Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2083(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0105/2015

Testi mressqa :

A8-0105/2015

Dibattiti :

PV 28/04/2015 - 16
CRE 28/04/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0127

Testi adottati
PDF 352kWORD 86k
L-Erbgħa, 29 ta' April 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2013: Baġit ġenerali tal-UE - Il-Kumitat tar-Reġjuni
P8_TA(2015)0127A8-0105/2015
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni (2014/2083(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 (COM(2014)0510) – C8–0152/2014)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0105/2015),

1.  Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kumitat tar-Reġjuni għas-sena finanzjarja 2013;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 66, 8.3.2013.
(2) ĠU C 403, 13.11.2014, p. 1.
(3) ĠU C 398, 12.11.2014, p. 1.
(4) ĠU C 403, 13.11.2014, p. 128.
(5) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(6) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.


2.Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni (2014/2083(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tas-26 ta’ Frar 2015 dwar inkjesta fuq inizjattiva proprja tagħha OI/1/2014/PMC dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta,

–  wara li kkunsidra r-regoli l-ġodda dwar il-protezzjoni tal-informaturi,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea datata 7 ta' Mejju 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0105/2015),

1.  Jinnota b'sodisfazzjon li, fir-Rapport Annwali tagħha 2013, il-Qorti tal-Awdituri osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati relatati mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Kumitat tar-Reġjuni ("il-Kumitat");

2.  Jilqa' l-fatt li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013 għan-nefqa amministrattiva u ta' tip ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi kienu ħielsa minn żbalji materjali;

3.  Jinnota li fl-2013, il-Kumitat kellu baġit approvat ta' EUR 87 373 000 (EUR 86 503 000 fl-2012), li minnhom EUR 84 800 000 kienu approprjazzjonijiet ta' impenn, b'rata ta' użu ta' 97 %; jiddispjaċih dwar it-tnaqqis fir-rata ta' użu fl-2013 meta mqabbla mat-98,2 % fl-2012;

4.  Jisħaq, madankollu, fuq il-fatt li l-baġit tal-Kumitat huwa wieħed purament amministrattiv u li ammont kbir minnu huwa użat għan-nefqa fuq persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni u l-bqija għal bini, għamara, tagħmir u spejjeż operattivi mixxellanji; jieħu nota tal-ispjegazzjoni tal-Kumitat għat-tnaqqis fir-rata ta' użu;

5.  Jindika li r-raġunijiet li wasslu għas-sentenza mhux mistennija dwar l-aġġustament tas-salarju m'għadhomx japplikaw wara l-ftehim li ntlaħaq dwar ir-Regolament il-ġdid tal-Persunal fl-2014;

6.  Jilqa' r-Rapport Annwali dwar is-Sussidjarjetà 2013 li jagħti ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet tal-Kumitat marbutin mal-monitoraġġ tas-sussidjarjetà matul is-sena; iqis ir-rapport bħala għodda siewja għall-ħidma leġiżlattiva tal-Parlament; jitlob li t-tnedija ta' tali rapporti tkun irreklamata b'mod xieraq u li r-rapporti jiġu ċċirkolati lill-koleġiżlaturi;

7.  Jieħu nota tal-ħolqien ta' grupp politiku ġdid (KRE) fil-Kumitat u tal-impatt finanzjarju limitat tal-ħolqien tiegħu fl-2013; jilqa' l-informazzjoni pprovduta fir-rapport ta' attività annwali dwar l-attivitajiet politiċi tal-Kumitat u jitlob li jkompli jiġi aġġornat dwar il-proġetti u li jkompli jiġi infurmat dwar il-konsegwenzi baġitarji tal-miżuri meħuda;

8.  Jieħu nota tal-kooperazzjoni bejn il-Kumitat u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, b'mod partikolari fir-rigward tal-eżerċizzju ta' kwittanza;

9.  Jinnota b'sodisfazzjon li r-rakkomandazzjonijiet u r-rekwiżiti fformulati mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament jiġu rreġistrati mis-servizz tal-baġit tal-Kumitat f'bażi ta' data ċentrali u li jsir monitoraġġ regolari tal-progress tal-implimentazzjoni; jilqa' l-fatt li kumitat, li jikkonsisti minn ħames membri u espert estern, twaqqaf għall-finijiet ta' awditjar intern u li r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri u tal-Parlament s'issa qegħdin jitqiesu;

