Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2133(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0106/2015

Testi mressqa :

A8-0106/2015

Dibattiti :

PV 28/04/2015 - 16
CRE 28/04/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.58
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0167

Testi adottati
PDF 444kWORD 105k
L-Erbgħa, 29 ta' April 2015 - Strasburgu
Kwittanza 2013: L-Impriża Konġunta dwar l-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi
P8_TA(2015)0167A8-0106/2015
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2133(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għall-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013 (05306/2015 – C8-0049/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2008 tal-20 ta' Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta għall-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi(5),

–  wara li kkunsidra Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 557/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0106/2015),

1.  Jagħti l-kwittanza lil Aġent Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi għas-sena finanzjarja 2013;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lil Aġent Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 452, 16.12.2014, p. 35.
(2) ĠU C 452, 16.12.2014, p. 36.
(3) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(4) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(5) ĠU L 30, 4.2.2008, p. 38.
(6) ĠU L 169, 7.6.2014, p. 54.
(7) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(8) ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2.


2.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2133(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għall-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013 (05306/2015 – C8-0049/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2008 tal-20 ta' Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta għall-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi(5),

–  wara li kkunsidra Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 557/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0106/2015),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi għas-sena finanzjarja 2013;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lil Aġent Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 452, 16.12.2014, p. 35.
(2) ĠU C 452, 16.12.2014, p. 36.
(3) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(4) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(5) ĠU L 30, 4.2.2008, p. 38.
(6) ĠU L 169, 7.6.2014, p. 54.
(7) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(8) ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2.


3.Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2133(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0106/2015),

A.  billi l-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi ("l-Impriża Konġunta") twaqqfet f'Diċembru 2007 għal perjodu ta' 10 snin bil-għan li ttejjeb b'mod sinifikanti l-effiċjenza u l-effikaċja tal-proċess ta' żvilupp tal-mediċini, bil-mira fit-tul li s-settur farmaċewtiku jipproduċi mediċini innovattivi aktar effikaċi u sikuri;

B.  billi l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u l-Federazzjoni Ewropea tal-Industriji u l-Assoċjazzjonijiet Farmaċewtiċi (EFPIA), huma l-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta;

C.  billi l-Impriża Konġunta bdiet taħdem b'mod awtonomu fis-16 ta' Novembru 2009;

D.  billi l-kontribuzzjoni massima għall-perjodu ta' 10 snin mill-Unjoni lill-Impriża Konġunta, li għandha titħallas mill-baġit tas-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka, hija ta' EUR 1 000 000 000, u l-membri fundaturi għandhom jikkontribwixxu b'mod ugwali għall-ispejjeż ta' operat, kull wieħed minnhom b'ammont li ma jisboqx l-4 % tal-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni, kif ukoll għall-attivitajiet ta' riċerka permezz ta' kontribuzzjonijiet in natura li jkunu tal-anqas ugwali għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li fl-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta' Diċembru 2013 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-regoli finanzjarji tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni;

2.  Jieħu nota tal-fatt li l-istrateġija ta' awditjar ex post tal-Impriża Konġunta ġiet adottata b'deċiżjoni tal-Bord ta' Tmexxija fl-14 ta' Diċembru 2010 u hija meqjusa bħala għodda ewlenija għall-valutazzjoni tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi;

3.  Jinnota bi tħassib li sa Ġunju 2014 kienu ġew iffinalizzati 14 minn 40 awditu ex post tat-tieni kampjun rappreżentattiv, li jkopru EUR 3 000 000 u jirrappreżentaw 11,8 % tal-popolazzjoni awditjata; jirrimarka li r-rata ta' żbalji identifikata li rriżultat minn dan l-awditjar hija ta' 2,3 %; ifakkar li r-rata ta' żbalji li tirriżulta mis-56 awditu konkluż tal-ewwel kampjun rappreżentattiv fl-2012 kienet ta' 5,82 %;

