Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2130(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0110/2015

Testi mressqa :

A8-0110/2015

Dibattiti :

PV 28/04/2015 - 16
CRE 28/04/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.60
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0169

Testi adottati
PDF 434kWORD 96k
L-Erbgħa, 29 ta' April 2015 - Strasburgu
Kwittanza 2013: L-Impriża Konġunta SESAR
P8_TA(2015)0169A8-0110/2015
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2130(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013 (05306/2015 – C8-0049/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27 ta' Frar 2007 dwar l-istabbiliment ta' Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta' ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR)(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(b) tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta’ qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tieghu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0110/2015),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta SESAR għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2013;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta SESAR, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 452, 16.12.2014, p. 58.
(2) ĠU C 452, 16.12.2014, p. 59.
(3) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(4) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(5) ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1.
(6) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(7) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2130(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013 (05306/2015 – C8-0049/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27 ta' Frar 2007 dwar l-istabbiliment ta' Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta' ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR)(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(b) tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta’ qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0110/2015),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2013;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta SESAR, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 452, 16.12.2014, p. 58.
(2) ĠU C 452, 16.12.2014, p. 59.
(3) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(4) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(5) ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1.
(6) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(7) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3.Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2130(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tieghu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0110/2015),

A.  billi l-Impriża Konġunta SESAR ("l-Impriża Konġunta") twaqqfet fi Frar 2007 biex tmexxi l-programm ta' Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (Single European Sky Air Traffic Management Research - SESAR) li hu intenzjonat biex jimmodernizza l-ġestjoni tat-traffiku bl-ajru fl-Ewropa;

B.  billi l-proġett SESAR hu maqsum f'"fażi ta' definizzjoni" (2004-2007) immexxija minn Eurocontrol, "fażi ta' żvilupp" inizjali (2008-2016), iffinanzjata mill-perjodu ta' programmazzjoni u ġestita mill-Impriża Konġunta u "fażi ta' twaqqif" (2014-2020) li tkun attiva b'mod parallel mal-"fażi ta' żvilupp"; billi hu mistenni li l-"fażi ta' twaqqif" titmexxa mill-industrija u mill-partijiet interessati għall-produzzjoni u l-implimentazzjoni fuq skala kbira tal-infrastruttura l-ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku bl-ajru;

C.  billi l-Impriża Konġunta bdiet taħdem b'mod awtonomu fl-2007;

D.  billi l-Impriża Konġunta ġiet iddisinjata bħala sħubija bejn is-settur pubbliku u dak privat bl-Unjoni u Eurocontrol bħala membri fundaturi;

E.  billi l-baġit għall-fażi ta' żvilupp tal-proġett SESAR fil-perjodu 2008-2016 huwa ta’ EUR 2 100 000 000 u għandu jiġi pprovdut f’partijiet ugwali mill-Unjoni, minn Eurocontrol u mis-sħab parteċipanti mis-settur pubbliku u dak privat;

1.  Jenfasizza r-rwol essenzjali tal-Impriża Konġunta fil-koordinament u l-implimentazzjoni tar-riċerka mwettqa mill-proġett SESAR, li huwa proġett pilastru tal-Ajru Uniku Ewropew; jikkonstata wkoll li s-sena 2014 irrappreżentat il-bidu tal-fażi ta' twaqqif tal-proġett SESAR;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

2.  Jikkonstata li l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti") iddikjarat li l-kontijiet annwali tal-2013 tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta' Diċembru 2013 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi ta' flusha għas-sena li kienet għadha kif intemmet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Finanzjarji tagħha;

3.  Jikkonstata li l-baġit finali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2013 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta' impenn li jammontaw għal EUR 64 300 000 u approprjazzjonijiet ta' pagament li jammontaw għal EUR 105 400 000; jikkonstata, barra minn hekk, li r-rati ta' użu għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament kienu ta' 99,6 % u ta' 94,7 % rispettivament;

