Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2129(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0108/2015

Testi mressqa :

A8-0108/2015

Dibattiti :

PV 28/04/2015 - 16
CRE 28/04/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.59
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0168

Testi adottati
PDF 466kWORD 123k
L-Erbgħa, 29 ta' April 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2013: L-Impriża Konġunta għall-ITER u l-iżvilupp tal-enerġija mill-fużjoni
P8_TA(2015)0168A8-0108/2015
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2129(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013 (05306/2015 – C8–0049/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxi l-vantaġġi fuqha(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0108/2015),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2013 / Jiddifferixxi d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza lid-Direttur tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2013;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 452, 16.12.2014, p. 44.
(2) ĠU C 452, 16.12.2014, p. 45.
(3) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(4) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(5) ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58.
(6) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(7) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2129(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013 (05306/2015 – C8–0049/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxi l-vantaġġi fuqha(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0108/2015),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2013 / Jipposponi l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2013;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 452, 16.12.2014, p. 44.
(2) ĠU C 452, 16.12.2014, p. 45.
(3) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(4) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(5) ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58.
(6) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(7) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3.Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2129(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0108/2015),

A.  billi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni ("l-Impriża Konġunta") ġiet stabbilita f'Marzu 2007 għal perjodu ta' 35 sena;

B.  billi l-membri tal-Impriża Konġunta huma l-Euratom, irrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Istati Membri tal-Euratom u pajjiżi oħra li kkonkludew ftehimiet ta' kooperazzjoni mal-Euratom fil-qasam tal-fużjoni nukleari kontrollata;

C.  billi l-Impriża Konġunta bdiet taħdem b'mod awtonomu f'Marzu 2008;

D.  billi, fid-9 ta' Ottubru 2008, il-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti") ressqet l-Opinjoni Nru 4/2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta,

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li l-Qorti ddikjarat li l-kontijiet annwali tal-2013 tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta' Diċembru 2013 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi ta' flusha għas-sena li kienet għadha kif intemmet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-Regoli Finanzjarji tagħha;

2.  Jinnota bi tħassib li r-rapport tal-Qorti jinkludi osservazzjonijiet bħala parti mid-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni tagħha, li jindikaw riskju sinifikanti ta' żieda li għalih l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta għall-fażi ta' kostruzzjoni tal-proġett ITER huwa espost; jinnota, barra minn hekk, li r-riskju ta' żieda tal-ammont tal-kontribuzzjoni jirriżulta prinċipalment minn tibdil fl-ambitu tar-riżultati tanġibbli tal-proġett kif ukoll mill-iskeda attwali li mhijiex meqjusa bħala waħda realistika u bħalissa qed tiġi riveduta; jemmen fl-importanza ta' approċċ realistiku għal ġestjoni baġitarja u finanzjarja effikaċi; josserva li l-Impriża Konġunta qiegħda tikkontribwixxi fl-eżerċizzju mifrux fuq l-ITER kollu biex tingħata skeda realistika ġenerali għall-proġett kollu kemm hu; jistieden lill-Impriża Konġunta tippreżentaha b'urġenza lill-Kunsill tal-ITER;

3.  Josserva li l-konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fis-7 ta' Lulju 2010(1) approvaw EUR 6,6 biljun fil-valuri tal-2008 sabiex l-Impriża Konġunta tikkontribwixxi għall-fażi ta' kostruzzjoni tal-proġett ITER; jindika bi tħassib mill-osservazzjonijiet tal-Qorti dan l-ammont huwa d-doppju meta mqabbel mal-kostijiet ibbaġitjati inizjalment u ma jinkludix l-ammont ta' EUR 663 000 000 propost mill-Kummissjoni Ewropea u maħsub biex ikopri kontinġenzi potenzjali; iqis li ż-żieda notevoli tal-proġett tista' tikkomprometti lill-programmi l-oħrajn li huma wkoll iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni u tista' tmur kontra l-prinċipju tal-"valur għall-flus";

