Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2082(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0114/2015

Testi mressqa :

A8-0114/2015

Dibattiti :

PV 28/04/2015 - 16
CRE 28/04/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.17
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0126

Testi adottati
PDF 354kWORD 88k
L-Erbgħa, 29 ta' April 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2013: Baġit ġenerali tal-UE - Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali
P8_TA(2015)0126A8-0114/2015
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2014/2082(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 (COM(2014)0510) – C8–0151/2014)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0114/2015),

1.  Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għas-sena finanzjarja 2013;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 66, 8.3.2013.
(2) ĠU C 403, 13.11.2014, p. 1.
(3) ĠU C 398, 12.11.2014, p. 1.
(4) ĠU C 403, 13.11.2014, p. 128.
(5) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(6) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.


2.Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2014/2082(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tas-26 ta’ Frar 2015 dwar inkjesta fuq inizjattiva proprja tagħha OI/1/2014/PMC dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0114/2015),

1.  Jilqa' l-fatt li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2012 għan-nefqa amministrattiva u ta' tip ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi kienu ħielsa minn żbalji materjali;

2.  Jinnota b'sodisfazzjon li, fir-Rapport Annwali 2013 tagħha, il-Qorti tal-Awdituri osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati relatati mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE);

3.  Jinnota li fl-2013 il-baġit tal-KESE ammonta għal EUR 130 104 400 (EUR 128 816 588 fl-2012), b'rata ta' użu ta' 94,1 %; jiddispjaċih mit-tnaqqis fir-rata ta' użu fl-2013 meta mqabbla mas-96,8 % fl-2012;

4.  Jenfasizza, madankollu, li l-baġit tal-KESE huwa wieħed purament amministrattiv, u li ammont kbir minnu huwa użat għan-nefqa fuq persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni u l-bqija għal bini, għamara, tagħmir u spejjeż operattivi mixxellanji; jieħu nota tal-ispjegazzjoni tal-KESE dwar it-tnaqqis tar-rata ta' użu minħabba miżuri kawtelatorji;

5.  Jinnota li r-raġunijiet li wasslu għas-sentenza mhux mistennija dwar l-aġġustament tas-salarju m'għadhomx japplikaw wara l-ftehim milħuq dwar ir-Regolament tal-Persunal il-ġdid fl-2014;

6.  Jinnota ż-żieda ta’ 1 % fil-baġit tal-2013 apparagun tal-baġit annwali tas-sena ta' qabel; jappoġġa l-isforzi tal-KESE biex jillimita l-baġits tas-snin li ġejjin, biex b’hekk tiġi żgurata żieda b’rata fissa;

7.  Jieħu nota tal-osservazzjonijiet ta’ segwitu għar-riżoluzzjoni ta’ kwittanza 2012 tal-Parlament mehmuża mar-rapport annwali tal-attività tal-KESE; itenni t-talba tiegħu biex jiġi infurmat dwar l-analiżi dettaljata tal-infiq u dwar ir-riżultati ta’ dak l-eżerċizzju;

8.  Jilqa’ l-intenzjoni tal-KESE li jippjana l-ħidma tiegħu b’mod aktar effiċjenti fi ħdan il-proċess leġiżlattiv, mingħajr ma neċessarjament iżid l-għadd ta’ opinjonijiet, u minflok issir enfasi fuq il-kwalità tal-opinjonijiet tiegħu;

9.  Jieħu nota tal-fatt li, kif irrakkomandat mill-Parlament, il-KESE implimenta r-regoli l-ġodda dwar ir-rimborż tal-ispejjeż ta’ vjaġġar tal-membri abbażi tal-ispejjeż reali; ifakkar li s-sistema għandha tkun operattiva bis-sħiħ fil-ħarifa tal-2015 meta jibda l-mandat li jmiss tal-KESE;

10.  Jieħu nota tal-kooperazzjoni bejn il-KESE u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, b'mod partikolari fir-rigward tal-eżerċizzju ta' kwittanza;

11.  Jinnota li l-użu ta' traduzzjoni esterna naqset b'2,9 % fl-2013, apparagun ta' 4,5 % fl-2012; isib, madankollu, li l-produttività tas-servizz intern tat-traduzzjoni naqset ukoll;