4.  Jieħu nota tal-fatt li, sal-31 ta' Diċembru 2013, il-fażi ta' żvilupp tal-Impriża Konġunta kienet tikkonsisti minn ħidma fuq proġetti minn 16-il membru, inkluż Eurocontrol, fir-rigward ta' attivitajiet fil-programm li kienu jinvolvu lil aktar minn 100 entità jew subkuntrattur mis-settur privat u dak pubbliku u li rriżultaw biex ġew implimentati jew tlestew 333 mit-358 proġett fil-programm taħt it-tielet Ftehim Qafas Multilaterali (FQM);

5.  Jindika li ġie impenjat il-100 % tal-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni u Eurocontrol pagabbli lill-15-il membru l-ieħor taħt it-tielet FQM ta' EUR 595 000 000; jikkonstata barra minn hekk li 55 % ta' dak l-ammont, ekwivalenti għal EUR 316 000 000, tħallas sal-31 ta' Diċembru 2013 waqt li hu mistenni li l-45 % li jifdal (EUR 279 000 000) se jitħallas sal-31 ta' Diċembru 2016;

6.  Jirrikonoxxi l-fatt li, fl-2013, l-Impriża Konġunta kkonkludiet ir-raba' FQM tagħha, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014 u li hu mistenni li jibqa' fis-seħħ għat-tliet snin li jifdal mill-ħajja operattiva tal-Impriża Konġunta; jikkonstata li r-raba' FQM jiddisponi biex in-numru ta' proġetti jitnaqqas għal 250 billi proġetti attwali jiġu magħquda flimkien, u biex jiġu allokati EUR 38 000 000 għall-finanzjament ta' attivitajiet operattivi ġodda; jirrikonoxxi li din l-allokazzjoni se tiġi pprovduta mill-Impriża Konġunta u se tirriżulta mis-sinerġiji meta l-proġetti msemmija jiġu magħquda flimkien;

7.  Jappella lill-Impriża Konġunta biex tippreżenta rapport lill-awtorità ta' kwittanza rigward il-kontribuzzjonijiet tal-membri kollha apparti l-Kummissjoni, inkluża l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-evalwazzjoni għall-kontribuzzjonijiet in natura, flimkien ma' valutazzjoni mill-Kummissjoni;

Qafas ġuridiku

8.  Jieħu nota tal-fatt li, nhar it-13 ta' Diċembru 2013, il-Bord Amministrattiv tal-Impriża Konġunta, bi qbil mal-Kummissjoni, adotta r-Regolamenti Finanzjarji tiegħu għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 fuq bażi provviżorja; ifakkar li r-Regolamenti Finanzjarji ġew adottati skont ir-regolament finanzjarju ta' qafas tal-Kummissjoni(1) b'seħħ mill-1 ta' Jannar 2014;

9.  Jikkonstata li r-Regolamenti Finanzjarji tal-Impriża Konġunta huma soġġetti għall-opinjonijiet u d-deċiżjonijiet li daqt toħroġ il-Kummissjoni, b'attenzjoni partikolari għall-kontinwazzjoni tad-derogi ta' finanzjament li kienu fis-seħħ fil-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti;

10.  Jikkonstata d-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni(2) u l-qbil politiku sussegwenti li ntlaħaq dwar kwittanza separata għall-Impriżi Konġunti;

Sistemi ta' kontroll intern

11.  Jikkonstata li, bi qbil mal-pjan ta' awditjar strateġiku kkoordinat għall-Impriża Konġunta għall-perjodu 2012-2014, twettqu rieżami limitat tal-proċedura ta' għeluq applikabbli għall-proġetti ta' ġestjoni tal-għotjiet, kif ukoll valutazzjoni tar-riskji tat-teknoloġija informatika mis-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni; jikkonstata barra minn hekk li twettqu awditjar tal-konformità tal-ġestjoni tal-akkwisti u l-kuntratti, kif ukoll rieżami tal-awtorizzazzjonijiet għall-proċeduri tax-xogħol fis-sistema ABAC mill-Kapaċità ta' Awditjar Intern (IAC) fl-2013;