4.  Jesprimi tħassib kbir dwar il-fatt li f'Novembru 2013, l-Impriża Konġunta stmat li d-defiċit tal-baġit sal-finalizzazzjoni tal-fażi ta' kostruzzjoni tal-proġett kien ta' EUR 290 000 000, ammont li jirrappreżenta devjazzjoni ta' 4,39 % fil-konfront taċ-ċifra approvata mill-Kunsill fl-2010 u jirrappreżenta żieda ta' 10,7 % meta mqabbla mal-baġit inizjali tal-proġett;

5.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li b'rabta ma' dawn ir-riskji, l-Impriża Konġunta għadha ma implimentatx sistema fil-livell kuntrattwali biex twettaq monitoraġġ regolari tad-devjazzjonijiet tal-kostijiet u għadha ma aġġornatx il-valwazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta għall-proġett ITER lil hinn mill-finalizzazzjoni tal-fażi ta' kostruzzjoni;

6.  Josserva bi tħassib li r-reviżjonijiet kontinwi tal-iskeda tal-ħin u tal-kostijiet minħabba d-dewmien eżistenti fl-iffirmar ta' kuntratti importanti, li ma jippermettix l-eżekuzzjoni tal-posponimenti ppjanati tal-prefinanzjament marbuta mal-proċeduri ta' akkwist operattivi tal-Impriża Konġunta;

7.  Jindika bi tħassib li fir-rapporti finanzjarji tagħha, l-Impriża Konġunta ma tatx rendikont dettaljat tal-livell ta' avvanzament tal-ħidma; jirrikonoxxi mill-Qorti li din l-informazzjoni hija essenzjali biex jiġi rifless l-istatus tal-attivitajiet imwettqa s'issa mill-Impriża Konġunta rigward l-arranġamenti għall-akkwist iffirmati mal-Organizzazzjoni Internazzjonali ITER; jindika li mill-Impriża Konġunta tali informazzjoni dwar il-progress ġenerali kienet fornuta bis-saħħa tar-Rapport ta' Progress Annwali u tar-Rapport ta' Attività Annwali tagħha iżda limitata għal stima preliminari bażika tal-perċentwali ta' xogħlijiet li tlestew, abbażi tal-ammont ta' spejjeż relatati mal-arranġamenti ta' akkwist inkors sal-lum u mqabbla mal-valur stmat tal-kontribuzzjoni in natura tal-proġetti; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li stima preliminari bażika tax-xogħlijiet li tlestew hija inkluża fil-Kontijiet Annwali 2013; jenfasizza l-ħtieġa ta' informazzjoni u indikaturi għall-kejl xieraq tal-prestazzjoni, applikabbli kemm għall-output kif ukoll għall-ġestjoni interna;

8.  Jinnnota li l-baġit finali 2013 tal-Impriża Konġunta disponibbli għall-implimentazzjoni kien jinkludi approprjazzjonijiet ta' impenn ta' EUR 1 297 000 000 u approprjazzjonijiet ta' pagament ta' EUR 432 400 000; jinnota, barra minn hekk, li r-rati ta' użu għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament kienu ta' 100 % u ta' 89,8 % rispettivament; jissottolinja li r-rata ta' implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta' pagament fir-rigward tal-baġit inizjali 2013 qabel it-tnaqqis kienet ta' 57,8 %; jikkonstata, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Impriża Konġunta, li dan kien ikkawżat minn dewmien fil-forniment ta' data mill-Organizzazzjoni Internazzjonali ITER kif ukoll minn negozjati li ħadu aktar fit-tul milli ppjanat ma' kumpaniji sabiex jitnaqqsu l-kostijiet; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-eventwali dewmien jew kost eċċessiv tal-futur u l-impatt tagħhom fuq il-baġit tal-proġett ITER;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni u lid-Direttur tal-Impriża Konġunta għall-ITER jippreżentaw rapport lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-pożizzjoni uffiċjali tal-partijiet interessati kollha fir-rigward tal-impenji futuri tagħhom fil-proġett ITER;

