Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2123(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0117/2015

Testi mressqa :

A8-0117/2015

Dibattiti :

PV 28/04/2015 - 16
CRE 28/04/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.22
CRE 29/04/2015 - 10.22
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0131

Testi adottati
PDF 437kWORD 96k
L-Erbgħa, 29 ta' April 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2013: L-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER)
P8_TA(2015)0131A8-0117/2015
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2123(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-sbatax ta' Frar 2015 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013 (05304/2015 – C8–0054/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0117/2015),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2013;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 442, 10.12.2014, p. 18.
(2) ĠU C 442, 10.12.2014, p. 18.
(3) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(4) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(5) ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1.
(6) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(7) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2123(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013 (05304/2015 – C8–0054/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7),, u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0117/2015),

1.  Jikkonstata li l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija huma kif annessi mar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2013;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 442, 10.12.2014, p. 18.
(2) ĠU C 442, 10.12.2014, p. 18.
(3) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(4) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(5) ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1.
(6) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(7) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3.Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2123(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0117/2015),

A.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tiegħu, il-baġit finali tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija ("l-Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2013 kien jammonta għal EUR 11 930 220, li jirrappreżenta żieda ta' 64,74 % meta mqabbel mal-baġit għall-2012, u dan minħabba l-fatt li l-Aġenzija ġiet stabbilita reċentement u bħala riżultat tal-implimentazzjoni tar-Regolament REMIT(1); billi l-baġit kollu tal-Aġenzija ġej mill-baġit tal-Unjoni,

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2013 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari,

Segwitu għall-kwittanza 2012

1.  Jikkonstata mir-rapport tal-Qorti li fir-rigward taż-żewġ kummenti li saru fir-rapport tal-Qorti tal-2011 u mmarkati bħala "Għadha għaddejja" fir-rapport tal-Qorti tal-2012, ittieħdu azzjonijiet korrettivi u ż-żewġ rakkomandazzjonijiet huma issa mmarkati fir-rapport tal-Qorti bħala "Ikkompletati"; jikkonstata, barra minn hekk, li fir-rigward tal-ħames kummenti li saru fir-rapport tal-Qorti tal-2012, ittieħdu azzjonijiet korrettivi u tliet kummenti issa huma mmarkati bħala ''Ikkompletata'' u tnejn bħala "Għadha għaddejja";

2.  Jirrikonoxxi mill-Aġenzija li ġew formalizzati miżuri fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet dwar il-proċeduri ta’ reklutaġġ tal-Aġenzija bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni tad-Direttur tagħha 2014-06 tal-4 ta’ April 2014; jikkonstata li din id-deċiżjoni ġiet ippreżentata quddiem il-Qorti u jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-opinjoni tal-Qorti hekk kif din issir disponibbli;

3.  Jirrikonoxxi li l-Aġenzija implimentat sensiela ta’ miżuri sabiex itejbu l-proċessi tal-ippjanar tal-baġit bl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' sett ta' linji gwida li għandhom jiġu segwiti mill-atturi involuti fil-proċess tal-ippjanar baġitarju, kif ukoll twettaq eżerċizzji regolari ta' previżjoni u rieżami tal-konsum tal-approprjazzjonijiet, inkluż monitoraġġ kull xahar u rappurtar dwar l-implimentazzjoni tal-baġit;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

4.  Jikkonstata bi tħassib mir-Rapport 2013 ta' Attività Annwali tal-Aġenzija li ma ntlaħaq l-ebda ftehim għal kwalunkwe kontribuzzjoni lejn l-Aġenzija mill-Istati tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles;

5.  Jikkonstata li l-isforzi għall-monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2013 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni baġitarja ta’ 97,53 %, li tirrappreżenta żieda ta' 4 % meta mqabbla mal-2012, u li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament ta' 55,00 % kienet baxxa, taħt il-mira tal-Aġenzija ta’ 70 % skont ir-rapport ta' attività annwali, l-aktar minħabba l-wasla tard ta' EUR 2 989 000 permezz ta’ baġit emendat approvat fil-31 ta’ Ottubru 2013;

6.  Jikkonstata bi tħassib li l-Aġenzija kellha EUR 5 500 000 f'kontanti fi tmiem is-sena; jistieden lill-Aġenzija biex tiżgura mmaniġġjar tat-teżor rigoruż fil-futur;

Impenji u riporti

7.  Jieħu nota li total ta’ EUR 1 900 000 mill-approprjazzjonijiet impenjati tat-Titolu II ġie riportat għall-2014, primarjament bħala riżultat tal-implimentazzjoni tar-Regolament REMIT; jikkonstata li skont l-opinjoni tal-Qorti, din hija attività operattiva u pluriennali li kellha tiġi bbaġitjata taħt it-Titolu III; jikkonstata, barra minn hekk, li dan in-nuqqas ġie rettifikat f’approprjazzjonijiet impenjati sussegwenti;

