Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2134(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0112/2015

Testi mressqa :

A8-0112/2015

Dibattiti :

PV 28/04/2015 - 16
CRE 28/04/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.57
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0166

Testi adottati
PDF 438kWORD 98k
L-Erbgħa, 29 ta' April 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2013: L-Impriża Konġunti dwar iċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu
P8_TA(2015)0166A8-0112/2015
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2134(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013 (05306/2015 – C8–0049/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 521/2008 tat-30 ta' Mejju 2008 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 559/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0112/2015),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2013;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 452, 16.12.2014, p. 67.
(2) ĠU C 452, 16.12.2014, p. 68.
(3) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(4) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(5) ĠU L 153, 12.6.2008, p. 1.
(6) ĠU L 169, 7.6.2014, p. 108.
(7) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(8) ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2.


2.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2134(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013 (05306/2015 – C8‑0049/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 521/2008 tat-30 ta' Mejju 2008 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 559/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0112/2015),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għas-sena finanzjarja 2013;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 452, 16.12.2014, p. 67.
(2) ĠU C 452, 16.12.2014, p. 68.
(3) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(4) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(5) ĠU L 153, 12.6.2008, p. 1.
(6) ĠU L 169, 7.6.2014, p. 108.
(7) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(8) ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2.


3.Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2134(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni ta l-baġit tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0112/2015),

A.  billi l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu ("l-Impriża Konġunta") ġiet stabbilita f'Mejju 2008 bħala sħubija pubblika-privata mir-Regolament (KE) Nru 521/2008 għal perjodu sal-31 ta' Diċembru 2017 biex tiffoka fuq l-iżvilupp ta' applikazzjonjiet tas-suq u b'hekk tiffaċilita sforzi industrijali addizzjonali lejn mobilizzazzjoni rapida tat-teknoloġiji taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu,

B.  billi l-membri tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni, rappreżentata mill-Kummissjoni, il-Grupp tal-Industrija għall-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu ("il-Grupp tal-Industrija") u l-Grupp ta' Riċerka N.ERGHY ("il-Grupp ta' Riċerka"),

C.  billi l-kontribuzzjoni massima għall-perjodu sħiħ mill-Unjoni għall-Impriża Konġunta hi ta' EUR 470 000 000 li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-Seba' Programm Kwadru, u li l-proporzjon minnhom allokat għall-ispejjeż ta' tmexxija m'għandux jaqbeż l-EUR 20 000 000,

D.  billi l-Grupp tal-Industrija hu mistenni jikkontribwixxi 50 % tal-ispejjeż ta' tmexxija u l-Grupp ta' Riċerka għandu jikkontribwixxi parti minn kull tnax tal-ispejjeż ta' tmexxija u t-tnejn għandhom jikkontribwixxu għall-ispejjeż operattivi permezz ta' kontributi in natura li tal-anqas ikunu daqs il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni,

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jikkonstata li l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti") iddikjarat li l-kontijiet annwali tal-2013 tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta' Diċembru 2013 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi ta' flusha għas-sena li kienet għadha kif intemmet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Finanzjarji tagħha;

2.  Jikkonstata, barra minn hekk, li l-baġit finali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2013 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta' impenn li jammontaw għal EUR 74,5 miljun u approprjazzjonijiet ta' pagament li jammontaw għal EUR 69,7 miljun; jikkonstata, apparti dan, li r-rati ta' użu għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament kienu ta' 98,9 % u ta' 56,7 % rispettivament; jirrikonoxxi li l-livell tal-approprjazzjonijiet ta' pagament hu anqas minn dak tas-sena preċedenti, fatt iddeterminat mill-posponiment tal-finanzjament ta' tliet proġetti;

Sejħiet għal proposti

3.  Jindika li, sal-31 ta' Diċembru 2013, il-programm tal-Impriża Konġunta kien jikkonsisti minn 130 ftehim ta' għotja li rriżultaw mill-ħames sejħiet annwali li saru bejn l-2008 u l- 2012; jikkonstata li t-total ta' dawn l-għotjiet hu ta' EUR 365 miljun, li jammontaw għal 81 % tal-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni lill-Impriża Konġunta għall-attivitajiet ta' riċerka ta' EUR 452,5 miljun;

