Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2125(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0077/2015

Testi mressqa :

A8-0077/2015

Dibattiti :

PV 28/04/2015 - 16
CRE 28/04/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.37
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0146

Testi adottati
PDF 446kWORD 102k
L-Erbgħa, 29 ta' April 2015 - Strasburgu
Kwittanza 2013: L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT)
P8_TA(2015)0146A8-0077/2015
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2125(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-Istitut(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Istitut għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013 (05304/2015 – C8-0054/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2008 li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 21 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0077/2015),

1.  Jipposponi d-deċiżjoni tiegħu li jagħti l-kwittanza lid-Direttur tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut għas-sena finanzjarja 2013;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 442, 10.12.2014, p. 184.
(2) ĠU C 442, 10.12.2014, p. 184.
(3) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(4) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(5) ĠU L 97, 9.4.2008, p. 1.
(6) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(7) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2125(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-Istitut(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Istitut għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013 (05304/2015 – C8-0054/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2008 li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 21 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0077/2015),

1.  Jinnota li l-kontijiet annwali finali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija huma kif annessi mar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Jipposponi l-għeluq tal-kontijiet tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2013;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 442, 10.12.2014, p. 184.
(2) ĠU C 442, 10.12.2014, p. 184.
(3) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(4) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(5) ĠU L 97, 9.4.2008, p. 1.
(6) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(7) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3.Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2125(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0077/2015),

A.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tiegħu, il-baġit finali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija ("l-Istitut") għas-sena finanzjarja 2013 kien jammonta għal EUR 142 197 740 għal approprjazzjonijiet ta' impenn, li jirrappreżenta żieda ta' 47,05 % meta mqabbel mal-2012, u EUR 98 760 073 għal approprjazzjonijiet ta' pagament;

B.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-kontribuzzjoni ġenerali tal-Unjoni għall-baġit tal-Istitut għall-2013 ammontat għal EUR 93 462 181, li tirrappreżenta żieda ta' 36,05 % meta mqabbla ma' dik għall-2012;

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri, fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2013 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Istitut huma affidabbli, iżda ma setgħetx tikseb biżżejjed evidenza xierqa għall-awditjar dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi;

Segwitu għall-kwittanza 2012

1.  Jikkonstata mir-rapport tal-Qorti li fir-rigward ta' kumment li sar fir-rapport tal-Qorti tal-2011 u mmarkat bħala "Għadha għaddejja”fir-rapport tal-Qorti tal-2012, ittieħdu azzjonijiet korrettivi u il-kumment huwa issa mmarkat fir-rapport tal-Qorti tal-2013 bħala "Ikkompletata"; jikkonstata, barra minn hekk, li għaż-żewġ kummenti li saru fir-rapport tal-Qorti tal-2012, ittieħdet azzjoni korrettiva u kumment wieħed issa huwa mmarkat bħala ''Ikkompletata'', filwaqt li l-ieħor huwa mmarkat bħala "Għadha għaddejja";

2.  Jirrikonoxxi mill-Istitut li:

   huwa ta struzzjonijiet imtejba lill-awdituri li jiċċertifikaw u f'Ġunju 2013 ikkomunika struzzjonijiet aġġornati għall-"Komunitajiet ta' Konoxxenza u Innovazzjoni" (KKI), dawk li jirċievu l-għotjiet tal-Istitut; jinnota li l-istruzzjonijiet imtejba għandhom jirriżultaw f'livell miżjud ta' assigurazzjoni miksub minn ċertifikati tal-awditjar;
   miri kwantifikabbli kienu implimentati fil-linji gwida maħruġa għall-KKI, li ġew riveduti fl-2013 u l-2014 sabiex ikomplu jtejbu l-kwalità tal-ippjanar u r-rappurtar mill-KKI;
   awditi ex post dwar il-Ftehim tal-Għotja 2010 irriżultaw fl-irkupru tal-ammonti kollha mħallsa indebitament mill-Istitut;
   il-politiki dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interessi qed jiġu riveduti mill-Kapaċità ta' Awditjar Intern (IAC) tal-Istitut u l-verżjonijiet riveduti tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-persunal tal-Istitut u l-membri tal-Bord tat-Tmexxija tiegħu huma mistennija li jiġu implimentati; jinnota li l-Istitut se jintroduċi politika għall-membri tal-Bord tat-Tmexxija tiegħu u l-maniġment superjuri tiegħu sabiex jippubblikaw id-dikjarazzjonijiet tal-interessi tagħhom; jappella lill-Uffiċċju biex isolvi din il-kwistjoni bħala kwistjoni ta' urġenza u biex jinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar ir-riżultati tal-azzjonijiet ta' rimedju meħuda;
   l-informazzjoni dwar l-impatt tal-attivitajiet tiegħu fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni hija pprovduta permezz tas-sit tal-internet tal-Istitut u hija saret aktar aċċessibbli permezz tal-użu tal-midja soċjali kif ukoll permezz tal-pubblikazzjoni tar-rapport annwali tal-attività tiegħu u r-riżultati tal-ħidma tiegħu;