12.  Jinnota bi tħassib li l-ispejjeż tat-traduzzjoni jvarjaw ħafna bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jitlob, għaldaqstant, li l-Grupp ta’ Ħidma Interistituzzjonali dwar it-Traduzzjoni jiddetermina l-kawżi ta’ dawn id-differenzi u jipproponi soluzzjonijiet bl-għan li tintemm l-inugwaljanza u jiġu armonizzati l-ispejjeż tat-traduzzjoni, mingħajr ma tkun imfixkla bl-ebda mod il-kwalità u d-diversità lingwistika; jinnota, fid-dawl ta' dan, li l-grupp ta’ ħidma għandu jerġa' jniedi l-kollaborazzjoni interistituzzjonali sabiex jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki u eżiti, u jiddeterminaw dawk l-oqsma fejn il-kooperazzjoni jew il-ftehimiet interistituzzjonali jistgħu jissaħħu; jinnota li l-grupp ta’ ħidma għandu wkoll ikollu l-għan li jistabbilixxi metodoloġija unifikata, komuni għall-istituzzjonijiet kollha, għall-preżentazzjoni tal-ispejjeż tat-traduzzjoni sabiex jiġu ssimplifikati l-analiżi u t-tqabbil tal-ispejjeż; jinnota li l-grupp ta’ ħidma għandu jippreżenta r-riżultati ta’ dan il-ħidma qabel tmiem l-2015; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha biex jieħdu parti attiva fil-proċedimenti tal-Grupp ta’ Ħidma Interistituzzjonali; jinnota l-importanza fundamentali li jiġi ppreservat il-multilingwiżmu fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex ikun żgurat li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jkunu jistgħu jgawdu trattament ugwali u opportunitajiet indaqs;

13.  Jieħu nota tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-KESE, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Parlament, li eventwalment ġie ffirmat fil-5 ta’ Frar 2014 u wassal, l-ewwel nett, għat-trasferiment ta’ numru kbir ta’ persunal tal-kumitat għas-Servizz ta’ Riċerka l-ġdid tal-Parlament Ewropew; jistenna li l-ftehim jevolvi b’mod bilanċjat, ikun ta’ benefiċċju għat-tliet istituzzjonijiet b’mod ugwali, u jikkontribwixxu b’mod pożittiv għar-razzjonalizzazzjoni ulterjuri tar-riżorsi; jistieden lil kull istituzzjoni biex, fi tmiem l-ewwel sena ta’ kollaborazzjoni tagħhom, jagħmlu valutazzjoni individwali tal-impatt li l-ftehim ikun qed ikollu li f’termini kemm ta’ riżorsi umani kif ukoll ta' nefqa, sinerġiji, valur miżjud, u kwalità sostantiva;

14.  Jistieden lill-KESE biex jinkludi ħarsa ġenerali tal-persunal li b'kariga maniġerjali mqassma skont in-nazzjonalità, is-sess u l-kariga fir-rapport annwali tal-attività;

15.  Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta’ nisa li jokkupaw karigi għolja mal-KESE (61 % – 39 %); jitlob it-tħaddim ta' pjan favur opportunitajiet indaqs, b’mod partikolari fir-rigward ta’ karigi maniġerjali, bl-għan li dan l-iżbilanċ jiġi kkoreġut mill-aktar fis possibbli;

16.  Jirrakkomanda li l-KESE jkompli jiżviluppa analiżi regolari tal-iffrankar baġitarju li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ kooperazzjoni amministrattiva l-ġdid mal-Kumitat tar-Reġjuni; jitlob informazzjoni dettaljata dwar ir-riżultati ta’ din il-kooperazzjoni;

17.  Jinnota li r-rieżami ta' nofs it-terminu li jmiss tal-ftehim ta' kooperazzjoni se jkun il-mument xieraq biex jiġi evalwat il-ftehim u jiġi kkoreġut kwalunkwe nuqqas identifikat;

18.  Jitlob informazzjoni dettaljata dwar ir-riżultati tar-rieżami ta’ nofs it-terminu u jistenna li din l-evalwazzjoni se tinkludi wkoll valutazzjoni konġunta tal-iffrankar baġitarju li jirriżulta mill-kooperazzjoni;

19.  Jieħu nota tal-użu limitat persistenti tal-għodda tal-vidjowkonferenzi; jirrikonoxxi li qed jidħlu fis-seħħ miżuri biex dan l-użu jiġi estiż; jitlob li jiġi informat dwar il-progress miksub f’din il-kwistjoni;

