Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2132(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0103/2015

Testi mressqa :

A8-0103/2015

Dibattiti :

PV 28/04/2015 - 16
CRE 28/04/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.54
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0163

Testi adottati
PDF 444kWORD 105k
L-Erbgħa, 29 ta' April 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2013: L-impriża konġunta ARTEMIS
P8_TA(2015)0163A8-0103/2015
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2132(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-impriża konġunta għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013 (05306/2015 – C8-0049/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2008 tal-20 ta' Diċembru 2007 dwar it-twaqqif tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għall-implimentazzjoni ta’ Inizjattiva Teknoloġika Konġunta f’Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 561/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ECSEL(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0103/2015),

1.  Jiddifferixxi d-deċiżjoni tiegħu dwar l-għoti ta' kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta ECSEL għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għas-sena finanzjarja 2013;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta ECSEL, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 452, 16.12.2014, p. 8.
(2) ĠU C 452, 16.12.2014, p. 9.
(3) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(4) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(5) ĠU L 30, 4.2.2008, p. 52.
(6) ĠU L 169, 7.6.2014, p. 152.
(7) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(8) ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2.


2.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2132(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-impriża konġunta għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013 (05306/2015 – C8-0049/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2008 tal-20 ta' Diċembru 2007 dwar it-twaqqif tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għall-implimentazzjoni ta’ Inizjattiva Teknoloġika Konġunta f’Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 561/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ECSEL(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0103/2015),

1.  Jipposponi l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għas-sena finanzjarja 2013;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta ECSEL, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 452, 16.12.2014, p. 8.
(2) ĠU C 452, 16.12.2014, p. 9.
(3) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(4) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(5) ĠU L 30, 4.2.2008, p. 52.
(6) ĠU L 169, 7.6.2014, p. 152.
(7) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(8) ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2.


3.Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2132(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0103/2015),

A.  billi l-Impriża Konġunta Artemis ("l-Impriża Konġunta") twaqqfet f’Diċembru 2007 għal perjodu ta’ 10 snin biex tiddefinixxi u timplimenta “Aġenda ta’ Riċerka” għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ewlenin għas-sistemi integrati tal-kompjuter f’diversi oqsma ta’ applikazzjoni biex issaħħaħ il-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-Unjoni u sabiex tippermetti l-ħolqien ta’ swieq ġodda u applikazzjonijiet fis-soċjetà,

B.  billi l-Impriża Konġunta bdiet taħdem b'mod awtonomu f'Ottubru 2009,

C.  billi l-kontribuzzjoni massima għall-perjodu ta’ 10 snin mill-Unjoni lill-Impriża Konġunta hi ta’ EUR 420 000 000 li għandha titħallas mill-baġit tas-Seba’ Programm Kwadru tar-Riċerka,

D.  billi l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri tal-ARTEMIS għandhom jammontaw għal mill-inqas 1,8 darbiet il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni filwaqt li l-kontribuzzjoni in natura mill-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u żvilupp li jipparteċipaw fi proġetti għad-durata tal-Impriża Konġunta għandha tkun daqs jew akbar mill-kontribuzzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi.

E.  billi l-Impriżi Konġunti ARTEMIS u ENIAC ingħaqdu biex tinħoloq l-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta tal-Komponenti u s-Sistemi Elettroniċi għat-Tmexxija Ewropea (JTI ECSEL) li bdiet l-attività tagħha f’Ġunju 2014 u se tibqa’ għaddejja għal 10 snin,

F.  billi r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 ġie prodott fuq il-prinċipju ta' negozju avvjat,

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti") iddikjarat li l-kontijiet annwali tal-2013 tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2013 u r-riżultati tal-operazzjonijiet u l-flussi tal-flus tagħha fi tmiem is-sena, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regoli Finanzjarji tagħha;

2.  Jieħu nota li l-istrateġija ta' awditjar ex post tal-Impriża Konġunta li kienet adottata fil-25 ta’ Novembru 2010 ġiet modifikata fl-20 ta’ Frar 2013; jaċċerta mir-rapport tal-Qorti li bil-modifiki li saru fl-2013, l-istrateġija hija għodda ewlenija għall-valutazzjoni tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi;