Bażi għal opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi

3.  Jinsab imħasseb ħafna li għat-tieni sena konsekuttiva, il-Qorti ma sabet l-ebda assigurazzjoni raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità ta' tranżazzjonijiet ta' għotjiet tal-Istitut; jinnota li madwar 87 % tan-nefqa għal għotjiet iddikkjarata mill-benefiċjarji hija koperta minn ċertifikati maħruġa minn kumpaniji ta' awditjar indipendenti li huma kkuntrattati mill-benefiċjarji stess u mis-sħab tagħhom; jiddispjaċih li għalkemm l-Istitut kompla jagħmel sforzi biex jimplimenta l-verifikazzjonijiet ex ante u jagħti gwida aħjar lil kumpaniji ta' awditjar indipendenti, il-Qorti sabet li l-kwalità tagħhom mhijiex suffiċjenti u nnotat li hemm lok għal aktar titjib fil-ħidma ġenerali tagħhom; jappella lill-Istitut biex jindirizza din il-kwistjoni u biex jinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-passi li jkunu ttieħdu sal-1 ta' Settembru 2015;

4.  Jinnota li sabiex ikollu t-tieni saff ta' aċċertament dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' għotjiet, l-Istitut introduċa verifikazzjonijiet ex post kumplementari għat-tranżazzjonijiet ta' għotjiet li twettqu minn kumpanija ta' awditjar indipendenti; jinnota barra minn hekk li d-dikjarazzjonijiet ta' spiża awditjati jikkorrispondu għal 29 % tat-tranżazzjonijiet totali ta' għotjiet li saru fl-2013; jiddispjaċih li r-riżultati tal-verifikazzjoni ex post ikkonfermaw li l-verifikazzjonijiet ex ante għadhom mhumiex kompletament effettivi; jinsab imħasseb li abbażi tal-iżbalji misjuba minn verifikazzjonijiet ex post, fl-2014 l-Istitut iddeċieda li jirkupra 3 % tal-għotjiet awditjati għall-2012; jappella lill-Istitut biex itejjeb l-effettività tal-verifikazzjonijiet ex ante u jinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-qagħda attwali fir-rigward tal-passi li jridu jittieħdu sal-1 ta' Settembru 2015;

5.  Jirrimarka bi tħassib li pagamenti fir-rigward ta' żewġ kuntratti qafas konklużi fl-2010 u l-2012 bl-użu ta' proċedura negozjata u li jammontaw għal EUR 770 000, ġew stabbiliti bħala irregolari peress li skont l-awditjar, l-użu ta' proċedura negozjata ma kienx ġustifikat; jappella lill-Istitut biex itejjeb il-proċeduri interni tiegħu fir-rigward tal-akkwist u jinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-miżuri meħuda sal-1 ta' Settembru 2015;

6.  Jirrimarka bi tħassib li r-rata ta' żball magħquda relatata ma' kwistjonijiet ta' għotjiet u pagamenti għal kuntratt qafas hija bejn 2 % u 3 % tan-nefqa totali tal-Istitut għall-2013;

Opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi

7.  Jinnota li, skont il-Qorti, ħlief għall-kwistjonijiet deskritti hawn fuq, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għall-2013 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

Kummenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet

8.  Jiddispjaċih li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-attivitajiet komplementari tal-KKI bħala benefiċjarji tal-għotjiet tal-Istitut mhumiex se jiġu awditjati qabel l-2015; jinsab imħasseb li ma kienx hemm evidenza xierqa li l-Qorti setgħet tuża waqt l-awditjar tagħha fir-rigward tal-finanzjament tal-Istitut li ma jaqbiżx il-limitu ta' 25 % tan-nefqa globali tal-KKI; jappella lill-Istitut biex jinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar is-sitwazzjoni attwali rigward l-awditjar imsemmi hawn fuq sal-1 ta' Settembru 2015;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

9.  Jinnota mill-kontijiet finali tal-Istitut li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzarja 2013 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 96,97 % u li r-rata ta' eżekuzzjoni ta' pagamenti kontra approprjazzjonijiet ta' pagament kienet 96,86 %;

10.  Jinnota bi tħassib, madankollu, li r-rata ta' implimentazzjoni tal-baġit għat-Titolu I (nefqa għall-persunal) kienet baxxa b'74 %; jaċċerta mir-rapport tal-Qorti li dan huwa l-aktar marbut ma' ċaqliq qawwi ta' persunal u l-adozzjoni pendenti tar-regolamenti dwar l-aġġustamenti tas-salarji; jappella lill-Istitut f'dan ir-rigward biex jindirizza b'mod effikaċi l-politiki tiegħu dwar il-persunal sabiex jevita ċ-ċaqliq qawwi ta' persunal;