4.  Jinnota bi tħassib li l-Qorti, fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2013 ("ir-rapport tal-Qorti"), ħarġet opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-Impriża Konġunta minħabba l-fatt li r-rata ta' żbalji identifikata kienet ogħla mil-limitu ta' materjalità ta' 2 %; jinnota bi tħassib li l-Qorti ħarġet opinjoni kwalifikata għat-tielet sena konsekuttiva;

5.  Jistieden lill-Impriża Konġunta tagħmel rapport ta' segwitu dwar ir-riżervi tal-Impriża Konġunta f'dawn l-aħħar tliet snin;

6.  Jirrikonoxxi mill-Impriża Konġunta li tnedew l-azzjonijiet ta' segwitu marbuta mal-benefiċjarji awditjati bi żbalji identifikati u li l-iżbalji identifikati kollha ġew ikkomunikati lil dawn il-benefiċjarji; jinnota barra minn hekk li sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' żbalji futuri fid-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż tal-benefiċjarji, l-Impriża Konġunta ħadet miżuri speċifiċi, bħall-ħolqien ta' sessjonijiet ta' ħidma finanzjarji għall-benefiċjarji kif ukoll l-aġġornament regolari tal-Linji Gwida Finanzjarji tagħha għall-parteċipanti;

7.  Jitlob sabiex jitressaq fil-ħin lill-awtorità ta' kwittanza, pjan ta' azzjoni b'objettivi ċari immirat sabiex isewwi n-nuqqasijiet u l-iżbalji identifikati mill-Qorti, li għandu jiġi segwit minn rapport ta' valutazzjoni interim inizjali dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni;

8.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-baġit inizjali tal-2013 kien jinkludi EUR 226 000 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u EUR 135 000 000 f'approprjazzjonijiet ta' pagament; jinnota barra minn hekk li fi tmiem is-sena, il-Bord ta' Tmexxija adotta baġit emendat li żied l-approprjazzjonijiet ta' impenn għal EUR 255 700 000 u naqqas l-approprjazzjonijiet ta' pagament għal EUR 130 600 000; jieħu nota tal-fatt li wara li l-baġit ġie emendat, ir-rata ġenerali ta' implimentazzjoni kienet ta' 99,5 % għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u 97,5 % għall-approprjazzjonijiet ta' pagament; jaċċerta mir-rapport tal-Qorti li fil-każ tal-attivitajiet operattivi, ir-rata ta' implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' impenn u dik tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 100 % u 99 % rispettivament;

9.  Jistieden lill-Impriża Konġunta tipprovdi lill-awtorità ta' kwittanza informazzjoni dettaljata dwar il-kontribuzzjonijiet in natura tal-kumpaniji EFPIA, speċjalment dwar it-tip ta' kontribuzzjonijiet in natura u l-valur rispettiv tagħhom;

10.  Jistieden lill-Impriża Konġunta tippreżenta rapport lill-awtorità ta' kwittanza rigward il-kontribuzzjonijiet tal-membri kollha apparti l-Kummissjoni, inkluża l-applikazzjoni tal-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-kontribuzzjonijiet in natura, flimkien ma' valutazzjoni mill-Kummissjoni;

11.  Jappella lill-Qorti biex tippreżenta valutazzjoni finanzjarja sħiħa u xierqa tad-drittijiet u l-obbligi tal-Impriża Konġunta għall-perjodu sad-data meta bdiet topera l-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2;

Sejħiet għal proposti

12.  Jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li fil-qafas tas-Seba' Programm Kwadru (FP7)(1), l-2013 kienet l-aħħar sena li fiha setgħu jitnedew sejħiet għal proposti; jinnota li l-baġit kollu għar-riċerka ta' EUR 970 000 000 ġie impenjat flimkien mal-kontribuzzjonijiet in natura korrispondenti neċessarji mill-kumpaniji EFPIA fl-ammont ta' EUR 982 000 000;