10.  Jinnota fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta' impenn tal-Impriża Konġunta li, minn total ta' EUR 1 254 000 000 li kienu disponibbli għal attivitajiet operattivi, 61,7 % ġew implimentati permezz ta' impenji individwali diretti filwaqt li t-38,3 % li kien għad fadal ġew implimentati permezz ta' impenji globali;

11.  Jinnota bi tħassib li seba' membri ħallsu tard il-kontribuzzjonijiet tas-sħubija annwali tagħhom għall-2013, li kienu jammontaw għal EUR 2 200 000; iqis li kwalunkwe dewmien fil-pagament tal-kontribuzzjoni annwali jaf ikollha impatt fuq il-mod kif jitmexxa l-proġett; jenfasizza li d-dewmien ivarja minn tlieta sa 48 jum; jikkonstata, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Impriża Konġunta, li 77 % tal-pagamenti li saru tard kienu jikkorrispondu għall-kontribuzzjoni ta' żewġ membri u waslu jum ta' xogħol tard;

12.  Jistieden lill-Impriża Konġunta tippreżenta rapport lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-kontribuzzjonijiet tal-membri kollha għajr il-Kummissjoni, inkluża l-applikazzjoni tar-regoli ta' evalwazzjoni għall-kontribuzzjonijiet in natura, flimkien mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni;

13.  Jinsab imħasseb li fir-Rapport ta' Attività Annwali 2013 il-President tal-Bord ta' Tmexxija tal-Impriża Konġunta jirreferi għad-dewmien fil-proġetti kif ukoll għall-ħtieġa li jipprova jinstab iffrankar fil-kostijiet; jinnota, barra minn hekk, li d-Direttur jirreferi għar-riskji assoċjati għal defiċit potenzjal tal-baġit sal-2020, primarjament b'rabta mat-twessigħ fl-ambitu tal-bini tal-ITER u mal-iskeda attwali; jikkonstata, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Impriża Konġunta, li l-baġit allokat mill-QFP attwali sal-2020 se jkun rispettat billi firxa wiesgħa ta' miżuri ta' limitazzjoni tal-kostijiet tibqa' tiġi żviluppata u implimentata;

14.  Jistieden lill-Impriża Konġunta tippreżenta fi żmien debitu rapport lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-livell effettiv tal-implimentazzjoni tal-proġett, ir-riskji potenzjali u l-iżviluppi futuri tal-proġett, flimkien mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interessi u t-trasparenza

15.  Itenni l-bżonn li s-CVs tal-membri tal-Bord ta' Tmexxija, tad-Direttur u tad-diriġenti għolja tal-Impriża Konġunta jsiru disponibbli għall-pubbliku; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrimedja s-sitwazzjoni b'mod urġenti; jirrikonoxxi li r-Regoli dwar il-Ġestjoni tal-Kunflitt ta' Interessi fir-rigward tal-membri tal-persunal daħal fis-seħħ u jappella biex tinżamm każistika rigoruża;

Ftehim mal-Istat Ospitanti

16.  Jirrikonoxxi mill-Impriża Konġunta li skont il-Ftehim mal-Istat Ospitanti, iffirmat mar-Renju ta' Spanja fit-28 ta' Ġunju 2007, il-bini permanenti kellu jsir disponibbli għall-Impriża Konġunta sa Ġunju 2010; jinnota bi tħassib li, fiż-żmien tal-awditu f'April 2014, dan kien għadu ma seħħx; jirrikonoxxi l-isforzi tal-Impriża Konġunta biex tirranġa din il-kwistjoni kif ukoll in-nuqqas ta' riżultati fid-djalogu mal-pajjiżi ospitanti;

