodoloġija unifikata għall-preżentazzjoni tal-ispejjeż tat-traduzzjoni li l-istituzzjonijiet kollha jistgħu jużaw sabiex tkun eħfef biex l-ispejjeż jiġu analizzati u mqabbla; jinnota li l-grupp ta' ħidma għandu jippreżenta dawk is-sejbiet qabel tmiem l-2015; jitlob li l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni biex jieħdu rwol attiv fix-xogħol tal-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-importanza fundamentali tar-rispett għall-multilingwiżmu fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-Unjoni jingħataw trattament u opportunitajiet ugwali;

23.  Iqis li fi żmien ta' kriżi u tnaqqis baġitarju b'mod ġenerali, il-kost tal-‘away days’ għall-persunal fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandu jitnaqqas u li dawn l-avvenimenti, fejn ikun possibbli, għandhom isiru fil-binjiet tal-istituzzjonijiet stess, peress li l-valur miżjud li jirriżulta mill-‘away days’ ma jiġġustifikax spejjeż daqstant għoljin;

24.  Jirrikonoxxi li l-Qorti tal-Awdituri għamlet titjib għal dak li għandu x’jaqsam mad-definizzjoni u l-kjarifika tal-kompetenzi u r-responsabbiltajiet tal-Awla fir-rigward tal-koordinazzjoni, l-evalwazzjoni, l-assigurazzjoni u l-iżvilupp; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex tkompli għaddejja b’dawn l-isforzi u jitlob li jkun infurmat dwar il-miżuri meħuda sabiex titjieb il-prestazzjoni tal-Awla;

25.  Jieħu nota li fl-2013, il-Qorti tal-Awdituri b'kollox irrappurtat 14-il każ ta' suspett ta' frodi li rriżultaw mill-ħidma tagħha fil-qasam tal-awditjar u 10 każijiet marbuta mal-komunikazzjonijiet lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF); jinnota li l-OLAF iddeċieda li jiftaħ inkjesta f'sebgħa mill-14-il każ u fil-każijiet l-oħra, l-informazzjoni ntbagħtet lil awtorità oħra għall-azzjoni ta' segwitu;

26.  Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex fir-rapporti annwali tal-attività tagħha tinkludi, b'konformità mar-regoli eżistenti dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data, ir-riżultati u l-konsegwenzi tal-każijiet magħluqa tal-OLAF, fejn l-istituzzjoni jew xi ħadd mill-individwi li jaħdmu għaliha kienu s-suġġett tal-investigazzjoni;

27.  Japprova r-rieżami ta' segwitu 2013 tal-awditur intern u l-progress li sar biex jiġu identifikati u prijoritizzati riskji finanzjarji u operattivi u t-tfassil ta' kontrolli xierqa ta' mitigazzjoni;

28.  Jinnota li l-politika tas-sigurtà tal-informazzjoni teħtieġ strateġija tas-sigurtà azjendali koordinata u armonizzata; jindika li l-effiċjenza tal-ġestjoni u l-kontrolli interni tista' titjieb fl-oqsma prinċipali tal-governanza tal-Qorti tal-Awdituri;

29.  Jieħu nota tal-introduzzjoni tal-applikazzjoni ġdida tas-Sistema ta' Appoġġ għall-Awditu (ASSYST) fil-Qorti tal-Awdituri, bħala għodda tal-awditjar intern; jitlob li jkun infurmat dwar l-objettivi ta' prestazzjoni stabbiliti għal din l-applikazzjoni;

30.  Jieħu nota li l-Qorti tal-Awdituri impenjat ruħha li tieħu kull miżura possibbli biex tiżgura li l-approprjazzjonijiet ta’ missjonijiet jintużaw b’konformità stretta mal-prinċipji ta' ekonomija, effiċjenza u effettività;

31.  Jieħu nota, barra minn hekk, tal-introduzzjoni ta' applikazzjonijiet ta' softwer ġodda biex titjieb l-amministrazzjoni tat-taħriġ fil-lingwi; jistenna li dawn l-għodod se jkomplu jtejbu l-ġestjoni tat-taħriġ fil-lingwi;

32.  Jifhem l-interess tal-Qorti tal-Awdituri meta tivvaluta l-preżenza tagħha fil-midja; iqis, madankollu, li jeħtieġ li ċ-ċarezza tal-messaġġi tagħha tissaħħaħ; jissuġġerixxi, għalhekk, li l-kwalità editorjali tat-testi kollha tal-Qorti tal-Awdituri tiġi soġġetta għal proċess ċentralizzat;

33.  Japprezza l-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Awdituri u l-Kumitat Parlamentari għall-Kontroll tal-Baġit u jilqa' l-feedback regolari abbażi tat-talbiet tal-Parlament; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex tinkludi fir-rapport ta’ attività annwali tagħha taqsima speċifika dwar l-azzjoni li ħadet b’reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet ta’ kwittanza tal-Parlament dwar il-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja preċedenti, kif jagħmlu l-parti l-kbira tal-istituzzjonijiet oħra; jitlob madankollu li l-Qorti tal-Awdituri u lill-awtoritajiet ta’ kwittanza biex itejbu l-kooperazzjoni tagħhom għal darb’ oħra sabiex jagħmlu x-xogħol tagħhom aktar effiċjenti u aktar effettiv;

34.  Iqis r-rapporti tal-Qorti tal-Awdituri, u b’mod partikolari r-rapporti speċjali, huma ta’ kontribut importanti biex isir progress lejn approċċ aqwa tal-infiq fir-rigward tal-fondi tal-Unjoni; huwa tal-opinjoni li r-rapporti tal-Qorti tal-Awdituri jista’ jkollhom aktar valur miżjud jekk kienu kkomplementati b'ċertu numru ta’ miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu mill-Unjoni, u l-kalendarju mistenni biex timplimentahom, sabiex jintlaħqu l-għanijiet u l-objettivi definiti fil-programm, il-fond jew il-politika tal-Unjoni; iqis li dan il-fokus imsaħħaħ fuq l-eżiti, u b’mod partikolari fuq l-eżiti fit-tul, skont il-prinċipji ta' effiċjenza u effettività, ittejjeb għalhekk il-proċess ta’ segwitu meħtieġ li għandu jitwettaq mill-Qorti tal-Awdituri fejn jiġu mmonitorjati l-effetti tar-rakkomandazzjonijiet proposti;

35.  Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex teżamina l-possibbiltà li tantiċipa l-preżentazzjoni tar-rapport annwali tagħha fi ħdan il-parametri stabbiliti mir-Regolament Finanzjarju tal-Unjoni.

Avviż legali - Politika tal-privatezza