3.  Jikkonstata li skont ir-rapport tal-Qorti, il-pagamenti li saru fl-2013 li huma relatati ma’ ċertifikati ta’ aċċettazzjoni tal-ispejjeż maħruġa mill-awtoritajiet ta’ finanzjament nazzjonali tal-Istati Membri ammontaw għal EUR 11 700 000, jew 57 % tal-pagamenti operattivi totali;

4.  Josserva bi tħassib li l-ftehimiet amministrattivi ffirmati mal-awtoritajiet ta’ finanzjament nazzjonali ma jinkludux arranġamenti prattiċi għal awditi ex post, għalkemm l-awditjar tad-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż tal-proġetti ġie ddelegat lill-awtoritajiet ta’ finanzjament nazzjonali;

5.  Jinnota li l-istrateġija ex post adottata mill-Impriża Konġunta tiddikjara li hi għandha tivvaluta mill-inqas darba fis-sena jekk l-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet ta’ finanzjament nazzjonali jipprovdux biżżejjed assigurazzjoni fir-rigward tar-regolarità u l-legalità tat-tranżazzjonijiet esegwiti;

6.  Jinnota li skont ir-rapport tal-Qorti, l-Impriża Konġunta rċeviet rapporti tal-awditjar mill-awtoritajiet ta' finanzjament nazzjonali li jkopru bejn wieħed u ieħor 46 % tal-ispejjeż relatati ma’ proġetti kkompletati; jinnota bi tħassib li l-Impriża Konġunta ma evalwatx il-kwalità ta’ dawk l-awditi u li, sa tmiem Marzu 2014, l-Impriża Konġunta ma kinitx irċeviet informazzjoni dwar l-istrateġiji ta' awditjar ta' sebgħa minn 23 awtorità ta’ finanzjament nazzjonali; jikkonstata barra minn hekk li l-Impriża Konġunta, għaldaqstant, ma kinitx f'pożizzjoni li tivvaluta jekk l-awditi ex post jipprovdux biżżejjed assigurazzjoni fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi.

7.  Jirrikonoxxi mill-Impriża Konġunta li minbarra t-titjib fl-istrateġija ta' awditjar ex post tagħha, ġie ppreżentat pjan ta’ azzjoni li għandu l-għan li jirrimedja n-nuqqasijiet identifikati mill-Qorti fl-opinjoni kwalifikata tagħha; jikkonferma li rċieva mingħand l-Impriża Konġunta l-aħħar aġġornament fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-awditjar ex post fl-Impriża Konġunta; jistenna l-opinjoni tal-Qorti dwar il-formola l-ġdida proposta għall-kalkolu tal-istima tar-rata ta' erruri residwi fit-tranżazzjonijiet tal-Impriża Konġunta; jinnota li l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni bdiet fl-2014; jistenna bil-ħerqa l-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan ta’ azzjoni kollu kif ukoll l-opinjoni tal-Qorti dwar l-eżitu tiegħu; jirrimarka li jistgħu jinqalgħu diffikultajiet dwar il-konfini bejn l-awtorità sovrana tal-awtoritajiet ta' finanzjament nazzjonali u l-awtorità tal-Impriża Konġunta; jistieden lill-Impriża Konġunta biex tipprovdi l-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni interim dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni;

8.  Jaċċerta mir-rapport tal-Qorti li l-baġit inizjali 2013 tal-Impriża Konġunta kien fih approprjazzjonijiet ta’ impenn li jammontaw għal EUR 68,9 miljun u kien emendat fl-aħħar tas-sena, biex b’hekk l-approprjazzjonijiet ta’ impenn tnaqqsu għal EUR 32,6 miljun; jinnota bi tħassib li wara t-tnaqqis, ir-rata ta’ utilizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet biss 69 %, filwaqt li r-rata ta’ utilizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn operattivi kienet 99,4 %; ir-rata baxxa ta' implimentazzjoni tal-baġit hija prinċipalment dovuta għall-proċess twil u kumpless għall-għeluq finanzjarju tal-proġetti.