Kundizzjonijiet tax-xogħol

17.  Huwa mħasseb ħafna bil-fatt li l-Impriża Konġunta għadha ma adottatx ir-regoli kollha li jimplimentaw ir-Regolamenti tal-Persunal; jinnota bi tħassib li l-ispazju tax-xogħol attwalment disponibbli huwa insuffiċjenti u qed ifixkel il-persunal tagħha milli jopera f'kundizzjonijiet raġonevoli; jinsab imħasseb bil-kbir dwar il-fatt li l-kundizzjonijiet tal-ispazju tax-xogħol qed ikollhom impatt negattiv fuq l-isforzi tal-Impriża Konġunta biex timla l-pożizzjonijiet disponibbli kollha u tnaqqas ir-rata ta' pożizzjonijiet vakanti; josserva bi tħassib li l-kundizzjonijiet tal-ispazju tax-xogħol ġew iċċitati mill-impjegati tagħha bħala waħda mill-akbar diffikultajiet u preokkupazzjonijiet fi stħarriġ li sar dan l-aħħar fost il-membri tal-persunal tal-Impriża Konġunta; jitlob lill-Kummissjoni u lid-Direttur tal-Impriża Konġunta jippreżentaw rapport lill-awtorità ta' kwittanza li fih jesponu fid-dettall ir-raġunijiet tad-dewmien fl-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u dwar is-sitwazzjoni relatata mal-kundizzjonijiet tax-xogħol;

Sistemi ta' kontroll intern

18.  Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li, għalkemm sar progress sinifikanti matul l-2013 fir-rigward tas-sistema ta' kontroll intern tal-Impriża Konġunta, għadd ta' azzjonijiet għadhom iridu jiġu implimentati; dawn l-azzjonijiet jinkludu aktar żvilupp tal-proċess għall-ġestjoni tal-istima tal-ispiża fil-livell kuntrattwali, kif ukoll ir-riżultati tal-awditjar li jkunu ġejjin mill-implimentazzjoni tal-istrateġija kumplessiva ta' kontroll u monitoraġġ għal għotjiet u l-fatt li l-kuntratti operattivi mhux qed ikunu disponibbli fiż-żmien tal-awditjar; jistieden lill-Impriża Konġunta tagħmel mod li r-rapport ikun disponibbli skont it-talba tal-Qorti;

19.  Jinnota bi tħassib li bl-eċċezzjoni tal-pjan ta' azzjoni li rriżulta bħala rispons għall-awditu intern dwar il-ġestjoni tal-kuntratti tal-esperti, il-pjanijiet ta' azzjoni l-oħrajn adottati mill-Impriża Konġunta b'rispons għal awditi interni ma ġewx implimentati bis-sħiħ;

20.  Jistieden lill-Impriża Konġunta tforni fil-ħin l-ispeċifikazzjonijiet bil-għan li jkunu eliminati l-inċertezzi relatati mal-kostijiet assoċjati mal-evoluzzjoni possibbli tad-disinn u tal-ippjanar tal-proġetti ITER;

21.  Jirrikonoxxi mir-rapport tal-Qorti li, fir-rigward tal-azzjonijiet adottati b'rispons għar-riskji prinċipali identifikati qabel, 12 ġew implimentati, 19 kienu qed jitwettqu u 6 kienu għadhom ma nbdewx sa Novembru 2013; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrettifika dawn il-kwistjonijiet b'mod urġenti;

22.  Jinnota li l-Impriża Konġunta adottat regoli speċifiċi li jipprevjenu kunflitti potenzjali ta' interess tal-membri tal-Bord ta' Tmexxija, tal-Kumitat Eżekuttiv, tal-Kumitat tal-Awditjar u tal-esperti tagħha; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li saż-żmien tal-awditu ma kinux ġew stabbiliti regoli dwar il-membri tal-persunal kif ukoll bażi ta' data għad-dikjarazzjonijiet ġenerali tal-interessi; jikkonstata, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Impriża Konġunta, li r-regoli dwar il-ġestjoni tal-kunflitt ta' interess fir-rigward tal-membri tal-persunal ġew adottati mill-Bord ta' Tmexxija u daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2014; jinnota, barra minn hekk, li bdiet tiġi żviluppata bażi ta' data dedikata għal dikjarazzjonijiet ġenerali;