4.  Jikkonstata li ġew iffirmati 23 ftehim ta' għotja ulterjuri mis-sejħa 2013-1, kif ukoll żewġ għotjiet addizzjonali mit-tnedija tas-sejħa 2013-2 għall-ammonti ta' EUR 75 200 000 u EUR 7 000 000 rispettivament;

5.  Jappella lill-Impriża Konġunta biex tippreżenta rapport lill-awtorità ta' kwittanza rigward il-kontribuzzjonijiet tal-membri kollha apparti l-Kummissjoni, inkluża l-applikazzjoni tal-metodoloġija għall-valutazzjoni, flimkien ma' valutazzjoni mill-Kummissjoni;

Qafas ġuridiku

6.  Jieħu inkonsiderazzjoni l-fatt li r-Regolament Finanzjarju ġdid applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni ġie adottat fil-25 ta' Ottubru 2012 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2013, filwaqt li l-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid ma daħalx fis-seħħ qabel it-8 ta' Frar 2014; jirrikonoxxi li r-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta ġew emendati sabiex jirriflettu dawn il-bidliet fit-30 ta' Ġunju 2014;

7.  Jikkonstata d-Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni(1) u l-qbil politiku sussegwenti li ntlaħaq dwar ir-rilaxx separat għall-Impriżi Konġunti skont l-Artikolu 209 tar-Regolament Finanzjarju;

8.  Jappella lill-Qorti biex tippreżenta valutazzjoni finanzjarja sħiħa u xierqa tad-drittijiet u l-obbligi tal-Impriża Konġunta għall-perjodu sad-data meta bdiet topera l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2;

Sistemi ta' kontroll intern

9.  Jikkonstata li l-Kapaċità ta' Awditjar Intern tal-Impriża Konġunta, bi qbil mal-pjan strateġiku tas-Servizz ta' Awditjar Intern/Kapaċità ta' Awditjar Intern tal-Kummissjoni għall-Impriża Konġunta għall-perjodu 2011-2013, wettqet awditu wieħed dwar "Ġestjoni tal-Għotjiet - in-negozjati, l-għoti ta' kuntratti u l-prefinanzjament" matul l-2013, apparti li wettqet servizzi oħra ta' assigurazzjoni u konsulenza;

10.  Josserva bi tħassib li r-Rapport Finali dwar "Ġestjoni tal-Għotjiet" ikkonstata l-ħtieġa li jitnaqqsu ż-"Żmien sal-Għotja" u ż-"Żmien biex Jingħalqu n-Negozjati" u l-ħtieġa li jiġu ċċarati xi aspetti tal-proċedura tal-Impriża Konġunta għall-"Kontrolli tal-Vijabilità Finanzjarja". jirrikonoxxi l-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni biex jiġu indirizzati dawn ir-rakkomandazzjonijiet, kif ukoll biex jitqies l-impatt tal-ambjent ġuridiku u r-regoli l-ġodda taħt il-programm Orizzont 2020, u jappella lill-Impriża Konġunta biex tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar ir-riżultati tal-implimentazzjoni tiegħu;

11.  Jieħu nota tal-fatt li l-Impriża Konġunta, flimkien mal-Impriżi Konġunti ARTEMIS, Clean Sky, Eniac u IMI, kienet is-suġġett ta' valutazzjoni tar-riskji informatiċi tal-infrastruttura informatika komuni mwettqa mis-Servizz ta' Awditjar Intern tal-Kummissjoni;

12.  Jirrikonoxxi l-miżuri speċifiċi implimentati mill-Impriża Konġunta għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess fir-rigward tat-tliet partijiet interessati ewlenin tagħha: il-membri tal-Bord tat-Tmexxija, l-esperti u l-impjegati, bħal definizzjoni ċara ta' kunflitt ta' interess b'databażi ta' kull informazzjoni relatata u l-proċess biex jiġu ġestiti; jikkonstata li l-proċedura bil-miktub rigward il-miżuri speċifiċi tressqet quddiem il-Bord tat-Tmexxija f'Novembru 2014; jirrikonoxxi li l-Kummissjoni talbet biex l-adozzjoni tal-miżuri speċifiċi tiġi posposta b'mod li jiġi pprovdut mudell armonizzat għall-miżuri minħabba n-natura orizzontali tas-suġġett; jappella lill-Impriża Konġunta biex tipproċedi malajr bl-adozzjoni ta' dawn il-miżuri speċifiċi;