8.  Jikkonstata, barra minn hekk, li r-riporti għall-approprjazzjonijiet tat-Titolu III ammontaw għal EUR 3 100 000, li jirrappreżentaw 91 % tat-total tal-approprjazzjonijiet tat-Titolu III; jirrikonoxxi l-fatt li dawn ir-riporti huma relatati mar-Regolament REMIT u li rata eċċezzjonalment għolja tagħhom hija prinċipalment dovuta għal EUR 2 989 000 riċevuti permezz ta’ baġit emendat approvat fil-31 ta’ Ottubru 2013;

9.  Jirrikonoxxi mill-Aġenzija li ġiet implimentata sensiela ta’ miżuri sabiex itejbu l-proċessi tal-ippjanar tal-baġit; jappella lill-Aġenzija biex tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress u r-riżultati ta’ dawk il-miżuri;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

10.  Jirrikonoxxi mill-Aġenzija li l-politika tagħha dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interessi ġiet riveduta abbażi tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Ġestjoni tal-Kunflitti ta’ Interess fl-Aġenziji Deċentralizzati tal-UE; jieħu nota li bħala riżultat ta’ dak ir-rieżami, l-Aġenzija abbozzat politika ġdida li ġiet soġġetta għall-proċess ta’ konsultazzjoni interna tal-Aġenzija u għandha tiġi adottata mill-Bord tal-Amministrazzjoni tagħha; jappella lill-Aġenzija biex tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni ladarba jkunu disponibbli;

11.  Jirrikonoxxi, barra minn hekk, li s-CVs u d-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-membri tal-Bord ta' Regolaturi, id-Direttur, l-uffiċjali ta’ livell maniġerjali għoli u l-esperti li jieħdu sehem fil-gruppi ta' esperti tal-Aġenzija, kif ukoll is-CVs tal-Membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni u tal-Bord tal-Appell, tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq is-sit tal-internet tal-Aġenzija; josserva li d-dikjarazzjonijiet ta' interessi tad-Direttur u tal-membri tal-Bord ta' Appell huma pubbliċi;

Proċeduri ta' akkwist u ta' reklutaġġ

12.  Jirrikonoxxi li l-Aġenzija implimentat miżuri ġodda wara l-adozzjoni tal-Linji Gwida dwar il-proċeduri ta' reklutaġġ u l-ħidma tal-Kumitati tal-Għażla għas-selezzjoni ta' Persunal Temporanju u Aġenti Kuntrattwali;

13.  Jikkonstata li l-mistoqsijiet għall-intervisti u t-testijiet huma mħejjija qabel l-eżami tal-applikazzjonijiet; jikkonstata, barra minn hekk, li l-kriterji għall-ammissjoni għat-testijiet bil-miktub u l-intervisti u għal fuq il-lista mqassra huma speċifikati f'aktar dettall;

Awditjar intern

14.  Jirrikonoxxi li s-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq awditu dwar l-Aġenzija skont il-Pjan Strateġiku ta' Awditjar tagħha għall-Aġenzija għall-2013-2015;

15.  Jieħu nota li, waqt l-analiżi tar-riskji, l-IAS identifika total ta' tmien proċessi b'riskju inerenti għoli li ma setgħux jitqiesu bħala awditjabbli fl-ambitu tal-pjan ta' awditjar, peress li l-kontrolli ġew ivvalutati bħala assenti jew insuffiċjenti; jirrikonoxxi li l-Aġenzija ppreżentat pjan ta’ azzjoni lill-IAS sabiex jittaffu n-nuqqasijiet identifikati;

16.  Jirrikonoxxi barra minn hekk li l-IAS għamel ir-rakkomandazzjonijiet “Importanti Ħafna” li ġejjin:

   titjieb l-istruttura, jissaħħaħ il-kontenut u tkun żgurata l-kompletezza tal-programm ta’ ħidma annwali,
   jissaħħaħ il-monitoraġġ ta’ attivitajiet ta’ akkwist,
   jissaħħaħ il-monitoraġġ operattiv u dak tal-implimentazzjoni tal-baġit;

17.  Jiżgura li, b’reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-IAS, l-Aġenzija ħejjiet pjan ta’ azzjoni sabiex jiġu solvuti n-nuqqasijiet; jikkonstata li l-IAS ikkunsidra li l-pjan ta’ azzjoni jindirizza b’mod adegwat ir-riskji identifikati;

18.  Jikkonstata li l-IAS wettaq rieżami dokumentarju tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu; jieħu nota li mill-31 ta’ Diċembru 2013, ma kienet miftuħa l-ebda rakkomandazzjoni kritika u li l-proċess ta’ implimentazzjoni ta’ tliet rakkomandazzjonijiet importanti ħafna kien għaddej skont kif previst;

o
o   o

19.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015(2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1).
(2) Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2015)0130.

Avviż legali - Politika tal-privatezza