10.  Jilqa' s-sistema l-ġdida ta' bbaġitjar ibbażata fuq l-attività li l-Kumitat beda jħaddem billi hija iktar adatta għall-karatteristiċi speċifiċi ta' istituzzjonijiet iżgħar u għaldaqstant tista' tagħti stampa aktar kompleta tal-kosti u l-attivitajiet projettati; jistieden lill-Kumitat jivvaluta l-vantaġġi li jkun aċċerta meta jimplimenta s-sistema l-ġdida;

11.  Jieħu nota tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), il-Kumitat u l-Parlament, li eventwalment ġie ffirmat fil-5 ta’ Frar 2014 u wassal għat-trasferiment ta’ numru kbir ta’ persunal tal-Kumitat għas-Servizz Ewropew ta’ Riċerka Parlamentari (SERP) il-ġdid; jistenna li l-ftehim jevolvi b’mod bilanċjat, ikun ta’ benefiċċju għat-tliet istituzzjonijiet b’mod ugwali, u jikkontribwixxu b’mod pożittiv għar-razzjonalizzazzjoni ulterjuri tar-riżorsi; jistieden lil kull istituzzjoni biex, fi tmiem l-ewwel sena tal-kollaborazzjoni, jagħmlu valutazzjoni individwali tal-impatt li l-ftehim ikun qed ikollu li f’termini ta’ riżorsi umani, nefqa, sinerġiji, valur miżjud u sustanza;

12.  Jinnota li d-domanda għat-traduzzjoni naqset bi 19,1 % meta mqabbla ma' dik tal-2012; jinnota, madankollu, li l-produttività tas-servizz intern tat-traduzzjoni naqset ukoll;

13.  Jieħu nota tal-intenzjoni tal-Kumitat li jirrazzjonalizza t-talbiet għat-traduzzjoni u li jistandardizza ċerti tipi ta' dokumenti; jappoġġa din l-inizjattiva u jitlob li jiġi infurmat bis-sħiħ dwar l-implimentazzjoni tagħha; jinnota bi preokkupazzjoni li wħud mill-membri tal-persunal tat-traduzzjoni interna tal-Kumitat ġew trasferiti għas-Servizz Ewropew ta' Riċerka Parlamentari (SERP) il-ġdid, wara l-Ftehim ta' Kooperazzjoni; jistieden lill-Kumitat iwettaq studju speċifiku li janalizza l-impatt ta' dan it-tnaqqis fuq il-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi tat-traduzzjoni tiegħu;

14.  Jinnota li ntlaħaq ftehim ma' istituzzjonijiet oħra dwar metodoloġija komuni biex jiġu kkalkulati u mqabbla l-kosti tat-traduzzjoni u indikaturi oħra; jistieden lill-Kumitat jinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni tal-metodoloġija komuni li ntlaħaq ftehim dwarha;

15.  Iqis li fi żmien ta’ kriżi u tnaqqis fil-baġit b’mod ġenerali, il-kost tal-'away days' tal-persunal fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandu jitnaqqas u li dawn l-avvenimenti, fejn ikun possibbli, għandhom isiru fil-binjiet proprji tal-istituzzjonijiet, peress li l-valur miżjud li jirriżulta ma jiġġustifikax infiq daqstant għoli;

16.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Kumitat inkluda informazzjoni dwar is-servizzi ta' interpretazzjoni mhux użati fir-rapport ta' attività annwali 2013; iqis b'mod pożittiv li r-rata mhux użata tas-servizzi ta' interpretazzjoni naqset minn 3,23 % fl-2012 għal 2,51 % fl-2013; jemmen li din ir-rata xorta tista' tittejjeb u jistieden lill-Kumitat jippjana l-laqgħat tiegħu aħjar;

17.  Jieħu nota tal-fatt li l-għodda tal-vidjokonferenzi għadha qed tintuża b'mod limitat; jirrikonoxxi li qed jidħlu miżuri fis-seħħ biex jestendu l-użu tagħhom; jitlob li jiġi infurmat dwar il-progress miksub f'din il-kwistjoni;