9.  Jieħu nota li l-baġit massimu totali tal-Impriża Konġunta, skont ir-Regolament tat-twaqqif tagħha, jammonta għal EUR 410 miljun biex tkopri l-ispejjeż operattivi; jikkonstata barra minn hekk li l-ammont attwali ta' approprjazzjonijiet impenjati għas-sejħiet għal proposti jammonta għal EUR 201 miljun, jew 49 % tal-baġit totali;

10.  Jinsab imħasseb minħabba li hemm ftit informazzjoni dwar l-evalwazzjoni biex jiġi żgurat li l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri u tal-organizzazzjonijiet tar-riċerka u l-iżvilupp jikkorrispondu għal-livell reali tal-pagamenti tal-Unjoni; skont l-informazzjoni li waslet, il-kontribuzzjoni tal-Istati Membri hija taħt il-livell ta' 1,8 mitlub mill-Istatut tal-Impriża Konġunta; jappella lill-Impriża Konġunta biex tippreżenta rapport lill-awtorità ta' kwittanza rigward il-kontribuzzjonijiet tal-membri kollha apparti l-Kummissjoni, inkluża l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-evalwazzjoni, flimkien ma' valutazzjoni mill-Kummissjoni;

Qafas ġuridiku

11.  Jieħu inkonsiderazzjoni l-fatt li r-Regolament Finanzjarju l-ġdid applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni ġie adottat fil-25 ta' Ottubru 2012 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2013, filwaqt li l-mudell tar-regolament finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid ma daħalx fis-seħħ qabel it-8 ta' Frar 2014; jikkonstata li minħabba l-fużjoni fl-Impriża Konġunta ECSEL, ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta ma ġewx emendati biex jirriflettu dawn il-bidliet;

12.  Jinnota d-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni(1) u l-ftehim politiku sussegwenti li ntlaħaq dwar kwittanza separata li għandha tingħata mill-Parlament Ewropew fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill, għall-Impriżi Konġunti skont l- Artikolu 209 tar-Regolament Finanzjarju;

13.  Itenni t-talba tiegħu lill-Qorti biex tippreżenta valutazzjoni finanzjarja kompluta u xierqa tad-drittijiet u l-obbligi tal-Impriża Konġunta għall-perjodu sad-data meta l-Impriża Konġunta ECSEL bdiet l-attività tagħha;

Sistemi ta' kontroll intern

14.  Jinsab imħasseb minħabba li l-Impriża Konġunta ma stabbilitx kapaċità ta' awditjar intern kif mitlub fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament tat-twaqqif tagħha; jinnota, barra minn hekk, li għalkemm il-karta ta’ missjoni tas-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni Ewropea ġiet adottata mill-Bord tat-Tmexxija fil-25 ta’ Novembru 2010, ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta għadhom ma ġewx emendati sabiex jinkludu d-dispożizzjoni tal-mudell tar-regolament finanzjarju li tirreferi għas-setgħat tal-IAS;

15.  Jieħu nota li fl-2013, l-IAS wettaq awditjar tal-adegwatezza u l-effikaċja tas-sistema ta’ kontroll intern tal-Impriża Konġunta fir-rigward tal-ġestjoni tal-esperti; jirrikonoxxi mill-konklużjonijiet tal-awditjar li s-sistema ta’ kontroll intern attwali tipprovdi assigurazzjoni raġonevoli biex jinkisbu l-objettivi tal-Impriża Konġunta fir-rigward tal-ġestjoni tal-esperti; jinnota, barra minn hekk, li saru bosta rakkomandazzjonijiet importanti fir-rigward tal-adozzjoni ta' politika komprensiva ta' kunfidenzjalità, kif ukoll fir-rigward tas-sensittività tal-kariga tal-uffiċjal tal-programm u tar-regoli għall-allokazzjoni tal-piż tax-xogħol għall-evalwaturi mbiegħda;

16.  Jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta, flimkien mal-Impriżi Konġunti Clean Sky, ENIAC, FCH u IMI kienu s-suġġett ta’ valutazzjoni tar-riskju tal-IT fir-rigward tal-infrastruttura kondiviża tagħhom tal-IT imwettqa mill-IAS;

17.  Jirrikonoxxi mir-rapport tal-Qorti li l-Pjan ta’ Rkupru minn Diżastru għall-infrastruttura komuni tal-IT tal-Impriża Konġunta ma ġiex approvat; jikkonstata li l-Impriża Konġunta ħadet miżuri fil-livell proprju tagħha sabiex tindirizza s-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza;