Għotjiet u kuntratti ta' akkwist operattivi

23.  Jinnota li minn 41 proċedura tal-offerti operattivi mnedija fl-2013, il-proċeduri nnegozjati kienu jikkostitwixxu 44 %; jirrimarka li dan il-perċentwal huwa ogħla b'4 % meta mqabbel man-numru rreġistrat fl-2012; jaqbel mar-rakkomandazzjoni tal-Qorti li hemm bżonn żieda fil-kompetittività tal-proċeduri ta' akkwist billi jitnaqqas l-użu tal-proċeduri nnegozjati; jieħu nota li l-għadd medju ta' proposti għal għotjiet kien biss ta' waħda għal kull sejħa; jikkonstata, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Impriża Konġunta, li minħabba l-valur medju baxx, il-proċeduri nnegozjati msemmija mill-Qorti jikkorrispondu biss għal 15 % tal-impenn annwali tal-Impriża Konġunta;

24.  Josserva bi tħassib id-dgħufijiet eżistenti relatati mal-proċeduri ta' akkwist operattivi tal-Impriża Konġunta; jistieden lill-Impriża Konġunta tippreżenta lill-awtorità ta' kwittanza rapport dettaljat dwar il-proċeduri ta' akkwist li saru mill-2008 sal-lum, li fih jesponi dan li ġej:

   f'kemm-il proċedura kien hemm żieda sinifikanti tal-kostijiet (aktar minn 5 %) fir-rigward tal-qafas inizjali tal-kostijiet iffissat tal-kuntratt u x'kienu r-raġunijiet eżatti għal tali żidiet,
   liema proċeduri ġarrbu dewmien konsiderevoli f'termini ta' żmien meta mqabbla mad-data prevista inizjali tagħhom u x'kienu r-riperkussjonijiet finanzjarji minn tali dewmien,
   l-Impriża Konġunta kif qiegħda tiggarantixxi għall-futur li d-dati ffissati tal-iffirmar tal-kuntratti qegħdin jiġu rispettati,
   liema proċeduri tal-akkwist ma ffissaw l-ebda data prevista speċifika huma u jagħtu l-kuntratt,
   f'liema proċedura l-Impriża Konġunta ma tatx pubbliċità lill-kuntratt rispettiv permezz ta' avviżi ta' informazzjoni minn qabel, b'hekk naqset milli żżid il-kompetittività tal-proċedura u x'kienu r-raġunijiet għal dan. Liema sħab kuntrattwali ħadu partikolarment vantaġġ mill-kompetittività limitata konsegwenti,
   Xi proċeduri (barra r-Regolamenti tal-Persunal applikabbli) huma fis-seħħ biex jipprevjenu l-eventwali kunflitt ta' interessi fir-rigward tal-membri tal-persunal involuti fil-proċeduri tal-offerti u kemm kienu l-każijiet li fihom il-membri tal-persunal ma kellhomx il-mandat formali li jkunu involuti fil-proċeduri tal-offerti,
   l-Impriżi Konġunta kif tiggarantixxi li l-proċedura interna tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha titjieb biex jiġi evitat dewmien ulterjuri fil-proċeduri tal-offerti, kif determinat mill-Qorti, bil-għan li jiġu garantiti offerti trasparenti, puntwali u legali fil-futur;