Qafas ġuridiku

13.  Jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li r-Regolament Finanzjarju l-ġdid applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni ġie adottat fil-25 ta' Ottubru 2012 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2013, filwaqt li r-regolament finanzjarju mudell għall-korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid ma daħalx fis-seħħ qabel it-8 ta' Frar 2014; jirrikonoxxi li r-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta ġew emendati biex jieħdu inkunsiderazzjoni r-regolament finanzjarju mudell f'Lulju 2014;

14.  Jinnota d-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni(2) u l-ftehim politiku sussegwenti li ntlaħaq dwar kwittanza separata li għandha tingħata mill-Parlament fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-Impriżi Konġunti skont l-Artikolu 209 tar-Regolament Finanzjarju;

Sistemi ta' kontroll intern

15.  Jinnota li f'konformità mal-pjan ta' awditjar strateġiku għall-2012-2014 approvat mill-Bord ta' Tmexxija tal-Impriża Konġunta fit-3 ta' Novembru 2011, is-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq inkarigu ta' assigurazzjoni dwar il-ġestjoni tal-proġetti u r-rappurtar dwar il-prestazzjoni operattiva; jirrimarka li r-rapport finali bid-data tat-30 ta' Jannar 2014 jinkludi rakkomandazzjonijiet dwar il-proċess ta' titjib tal-Impriża Konġunta fir-rigward tas-sistemi ta' monitoraġġ tagħha dwar il-prestazzjoni operattiva, bħalma huma r-rieżami tat-tfassil u r-rappurtar tal-objettivi u tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs), it-tisħiħ tal-monitoraġġ tal-proġetti u t-titjib fis-sistemi tal-IT bil-ħsieb li jissaħħaħ ir-rappurtar;

16.  Jirrikonoxxi li l-IAS wettaq ukoll valutazzjoni tar-riskju tal-IT fil-konfront tas-sistemi tal-IT speċifiċi tal-Impriża Konġunta kif ukoll tal-infrastruttura komuni li tikkondividi mal-Impriżi Konġunti FCH, Clean Sky, ENIAC u ARTEMIS; jirrimarka li fil-każ tas-sistemi tal-IT speċifiċi tal-Impriża Konġunta, l-IAS jirrapporta l-ħtieġa ta' aktar istruzzjonijiet formali dwar il-ġestjoni tal-proġetti u dwar il-proċeduri ta' kontroll tat-tibdil fil-kuntratti sabiex jittaffa r-riskju relatat mal-ġestjoni tal-kuntratti; jinnota mir-rapport tal-Qorti li din ir-rakkomandazzjoni ġiet implimentata f'Jannar 2014;

17.  Jieħu nota tal-fatt li l-Impriża Konġunta żviluppat proċeduri rigward il-protezzjoni, it-tixrid u t-trasferiment ta' riżultati tat-tfittxija b'rabta mal-Artikolu 7 tal-FP7; jinnota barra minn hekk li l-Impriża Konġunta stabbilixxiet ir-rekwiżiti rigward ir-rapport ta' monitoraġġ ġenerali tal-FP7, u ttrasferiet id-data relatata mal-proġetti tagħha lill-Kummissjoni matul l-2013, bil-għan li d-data tiġi integrata fil-Maħżen tad-Data Komuni ta' Riċerka; jinsab imħasseb, madankollu, li l-proċessi ta' monitoraġġ stabbiliti għandhom bżonn jiġu żviluppati ulterjorment sabiex jikkonformaw għalkollox mad-dispożizzjonijiet meħtieġa;