Impenji u riporti

11.  Jinnota bi tħassib li l-Istitut irriporta approprjazzjonijiet impenjati taħt it-Titolu II (nefqa amministrattiva) li jammontaw għal EUR 193 420 jew 24 %; jirrikonoxxi li dawn ir-riporti kienu prinċipalment jikkonċernaw fatturi li kienu għadhom ma waslux u proġetti tal-IT li kienu għadhom għaddejjin; jirrimarka bi tħassib li 29 % tal-approprjazzjonijiet impenjati riportati mill-2012 sal-2013 ma ġewx implimentati, l-aktar minħabba l-ispejjeż stmati b'mod eċċessiv għal laqgħa tal-Bord ta' Tmexxija;

12.  Jinsab imħasseb li r-rata ta' eżekuzzjoni taħt it-Titolu III (nefqa operattiva) kienet relattivament baxxa bi 82 %, meta l-Istitut kellu baġit ta' EUR 34 078 025 għal għotjiet ta' KKI; jieħu nota li r-rata ta' eżekuzzjoni hija baxxa minħabba l-fatt li l-KKI ma assorbewx kompletament il-finanzjament disponibbli għal attivitajiet fl-2012; jappella lill-Istitut biex jinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-azzjonijiet li se jieħu sabiex iżid il-kapaċità ta' assorbiment tal-KKI sal-1 ta' Settembru 2015;

Awditjar intern

13.  Josserva, mir-rapport annwali tal-attività tal-Istitut li l-Uffiċċju tal-Awditjar Intern irriżenja fil-31 ta' Diċembru 2012 u r-reklutaġġ ta' Awditur Intern ġdid għall-Istitut ħa aktar żmien milli kien mistenni, peress li l-avviż ta' pożizzjoni vakanti kellha tiġi ppubblikata mill-ġdid minħabba numru insuffiċjenti ta' kandidati adattati; jieħu nota li l-Awditur Intern il-ġdid beda fl-1 ta' Jannar 2014 u għalhekk, ma twettaq l-ebda awditjar mill-Uffiċċju tal-Awditjar Intern fl-2013;

14.  Jirrikonoxxi mill-Istitut li sabiex jimla l-vojt fiż-żmien bejn it-tluq tal-Awditur Intern preċedenti u l-wasla tal-Awditur il-ġdid, huwa ddeċieda li jistabbilixxi Kumitat ta' Awditjar tal-Bord ta' Tmexxija li jipprovdi appoġġ lill-Bord tat-Tmexxija biex tiżdied il-kwalità tas-segwitu u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar, li għalihom id-Direttur tal-Istitut għandu l-unika responsabbiltà;

15.  Jinnota li fl-2014, is-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni segwa l-istatus tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet aċċettati minn “Rieżami Limitat dwar il-Ġestjoni tal-Għotjiet – Tħejjija għal Ftehimiet ta' Għotjiet Annwali” (Limited Review on Grant Management – Preparation of Annual Grant Agreements) fl-Istitut; jinnota barra minn hekk li dan ir-rieżami limitat irriżulta f'sitt rakkomandazzjonijiet, li waħda minnhom hija mmarkata bħala "Kritika" u erbgħa bħala "Importanti Ħafna", u li l-Istitut wieġeb sitt rakkomandazzjonijiet minn pjan ta' azzjoni dettaljat li fih 25 azzjoni, li fosthom 13 kienu dovuti sal-31 ta' Awwissu 2013 jew qabel u 10 ġew irrappurtati bħala "Lesti għal Rieżami" sa din id-data;

16.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-IAS wettaq rieżami dokumentarju dwar l-istatus tal-implimentazzjoni ta' dawn l-għaxar azzjonijiet u fl-24 ta' Settembru 2013, huwa kkonkluda li l-livell tal-implimentazzjoni kien insuffiċjenti jew kienu meħtieġa kontrolli addizzjonali fuq il-post biex tiġi kkonfermata l-implimentazzjoni fil-prattika; jieħu nota tal-fatt li sussegwentement l-Istitut ifformula mill-ġdid uħud mill-azzjonijiet u rreveda l-iskadenzi relatati biex jindirizza l-kummenti tal-IAS;

17.  Jinsab imħasseb dwar il-konklużjonijiet tal-IAS fir-rapport ta' segwitu tiegħu li jenfasizza r-riskju li l-Istitut ma jkunx jista' jimplimenta bis-sħiħ l-azzjonijiet kollha fil-ħin, b'mod partikolari dawk l-azzjonijiet skedati li jitlestew fit-tieni kwart tal-2014; iqis id-dewmien inaċċettabbli minħabba li l-IAS jikkunsidra li dewmien fl-implimentazzjoni jwassal għal livell ogħla ta' riskju għall-organizzazzjoni;

18.  Jirrikonoxxi l-impenn tal-Istitut biex jimmonitorja l-verifikazzjonijiet ex ante sabiex jikseb aċċertament raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' għotjiet;

19.  Jappella lill-Istitut biex jagħti rapport dettaljat lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet tal-IAS kif ukoll dwar l-azzjonijiet meħuda fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Awditjar Intern tal-IAF sal-1 ta' Settembru 2015;

o
o   o

20.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015(1) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2015)0130.

Avviż legali - Politika tal-privatezza