Kunflitti ta' interess

18.  Jinnota bi tħassib kbir li l-Impriża Konġunta naqset milli tirrispetta r-rakkomandazzjonijiet tal-awtorità tal-kwittanza tal-2014 u ma adottatx politika komprensiva dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitt ta’ interessi; itenni l-ħtieġa ta' definizzjoni ċara ta’ dan il-kunċett ta’ kunflitt ta’ interess, li għandha tinkludi kemm l-interessi finanzjarji kif ukoll dawk mhux finanzjarji;

19.  Iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta biex tipproċedi bl-iżvelar rapidu, komplut u fil-fond tas-CVs u d-dikjarazzjonijiet tal-interessi mid-Direttur Eżekuttiv u l-membri tal-Bord tat-Tmexxija tagħha sa Settembru 2015; jitlob ukoll li sa Settembru 2015 tinħoloq bażi ta’ data aġġornata regolarment li tinkludi l-informazzjoni kollha relatata ma’ kunflitti ta’ interess u proċedura biex dawn jiġu ġestiti, u jinħoloq mekkaniżmu biex jiġi indirizzat il-ksur tal-politika;

20.  Jappella lill-Impriża Konġunta biex tadotta politiki komprensivi għall-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess, bħaċ-ċessjoni tal-interess mill-uffiċjali pubbliċi, l-iskwalifika tal-uffiċjali pubbliċi milli jkunu involuti fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet ikkonċernati, ir-restrizzjoni ta’ aċċess mill-uffiċjali pubbliċi kkonċernati għal informazzjoni partikolari, l-arranġament mill-ġdid tad-dmirijiet tal-uffiċjali pubbliċi jew ir-riżenja tal-uffiċjali pubbliċi mill-kariga tagħhom;

21.  Peress li l-Impriża Konġunta ngħaqdet fl-2014, l-awtorità ta’ kwittanza tappella lill-Impriża Konġunta ECSEL biex ma tkomplix bin-nuqqas ta’ politika dwar il-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess;

Monitoraġġ u rappurtar tar-riżultati tar-riċerka

22.  Jieħu nota tal-fatt li d-deċiżjoni dwar is-Seba' Programm Kwadru(2) tistabbilixxi sistema ta' monitoraġġ u rappurtar b'rabta mal-protezzjoni, it-tixrid u t-trasferiment tar-riżultati tar-riċerka; jaċċerta li l-Impriża Konġunta żviluppat proċeduri f’dan ir-rigward sabiex jiġu mmonitorjati l-protezzjoni u t-tixrid tar-riżultati tar-riċerka tagħhom fi stadji differenti tal-proġett; jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li hemm aktar ħtieġa ta’ żvilupp sabiex jiġu ssodisfati d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni;

23.  Jirrikonoxxi li bejn Settembru 2012 u Frar 2013, twettqet it-Tieni Evalwazzjoni Interim tal-Kummissjoni li tivvaluta l-Impriża Konġunta flimkien mal-Impriża Konġunta ENIAC f’termini ta’ rilevanza, effikaċja, effiċjenza u kwalità tar-riċerka; jieħu nota li r-rapport inħareġ f’Mejju 2013 u kien fih diversi rakkomandazzjonijiet għall-Impriża Konġunta; jinnota li dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma relatati mal-effiċjenza tar-rieżamijiet tal-proġetti, it-titjib fit-tqabbil tal-portafoll tal-proġetti mal-miri strateġiċi Ewropej u l-adegwatezza tal-metrika għall-kejl tal-impatt u s-suċċess tal-proġetti tagħha;

24.  Jappella lill-Impriża Konġunta biex tippreżenta rapport lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-benefiċċji soċjoekonomiċi tal-proġetti li diġà tlestew; jappella biex dak ir-rapport jiġi ppreżentat lill-awtorità ta' kwittanza flimkien ma' valutazzjoni mill-Kummissjoni;

25.  Ifakkar li l-awtorità ta' kwittanza ġa talbet lill-Qorti biex tfassal rapport speċjali dwar il-kapaċità tal-impriżi konġunti, flimkien mas-sħab privati tagħhom, biex jiġu żgurati valur miżjud u eżekuzzjoni effiċjenti tal-programmi tal-Unjoni għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni.

(1) ĠU L 163, 29.5.2014, p. 21.
(2) Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 6).

Avviż legali - Politika tal-privatezza