18.  Jieħu nota tal-fatt li biex tipprevjeni kunflitti ta' interess fil-konfront tal-membri tal-Bord ta' Tmexxija tagħha u tal-esperti u l-impjegati tagħha, l-Impriża Konġunta stabbilixxiet miżuri speċifiċi li huma inklużi fir-regoli ta' proċedura kemm tal-Bord ta' Tmexxija u kemm tal-Kumitat Xjentifiku, kif ukoll fid-dokumentazzjoni dwar il-kodiċi ta' kondotta u l-kunflitti ta' interess fir-rigward tal-esperti indipendenti matul evalwazzjoni; jinnota barra minn hekk li f'April 2013, l-Impriża Konġunta adottat politika aġġornata u komprensiva dwar il-kunflitti ta' interess kemm għall-maniġment u kemm għall-membri tal-persunal;

19.  Jirrikonoxxi li bejn Marzu u Lulju 2013 twettqet it-Tieni Evalwazzjoni Interim tal-Kummissjoni bil-għan li tivvaluta lill-Impriża Konġunta f'termini ta' rilevanza, effikaċja, effiċjenza u politika ta' riċerka u li r-rapport dwar l-evalwazzjoni nħareġ fil-31 ta' Lulju 2013;

20.  Jirrimarka li r-rapport jenfasizza l-oqsma fejn jista' jsir titjib; jieħu nota tal-fatt madankollu, li r-rapport iqis li l-Impriża Konġunta kellha suċċess fl-ilħuq tal-objettivi tagħha; jinnota b'mod partikolari li fir-rigward tal-istrateġija ta' komunikazzjoni tal-Impriża Konġunta, hemm bżonn li jiġu żviluppati KPIs addizzjonali li għandhom jgħinu biex juru l-impatt u l-benefiċċji soċjoekonomiċi tagħha, l-ottimizzazzjoni tal-istruttura organizzattiva u mekkaniżmu ta' finanzjament aktar flessibbli b'mod kwantitattiv;

21.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-korrezzjonijiet tal-awditjar ex post li rriżultaw mill-ewwel awditi tal-kampjun rappreżentattiv ġew implimentati u huma riflessi fil-kontijiet finanzjarji tal-2013; josserva li l-validazzjoni tas-sistema kontabilistika għadha ma tkoprix l-implimentazzjoni tar-riżultati tal-awditjar ex post; jistieden lill-Impriża Konġunta tindirizza din is-sitwazzjoni b'urġenza;

22.  Jieħu nota tal-fatt li l-metodoloġija għall-evalwazzjoni tal-kontribuzzjonijiet in natura, li tispeċifika li l-validazzjoni tal-kontribuzzjonijiet hija bbażata fuq ċertifikazzjonijiet ex ante u awditjar ex post, ġiet approvata mill-Bord ta' Tmexxija fl-2011; jinnota barra minn hekk, li l-bqija tat-tmien metodoloġiji ċċertifikati għal kontribuzzjonijiet in natura ġew ikkompletati matul l-2013 u li l-għadd totali ta' kumpaniji EFPIA kien inġieb għal 22; jaċċerta li l-ewwel tliet awditi ex post li jkopru l-kontribuzzjonijiet in natura ġew ikkompletati matul l-2013, inbeda awditu ex post ieħor u tnejn oħra kienu fil-proċess li jinbdew fi tmiem is-sena;

Kummenti oħra

23.  Jappella lill-Impriża Konġunta biex tippreżenta rapport lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-benefiċċji soċjoekonomiċi tal-proġetti li diġà tlestew; jappella biex dak ir-rapport jiġi ppreżentat lill-awtorità ta' kwittanza flimkien ma' valutazzjoni mill-Kummissjoni;

24.  Ifakkar li l-awtorità ta' kwittanza kienet talbet lill-Qorti tfassal rapport speċjali dwar il-kapaċità tal-impriżi konġunti, flimkien mas-sħab privati tagħhom, biex tiżgura valur miżjud u eżekuzzjoni effiċjenti tal-programmi tal-Unjoni għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni.

(1) ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.
(2) ĠU L 163, 29.5.2014, p. 21.

Avviż legali - Politika tal-privatezza