12.  Jindika li l-Impriża Konġunta implimentat miżuri speċifiċi għall-prevenzjoni ta' kunflitti ta’ interess fir-rigward tat-tliet partijiet interessati ewlenin tagħha: il-membri tal-Bord Amministrattiv, l-impjegati u l-esperti;

13.  Jieħu nota tal-fatt li bejn Ottubru 2012 u Marzu 2014, twettqet it-Tieni Evalwazzjoni Interim tal-Kummissjoni sabiex l-Impriża Konġunta tiġi vvalutata fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-regolament fundatur tagħha, il-metodi ta' ħidma tagħha, ir-riżultati li kisbet u l-qagħda finanzjarja ġenerali tagħha; jenfasizza l-fatt li r-rapport ipproduċa żewġ rakkomandazzjonijiet ewlenin, waħda li tindirizza l-ħtieġa li jittejjeb l-approċċ rigward il-ħtiġijiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni speċifiċi tal-Istati Membri u l-oħra li tindirizza l-ħtieġa li jitkomplew l-isforzi biex tittejjeb ir-rata ta' tlestija tal-għanijiet annwali min-naħa tal-Impriża Konġunta; jinsab imħasseb dwar il-fatt li r-rata ta' tlestija tal-għanijiet annwali kienet ta' 82 % sal-aħħar tal-2012 (60 % fl-2010) u jemmen li l-prestazzjoni trid tittejjeb;

14.  Jikkonstata mir-rapport tal-Qorti li ġie implimentat it-titjib fil-qasam tal-kontrolli ex ante;

Monitoraġġ u rappurtar tar-riżultati tar-riċerka

15.  Jieħu nota tal-fatt li, nhar il-31 ta' Mejju 2013, l-Impriża Konġunta ppubblikat ir-Rapport Annwali tagħha dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-Proprjetà Intellettwali f'kull sena finanzjarja qabel l-2013; jikkonstata barra minn hekk li, nhar it-30 ta' Ottubru 2013, il-Bord Amministrattiv tal-Impriża Konġunta adotta l-lista kkompilata bil-valutazzjoni tas-sjieda tar-riżultati miksuba mir-riċerka u tal-istatus tas-sjieda relatata għal kull sena finanzjarja qabel l-2013;

16.  Jemmen li, fejn ikun xieraq, ir-rabtiet bejn l-Impriża Konġunta u l-Impriża Konġunta "Clean Sky" għandhom jissaħħu; jistieden lill-Kummissjoni taħdem maż-żewġ impriżi konġunti sabiex itejbu l-komunikazzjoni u jsaħħu s-sinerġiji u l-komplementarjetajiet, waqt li jiżguraw fl-istess ħin li ma jkun hemm l-ebda riskju ta' elementi dduplikati bejn l-attivitajiet taż-żewġ impriżi konġunti kkonċernati;

17.  Jirrikonoxxi mir-rapport tal-Qorti li l-Impriża Konġunta kompliet bid-disseminazzjoni tar-riżultati miksuba mir-riċerka billi qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati rilevanti informazzjoni dettaljata dwar ir-riżultati tanġibbli mistennija u l-proċessi tagħhom fuq l-extranet tagħha, kif ukoll billi ppubblikat id-dettalji ġenerali tar-riżultati tanġibbli mistennija fl-2013 fir-rapport annwali tal-attività 2013 tagħha.

18.  Jappella lill-Impriża Konġunta biex tippreżenta rapport lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-benefiċċji soċjoekonomiċi tal-proġetti li diġà tlestew; jappella biex dak ir-rapport jiġi ppreżentat lill-awtorità ta' kwittanza flimkien ma' valutazzjoni mill-Kummissjoni;

19.  Ifakkar li l-Parlament ġa talab lill-Qorti tal-Awdituri tfassal rapport speċjali dwar il-kapaċità tal-impriżi konġunti, flimkien mas-sħab privati tagħhom, biex jiġu żgurati valur miżjud u eżekuzzjoni effiċjenti tal-programmi tal-Unjoni għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni.

(1) Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).
(2) ĠU L 163, 29.5.2014, p. 21.

Avviż legali - Politika tal-privatezza