13.  Jindika li, bejn Novembru 2012 u Mejju 2013, twettqet it-tieni evalwazzjoni interim tal-Impriża Konġunta mill-Kummissjoni; jikkonstata li r-rapport fih diversi rakkomandazzjonijiet, bħall-assenjazzjoni ta' aktar riżorsi għall-operazzjonijiet permezz tal-kondiviżjoni tal-funzjonijiet amministrattivi ma' Impriżi Konġunti oħra u/jew billi jintraddu lura lis-servizzi tal-Kummissjoni, kif ukoll attenzjoni aktar iffokata fuq l-istrateġija ta' riċerka għat-tkomplija tal-Impriża Konġunta fil-programm Orizzont 2020 bi qbil mat-tliet prinċipji ewlenin (allinjament mal-politiki tal-UE, oqsma fejn l-Ewropa għandha jew tista' tikseb rwol ta' tmexxija, adattament għall-ħtiġijiet tas-settur li qed jinbidlu) u t-tisħiħ tal-kapaċità għal bidla; jirrikonoxxi l-fatt li l-Impriża Konġunta qed tirrevedi pjan ta' azzjoni sabiex tindirizza dawn l-aspetti;

Monitoraġġ u rapportar

14.  Jieħu nota tal-fatt li d-Deċiżjoni dwar is-Seba' Programm Kwadru(2) tistabbilixxi sistema ta' monitoraġġ u rapportar relatata mal-protezzjoni, id-disseminazzjoni u t-trasferiment tar-riżultati ta' riċerka; jaċċerta li, fl-2013, l-Impriża Konġunta żiedet il-kapaċità proprja tagħha għall-monitoraġġ u r-rapportar dwar ir-riżultati ta' riċerka tal-proġetti tagħha u għall-valutazzjoni tal-ksib tal-objettivi tal-programm tagħha billi impjegat uffiċjal għall-Ġestjoni tal-Għarfien u għall-Politika dwar il-qasam; jikkonstata l-introduzzjoni ta' għodda informatika ġdida bħala għajnuna għall-analiżi u s-sinteżi tar-riżultati tal-proġetti mitmuma u għar-rapportar dwar l-ewwel riżultati tanġibbli pubbliċi mir-riċerka ta' proġetti kumplessi fuq il-sit tagħha fuq l-internet;

15.  Jappella lill-Impriża Konġunta biex tippreżenta rapport lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-benefiċċji soċjoekonomiċi tal-proġetti li diġà tlestew; jappella biex dak ir-rapport jiġi ppreżentat lill-awtorità ta' kwittanza flimkien ma' valutazzjoni mill-Kummissjoni;

16.  Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Impriża Konġunta biex teżamina l-possibilità li tuża s-sistema informatika tal-Kummissjoni għal skopijiet ta' monitoraġġ relatati mal-protezzjoni, id-disseminazzjoni u t-trasferiment tar-riżultati ta' riċerka, kif ukoll biex tiżviluppa r-rapportar tagħha dwar ir-riżultati, b'mod konformi mal-kummenti inklużi fir-Rapport ta' Progress Annwali 2012 tal-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tal-Impriżi Konġunti(3);

17.  Ifakkar li l-awtorità ta' kwittanza ġa talbet lill-Qorti tfassal rapport speċjali dwar il-kapaċità tal-impriżi konġunti, flimkien mas-sħab privati tagħhom, biex jiżguraw valur miżjud u eżekuzzjoni effiċjenti tal-programmi tal-Unjoni għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni.

(1) ĠU L 163, 29.5.2014, p. 21.
(2) Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 6).
(3) Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attivitajiet tal-Impriżi Konġunti għall-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti fl-2012 (SWD(2013) 539 finali).

Avviż legali - Politika tal-privatezza