25.  Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li wara l-awditjar ta' ħames proċeduri ta' akkwist operattivi ġew identifikati d-dgħufijiet li ġejjin:

   fi proċedura waħda ta' akkwist, l-Impriża Konġunta naqset milli tagħti pubbliċità lil kuntratt wieħed permezz ta' avviż ta' informazzjoni minn qabel; jirrikonoxxi mill-Impriża Konġunta li l-kuntratt inkwistjoni tnieda qabel ma l-proċedura ta' informazzjoni minn qabel ġiet approvata f'Settembru 2012;
   fi proċedura waħda ta' akkwist, ġiet osservata żieda ta' 32 % meta mqabbla mal-istima tal-kost inizjali; jinnota, barra minn hekk, li f'żewġ proċeduri oħra ta' akkwist oħra, minħabba n-natura tal-informazzjoni disponibbli fil-fajls, ir-rikonċiljazzjoni tad-differenza bejn il-valur tal-kuntratt finali u l-valur ta' stima inizjali kienet ikkumplikata; jirrikonoxxi mill-Impriża Konġunta li l-kumplessità tar-rikonċiljazzjoni hija dovuta għar-rievalwazzjoni tal-ambitu inizjali tal-kuntratt, li wasslet għal żieda fiż-żmien, kif ukoll għan-natura, il-kumplessità u l-ammonti involuti f'tali kuntratti;
   fi proċedura waħda nstab li ma kienx hemm linji gwida u proċeduri speċifiċi biex jiżguraw li r-riżultati tanġibbli, użati mill-partijiet terzi bħala dokumenti tal-input għall-proċeduri tal-offerti, jiġu rieżaminati sistematikament u b'mod uniformi u jiġu aċċettati formalment mill-Impriża Konġunta; jieħu nota li l-Impriża Konġunta se tħejji lista ta' kontroll formali sabiex tiżgura l-użu xieraq ta' informazzjoni minn terzi; jistieden lill-Impriża Konġunta timplimenta l-lista ta' kontroll mill-aktar fis possibbli sabiex jiġu evitati tali sitwazzjonijiet fil-futur;
   emendi għall-kuntratt oriġinali ta' waħda mill-proċeduri ta' akkwist żiedu l-valur tal-kuntratt bi 15 % meta mqabbel mal-ammont inizjali; jirrimarka li l-informazzjoni disponibbli ma kinitx biżżejjed biex wieħed jikkonkludi li l-valutazzjoni tal-materjalità tal-emendi twettqet kif meħtieġ mill-proċeduri interni tal-Impriża Konġunta;
   fi proċedura waħda, il-fażi ta' djalogu għaddiet minn dewmien twil, li wassal biex il-kundizzjonijiet tal-kuntratt finali u l-verżjoni teknika aġġornata tal-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta ntbagħtu aktar tard milli ppjanat kif ukoll biex il-kuntratt ġie ffirmat erba' xhur wara d-data mmirata;

26.  Iqis li huwa inaċċettabbli li l-Impriża Konġunta ma żviluppatx proċedura interna għall-persunal involut fi proċeduri tal-offerti; jirrimarka li titjib f'dan il-qasam huwa meħtieġ b'mod urġenti;

27.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li f'żewġ proċeduri ta' akkwist, il-membri tal-persunal tal-Impriża Konġunta li jipprovdu parir tekniku matul l-evalwazzjoni tal-offerti, fuq talba tal-kumitat ta' evalwazzjoni, ma kinux ġew nominati formalment mill-Awtorità tal-Ħatra, jew bħala membri tal-kumitat ta' evalwazzjoni jew inkella bħala esperti li jipprovdu parir tekniku lill-kumitat; jirrimarka li fi proċedura waħda tal-offerti wara s-sejħa għal espressjoni ta' interess, l-Uffiċjal Awtorizzanti ħatar tim għat-tmexxija ta' djalogu mal-kandidati magħżula filwaqt li ma kien hemm l-ebda mandat formali biex dan it-tim jistabbilixxi l-istrateġija ta' djaloġu, l-objettivi li jridu jintlaħqu u l-parametri tekniċi, finanzjarji u kuntrattwali għan-negozjati;