20.  Iqis b'mod pożittiv it-tnaqqis, minn 7,6 % fl-2012 għal 5,1 % fl-2103, tar-rata mhux użata ta' servizzi ta' interpretazzjoni mitluba; jenfasizza, madankollu, li din ir-rata għadha għolja u jitlob tnaqqis ulterjuri tal-ispejjeż ta' interpretazzjoni;

21.  Iqis li fi żmien ta’ kriżi u tnaqqis fil-baġit b’mod ġenerali, l-ispejjeż tal-“Away Days” tal-persunal fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jitnaqqsu u li dawn l-avvenimenti, fejn ikun possibbli, għandhom isiru fil-bini proprju tal-istituzzjonijiet, peress li l-valur miżjud li jirriżulta ma jiġġustifikax tali infiq għoli;

22.  Jinsab imħasseb li bosta avvenimenti ewlenin skedati li jseħħu matul is-sena 2013 ġew ikkanċellati jew posposti; jitlob lill-KESE biex jippjana u jirrazzjonalizza aħjar l-organizzazzjoni tal-avvenimenti interni;

23.  Jieħu nota tal-informazzjoni pprovduta dwar il-kuntratt ta’ assigurazzjoni l-ġdid li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2012, li jkopri d-delegati tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali;

24.  Jiddeplora s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku Ewropew ippubblikata fit-22 ta' Mejju 2014 li tikkundanna lill-KESE għal ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fit-tkeċċija ta' wieħed mill-membri tal-persunal tagħha fl-2013; jiddeplora wkoll is-sentenza mogħtija fit-8 ta’ Ottubru 2014 fil-kawża T-530/12 P, M. B. G. vs KESE, li fiha l-Qorti Ġenerali kkonstatat kontra l-KESE b’rabta mar-rappurtar ta’ irregolaritajiet li jikkonċernaw l-ex Segretarju Ġenerali mill-kap tas-Servizz Legali tal-KESE; jistieden lill-KESE u lis-Segretarju Ġenerali l-ġdid tiegħu biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jevitaw ksur serju ulterjuri tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jinformaw lill-Bureau tal-KESE, lill-membri, u lill-istaff kollu dwar il-kontenut taż-żewġ sentenzi, u biex jiġbdu l-attenzjoni tagħhom għall-fatt li uffiċjali oħra u persunal ieħor koperti mir-Regolamenti tal-Persunal għandhom l-obbligu li jirrappurtaw l-irregolaritajiet u li l-Bureau tal-KESE huwa korp adatt biex jirċievi tali rapporti; jitlob ukoll li jkun infurmat dwar l-ammont totali ta’ spejjeż legali mġarrba f’dawn l-aħħar ħames snin f’każijiet tal-persunal li finalment ġew indirizzati fil-qrati jew mill-Ombudsman;

25.  Jinsab imħasseb dwar id-dewmien fl-adozzjoni tar-regoli interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta; jistieden lill-KESE biex jimplimentahom mingħajr aktar dewmien;

26.  Jinnota li s-servizz tal-awditjar intern huwa magħmul minn persunal ta’ tlieta min-nies; jinnota li l-liv minħabba mard fit-tul naqqas b’mod sinifikanti l-forza tax-xogħol li kienet disponibbli fl-2013; jistieden lill-KESE biex isaħħaħ is-servizz ta’ awditjar intern u jespandi l-ambitu tal-investigazzjonijiet tal-awditjar;

27.  Jistieden lill-KESE biex fir-rapporti annwali tal-attività tiegħu jinkludi, b’konformità mar-regoli eżistenti dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data, ir-riżultati u l-konsegwenzi tal-każijiet magħluqa tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, fejn l-istituzzjoni jew xi ħadd mill-individwi li jaħdmu għaliha kienu s-suġġett tal-investigazzjoni;

28.  Jeżiġi li l-politika dwar il-bini tal-KESE tinhemeż mar-rapport annwali tal-attività tiegħu, speċjalment peress li hu importanti li l-ispejjeż ta' tali politika jiġu razzjonalizzati kif jixraq u li dawn ma jkunux eċċessivi;

29.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-viżibbiltà tal-KESE permezz tat-tisħiħ ta' politika ta’ informazzjoni u komunikazzjoni adegwata.

Avviż legali - Politika tal-privatezza