18.  Jirrakkomanda li l-Kumitat ikompli jiżviluppa l-analiżi regolari tal-iffrankar baġitarju li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-ftehim il-ġdid ta’ kooperazzjoni amministrattiva mal-KESE; jitlob informazzjoni dettaljata dwar ir-riżultati ta’ din il-kooperazzjoni;

19.  Jinnota li r-rieżami ta' nofs it-terminu li jmiss ta' dak il-ftehim ta' kooperazzjoni l-ġdid se jkun il-mument xieraq biex jiġi evalwat il-ftehim u jiġi kkoreġut kwalunkwe nuqqas identifikat;

20.  Jitlob informazzjoni dettaljata dwar ir-riżultati tar-rieżami ta’ nofs it-terminu u jistenna li din l-evalwazzjoni tinkludi wkoll valutazzjoni konġunta tal-iffrankar baġitarju li jirriżulta mill-ftehim ta' kooperazzjoni;

21.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-viżibbiltà tal-Kumitat permezz tat-tisħiħ ta' politika ta’ informazzjoni u komunikazzjoni adegwata;

22.  Jesprimi preokkupazzjoni dwar in-nuqqas ta’ nisa li jokkupaw karigi għolja mal-Kumitat (67 % – 33 %); jitlob li jitħaddem pjan favur opportunitajiet indaqs, b’mod partikolari fir-rigward ta’ karigi maniġerjali, bl-għan li dan l-iżbilanċ jiġi kkoreġut mill-aktar fis possibbli;

23.  Jistieden lill-Kumitat biex fir-rapporti annwali tal-attività tiegħu jinkludi, b’konformità mar-regoli eżistenti dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data, ir-riżultati u l-konsegwenzi tal-każijiet magħluqa tal-OLAF, fejn l-istituzzjoni jew xi ħadd mill-individwi li jaħdmu għaliha kienu s-suġġett tal-investigazzjoni;

24.  Jeżiġi li l-politika dwar il-bini tal-Kumitat tinhemeż mar-rapport annwali tal-attività tiegħu, speċjalment peress li hu importanti li l-kosti ta' tali politika jiġu razzjonalizzati kif jixraq u li dawn ma jkunux eċċessivi;

25.  Jifraħ lill-Kumitat għall-kwalità konsistenti tar-rapport ta' attività annwali u jifraħlu talli pprovda rapport ta' impatt annwali komprensiv, li huwa għodda importanti għall-valutazzjoni tal-ħidma tiegħu; jinnota b'sodisfazzjon li fir-rapport ta' attività annwali ġiet ipprovduta tabella eżawrjenti tar-riżorsi umani kollha li jinsabu għad-dispożizzjoni tal-Kumitat;

26.  Jindika li l-membri tal-Kumitat huma rappreżentanti lokali u reġjonali lleġittimati demokratikament li jwettqu attivitajiet politiċi; jemmen li, għaldaqstant, għandhom ikunu soġġetti għall-istess regoli bħal politiċi nazzjonali jew Ewropej oħra f'dak li jirrigwarda l-aċċess tagħhom għall-Kummissjoni u s-servizzi tagħha;

27.  Huwa preokkupat dwar id-dewmien fl-adozzjoni tar-regoli interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta; jistieden lill-Kumitat jimplimenta dawn ir-regoli mingħajr aktar dewmien;

28.  Ifakkar li l-Kumitat ilu jittratta l-istess każ ta' żvelar ta' informazzjoni protetta sa mill-2003; jenfasizza l-kost konsiderevoli għall-kontribwenti tal-Unjoni u l-ħsara li saret lill-informatur; jitlob b'insistenza li l-Kumitat tar-Reġjuni jikkonforma minnufih mal-konklużjonijiet tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-7 ta' Mejju 2013 u jirrikonoxxi l-azzjoni tar-rikorrent bħala leġittima u finalment jagħlaq dan il-każ;

29.  Jenfasizza li l-Parlament mhu se jittollera ebda trattament ħażin ta' informaturi kemm dawk li jkunu jaħdmu miegħu kif ukoll dawk li jaħdmu f'xi istituzzjoni oħra tal-Unjoni u jtenni l-impenn totali tiegħu favur l-ispirtu u l-ittra tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-informaturi.

Avviż legali - Politika tal-privatezza