Kontroll u monitoraġġ kumplessivi ta' għotjiet u kuntratti ta' akkwist operattivi

28.  Jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta għandha sistema biex twettaq awditi fil-livell tal-kuntratturi bil-għan li tiċċekkja l-konformità mar-rekwiżiti tal-assigurazzjoni tal-kwalità; jinnota li r-riżultat tal-awditi ex post dwar għotjiet u tal-verifiki ta' konformità finanzjarja dwar l-implimentazzjoni tal-kuntratti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-istrateġija kumplessiva ta' monitoraġġ u kontroll ma kinux disponibbli fiż-żmien tal-awditu tal-Qorti f'April 2014;

Qafas ġuridiku

29.  Jinnota li l-Impriża Konġunta ma emendatx ir-regoli finanzjarji tagħha sabiex jirriflettu l-bidliet li rriżultaw mir-Regolament Finanzjarju l-ġdid u mir-Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi(2) msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid; jikkonstata, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Impriża Konġunta, li vvalutat il-bidliet u pproponiet l-emendi lill-Bord ta' Tmexxija tagħha; jinnota li skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom, il-Kummissjoni għandha toħroġ opinjoni qabel it-tressiq tal-verżjoni finali tar-regoli finanzjarji lill-Bord ta' Tmexxija tal-Impriża Konġunta; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Impriża Konġunta jirranġaw din il-kwistjoni mingħajr dewmien;

30.  Josserva d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni(3) u l-ftehim politiku sussegwenti li ntlaħaq fuq il-kwittanza separata għall-Impriżi Konġunti;

Drittijiet ta' proprjetà intellettwali u politika industrijali

31.  Jieħu nota li l-Bord ta' Tmexxija tal-Impriża Konġunta adotta d-deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni tal-politika industrijali dwar il-fużjoni għall-enerġija u l-politika dwar id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u t-tixrid ta' informazzjoni fis-27 ta' Ġunju 2013; jinnota li l-Impriża Konġunta għadha ma adottax u ma implimentatx ċerti miżuri mmirati lejn il-mitigazzjoni ta' ċerti riskji relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u t-tixrid tar-riżultati ta' riċerka; jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta hija tal-fehma li l-kostijiet ta' implimentazzjoni ta' tali miżuri ma jidhrux proporzjonati għad-daqs tar-riskju residwu u dawn se jkun diffiċli li jiġu implimentati fil-prattika;

32.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-kuntratturi tal-Impriża Konġunta qed jingħataw drittijiet esklużivi ta' sfruttament fuq proprjetà intellettwali prodotta f'oqsma lil hinn mill-fużjoni, filwaqt li fil-qasam tal-fużjoni l-kuntratturi għandhom drittijiet mhux esklużivi; jinnota l-esponiment potenzjali tal-Impriża Konġunta għar-riskju rigward l-obbligi tagħha li żżomm id-dritt ta' aċċess għad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali sħaħ involuti fil-kontributi in natura Ewropej u li tkun tista' tittrasferixxi d-dritt ta' aċċess lill-Organizzazzjoni ITER, jekk ikun meħtieġ; jaqbel mar-rakkomandazzjoni tal-Qorti li jeħtieġ isir monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-klawsola tal-kuntratti, sabiex il-kuntratturi jkollhom l-obbligu li jieqfu milli jwettqu kwalunkwe tixrid tar-riżultati ta' riċerka sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-protezzjoni possibbli tagħhom; jistieden lill-Impriża Konġunta tiddefinixxi l-konfini ta' dak li jista' jitqies bħala applikazzjoni għal fużjoni sabiex jiġu żgurati l-ogħla livelli ta' ċarezza u trasparenza fir-rigward tal-kuntratturi.

(1) Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istatus tal-ITER tas-7 ta' Lulju 2010 (ref. 11902/10).
(2) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.
(3) ĠU L 163, 29.5.2014, p. 21.

Avviż legali - Politika tal-privatezza