Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2115(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0100/2015

Testi mressqa :

A8-0100/2015

Dibattiti :

PV 28/04/2015 - 16
CRE 28/04/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.33
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0142

Testi adottati
PDF 437kWORD 93k
L-Erbgħa, 29 ta' April 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2013: L-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA)
P8_TA(2015)0142A8-0100/2015
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2115(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013 (05304/2015 – C8–0054/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 tas-26 ta' April 2005 li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-Politika Komuni tas-Sajd(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 36 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0100/2015),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2013;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 442, 10.12.2014, p. 152.
(2) ĠU C 442, 10.12.2014, p. 152.
(3) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(4) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(5) ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1.
(6) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(7) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2115(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013 (05304/2015 – C8–0054/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 tas-26 ta' April 2005 li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-Politika Komuni tas-Sajd(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 36 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0100/2015),

1.  Jinnota li l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd huma kif annessi mar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2013;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 442, 10.12.2014, p. 152.
(2) ĠU C 442, 10.12.2014, p. 152.
(3) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(4) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(5) ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1.
(6) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(7) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3.Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2115(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0100/2015),

A.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (''l-Aġenzija'') għas-sena finanzjarja 2013 kien jammonta għal EUR 9 216 900; billi l-baġit kollu tal-Aġenzija ġej mill-baġit tal-Unjoni;

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri, fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2013 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Segwitu għall-kwittanza 2012

1.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti fir-rigward ta'kumment wieħed li sar fir-rapport tal-Qorti tal-2011 u mmarkat bħala "Għadha għaddejja" fir-rapport tal-Qorti tal-2012, ittieħdu azzjonijiet korrettivi u dak il-kumment issa huwa mmarkat fir-rapport tal-Qorti tal-2013 bħala "Ikkompletata"; jinnota, barra minn hekk, li għaż-żewġ kummenti li saru fir-rapport tal-Qorti tal-2012, ittieħdu azzjonijiet korrettivi wkoll u kumment wieħed issa huwa mmarkat bħala ''Ikkompletata'' u l-ieħor bħala ''Mhux applikabbli'';

2.  Jirrikonoxxi mill-Aġenzija li din stabbiliet proċedura għall-previżjoni ta' utilizzazzjonijiet bil-quddiem bil-għan li tnaqqas il-livell tar-riporti; jistieden lill-Aġenzija tkompli tfittex modi li bihom tnaqqas il-livell ta' riporti u tevita kwalunkwe riport mhux ippjanat;

3.  Jirrikonoxxi mill-Aġenzija li informazzjoni dwar l-impatt tal-attivitajiet tagħha fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni qed tingħata fuq il-websajt tagħha, l-aktar permezz tal-pubblikazzjoni annwali ta' dokumenti strateġiċi, pereżempju r-rapport ta' attività annwali tagħha jew ir-riżultati tal-kampanji ta' kontroll u ta' spezzjoni; jinnota li attwalment l-Aġenzija qed tiżviluppa websajt ġdida sabiex iżżid il-viżibilità u t-trasparenza;

4.  Jirrikonoxxi mill-Aġenzija li din qed tkompli tivvaluta possibilitajiet ġodda sabiex tiżviluppa sinerġiji ma' aġenziji oħra, bħal pereżempju l-ftehim fil-livell ta' servizz għall-kondiviżjoni tal-kapaċità ta' awditjar intern, il-koordinazzjoni tal-korsijiet ta' taħriġ u kontrolli ex post li jsiru ma' aġenziji oħra li jinsabu fi Spanja u l-Portugall; jinnota barra minn hekk li l-Aġenzija bħalissa qed tassisti l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) b'konnessjoni addizzjonali ma' ''S-TESTA'', u qed taħseb sabiex il-websajt esterna tagħha tkun fuq is-sit sekondarju tal-IT tal-EMSA; jieħu nota tal-kollaborazzjoni li hemm bejn l-Aġenzija u l-EMSA dwar il-proġett konġunt tas-servizz ta' monitoraġġ kontra l-piraterija (MARSURV-1);

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

5.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2013 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 98,64 % u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 83,85 %; jirrikonoxxi mir-rapport tal-Qorti li l-livell ġeneralment għoli ta' approprjazzjonijiet ta' impenn juri li l-impenji qegħdin isiru f'waqthom;

Impenji u riporti

6.  Jinnota bi tħassib li l-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati għall-2014 kien wieħed għoli għat-Titolu II (nefqa amministrattiva), li kien ta' 38 %, u għat-Titolu III (nefqa operattiva), li kien ta' 43 %; jinnota mit-tweġiba tal-Aġenzija li r-riporti tat-Titolu II min-naħa kienu minħabba l-ammont u l-waqt tal-pagamenti possibbli għall-aġġustamenti retroattivi tas-salarji għall-2011 u l-2013, u li dan ġie ċċarat f'Novembru 2013; jirrikonoxxi mir-rapport tal-Qorti li r-riporti għat-Titolu III fil-maġġorparti kienu minħabba l-għadd kbir ta' proġetti tal-IT li jew tnedew jew kienu għadhom għaddejjin matul l-2013;

Proċeduri ta' akkwist u ta' reklutaġġ

7.  Jirrikonoxxi mill-Aġenzija li l-Bord Amministrattiv tagħha adotta Pjan ta' Politika Pluriennali għall-Persunal għall-2015-2017 f'Marzu 2014, u dan f'konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni; josserva li fil-31 ta' Diċembru 2013, l-Aġenzija kellha 68 kariga awtorizzata fl-organigramma tagħha, li jikkonsistu minn aġenti temporanji, aġenti kuntrattwali u esperti nazzjonali ssekondati, u li minnhom kien hemm 65 kariga okkupata;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

8.  Jirrikonoxxi mill-Aġenzija li l-politika komprensiva tagħha dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess ġiet adottata mill-Bord Amministrattiv f'Ottubru 2014 u tinsab disponibbli għall-pubbliku fuq il-websajt tagħha; jistieden lill-Aġenzija tinforma l-awtorità ta' kwittanza dwar l-eżitu konkret ta' dik il-politika u biex tipprovdi rekord tal-każijiet sa tmiem Ġunju 2015;

9.  Jinnota li dik il-politika timponi l-obbligu li jkunu ppubblikati biss id-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-membri tal-Bord Amministrattiv, id-Direttur Eżekuttiv u l-Kapijiet tal-Unità, iżda mhux tas-CVs tagħhom li jiġu ppubblikati fuq bażi volontarja; jinnota mill-Aġenzija li l-obbligu ma japplikax għall-membri tal-Bord Konsultattiv tagħha, li l-indipendenza tagħhom għandha tiġi wkoll assigurata; jitlob lill-Aġenzija tirrevedi dik il-politika u tippubblika s-CVs tad-Direttur Eżekuttiv, tal-Kapijiet tal-Unità u tal-membri tal-Bord Amministrattiv fuq bażi obbligatorja; jitlob lill-Aġenzija tippubblika wkoll is-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri tal-Bord Konsultattiv sabiex ikun hemm iżjed trasparenza;

Awditjar intern

10.  Jinnota li s-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq awditjar bil-għan li jevalwa l-adegwatezza tal-mod li bih hija mfassla s-sistema ta' kontroll intern (ICS) u l-applikazzjoni effikaċi tagħha fir-rigward tal-Ippjanar Strateġiku ta' Mobilitazzjonijiet Konġunti, kif implimentata mill-Aġenzija; jirrikonoxxi li l-IAS sab li l-ICS fis-seħħ qed tipprovdi livell raġonevoli ta' assigurazzjoni fir-rigward tal-ilħuq tal-objettivi tan-negozju għall-Ippjanar Strateġiku ta' Mobilitazzjonijiet Konġunti;

11.  Jirrikonoxxi li l-IAS segwa l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu lill-Aġenzija permezz ta' rieżami dokumentarju, u li fil-31 ta' Diċembru 2013 la kien hemm rakkomandazzjonijiet kritiċi u lanqas importanti ħafna li għadhom pendenti;

Kummenti oħra

12.  Jagħraf il-kwalità u l-importanza tal-kompiti mwettqa mill-Aġenzija u jilqa' l-effikaċja tagħha, il-konsistenza tagħha u r-riżultati eċċellenti li kisbet sa minn meta twaqqfet;

13.  Jenfasizza l-importanza tar-rwol tal-Aġenzija fl-implimentazzjoni tal-politika komuni tas-sajd (PKS) u fil-kisba tal-objettivi tagħha, partikolarment fid-dawl tal-obbligu tal-ħatt u l-ħtiġijiet f'termini ta' monitoraġġ, kontroll u sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd;

14.  Jistieden lill-Aġenzija tiżgura li l-attivitajiet ta' kontroll ikunu kkoordinati u strutturati kif xieraq fl-Istati Membri kollha;

o
o   o

15.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015(1) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(2015)0130.

Avviż legali - Politika tal-privatezza